This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012XC0925(04)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 288, 25.9.2012, p. 9–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 288/9 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 288/08
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“HOLSTEINER TILSITER”
KE Nru: DE-PGI-0005-0807-26.04.2010
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Holsteiner Tilsiter”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta’ prodott:
Klassi 1.3. |
Ġobon |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:
Il-“Holsteiner Tilsiter” huwa ġobon semi-iebes li jiġi prodott skont tradizzjoni, magħmul mill-ħalib tal-baqra, li jinħadem b'mod kontinwu bi Brevibacterium linens matul il-fażi tal-maturazzjoni, u li jkollu bejn 30 % u 60 % xaħam fil-materja niexfa. Il-“Holsteiner Tilsiter” jista' jsir jew mill-ħalib nej, jew mill-ħalib pasturizzat. Apparti fil-forma klassika ta’ rota, il-ġobon qed isir dejjem aktar ta’ spiss f'forma ta’ ħobża. Għandu qoxra naturali rqiqa, safra tagħti fil-kannella, li tiġi pproċessata b'taħlita ta’ Brevibacterium linens, xorrox u ħalib xkumat jew salmura matul il-fażi tal-maturazzjoni, li ddum mill-anqas ħames ġimgħat. Il-ġobon, ta’ lewn isfar ċar, huwa semi-iebes, elastiku, u flessibbli ħafna. Bis-saħħa tal-metodu speċjali ta' produzzjoni tiegħu, il-“Holsteiner Tilsiter” huwa ġobon mimli toqob u xquq, li huma tipiċi tiegħu. It-togħma tvarja minn moderata u kemxejn aromatika għal qawwija u pikkanti, skont kemm ikun ilu jinħażen il-ġobon. Il-ġobon jiġi prodott f'forma ta' ħobża jew kaxxa, b'piż ta' bejn 3,5 u 5,0 kg.
Il-“Holsteiner Tilsiter” jiġi prodott bi tliet kontenuti ta' xaħam differenti: minn 30 % xaħam fil-materja niexfa, minn 45 % xaħam fil-materjal niexfa, u minn 60 % xaħam fil-materja niexfa. Il-kontenut minimu ta' xaħam huwa ta’ 30 % fil-materja niexfa. Il-ħwawar ġeneralment ma jiżdidux matul il-produzzjoni tal-“Holsteiner Tilsiter”. Meta l-ġobon jitħawwar, l-uniku ingredjent li jintuża għal dan il-għan huwa l-ħlewwa Ġermaniża. Ma jintuża l-ebda ħwar ieħor.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
Il-ħalib li jintuża mhux neċessarjament irid joriġina miż-żona ġeografika ddefinita aktar 'l isfel.
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:
L-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni tal-ġobon, minn meta tasal il-materja prima, għall-ħżin minimu ta' ħames ġimgħat, sal-proċess ta’ maturazzjoni, għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:
—
3.7. Regoli speċifiċi għat-tikkettar:
—
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Schleswig-Holstein, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-reġjun storikament iddokumentat bħala ż-żona ta’ produzzjoni tal-“Holsteiner Tilsiter” ilu jkopri r-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, kif inhu magħruf bil-fruntieri tiegħu tal-lum, sa mill-ewwel nofs tas-seklu 20 (minn madwar l-1920).
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Il-proċess speċjali ta’ manifattura, il-kwalità partikulari li tirriżulta minnu, u d-dehra tal-“Holsteiner Tilsiter”, żviluppaw b'dan il-mod f’dan ir-reġjun biss bis-saħħa tal-interazzjoni tal-kundizzjonijiet partikulari li ġejjin:
Il-klima fi Schleswig-Holstein hija influwenzata ħafna mill-baħar, billi r-reġjun jinsab bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Is-sitwazzjoni ġeografika u l-karatteristiċi tal-ħamrija wasslu għall-iżvilupp ta’ assoċjazzjonijiet speċjali bejn il-pjanti, u b'hekk l-għalf żviluppa karatteristiċi partikulari. Dawn il-karatteristiċi, li jiġu riflessi mhux l-inqas fin-natura pikkanti u aromatika tal-“Holsteiner Tilsiter”, kienu ta’ ġid kemm għall-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll għal dik tal-ġobon.
