Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0229(03)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 60, 29.2.2012, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 60/16


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2012/C 60/11

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “CORDEIRO MIRANDÊS”/“CANHONO MIRANDÊS”

    Nru KE: PT-PDO-0005-0787-12.08.2009

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem:

    “Cordeiro Mirandês”/“Canhono Mirandês”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

    Il-Portugall

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.1 –

    Laħam frisk (u ġewwieni)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

    Il-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” jirreferi għal-laħam tan-nagħaġ ta' sess jew ieħor tar-razza Churra Galega Mirandesa, identifikati u mdaħħlin fir-reġistru żootekniku għal dik ir-razza, li ma jkollhomx iktar minn erba' xhur, imwielda u mrobbija f'sistema ta’ trobbija tradizzjonali u estensiva. Il-laħam ikun imqatta' u ppakkjat skont ir-regoli stipulati fl-ispeċifikazzjoni u fiż-żona ġeografika definita.

    Irrispettivament mill-età tal-bhejjem fil-qatla, l-laħam tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” jista' jiġi ppreżentat kummerċjalment b'żewġ mezzi differenti:

    (1)

    Karkassi u nofs karkassi.

    (2)

    Ippakkjat minn qabel, sħiħ jew f'biċċiet.

    Il-kustilji għandhom jinqatgħu bi ħxuna medja ta' 2,5 cm.

    Skont il-metodu tal-produzzjoni segwit fiż-żona ġeografika, il-laħam tal-“Cordeiro Mirandês” jew tal-“Canhono Mirandês” għandu l-karatteristiċi li ġejjin, li lkoll jiddependu mill-metodu ta' trobbija:

    (a)   il-piż tal-karkass: il-karkass huwa kklassifikat fil-kategoriji A, B u C skont il-piż, kif ġej:

    (b)   Kontenut ta' xaħam: ix-xaħam huwa abjad u jleqq u għandu konsistenza soda, li tiżdied fil-ħxuna (għalkemm mhux b'mod sinifikanti) maż-żieda tal-piż tal-karkass. Ix-xaħam ma “jegħriqx” u għandu tessut lixx.

    (c)   Kwalitajiet sensorjali: il-laħam huwa roża, bil-wisq tari, immerraq u b'togħma qawwija, b'kontenut baxx ta' muskoli u xaħam. Il-muskolu huwa sod u pjuttost immerraq u tari. Ma teżisti l-ebda differenza sinifikanti bejn it-tliet kategoriji tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” fir-rigward tat-togħma mmerrqa, is-sodizza tal-laħam, l-intensità tar-riħa, jew it-tjubija tiegħu b'mod ġenerali.

    3.3.   Materja prima (għal prodotti pproċessati biss):

    Mhux applikabbli

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

    Il-ġestjoni tal-għalf hija marbuta mill-qrib mal-klassifikazzjoni tal-“Cordeiro Mirandês” jew tal-“Canhono Mirandês” fi tliet kategoriji. Il-kategorija A tinkludi biss dawk l-annimali kkunsidrati bħala ħrief tal-ħalib, peress li jitrejqu biss bil-ħalib tal-omm. Wara li jagħlqu tliet ġimgħat, il-ħrief jiġu mitmugħa b'mod gradwali ikel solidu, u wara jiġu kkunsidrati bħala ħrief li jirgħu, u jiġu kklassifikati fil-kategoriji B u C hekk kif jilħqu l-età u l-piz xieraq. Ladarba l-ħrief jibdew jirgħu b'mod permanenti l-flora reġjonali, l-għalf tagħhom jiġi ssupplimentat biċ-ċereali, li miegħu jiżdiedu l-qamħ, it-tiben, il-ħaxix naturali u s-silla tal-ħafur, l-għalf tal-ħafur, is-segala u l-qamħirrun li jitkabbar fir-razzett stess. Meta l-azjenda ma tkunx tipproduċi biżżejjed għalf, jew inkella f'sitwazzjonijiet estremi (nixfa, diżastri naturali, nirien, ġlata jew ċirkostanzi oħrajn), l-għalf jista' jinxtara minn azjendi oħrajn li jkunu jinsabu fiż-żona ġeografika definita, u ma jeżisti l-ebda limitu għall-kwantità ta' għalf li jista' jinxtara. L-użu tiegħu jista' jiġi awtorizzat sakemm:

