Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0925(05)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 288, 25.9.2012, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 288/13


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2012/C 288/09

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “WALBECKER SPARGEL”

    KE Nru: DE-PGI-0005-0857-08.02.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Walbecker Spargel”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

    Il-Ġermanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   It-tip ta’ prodott:

    Il-kategorija 1.6 –

    Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

    Spraġ frisk ta’ lewn abjad, aħdar jew vjola (Asparagus officinalis). Iz-zkuk tal-ispraġ li jistgħu jittieklu jitpoġġew fis-suq imqaxxra jew bil-qoxra b’kollox. L-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” jitkabbar skont ir-regoli ta’ prattiki agrikoli tajbin. Meta jinbiegħ bil-qoxra b’kollox, dan l-ispraġ irid ikun konformi għall-inqas mal-Istandard FFV04 tal-UNECE (l-ispraġ).

    Iz-zkuk tal-ispraġ ċar ma jistgħux ikunu itwal minn 22 ċm. L-ispraġ irid ikun sħiħ u ma jkollu l-ebda ħsara. Ma jridx ikun beda jmur jew ikollu xi ħsara u jrid ikun jidher frisk u jkollu riħa friska.

    L-istruttura fina tal-ħjut fl-għeruq tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel”, it-togħma qawwija ta’ spraġ u kemm kemm tal-ġewż tiegħu u z-zkuk torja tiegħu jagħmlu ’l dan it-tip ta’ spraġ uniku.

    3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

    Il-produzzjoni tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel”, minn meta jinżara’ sa ma jinqata’, għandha ssir fiż-żona ġeografika identifikata.

    It-tkabbir iseħħ billi l-ewwel l-art titħejja kif suppost qabel ma l-ispraġ jinżara’. Għal dan il-għan, għandu jintefa’ l-ammont adattat ta’ materjal organiku fiż-żona tat-tkabbir tal-ispraġ (tidmil bil-ħaxix aħdar u użu tal-kompost). Iż-żona ddum sena titħejja, u matul din is-sena l-ħamrija tinħarat sa fond ta’ 80 ċentimetru taħt l-art sabiex il-pjanti jkunu jistgħu jrabbu għeruq fil-fond u jkunu jistgħu jikbru bl-aħjar mod. B’mod ġenerali, il-pjanti tal-ispraġ jitħawlu fiż-żona f’nofs April, u ġieli jitħawlu f’Marzu jekk ir-Rebbiegħa tidħol kmieni. Mir-raddi magħmulin mill-ħamrija jitneħħew b’attenzjoni kbira l-biċċiet tal-għeruq li jkun għad fadal u l-ġebel sabiex dawn l-affarijiet ibsin ma jfixklux iz-zkuk tal-ispraġ milli jikbru b’mod dritt.

    Wara perjodu tat-tkabbir ta’ sentejn, l-ispraġ jinħasad miż-żona tat-tkabbir fit-tielet sena.

    Jekk l-ispraġ ikun qed jitkabbar taħt folja sewda u bajda, wieħed irid joqgħod attent ferm li meta x-xemx tkun qawwija ħafna, il-folja tinqaleb min-naħa s-sewda għan-naħa l-bajda tagħha fil-ħin, sabiex il-kwalità tal-ispraġ ma tonqosx minħabba li tarf l-ispraġ ikun irtab iżżejjed.

    Il-fertilizzant magħmul min-nitroġenu ma jistax jintuża fiż-żoni tal-ispraġ fejn ikun qed isir il-ħsad qabel ma jintemm il-ħsad. Madwar 21 jum qabel tmiem l-istaġun tal-ispraġ, jittieħdu kampjuni mill-ħamrija sabiex wieħed jara din x’jonqosha biex imbagħad wieħed ikun jista’ jagħtiha l-fertilizzant adattat magħmul min-nitroġenu ladarba jintemm il-ħsad. Sabiex jittejbu l-kwalità u t-tkabbir tal-ispraġ, jittieħdu miżuri tat-tkabbir bħalma huma t-tħaddim kawt tal-ħamrija u t-tidmil adattat, fost l-oħrajn bil-manjesju u bil-fertilizzanti magħmulin mill-potassa.

