EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0224(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 55, 24.2.2012, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/25


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 55/08

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ABENSBERGER SPARGEL/ABENSBERGER QUALITÄTSSPARGEL”

KE Nru: DE-PGI-0005-0852-26.01.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Abensberger Spargel/Abensberger Qualitätsspargel”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

L-ispraġ (Asparagus officinalis) jifforma parti mill-familja tal-Asparagaceae. Iz-zkuk tal-ispraġ li jistgħu jittieklu huma r-rimjiet tal-arbuxelli perenni li jitpoġġew fis-suq imqaxxra jew bil-qoxra b’kollox. L-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jitkabbar skont ir-regoli ta’ prattiki agrikoli tajbin.

L-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” ċar ta’ lewn li jvarja minn abjad għal vjola ma jistax ikun itwal minn 22 ċm, filwaqt li dak ta’ lewn aħdar ma jistax ikun itwal minn 27 ċm.

Bl-eċċezzjoni ta' dak li jinbiegħ direttament mill-produttur lill-konsumatur, l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jiġi ppreparat skont l-Istandard FFV04 tal-UNECE (l-ispraġ). Madankollu, dan l-istandard japplika wkoll għall-ispraġ abjad u vjola li jkollu dijametru minimu li ma jaqbiżx il-5 mm. Barra minn hekk, ir-rimjiet maqsuma tal-ispraġ jistgħu jiġu kkummerċjalizzati wkoll taħt il-kategorija tal-“ispraġ maqsum”.

It-togħma tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargels” tingħaraf mir-riħa partikulari qawwija u mħawra li għandu dan l-ispraġ. Il-qtugħ tal-ispraġ darba jew darbtejn kuljum, flimkien mat-trattament xieraq u b’attenzjoni tiegħu wara li jinqata’, jiżguraw li l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jasal frisk għand il-konsumaturi, ikun x’ikun il-mod ta' kif jinbiegħ.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-produzzjoni tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel”, minn meta jinżara' sa ma jinqata', għandha ssir fiż-żona ġeografika identifikata.

Prattikament, l-ispraġ li jikber fiż-żona tat-tkabbir ta' “Abensberg” huwa l-ispraġ abjad ikkultivat. L-ispraġ abjad jitkabbar f'kanali kbar taħt l-art. Minħabba n-nuqqas tad-dawl tax-xemx, ir-rimjiet li jikbru 'l fuq fil-kanali ma jirnexxilhomx jiħdaru u b'hekk jiġu prodotti rimjiet bojod jew bojod fl-aħmar bi rjus li jvarjaw minn bojod għal vjola, li normalment ikunu twal 22 ċm.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

L-ispraġ li jkun għadu kemm inqata’ għandu l-ewwel jitnaddaf ftit bl-ilma eżatt wara li jinqata' u mbagħad jitnaddaf sewwa bl-ilma tal-vit.

Sabiex l-ispraġ jibqa’ ta’ kwalità tajba, wara li jinqata’ u jitnaddaf għandu jitkessaħ malajr kemm jista’ jkun. Il-frażi “jitkessaħ malajr kemm jista’ jkun” tfisser li l-ispraġ jitkessaħ b'ilma kiesaħ silġ kemm jista' jkun malajr wara li jinqata' sakemm ikollu temperatura ta' 1 sa 2 °C, sabiex jibqa' frisk, tari u jżomm il-lewn qisu avorju tiegħu. Dan it-tkessiħ jgħin ukoll sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-batterji u l-fungi fl-ispraġ, li jnaqqsulu l-kwalità tiegħu.

Imbagħad iz-zkuk jinqatgħu bit-tul meħtieġ u jingħażlu b’mod espert. Ir-rimjiet jinqatgħu sewwa fit-tarf ta' isfel, b’mod perpendikulari mal-assi. B'hekk jitnaqqas l-ammont ta’ superfiċje li tkun inqatgħet u allura jonqos it-telf tal-ilma u titnaqqas il-possibbiltà li jidħlu l-batterji fil-prodott. Jekk ir-rimja tkun moħwija jew tkun qisha injam fit-tarf nett, għandha titqassar b'mod espert għal inqas minn 22 ċm, jew 27 ċm fil-każ tal-ispraġ aħdar, sabiex tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-prodott.

Dawn ir-rimjiet imbagħad għandhom jinħażnu f'temperatura ta’ 1 sa 2 °C f'post umduż ħafna (b’umdità ta’ 99 %), imma mhux ġol-ilma. Il-produttur ma għandux iwaqqaf din il-katina ta’ kesħa. Il-postijiet fejn isir l-ippakkjar, it-tkessiħ u kwalunkwe bejgħ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iġjene.

