Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0124(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 19, 24.1.2012, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/11


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 19/08

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ΜΑΝΤΑΡΙΝΙ ΧΙΟΥ” (MANDARINI CHIOU)

Nru KE: EL-PGI-0005-0709-27.06.2008

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Μανταρίνι Χίου” (Mandarini Chiou)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' Prodott:

Klassi 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

Il-“Mandarini Chiou” hija mandolina tal-varjetà komuni Chios (varjetà komuni fil-Mediterran) tal-ispeċi Citrus deliciosa tenore u għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi fiżiċi

Forma

:

forma sferika ċċattjata

Piż

:

60-150 g

Daqs

:

55-70 mm

Qoxra

:

1,5-3,5 mm, li tinqala’ faċilment minn mal-frotta

Għadd ta' karpelli

:

7-14, li jinqalgħu faċilment minn mal-frotta

Għadd ta' żerriegħa

:

8-24 endosperma poliembrijonika żgħira

Karatteristiċi organolettiċi

Il-frotta għandha kulur isfar fl-oranġjo, polpa ta’ lewn oranġjo ċar, ratba u mimlija togħma, kif ukoll aroma qawwija u qoxra kemxejn ħarxa.

Karatteristiċi kimiċi

Kontenut ta' meraq

:

33-45 %

Kontenut ta' zokkor

:

> 9,0 Brix

Aċidità

:

0,7-1,75 %

Zokkor/aċidi (indiċi ta' maturazzjoni)

:

5,4-15

Żjut essenzjali

Dawn jinkludu α-Tujene, α-Pinene, Kanfene, β-Pinene, β-Mirċene, ο-Metilaniżol, p-Ċimene, d-Limonene, γ-Terpinene, Linalol, u β-Karjofillene. Il-komponent prinċipali li għandu l-ogħla konċentrazzjoni huwa d-Limonene, u warajh γ-Terpinene. Iż-żjut essenzjali huma estratti mill-frotta sħiħa jew mill-qoxra biss permezz ta' mezzi mekkaniċi u l-kwantità prodotta tiddependi fuq għadd ta' fatturi, bħall-grad ta' maturazzjoni tal-frott, id-daqs tiegħu u l-metodu użat.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-kultivazzjoni, il-ħsad, id-distribuzzjoni u l-gradazzjoni tal-“Mandarini Chiou” għandhom isiru fuq il-gżejjer ta’ Chios, Psara u Inousses.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Il-“Mandarini Chiou” ipproċessata fi prodotti tal-ħelu, meraq u prodotti oħra bħaż-żjut essenzjali, għandu jkollha tikketta skont il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar ta' prodotti tal-ikel li bħala ingredjenti jużaw denominazzjonijiet protetti tal-oriġini (DPOs) jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” (IĠPs) (ĠU C 341, 16.12.2010, pp. 3 u 4).

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Qed tintalab il-protezzjoni tal-isem għall-gżejjer ta’ Chios, Psara u Inousses.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-ħamrija – is-sottostrat ġeoloġiku huwa magħmul minn depożiti alluvjali mid-diżintegrazzjoni tal-ġebla tal-ġir. Il-biċċa l-kbira tal-ħamrija hija sedimentali u rikka fil-kalċju attiv totali (CaCO3) – żewġ fatturi favorevoli għall-kultivazzjoni tal-“Mandarini Chiou”.

Il-klima – il-klima tar-reġjun hija kkaratterizzata minn:

irjieħ Etesji annwali (l-irjieħ Meltemi li fiż-żona tal-Mediterran jonfħu biss fil-Baħar Eġew) li jgħinu biex jinżammu temperaturi stabbli (u b’hekk jipproduċu klima aktar moderata u li b'mod ġenerali jipproteġu lill-frott mill-ġlata) u li jxerrdu s-sħab,

ammont kbir ta' xemx matul is-sena kollha (il-ġżira ta' Chios għandha l-ikbar għadd ta' sigħat mingħajr sħab fil-Greċja kollha) u b'mod partikolari matul il-perjodu tal-irjieħ annwali, meta s-sigħat ta' xemx ikunu l-itwal, u

varjazzjonijiet żgħar fit-temperatura matul is-sena u, bħala konsegwenza ta’ dan, xtiewi moderati qosra u sjuf friski.