    ma jaqbiżx il-50 % tal-ammont tal-ikel ta' kuljum;

    il-konċentrazzjoni tal-għalf ma taqbiżx il-35 % tal-ammont tal-ikel ta' kuljum u tkun tissodisfa l-formolazzjoni stipulata fl-Ispeċifikazzjoni;

    tiġi sorveljata l-produzzjoni ta' dan l-għalf ikkonċentrat u l-użu tiegħu mill-annimali.

    Jintużaw biss prodotti naturali biex jiġu mitmugħa l-annimali, u huwa pprojbit l-użu ta' prodotti li jistgħu jinterferixxu mat-tkabbir tagħhom, bħal pereżempju: l-ormoni, l-antibijotiċi, is-sulfonamidi, l-isterojdi anaboliċi, il-koċċidjostati u prodotti oħrajn ipprojbiti.

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita:

    L-isem “Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” jista' jintuża biss għal-laħam mill-animali mwielda, mitmugħa, imrobbija u maqtula fl-azjendi li jinsabu fiż-żona ġeografika definita u li huma rreġistrati u approvati għal dak l-iskop mill-konsorzju ta' ġestjoni.

    Biex jingħata dan il-permess, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    L-azjendi tal-produtturi għandhom ikunu fiż-żona tal-produzzjoni ġeografika;

    L-annimali li għandhom jiġu kkummerċjalizzati għandhom jiġu identifikati u mdaħħla fir-reġistru żootekniku għar-razza taċ-Churra Galega Mirandes;

    Is-sistema ta' trobbija pprattikata, b'mod speċjali għall-għalf tal-animali, il-piż u l-età tal-qatla jkunu kif speċifikati fl-ispeċifikazzjoni;

    Il-produtturi huma soġġetti għar-regoli tal-produzzjoni u għas-sistema ta' kontroll u ta' ċertifikazzjoni;

    Il-produtturi għandhom jikkommettu lilhom infushom, bil-miktub, li joqogħdu għad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar il-qtugħ f'biċċiet, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

    Mhux applikabbli

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

    Irrespettivament minn kif il-prodott jitqiegħed għall-bejgħ, u flimkien mal-kliem obbligatorju, il-qatgħat jew il-pakketti kollha għandhom ikunu identifikati u ttikkettati kif suppost bil-kliem li ġej:

    “Cordeiro Mirandês – Denominação de Origem Protegida” jew “Canhono Mirandês – Denominação de Origem Protegida”;

    il-logo tal-prodott;

    Image Image

    l-isem u l-indirizz tal-produttur jew tal-grupp ta' produtturi li jikkumerċjalizzaw il-prodott;

    il-logo tal-UE (wara r-reġistrazzjoni mal-UE);

    in-numru ta’ identifikazzjoni tal-annimal;

    il-marka taċ-ċertifikazzjoni;

    l-indikazzzjoni tal-klassifikazzjoni tal-karkass bħal A, B jew C;

    id-data u l-post tal-qatla;

    l-indirizz għal ilmenti u talbiet għal informazzjoni.

    L-isem u l-indirizz tal-produtturi jew tal-grupp ta' produtturi li jikkumerċjalizzaw il-prodott fl-ebda ċirkustanzi ma għandhom jinbidlu bl-isem ta' xi entità oħra, anke jekk din tkun responsabbli għall-prodott.

    L-isem ta' kummerċjalizzjoni – “Cordeiro Mirandês DPO” jew “Canhono Mirandês DPO” – ma jistax jiġi miżjud bi kwalunkwe referenza oħra jew imsemmi mod ieħor, lanqas mill-isem tad-ditta tad-distributuri jew oħrajn.