Ir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein għandu tradizzjoni twila ta' produzzjoni tal-ħalib, għaliex joffri kundizzjonijiet eċċellenti għaliha. Fi tmiem is-seklu 16, l-industrija tal-prodotti tal-ħalib fiż-żewġ dukati ta’ Schleswig u Holstein bdiet tipproduċi volum ta' prodotti ikbar milli kien hemm bżonn fiż-żewġ dukati. Dak iż-żmien, xi rifuġjati Olandiżi ġabu magħhom għarfien dwar il-produzzjoni professjonali tal-ħalib. L-istruttura tal-produzzjoni tal-ħalib f'kooperattivi żviluppat fi tmiem is-seklu 19. Fl-1888 biss, pereżempju, twaqqfu 251 razzett ġdid. Kemm l-istruttura tal-azjendi tal-produzzjoni tal-ħalib, kif ukoll il-livell eċċellenti tat-taħriġ, flimkien mal-kundizzjonijiet favorevoli tal-klima u tal-ħamrija, ikkontribwew biex Schleswig-Holstein sar wieħed mill-postijiet favoriti għall-produzzjoni tal-ħalib fl-Ewropa. Għalhekk, mhux ta’ b'xejn li r-razza tal-baqar tal-ħalib magħrufa mad-dinja kollha jisimha “Holstein-Friesian” (ta’ spiss imsejħa wkoll “Schwarzbunte”, jew “Holsteins Bojod u Suwed” fil-Ġermanja). Id-disponibbiltà tal-ħalib u tat-tames tal-ġħoġol tat lok għas-suċċess tal-produzzjoni tal-ħalib f’dan ir-reġjun. Madankollu, illum il-ġurnata, fil-produzzjoni tal-ġobon fi Schleswig-Holstein jintuża wkoll ħalib minn barra ż-żona ġeografika ddefinita.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Il-“Holsteiner Tilsiter” għandu reputazzjoni eċċellenti bħala ġobon lokali ta' kwalità għolja, reputazzjoni li ilha teżisti għal madwar 120 sena. Dokumenti antiki juru li diġà kien hemm ġobon simili f'Gut Behl, fir-reġjun magħruf bħala “Holsteinische Schweiz”, fis-seklu 16. Ir-riċetta tat-“Tilsiter” ġiet deskritta għall-ewwel darba fl-1840 minn ċerta Sinjura Westpfahl, li kienet tgħix f'razzett fil-belt ta’ Tilsit, fir-reġjun li dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Prussja tal-Lvant. Il-ġobon hu msemmi proprju għal dan il-post. Din ir-riċetta sabet triqitha lejn dak li llum huwa r-reġjun ta' Schleswig-Holstein fi tmiem is-seklu 19, fejn dan it-tip ta’ ġobon malajr sar l-iktar tip ta’ ġobon imfittex, hekk kif għadu llum.
Il-ktieb imsejjaħ “Käsebereitung und Käsespeisen in Deutschland seit 1800” (Frank Roeb, Mainz, 1976) jgħid: “Fi Schleswig-Holstein, it-‘Tilsit’ dam ħafna sa ma beda jiġi prodott. Hemm sorsi li jissuġġerixxu li dan il-ġobon ma bediex jiġi prodott hemmhekk ħafna qabel l-1900. Aktar 'il quddiem, saħansitra rċieva l-fondi mill-istat (mill-1929 ’il quddiem, ara Middelhauve).”