Il-karatteristiċi klimatiċi deskritti hawn fuq flimkien mal-fatturi li ġejjin: (a) temperatura tal-ilma tal-wiċċ li tinżamm għolja (> 22 °C), anke fil-ħarifa, (b) it-terren li jippermetti esponiment ikbar għax-xemx u (c) il-karatteristiċi tal-ħamrija, kif deskritti fil-punt preċedenti, jinfluwenzaw id-daqs u l-kwalità tal-frott imkabbar, u b’hekk jiffavorixxu l-produzzjoni ta' kontenut għoli ta' zokkor. L-esponiment qawwi għax-xemx flimkien mat-temperaturi għoljin ta' matul il-ġurnata jippromwovu l-fotosinteżi u t-temperaturi għoljin ta' matul il-lejl jgħinu fid-diżintegrazzjoni mgħaġġla tal-aċidi, u b'hekk jagħtu indiċi ta' maturità ogħla

Formula

u bħala konsegwenza, togħma ħelwa u aroma qawwija.

Fatturi umani – Il-“Μandarini Chiou” ilha tiġi kkultivata kontinwament għal ħafna deċennji, bl-adattamenti neċessarji tal-prattiki, u wasslet ukoll għall-kostruzzjoni ta' bini adegwat u għall-iżvilupp ta' prattiki adattati totalment għall-produzzjoni. Fil-qosor jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

L-arkitettura speċjali ta' ħafna mill-bini/djar tas-sidien ta' azjendi agrikoli, mibnija fl-imsaġar u li ġeneralment jikkonsistu f'żewġ sulari sabiex jippermettu monitoraġġ aħjar tal-prodott.

Is-sistema tal-irrigazzjoni, bl-użu ta' kanali għall-ilma u ta' kapstini li jtellgħu ilma ta' kwalità eċċellenti mill-bjar. Ta' min jinnota li s-sistema tal-irrigazzjoni tal-gżira kienet żviluppata fis-seklu 14 mill-Ġenoviżi, li bnew ukoll sistemi tad-drenaġġ li f'dik l-epoka kienu l-uniċi fid-dinja.

Il-metodi intelliġenti tal-ħsad li kienu ġew żviluppati. Skont diversi sorsi, il-produtturi ta' Chios kienu l-uniċi fost il-Griegi li kienu jafu l-metodu t-tajjeb ta' kif jinqata' l-frott mis-siġar, jiġifieri bl-użu ta' mqassijiet kbar biex jaqtgħu z-zkuk u jġibuhom qosra ħafna biex fuq il-frotta ma jibqa' xejn ħlief il-bont. B’hekk ikun evitat li z-zkuk twal jagħmlu ħsara lill-frott waqt it-trasportazzjoni tiegħu fil-bramel jew fil-kannestri.

It-teknika u l-prattiki li ġew żviluppati għall-applikazzjoni tal-fertilizzanti, fosthom l-użu ġenerali ta' demel tal-baqar, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur imrobbija li l-produtturi kienu jrabbu flimkien mas-siġar tal-frott. L-użu tad-demel, għalkemm jibqa' wieħed mill-metodi ewlenin għall-arrikkiment tas-siġar, jidher li qed jisparixxi minħabba li dan ma għadux ikun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti.