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” tinkludi l-muniċipalitajiet ta' Miranda do Douro, Mogadouro u Vimioso, kif ukoll id-distrett ta' Bragança.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Id-diversità morfoloġika tal-muntanji, il-kwalità tal-ħamrija li hija bejn waħda b'fertilità medja u waħda fqira, il-volum baxx ta' xita, li ma tinżilx bl-istess intensità matul is-sena, u l-ilma li jinżel fil-widien jikkaratterizzaw it-tip ta' agrikoltura pprattikata fir-reġjun. Din tirriżulta f'żewġ partijiet separati iżda interkonnessi mil-lat agrikolu: l-art għolja ċatta (plateau) u l-artijiet imżerżqa. L-agrikoltura Mediterranja hija predominanti fl-artijiet imżerżqa: id-dwieli, is-siġar taż-żebbuġ u tal-lewż u l-annimali endemiċi żgħar li jgerrmu. Il-plateau huwa ddominat minn sistemi ta' ċereali u foraġġi, b'mergħat naturali magħrufa lokalment bħala artijiet mistgħadra u użati għar-razez endemiċi li japprofittaw ruħhom mill-uċuh tar-raba' tal-qasbija u dawk mhux maħduma tal-qamħ. Ir-rikkezza tal-foraġġi u l-mergħat tal-plateau joffru l-ikel lill-baqar u n-nagħaġ li minflok kien ikollhom jikkompetu kontra xulxin biex isibu r-riżorsi. In-nagħaġ jieklu min-nagħal ta' ħafna mill-mergħat, mill-uċuh tar-raba' u dawk tal-qasbija, mill-ħaxix selvaġġ li jikber f'artijiet mhux ikkultivati u mill-uċuh tar-raba' mhux maħdum, flimkien mal-ammont ċkejken ta' għalf li jinsab fid-diversi speċi ta' arbuxxelli fil-plateau ta' Miranda. Isem ir-razza, Churra Mirandesa, jirrifletti l-isem tar-reġjun, il-plateau ta' Miranda, li huwa ż-żona tal-produzzjoni tar-razza, fejn din tiġi mgħammra sal-lum fil-muniċipalitajiet ta' Miranda do Douro, Vimioso u Mogadouro. Ir-razza tan-nagħaġ hija antika daqs l-istorja tar-reġjun fejn din tinsab. Kienu l-invażuri Ċeltiċi l-ewwel li għammru n-nagħaġ li kienu ġabu magħhom mal-imtaten li kienu jeżistu fil-Portugall, u li ħolqu n-nisel oriġinali li minnu ġejjin in-nagħaġ tal-lum. In-nagħaġ tar-razza Churra Galega Mirandesa huma b'saħħithom ħafna u jadattaw ruħom tajjeb għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tal-plateau ta' Miranda u l-artijiet mżerżqa tax-xmara Douro. Il-karatteristiċi morfoloġiċi u tat-tgħammir tar-razza huma xhieda tal-mod eċċellenti li bih adattat ruħha għall-karatteristiċi taż-żona ġeografika u u għall-metodu tat-trobbija msemmi aktar 'il fuq. Saqajhom qosra u b'saħħithom huma adatti biex iterrqu għal distanzi twal fuq il-plateau ta' Miranda, u riġlejhom wesgħin u n-nagħal b'saħħtu jirriflettu t-topografija tal-plateau. L-istatura żgħira, il-widnejn żgħar u s-suf tar-razza jipproteġu lill-annimal minn temperaturi baxxi fix-xitwa. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-mod li bih tiġi mgħammra r-razza Churra Galega Mirandesa, u l-mod kif din tiġi ggwidata fil-mergħat, huma assoċjati mill-qrib mat-tradizzjoni tal-familja u mal-għarfien speċjali li ġie miksub matul iż-żmien. Is-sengħa ta’ kif jitmexxew il-merħliet u jitwasslu fejn il-mergħa hija element li jiddefinixxi sew il-ħila meħtieġa għat-trawwim ta' din ir-razza. Barra minn hekk, il-produzzjoni tas-suf, li għandha ċerta importanza ekonomika fir-reġjun, kienet u għadha fattur importanti li jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ dawn in-nagħaġ fuq il-plateau ta' Miranda. Il-laħam tan-nagħaġ ilu żmien twil parti integrali mid-dieta tal-popolazzjoni lokali. B'hekk, l-għarfien tal-abitanti tar-reġjun jinkludi l-għarfien dwar kif jinqata' u jiġi ttrattat il-laħam u kif jinqata' l-karkass. Dawn huma fatturi li jagħtu togħma speċjali lil dan il-laħam.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    In-natura speċjali tal-prodott ġejja mir-razza tal-annimal, iżda b'mod speċjali mill-mod kif dan jitrabba u jiġi mitmugħ. L-għalf tradizzjonali ta' dawn l-annimali, li huwa l-frott tal-esplojtazzjoni tar-riżorsi lokali, jagħti lok għal laħam tari ħafna, li huwa partikularment immerraq u artab, bix-xaħam konsistenti u ma “jegħriqx”. Il-muskolu huwa sod b'xaħam ġol-muskolu mraħħam u uniformi, li jirriżulta f'karatteristiċi organolettiċi speċifiċi ħafna, bħat-tarizza u t-togħma mmerrqa. Il-mod li bih tinqata' l-kustilja tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” huwa wieħed tipiku u uniku. Il-ħxuna medja tal-kustilji hija ta' madwar 2,5 ċm, li tippermetti rendiment ikbar mill-karkass u tħalli togħma speċifika, u b'hekk jitilgħu l-valur u l-apprezzament tal-laħam tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” fost il-konsumaturi.