    3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

    L-ippakkjar

    Kull pakkett irid ikollu l-istess kontenut. Kull unità jrid ikun fiha biss spraġ li jkun ġej mir-reġjun approvat għall-produzzjoni tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel”. L-ispraġ inkluż f’unità waħda ta’ pakkett irid ikun tal-istess kwalità, tal-istess grupp ta’ lewn u tal-istess daqs. Dik il-parti tal-pakkett li tkun tidher għandha tirrappreżenta l-kontenut kollu tiegħu.

    L-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” jitkessaħ malajr ħafna sabiex tinżamm il-kwalità tiegħu. Sa mhux aktar tard minn erba’ sigħat wara li jinqata’ jrid jitkessaħ fl-ilma ġieri jew f’ilma kiesaħ silġ li jkollu temperatura ta’ bejn 1 u 12-il°C. Huwa jrid jitqiegħed għall-bejgħ malajr kemm jista’ jkun. M’għandux jinħażen għal iktar minn tlett ijiem, jekk jista’ jkun, u dan għandu jsir f’maħżen imkessaħ f’temperatura ta’ bejn 1 u 4 C.

    Il-produttur għandu jwaqqaf din il-katina ta’ kesħa biss għal ħin qasir ħafna, sakemm l-ispraġ jiġi ppakkjat u jitwassal.

    Il-postijiet fejn isir l-ippakkjar, it-tkessiħ u kwalunkwe bejgħ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iġjene.

    3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Iż-żona tat-tkabbir tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” tinsab fil-Majjistral tar-reġjun Ġermaniż ta’ Nordrhein-Westfalen, proprju tul il-fruntiera Ġermaniża mal-Olanda. Il-fruntiera nazzjonali tifforma l-fruntiera taż-żona fil-Punent. Fit-Tramuntana, mill-intersezzjoni tal-fruntiera nazzjonali mat-triq ewlenija A 57, il-fruntiera taż-żona ssegwi t-triq ewlenija A 57 lejn il-Lvant. Fl-intersezzjoni tat-triq ewlenija A 57 u tat-triq sekondarja B 9, il-fruntiera taż-żona ddur lejn ix-Xlokk u ssegwi t-triq sekondarja B 9 sal-intersezzjoni ta’ din it-triq mat-triq sekondarja B 58. Minn hemmhekk, il-fruntiera taż-żona tal-produzzjoni ddur lejn il-Lbiċ u tkompli ssegwi t-triq sekondarja B 58. Mill-intersezzjoni tat-triq sekondarja B 58 mat-triq rurali L 221, il-fruntiera taż-żona ssegwi t-triq rurali L 221 sal-intersezzjoni tagħha mat-triq ewlenija A 61. Imbagħad il-fruntiera taż-żona ssegwi t-triq ewlenija A 61 sal-intersezzjoni ta’ din it-triq mal-fruntiera nazzjonali.

    5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

    Iż-żona tal-produzzjoni tifforma parti mill-pjanura tan-naħa t’isfel tax-xmara Renu. Din iż-żona hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet klimatiċi li huma ideali għat-tkabbir tal-ispraġ. Proprju fix-xhur importanti ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju jagħmel l-ammont ta’ xita meħtieġ biex l-ispraġ jikber u, f’dawn ix-xhur, konsistentement, it-temperatura ma tkunx ħarxa.