Illum, Schleswig-Holstein huwa ċentru tal-produzzjoni tat-“Tilsit” (ara l-kotba “Dr. Oetker Lebensmittel-Lexikon”, 2004, p. 812; C. Dumont, “Kulinarisches Lexikon”, 1998, p. 516; l-artiklu “Essen & Trinken im Detail — ‘mein coop magazin’: ‘Holsteiner Tilsiter und Beaujolais AOC’”). L-artiklu intitolat “Tilsiter — Käse der Ostsee” mill-“Hamburg Slow Food Convivium” (Burchard Bösche, 2005) jiddikjara li “Schleswig-Holstein, ir-reġjun bejn iż-żewġt ibħra, issa huwa ċ-ċentru tal-produzzjoni tat-‘Tilsit’, u ħadd ma jista' jiċħad dan”.
Stqarrijiet maħruġin minn istituzzjonijiet fis-settur jikkonfermaw li l-“Holsteiner Tilsiter” sar speċjalità reġjunali magħrufa sew u mfittxa ħafna, u li dan huwa wkoll l-iktar isem marbut mill-qrib mal-ġobon “Tilsit” li jiġi prodott fi Schleswig-Holstein. Dan il-fatt isostnih il-fatt li dan it-tip ta’ ġobon jissemma bħala speċjalità reġjunali tal-ġobon fil-ktieb imsejjaħ “Kulturgeschichte der deutschen Küche” ta' Peter Peter (2005, p. 135), fejn jingħad li “Il-‘Holsteiner Tilsiter’, il-‘Würchwitzer Milbenkäse’, l-‘Allgäuer Bergkäse’, (…) meta mqabbel ma' Franza, l-Italja u anki l-Ingilterra jew l-Irlanda, l-għażla tal-ġobnijiet Ġermaniżi ta' livell għoli hija pjuttost modesta”. Għadd ta' websajts jaċċennaw ukoll għar-reputazzjoni speċjali tal-“Holsteiner Tilsiter”. Is-sit imsejjaħ “Alles Käse — das Infoportal” (http://www.walserstolz.de) jgħid li “Il-ġobon ‘Tilsit’ għandu tradizzjoni twila, speċjalment fit-Tramuntana tal-Ġermanja, kif ukoll tul ix-xatt Baltiku kollu. Ir-reġjun ewlieni li fih isir dan il-ġobon huwa r-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, fejn il-kliem ‘Tilsit’ u ‘ġobon semi-iebes’ għadhom jintużaw xi ftit jew wisq bħala sinonimi”. Is-sit http://www.germanfoods.org, li jservi ta’ gwida għall-prodotti tal-ikel Ġermaniżi fl-Istati Uniti, jispjega li “… iż-żoni ta' Schleswig-Holstein (…) fit-Tramuntana tal-Ġermanja jipproduċu wkoll uħud mill-ġobnijiet l-iktar magħrufa tal-Ġermanja, fosthom (…) it-‘Tilsit’ (…)”. Referenzi oħra għal dan il-ġobon insibuhom f'websajts bħal dik tal-kumpanija Paulsen (http://www.party-paulsen.de), li tirreferi għall-“Holsteiner Tilsiter” bħala “l-aqwa ġobon ta' Schleswig-Holstein”.
Il-kulturi ta’ batterji naturali u speċjali fil-kantini ta’ maturazzjoni li żviluppaw minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li jinsabu biss f'dan ir-reġjun, jagħtu lill-“Holsteiner Tilsiter” it-togħma tiegħu tal-ġewż, li ma tista' titqabbel ma' xejn, u li tiddistingwih biċ-ċar minn ġobnijiet tat-tip “Tilsit” prodotti f’reġjuni ġeografiċi oħrajn.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Ir-reputazzjoni speċjali tal-“Holsteiner Tilsiter”, u l-ammirazzjoni kbira li hemm għalih, jissejsu, sa ċertu punt, fuq it-tradizzjoni twila tar-reġjun ta’ Schleswig-Holstein bħala l-pajjiż tal-ħalib u tal-ġobon, iżda l-iktar fuq il-ħila u l-għarfien espert tal-bdiewa lokali li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib. Metodu ppreferut tal-produzzjoni tal-ħalib ifforma l-bażi għall-ġobon li ilu sekli jiġi prodott mill-bdiewa lokali. Ir-riċetti antiki u l-esperjenza fil-produzzjoni tal-ġobon bħala artiġjanat lokali tnisslu minn ġidd għal ġidd, u baqgħu jnebbħu l-ispeċjalitajiet ta’ ġobon ta’ dan ir-reġjun. Importanti ħafna fost dawn l-ispeċjalitajiet huwa l-“Holsteiner Tilsiter” – speċjalità reġjunali, b'forom varji, li hija magħrufa sew lil hinn mir-reġjun u mfittxija ħafna.