    5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalitajiet jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwantità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP):

    Il-plateau ta' Miranda, li huwa ż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês”, huwa bla dubju l-qalba tar-razza Ovelha Churra Mirandesa. Il-fama ta' dan il-prodott, li jinsab ferm stabbilit fis-suq, ġejja mill-karatteristiċi fiżiċi u sensorji tal-laħam tiegħu. Il-produzzjoni tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês” hija marbuta mill-qrib mal-karatteristiċi edafoklimatiċi ta' dan ir-reġjun, li huwa kkaratterizzat mill-ħamrija fqira tiegħu u mill-klima xotta, li jirrikjedu kultivazzjoni estensiva għaċ-ċereali u tiffavorixxi l-eżistenza ta' mergħat naturali ta' veġetazzjoni spontanja assoċjata mal-popolazzjoni tas-siġar eżistenti. Għaldaqstant, meta l-annimali jirgħu, dawn jieklu l-ħaxix selvaġġ li jikber f'art mhux ikkultivata u wċuħ tar-raba' flimkien ma' dieta ħafifa pprovduta minn diversi speċijiet li jikbru fuq il-plateau ta' Miranda, bħall-ispeċijiet Cystisus multiflorum, Genista falcata, Cistus ladanifer u Lavandura pedinculata. Il-flora tipika tal-mergħat tinkludi l-ispeċijiet Bromus commutatus, Festuca arandinacea, Gaudinia fragilis, Alopecurus brachystachys, Vulpia bromoides u Lolium perenne. Normalment, is-silla tkun silla naturali (flora tal-mergħat spontanji), u t-tiben li jitimgħu lill-annimali ġeneralment ikun qamħ jew tiben tal-ħafur. Is-segala, il-qamħ u x-xgħir jiġu pprovduti sħaħ jew mitħuna fi dqiq. Hija din it-tip ta' dieta, flimkien mal-karatteristiċi tar-razza nnifisha u l-metodu tat-tgħammir -magħruf sew mal-popolazzjoni lokali-, li tagħti dik id-dehra unika, l-irtubija u s-sukkulenza lil-laħam tal-“Cordeiro Mirandês” jew “Canhono Mirandês”, li tant huwa apprezzat fir-reġjun.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    http://www.gpp.pt/Valor/doc/CE_Cordeiro_Mirandes.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top