    Il-ħamrija fiż-żona tal-produzzjoni hija mrammla, u fix-Xlokk hija bil-lom u fiha saff trab fin minfuħ mir-riħ fil-widien tax-xmajjar li huwa fertili ħafna. Iż-żoni magħżulin tradizzjonalment biex fuqhom jitkabbar l-ispraġ huma kkaratterizzati minn ħamrija b’ammont kbir ta’ ramel fiha. Dan ir-ramel huwa ramel tad-duni li ġej mid-duna tax-xmajjar Maas u Niers. Il-ħamrija li tinsab bejn ix-xmajjar Niers u Maas żviluppat l-istruttura tagħha fi żmien l-Era Glaċjali. Hija kkaratterizzata f’ċerti partijiet minn ħamrija kemm kemm ramlija li tħalli l-arja u x-xita jgħaddu minnha u li żżomm il-minerali fiha, u li fiha kemm kemm saff trab fin minfuħ mir-riħ fil-widien tax-xmajjar li huwa fertili ħafna, ammont kbir ta’ materjal organiku u ammont tajjeb ta’ ġir. Tradizzjonalment, il-bdiewa fiż-żona tal-produzzjoni qiesu din it-tip ta’ ħamrija bħala ta’ żvantaġġ kbir meta mqabbla mal-ħamrija fertili li wieħed isib fiż-żoni tal-madwar, jiġifieri fiż-żoni ta’ Pont, Nieuwkerk u Aldekerk u fiż-żona ta’ Baersdonk, li ġeneralment hija iktar adattata għat-tkabbir tal-għelejjel milli l-ħamrija li wieħed isib fiż-żona ġeografika identifikata. Madankollu, il-ħamrija f’din iż-żona ġeografika hija partikularment ideali għat-tkabbir tal-ispraġ.

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

    L-istruttura fina tal-ħjut fl-għeruq tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel”, it-togħma qawwija ta’ spraġ u kemm kemm tal-ġewż tiegħu u z-zkuk torja tiegħu jagħmlu ’l dan it-tip ta’ spraġ, li jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss bħala spraġ frisk ta’ lewn abjad, aħdar jew vjola, uniku. Il-produtturi tal-post għandhom għarfien speċjali tat-tkabbir tal-ispraġ, li, permezz tat-tħejjija t-tajba tal-art u t-tħawwil it-tajjeb, kif ukoll tal-għażla tal-punt it-tajjeb tal-ħsad, jiżgura li l-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” jikber partikularment sewwa u dritt u jkollu konsistenza tajba. Bis-saħħa tat-tradizzjoni twila tiegħu u tal-karatteristiċi partikularment tajbin tiegħu, l-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” igawdi minn fama tajba li tmur ferm lil hinn miż-żona tal-produzzjoni tiegħu.

    5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    L-istruttura fina tal-ħjut fl-għeruq tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel”, iz-zkuk torja tiegħu u t-togħma qawwija ta’ spraġ u tal-ġewż ta’ dawn iz-zkuk, kif ukoll il-fatt li dawn jikbru dritti żgur li ġejjin mill-kundizzjonijiet ideali tal-ħamrija li hemm fiż-żona ta’ Walbeck u mill-kundizzjonijiet klimatiċi li hemm fil-pjanura tan-naħa t’isfel tax-xmara Renu. Proprju fil-każ tal-ispraġ, il-karatteristiċi tal-prodott huma marbutin partikularment mill-qrib mal-kundizzjonijiet naturali. Dawn huwa minħabba li sa 70 % mit-togħma tal-ispraġ tiddependi mill-ħamrija, sa 20 % minnha tiddependi fuq kif din il-ħamrija tinħadem u tiddemmel u sa 10 % biss minnha tiddependi mill-varjetà tal-ispraġ. Proprju fix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju tagħmel biżżejjed xita fiż-żoni bir-ramel tad-duni mogħni bil-materjal organiku li huma ppreferuti għat-tkabbir tal-ispraġ u f’dawn ix-xhur, konsistentement, it-temperatura ma tkunx ħarxa. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ prattiki agrikoli tajbin jiżguraw li l-prodotti jkunu ta’ kwalità għolja.

    Il-kwalità speċjali tal-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” ġejja mill-għarfien tat-tkabbir tal-ispraġ tal-produtturi li nkiseb tul diversi ġenerazzjonijiet, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-mument adattat għat-tħawwil u għall-bidu u t-tmiem tal-ħsad, mat-tip ta’ materjali ta’ kopertura li jintużaw u l-estent tal-użu tagħhom, kif ukoll mat-tħejjija tajba tar-raddi magħmulin mill-ħamrija u t-tneħħija tal-biċċiet tal-għeruq li jkun għad fadal u tal-ġebel minnhom, kif ukoll mad-deċiżjoni dwar kemm hemm bżonn ta’ tidmil abbażi tal-kampjuni meħudin mill-ħamrija.

