Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012TA1215(29)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġiba tal-Aġenzija

ĠU C 388, 15.12.2012, p. 171–173 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/171


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġiba tal-Aġenzija

2012/C 388/29

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Fornitriċi Euratom (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”), li tinsab fil-Lussemburgu, inħolqot fl-1958 (1). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/114/KE, Euratom (2) issostitwiet l-Istatuti preċedenti tal-Aġenzija. Il-kompiti prinċipali tal-Aġenzija huma li tipprovdi lill-Unjoni b’għarfien espert dwar is-suq tal-materjali u servizzi nukleari u tissorveljah.

2.

L-Aġenzija ma rċevietx baġit proprju għaliha biex tkopri l-operazzjonijiet tagħha mill-2008 ‘l hawn. Il-Kummissjoni refgħet l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-2011. Għall-2012, l-Aġenzija ngħatat baġit proprju għaliha mill-Kummissjoni.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali tal-Aġenzija (3) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

4.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess (4). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (5) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (6) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7), abbażi tal-verifika tagħha, b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

6.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (8) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adotatti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (9).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Enfasi dwar kwistjoni

Mingħajr ma tixħet dubju fuq l-opinjoni espressa fil-paragrafu 10, il-Qorti tixtieq terġa’ tiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni li ġejja. L-Artikolu 54 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jipprovdi li l-Aġenzija għandu jkollha awtonomija finanzjarja. L-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-Aġenzija jipprovdi li "l-infiq tal-Aġenzija għandu jikkonsisti fi spejjeż amministrattivi tal-persunal tagħha u tal-Kumitat, kif ukoll spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti konklużi ma’ partijiet terzi". Fil-fatt, mill-2008 ’l hawn, l-Aġenzija ma rċevietx baġit. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea ħallset direttament l-ispejjeż tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 7 hawn fuq. Fl-opinjoni tal-Qorti, din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Istatuti tal-Aġenzija u l-Qorti tqis li l-Aġenzija u l-Kummissjoni għandhom, flimkien mal-partijiet interessati kollha, iqisu miżuri biex din is-sitwazzjoni tiġi eliminata.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU 27, 6.12.1958, p. 534.

(2)  ĠU L 41, 15.2.2008, p. 15.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(5)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(6)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(8)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fid-29 ta’ Ġunju 2012 u rċevuti mill-Qorti fit-3 ta’ Lulju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni, huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://ec.europa.eu/euratom/accounts_en.html.

(9)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.


IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija taqbel mal-konlużjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

Fl-2011, il-Kummissjoni adottat il-proposta biex tkun stabbilita mill-ġdid linja baġitarja speċfika għall-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom. B’konsegwenza, għall-2012 l-Aġenzija ngħatat sussidju ta’ EUR 98 000 mill-Kummissjoni, b’baġit totali ta’ EUR 104 000 (inkluż id-dħul finanzjarju) għall-2012.


Top