Il-proċessi msemmija hawn fuq, li jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti minimi legali, jikkontribwixxu għal-livell għoli ta' iġjene u ta’ kwalità tal-prodott.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

Meta jitpoġġa għall-bejgħ, l-ispraġ tat-tip “Abensberger Qualitätsspargel” għandu jkollu l-lowgo li ġej fuq it-tikketta:

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tkopri, b'mod partikolari, dak li jissejjaħ is-“Sandgürtel” (iċ-ċintorin tar-ramel) li jinsab bejn Siegenburg, Neustadt an der Donau, Abensberg u Langquaid, u tinsab esklużivament fid-distrett rurali ta' Kelheim.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Deskrizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-ordni tal-Karmelitani minn Maximilian Georg Kroiss tiddikjara li probabbli l-ispraġ ilu jitkabbar fir-reġjun ta' Abensberg sa mill-1730. L-istess sors jiżvela wkoll li l-istoriku Angrüner sejjer żball meta jgħid li l-ispraġ beda jitkabbar f'Abensberg madwar l-1900. Kroiss jenfasizza wkoll il-fatt li Abensberg, anke llum, hija famuża ħafna għall-ispeċjalità tal-ispraġ tagħha.

Iż-żona ta' madwar Abensberg, li tissejjaħ is-“Sandgürtel” u li tinsab bejn Siegenburg, Neustadt an der Donau, Abensberg u Langquaid hija adattata ħafna għat-tkabbir tal-ispraġ minħabba l-kundizzjonijiet eċċellenti tal-ħamrija u tal-klima. Pereżempju, it-temperatura medja annwali ta' 9,8 °C u l-ammont medju ta’ xita ta’ 703 mm ta’ din iż-żona tat-tkabbir jippreżentaw kundizzjonijiet klimatiċi tajbin għat-tkabbir tal-ispraġ. Skont l-atlas bid-dejta ġeografika tas-sistema tal-informazzjoni dwar il-ħamrija tal-Bavarja, il-ħamrija hija prinċipalment imrammla. Fl-istess ħin, ġeneralment il-ħamrija f’din iż-żona fiha iktar minerali u fiha ftit iktar ħama minn dik ta’ żoni oħrajn magħrufa sew għat-tkabbir tal-ispraġ fil-Ġermanja. Huwa minħabba f'hekk li l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” għandu t-togħma partikolari qawwija u mħawra tiegħu.

L-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jitkabbar biss b'mod partikolari fit-tipi ta' ħamrija li ġejjin:

fil-ħamrija mrammla;

fil-ħamrija mrammla bi ftit lom;

fil-ħamrija mrammla bil-lom;

fil-ħamrija mrammla b’ħafna lom.

Sabiex jiġu żgurati l-karatteristiċi speċjali tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” rigward it-togħma u l-freskezza li ġejjin mill-ħamrija, l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jitkabbar u jiġi pproċessat skont il-kriterji msemmija.

F'żona kkultivata ta' 210 ettari hemm 70 produttur ta' din l-ispeċjalità. Ir-reġjun ta' Abensberg huwa wieħed miż-żoni ewlenin tat-tkabbir tal-ispraġ fil-Bavarja. Barra minn hekk, il-bdiewa lokali dejjem jiżviluppaw u jtejbu t-tekniki tagħhom tal-produzzjoni.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-kwalità tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” ġejja mill-kundizzjonijiet tal-klima deskritti hawn fuq u mit-tipi ta’ ħamrija li jinsabu fiż-żona ġeografika identifikata.

L-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” għandu fama tajba mal-konsumaturi u min jifhem fih jikkunsidrah bħala prodott speċjali ta' togħma tajba. Dan l-ispraġ huwa speċjalità tradizzjonali tal-Bavarja u jissemma wkoll fil-bażi tad-dejta tal-internet tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali miżmuma mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija tal-Bavarja (http://www.food-from-bavaria.de).

Flimkien mal-isem “Abensberger Spargel”, minn għaxar snin ilu 'l hawn, dan il-prodott qed jiġi kkummerċjalizzat ukoll bil-marka kollettiva rreġistrata “Abensberger Qualitäts-Spargel”. Ir-regoli biex tingħata din il-marka kollettiva jispeċifikaw li l-prodott irid ikun ta' kwalità għolja ħafna.

Din il-kwalità għolja tal-prodott tfisser li l-konsumaturi huma lesti jħallsu ħafna għalih. Fil-fatt, il-prezz tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” huwa saħansitra ogħla minn dak tal-ispraġ famuż tat-tip “Schrobenhausener Spargel”.