    L-ispraġ tat-tip “Walbecker Spargel” igawdi minn fama tajba ħafna. Id-Dott. Walther Klein-Walbeck, avukat u maġġur irtirat, ipprova jkabbar l-ispraġ għall-ewwel darba madwar il-kastell ta’ Walbeck fl-1923 tul il-perjodu ta’ inflazzjoni. Is-suċċess li kiseb malajr qanqal l-interess tal-bdiewa tal-post, li ma kienx ikollhom wisq għelejjel meta kienu jiżirgħu jew iħawlu wċuħ tar-raba’ oħrajn f’din il-ħamrija mrammla. Fil-Ħarifa tal-1927, 33 bidwi minn Walbeck qablu li jibdew ikabbru l-ispraġ fir-raba’ tagħhom mir-Rebbiegħa tal-1928 ’il quddiem. Fl-ewwel staġun l-ispraġ tħawwel f’żona ta’ 50 ettaru. Fl-1 ta’ Jannar 1929, flimkien ma’ 55 bidwi minn Walbeck li kienu jkabbru l-ispraġ, id-Dott. Walther Klein-Walbeck waqqaf il-koperattiva msejħa “Spargelbaugenossenschaft Walbeck und Umgegend e.G.”, li hija l-koperattiva li qed tressaq din it-talba. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-bdiewa li huma membri ta’ din il-koperattiva li qed tagħmel it-talba bdew jipproduċu l-ispraġ abbażi ta’ koperattiva u jikkummerċjalizzawh bl-isem ta’ “Walbecker Spargel”. Mill-1932 sal-1938, din il-koperattiva bagħtet 1 800 000 kilogramma ta’ spraġ lejn Straelen biex dawn jiġu rkantati hemmhekk. Dan wassal għal qligħ ta’ 1.3 miljun Reichsmark għar-raħal ta’ Walbeck li qabel kien raħal fqir kollu art moxa. Fl-1936, 40 000 persuna li jħobbu l-ispraġ żaru ’l dan ir-raħal matul l-istaġun tal-ispraġ.

    Matul it-tieni gwerra dinjija, it-tkabbir tal-ispraġ waqaf. Wara r-riforma tal-munita li saret fl-1948, l-ispraġ reġa’ beda jitkabbar fir-reġjun. Illum il-ġurnata, l-koperattiva li qed tagħmel it-talba għandha 50 membru, li jkabbru l-ispraġ f’żona ta’ 80 ettaru.

    Il-kanzunetta msejħa “Walbecker Heimatlied”, bi kliem ta’ Jakob Schopmanns (li kitibha fl-1935 u ppubblikaha fil-Gazzetta tar-reġjun imsejħa “Niederrheinische Landeszeitung” fil-5 ta’ Lulju 1935) u b’mużika ta’ ibnu Helmut Schopmanns (li kiteb din il-mużika fl-1977) turi l-importanza li l-ispraġ għandu għall-identità tar-raħal ta’ Walbeck u tar-reġjun ta’ madwaru:

    „Kennst Du mein friedliches Walbeck nicht? (Ma tafx bir-raħal kwiet ta’ Walbeck tiegħi?)

    Das Spargeldorf an der Grenze? (Ir-raħal tal-ispraġ li jinsab mal-fruntiera?)

    Dort schießt der Spargel in Sonnenlicht (Fejn l-ispraġ jikber dritt lejn id-dija tax-xemx)

    alljährlich im taufrischen Lenze. (kull sena fir-Rebbiegħa friska bin-nida.)”

    Ta’ kull sena, matul il-festa tal-ispraġ li ddum għaddejja jumejn, ikun hemm purċissjoni kbira li matulha l-“Prinċipessa tal-ispraġ” tiġi ppreżentata lill-pubbliku li jkun preżenti. Dan isir billi l-Prinċipessa – li żżomm dan it-titlu għal staġun tal-ispraġ wieħed – tiddawwar mal-pubbliku fuq karru li fuqu hija tkun bilqiegħda fuq tron. Din il-Prinċipessa tirrappreżenta r-raħal ta’ Walbeck – ir-raħal tal-ispraġ – fuq ir-radju u t-televiżjoni, waqt il-fieri u waqt ħafna festi lokali oħrajn li jsiru fir-reġjun tan-naħa t’isfel tax-xmara Renu.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)

    http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/13251


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top