It-teknika u l-prattiki adottati għall-protezzjoni tas-siġar kontra l-ġlata, li jinkludu nirien ikkontrollati; it-tichoyiria (ħitan għall-għeluq) u d-densità għolja tat-tħawwil tas-siġar, b’distanza minima ta’ 2 u 2,5 m bejn is-siġar (madwar 100 siġra għal kull 1 000 m2).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Mandarini Chiou” hija waħda mill-iktar prodotti agrikoli tradizzjonali magħrufa tal-Greċja u, flimkien mad-DPO “Mastiha Chiou”, hija l-iktar prodott importanti tal-Prefettura. Hija partikolarment imfittxija għat-togħma partikolari tagħha u għall-aroma intensa karatteristika tagħha. Il-varjetà tal-mandolina prodotta f'Chios hija unika. Jingħad li hija fost l-aħjar u l-iktar mandolin aromatiku fid-dinja. Anke meta l-mandolin ikun għadu ma mmaturax, tant ikollu riħa tfuħ li kull min jieklu jibqa' mistagħġeb bl-aroma persistenti tiegħu. L-aroma li toħroġ mill-imsaġar imħawlin bil-“Mandarini Chiou” hija tant qawwija li l-gżira hija magħrufa kemm fil-Greċja kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha bħala Chios “l-aromatika”. Dan mhuwiex ta’ sorpriża għal min iżurha, minħabba li jingħad li l-irwejjaħ li jkunu ġejjin mid-distrett ta' Kampos jistgħu jinxtammu saħansitra minn fuq il-baħar, mill-ewwel mument li l-viżitaturi jibdew iż-żjara tagħhom lejn il-qalba ħadranija tal-gżira.

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Mandarini Chiou” bħala prodott b'IĠP hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu, li hija stess hija bbażata fuq kwalità partikolari. Fl-aħħar tas-seklu 19, it-terminu “Mandarini Chiou” kien ġie stabbilit fis-suq tal-frott frisk bħala mezz ta' identifikazzjoni u talba għal prodott imfittex u oriġinali, b'aroma intensa karatteristika u b’togħma partikolari, imkabbar fi Chios b'mod li kkontribwixxa għall-valur kummerċjali speċjali tal-prodott.

Sabiex il-karatteristiċi speċjali tal-frott ikunu ppreżervati, il-“Mandarini Chiou” kien jiġi ppakkjat fil-karta wara li jinqata'. Din il-proċedura kienet invenzjoni tal-produtturi ta' Chios u ma kienet użata fl-ebda parti oħra tal-Greċja. L-iktar evidenza antika bil-miktub dwar l-ippakkjar tal-mandolin fil-karta pprattikat fi Chios tmur lura għas-sena 1878, u hija tal-kittieb Franċiż A. Testevuide fir-rivista Franċiża ddedikata għall-vjaġġi, “Le Tour du Monde”.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-reputazzjoni eċċellenti tal-prodott tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-karatteristiċi inerenti tiegħu u mill-interventi effikaċi tal-bniedem.

Fi kwalunkwe każ, il-prodott “Mandarini Chiou” jgawdi stima kbira mill-konsumaturi, kemm fil-Greċja kif ukoll lil hinn minnha, l-aktar minħabba l-aroma karatteristika tiegħu u t-togħma speċjali, kwalitajiet li fil-passat ikkontribwew b'mod partikolari għall-prosperità tal-ekonomija lokali u għall-iżvilupp tal-kummerċ mal-pajjiżi Ewropej (iċ-Ċekoslovakkja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Polonja u l-Ġermanja). Il-karatteristiċi ta’ hawn fuq jinsabu fir-rakkonti ta' ħafna vjaġġaturi ċelebri (Galland, Testevuide, Zolotas, Tombazis, Sgouros u Sotiriadou).

L-ambjent fiżiku ta kontribut importanti wkoll għar-reputazzjoni tal-prodott, speċjalment fil-kundizzjonijiet marbutin mal-ħamrija u mal-klima taż-żona, filwaqt li l-propagazzjoni tal-karatteristiċi speċjali tal-prodott ġiet iffaċilitata bil-kbir bl-integrazzjoni tal-kultivazzjoni tiegħu fl-ambjent ekonomiku u kummerċjali aktar wiesa’ tal-gżejjer.

Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li r-reputazzjoni tal-“Mandarini Chiou” hija dovuta, fil-parti l-kbira, lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjun agrikulturali fejn jitkabbar. Għalhekk mhuwiex b'kumbinazzjoni li l-gżira ta' Chios hija magħrufa bħala Chios “l-aromatika”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minagric.gr/greek/data/Allin1_for%20CD01.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top