Il-fama tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” tidher ukoll mill-fatt li hemm ktieb tat-tisjir miktub speċifikament dwaru. Barra minn hekk, kull sena tintgħażel ir-’Reġina tal-ispraġ’ tat-tip “Abensberger Spargel” biex tirrappreżenta din l-ispeċjalità tal-ħaxix minn dan ir-reġjun. Fl-2007 ġie ċċelebrat il-75 anniversarju tat-tkabbir tal-ispraġ f'Abensberg.

L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ ta' kwalità tat-tip “Abensberger” (l-“Erzeugergemeinschaft Abensberger Qualitätsspargel e.V.”) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-agronomija (it-testijiet fl-għelieqi) u tat-togħma, ibbażati fuq testijiet tas-sensi marbutin mal-ispeċifikazzjoni.

Hija tniżżel dawn il-varjetajiet fil-paġna prinċipali tas-sit tal-internet tagħha http://www.qualitaetsspargel.de/ u taġġorna dan it-tagħrif kull sena.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-kwalitajiet speċifiċi tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” ġejjin mhux biss mill-klima u mit-tipi speċjali ta’ ħamrija li hemm f’dan ir-reġjun, iżda wkoll mit-tradizzjoni twila tat-tkabbir tal-ispraġ fiż-żona tat-tkabbir ta’ Abensberg kif ukoll mill-għarfien espert tal-bdiewa li ilhom ikabbruh għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-ħamrija ħafifa u mrammla li, fl-istess ħin, hija iktar rikka fil-minerali u fiha ftit iktar ħama minn dik ta’ żoni oħra tat-tkabbir, kif ukoll il-qtugħ ta' kuljum tiegħu, ifissru li l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” għandu rimjiet iktar tarjin b'togħma iktar qawwija u mħawra mill-ispraġ imkabbar bnadi oħra.

Il-fama:

Permezz tar-regoli stretti tal-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ ta' kwalità tat-tip “Abensberger” dwar kif għandu jitkabbar u jiġi pproċessat l-ispraġ (http://www.qualitaetsspargel.de/index.php/erzeuger/qualitaetsordnung), li wħud minnhom imorru ferm lil hinn mill-istandards minimi legali, issa ilu deċennji sħaħ jitpoġġa fis-suq biss l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” li jkun tal-aqwa kwalità. Dan wassal għall-fama u r-reputazzjoni tajba ferm li dan il-prodott igawdi minnhom min-naħa tal-konsumaturi. Din il-fama tidher ukoll fid-dejta uffiċjali dwar il-prezz. Fil-fatt, l-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” jista’ jġib prezz ogħla fis-suq mill-ispraġ li jkun ġej minn żoni oħrajn.

Illum il-ġurnata, is-settur tal-ispraġ sar wieħed mill-fatturi ekonomiċi ewlenin tar-reġjun ta’ Abensberg u jkopri żona ta’ madwar 210 ettaru.

Il-bdiewa li jkabbruh li joqogħdu fiż-żona ġeografika identifikata ilhom iktar minn 70 sena jgħaddu l-għarfien tagħhom dwar it-tkabbir tal-ispraġ u l-esperjenza tagħhom f’dan il-qasam minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dan l-għarfien u din l-esperjenza jiżguraw li l-ispraġ ikun tal-aqwa kwalità, u b’hekk li jitqiegħed b’suċċess fis-suq.

L-istaġun tal-ispraġ huwa magħruf fir-reġjun bħala “l-ħames staġun” u jattira diversi nies li jmorru hemm għal ħarġa ta’ ġurnata kif ukoll diversi turisti, li jkunu ġejjin minn postijiet fil-qrib iżda wkoll mill-bogħod. F’dak iż-żmien tas-sena, kemm fil-kċejjen tad-djar privati kif ukoll f’dawk tar-ristoranti, l-ingredjent ewlieni li jintuża jkun l-ispraġ. Kemm in-nies tal-lokal kif ukoll l-għadd kbir ta’ viżitaturi minn barra li jżuru Abensberg fl-istaġun tal-ispraġ ikunu impressjonati b'riċetti dejjem iktar kreattivi. Fi żmien l-ispraġ, is-swieq ta’ kull ġimgħa u s-swieq tal-ispraġ jaqilgħu l-iktar flus mill-bejgħ tal-prodotti tal-ispraġ.

Kull sena, sa mill-1996 ’il quddiem, qed tingħażel ir-“Reġina tal-ispraġ ta' Abensberg”. Din ir-reġina tiġi intervistata minn ħafna ġurnali u mill-istazzjonijiet tar-radju u tat-televixin, u twassal l-isem tajjeb tal-ispraġ tat-tip “Abensberger Spargel” ferm lil hinn mir-reġjun innifsu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)

Fit-taqsima 7a-aa tal-volum 19 tal-“Markenblatt” tal-14 ta’ Mejju 2010, p. 8178

http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/13351


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top