It-togħma distinta u pikkanti tal-“Holsteiner Tilsiter”, u t-toqob tradizzjonali tiegħu, kienu saru parti mit-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon fi Schleswig-Holstein ħafna qabel ma l-isem “Tilsit” inxtered fl-użu b'referenza għal dan it-tip ta' ġobon. Kien biss fi tmiem is-seklu 19 li dan it-terminu ġie importat fi Schleswig-Holstein mill-Prussja tal-Lvant u li beda jintuża għat-tip ta' ġobon li kien qed jiġi prodott fi Schleswig-Holstein b'riċetta simili. Għalhekk, minn dak iż-żmien 'l hawn, bdew jintużaw l-ismijiet “Tilsit minn Schleswig-Holstein” u “Holsteiner Tilsiter”.
It-tradizzjoni rurali tal-produzzjoni tal-ġobon baqgħet sal-lum tiżviluppa fi Schleswig-Holstein. Ir-reputazzjoni eċċellenti tat-taħriġ għall-bdiewa fit-teknoloġija tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, li llum huwa bbażat fil-“Lehr- und Versuchsanstalt für Milchwirtschaft” fil-belt ta’ Bad Malente, testendi ħafna lil hinn mill-fruntieri ta’ dan ir-reġjun.
Sinjal tar-reputazzjoni eċċellenti tal-“Holsteiner Tilsiter” huwa l-aroma u t-togħma speċifiċi ħafna tiegħu, li huma kkaratterizzati mit-taħwir speċjali tiegħu bil-ħlewwa Ġermaniża. Dawn iż-żewġ karatteristiċi jistgħu jinkisbu biss permezz tal-kulturi speċjali ta’ batterji, li jistgħu jeżistu biss, fit-tip u fil-kombinazzjoni tagħhom, fiż-żona klimatika ta' bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku.
L-impjanti li jipproduċu l-“Holsteiner Tilsiter” jinsabu wkoll fiċ-ċentru tal-assoċjazzjoni msejħa “Käsestraße Schleswig-Holstein” (“it-Triq tal-Ġobon ta’ Schleswig-Holstein”), li hija magħrufa ħafna, ferm lil hinn mill-fruntieri ta’ dan ir-reġjun. F'din l-assoċjazzjoni, hemm madwar 40 produttur tal-ġobon li jaħdmu flimkien biex jippromwovu t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon fi Schleswig-Holstein, u dawn jirrappreżentaw madwar 120 tip ta' ġobon differenti. Din l-assoċjazzjoni twaqqfet wara s-suq tal-ġobon li ttella' fl-1999 fil-mużew estern ta’ Kiekeberg, f'Ħamburgu, fuq inizjattiva tal-moviment kulinari msejjaħ “Slow Food”. F'dan is-suq, il-produtturi tal-ħalib ta’ Schleswig-Holstein issejħu metaforikament il-“Winzern des Nordens” (“il-produtturi tal-inbid tat-Tramuntana”), b'referenza għall-firxa wiesgħa ta' ġobnijiet ta' Schleswig-Holstein li kienu għall-wiri. B'mod partikulari, il-varjanti varji tal-“Holsteiner Tilsiter” kienu għall-wiri fis-suq bħala xempji ta' “Schleswig-Holstein, pajjiż il-ġobon”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
Speċifikazzjoni sħiħa ppubblikata:
Fit-taqsima 7a-aa tal-Volum 30 tal-“Markenblatt” tal-24 ta' Lulju 2009, p. 13378
http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/7201
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.