EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0224(01)

Notifika tal-inizjazzjoni ta’ reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja

ĠU C 55, 24.2.2012, p. 4–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/4


Notifika tal-inizjazzjoni ta’ reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja

2012/C 55/04

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu polietilenetereftalat li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   It-talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fil-25 ta' Novembru 2011 mill-Kumitat tal-Polietilenetereftalat ta' Plastics Europe (“l-applikant”) f'isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċertu polietilenetereftalat.

2.   Il-prodott rivedut

Il-prodott rivedut huwa polietilentereftalat b'numru ta' viskożità ta' 78 ml/g jew aktar, skont l-istandard ISO 1628-5, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja (“il-prodott rivedut”).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv ta’ antidumping impost permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (3).

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni ta’ skadenza

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta' dumping u ħsara.

4.1.    Allegazzjoni tal-probabilità ta' tkomplija jew rikorrenza ta' dumping

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar prezzijiet domestiċi, l-allegazzjoni ta’probabilità ta' tkomplija ta' dumping għall-Indja hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fl-Indja mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġni ta' dumping ikkalkulat huwa sinifikanti.

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar prezzijiet domestiċi għall-Indoneżja, il-probabilità ta' rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fl-Indoneżja mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Filippini, fid-dawl tan-nuqqas bħalissa ta' volumi ta' importazzjoni sinifikanti mill-Indoneżja lejn l-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar prezzijiet domestiċi għall-Malasja, il-probabilità ta' rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fil-Malasja mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, fid-dawl tan-nuqqas bħalissa ta' volumi ta' importazzjoni sinifikanti mill-Malasja lejn l-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar prezzijiet domestiċi għat-Tajwan, il-probabilità ta' rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fit-Tajwan mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Ġappun, il-Perù u l-Ekwador, fid-dawl tan-nuqqas bħalissa ta' volumi ta' importazzjoni sinifikanti mit-Tajwan lejn l-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar prezzijiet domestiċi għat-Tajlandja, il-probabilità ta' rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fit-Tajlandja mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Ġappun, il-Vjetnam u l-Awstralja, fid-dawl tan-nuqqas bħalissa ta' volumi ta' importazzjoni sinifikanti mit-Tajlandja lejn l-Unjoni.

Fuq il-bażi tat-tqabbil ta' hawn fuq il-valuri normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni, li juru dumping mill-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, l-applikant allega li hemm il-probabilità ta' rikorrenza ta' dumping minn dawk il-pajjiżi.

4.2.    Allegazzjoni tal-probabilità ta' rikorrenza ta' ħsara

L-applikant jallega wkoll li l-probabilità ta' rikorrenza ta' dumping li jagħmel ħsara. F'dan ir-rigward l-applikant ipprovda evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell ta' importazzjoni ta' bħalissa tal-prodott rivedut x'aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta' kapaċità mhux użata fil-pajjiżi kkonċernati.

L-applikant jallega wkoll li l-fluss tal-importazzjonijiet tal-prodott rivedut x'aktarx li jiżdied minħabba l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti simili li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati minn swieq tradizzjonali barra mill-Unjoni, jiġifieri t-Turkija, l-Afrika t'Isfel, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika. Dan jista' jwassal biex l-esportazzjonijiet jingħaddu minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni.

L-applikant finalment jallega li t-tneħħija tal-ħsara kienet l-iktar dovuta għall-eżistenza tal-miżuri u li kwalunkwe rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati, x'aktarx li jwassal għal rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tkun iġġustifikata l-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk hux probabbli jew le li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal tkomplija jew rikorrenza ta' dumping u r-rikorrenza ta' ħsara.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni ta' probabilità ta' tkomplija jew rikorrenza ta' dumping

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott rivedut mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni tar-reviżjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fl-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, sabiex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni it-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji kif mitlub fl-Anness A ma' din in-notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet tal-prodott rivedut lejn l-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tinkiseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkun fih tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija jew kumpaniji tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija jew kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott rivedut.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' impurtaturi mhux relatati  (5)  (6)

Importaturi tal-prodott rivedut mhux relatati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid tal-kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid tal-kampjuni, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni it-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji kif mitlub fl-Anness B ma' din in-notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' wkoll tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott rivedut fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni bil-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju jkun fih tagħrif dwar, fost affarijiet oħra, l-istruttura tal-kumpanija jew kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija jew kumpaniji fir-rigward tal-prodott rivedut u dwar il-bejgħ tal-prodott rivedut.

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta' probabilità ta' rikorrenza ta' ħsara u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hux probabbli li se jkun hemm rikorrenza tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-prodott rivedut tal-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta' produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt ipprovduti fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, bil-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju jkun fih it-tagħrif dwar, fost affarijiet oħra, l-istruttura tal-kumpanija jew kumpaniji tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija jew kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija jew kumpaniji fir-rigward tal-prodott rivedut, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott rivedut.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabilità tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott rivedut.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk fil-waqt li jingħata jkun sostnut b’evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, huma mistiedna juru fehmiethom, jibagħtu tagħrif u jipprovdu evidenza bħala sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibilità ta’ seduta mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu biex jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta' smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha titressaq fil-limiti ta' żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Istruzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett (7)”.

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed li jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jitressqu f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih b'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22985353

Posta elettronika: TRADE-R542-PET-A@ec.europa.eu

(li għandu jintuża mill-esportaturi, importaturi relatati, assoċjazzjonijiet u rappreżentanti tal-Indja, il-Malasja, It-Tajwan u t-Tajlandja),

TRADE-R542-PET-B@ec.europa.eu

(li għandu jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, importaturi mhux relatati, utentu, konsumaturi, assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għalfejn tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal seduta fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduti jipprovdi wkoll opportunitajiet biex issir seduta li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, il-probabilità tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Trade: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-possibilità li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni tal-iskadenza tnediet f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jiġu rrevokati jew miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk kwulnkwe parti interessata tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibilità li temenda (jiġifieri żżid jew tnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista’ titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jkunu jixtiequ jitolbu reviżjoni ta' dan it-tip, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Ipproċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (8).


(1)  ĠU C 122, 20.4.2011, p. 10.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1.

(4)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew permezz ta’ terza persuna, inkluż kwalunkwe kumpaniji relatati magħha involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(5)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegat u min jimpjegah; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien ikunu direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image


Top