Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012TA1215(13)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

ĠU C 388, 15.12.2012, p. 73–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/73


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

2012/C 388/13

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija” jew “ECHA”), li tinsab f'Ħelsinki, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti prinċipali tagħha huma li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, waħidhom, f'taħlitiet u f'oġġetti, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. L-Aġenzija tippromovi wkoll l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi għall-istimi ta’ perikli relatati mas-sustanzi (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa supplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

4.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (7) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (8) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (9), abbażi tal-verifika tagħha, b'dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

6.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonjiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (10) jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adotatti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (11).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

11.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

12.

Il-baġit 2011 tal-Aġenzija ammonta għal EUR 93,2 miljun, li minnhom EUR 14,9 miljun (16 %) ġew riportati għall-2012. Ir-riporti relatati mat-Titolu III (nefqa operazzjonali) ammontaw għal EUR 11,5 miljun (55 %). Il-livell ta’ riporti huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-AĠENZIJA

13.

Ir-riżultati tal-inventarju fiżiku l-aktar reċenti mwettaq fl-2011 juru bosta nuqqasijiet, speċjalment fir-rigward tal-proporzjon baxx ta’ attivi tal-ICT iċċekkjati fir-rigward tal-valur. Ma hemm l-ebda politika formali fis-seħħ dwar l-inventarju ta’ attivi fissi.

14.

L-Aġenzija tirreġistra bħala nefqa dawk l-ispejjeż relatati ma’ proġetti tal-ICT li diġà qegħdin jintużaw minflok ma tirrikonoxxihom bħala attivi fissi.

KUMMENTI OĦRA

15.

Il-Qorti identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri tar-reklutaġġ. Ma hemm l-ebda evidenza li l-limiti minimi biex wieħed jgħaddi d-diversi stadji tal-proċeduri jew il-mistoqsijiet għal intervisti jew testijiet bil-miktub kienu ġew stabbiliti qabel ma ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet. Id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi kienu inadegwati għall-qbid u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi ta’ membri tal-bord ta’ għażla. F'każ minnhom il-proċedura tal-għażla kienet irregolari peress li l-aġent ġie rreklutat għal kariga differenti minn dik ippubblikata.

16.

Il-Qorti wettqet verifika bil-għan li tevalwa l-politiki u l-proċeduri għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi għal erba' Aġenziji Ewropej, l-ECHA inkluża. Ir-riżultati tal-verifika huma ppreżentati f'dokument separat (ir-Rapport Speċjali 15/2012).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(7)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(8)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(9)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(10)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fid-19 ta’ Ġunju 2012 u rċevuti mill-Qorti fit-28 ta’ Ġunju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://echa.europa.eu.

(11)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.


ANNESS

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (Ħelsinki)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Il-ġbir ta’ informazzjoni

Il-bażi legali tar-regolament li fuqu hija msejsa l-ECHA, ir-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006, hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

(kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH) u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (Il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet)

L-objettivi

L-għan tar-Regolamenti REACH u CLP huwa li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-istima ta' perikli ta' sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni (L-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, l-Artikolu 1 tar-Regolament CLP).

L-ECHA hija b'dan stabbilita għall-finijiet tal-ġestjoni u f'xi każijiet għat-twettiq tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi ta' dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata konsistenza fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta' dawn l-aspetti (l-Artikolu 75 tar-Regolament REACH) u għall-ġestjoni ta’ kompiti relatati mal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta' sustanzi kimiċi li ġejjin mir-Regolament CLP.

Il-kompiti

Tirċievi reġistrazzjonijiet u dossiers oħra ta’ sustanzi kimiċi u twettaq kontroll tal-kompletezza tagħhom (it-Titolu II tar-Regolament REACH).

Tipproċessa domandi fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet u tieħu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet dwar kondiviżjoni ta’ data (it-Titolu III tar-Regolament REACH).

Teżamina dossiers tar-reġistrazzjoni għal konformità mar-Regolament REACH u l-proposti ta’ ttestjar fihom, u tikkoordina l-proċess ta’ valutazzjoni tas-sustanza (it-Titolu VI tar-Regolament REACH).

Tipproċessa proposti dwar sustanzi ta' tħassib serju ħafna għal-Lista ta’ Kandidati u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex xi wħud minn dawn is-sustanzi jiġu inklużi fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni u tittratta applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni (it-Titolu VII tar-Regolament REACH).

Tipproċessa dossiers ta’ restrizzjonijiet (it-Titolu VIII tar-Regolament REACH).

Tistabbilixxi u żżomm database(s) pubbliċi b’informazzjoni dwar is-sustanzi reġistrati kollha u tagħmel ċerta informazzjoni pubblikament disponibbli fuq l-Internet (l-Art. 77, 119 tar-Regolament REACH).

Tipprovdi gwida u strumenti tekniċi u xjentifiċi fejn ikun meħtieġ (l-Art 77 tar-Regolament REACH, l-Artikolu 50(2) tar-Regolament CLP).

Tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE bl-aqwa parir xjentifiku u tekniku possibbli għal kwistjonijiet dwar sustanzi kimiċi li jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tagħha u li jiġu riferuti lilha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti REACH u CLP. (l-Artikolu 77(1) tar-Regolament REACH, l-Art. 50(1) tar-Regolament CLP).

Tirċievi notifiki C&L, iżżomm inventarju pubbliku C&L, tittratta talbiet għal ismijiet alternattivi u tipproċessa proposti għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta' sustanzi (CLP).

It-tmexxija

Il-Bord ta' Tmexxija

Rappreżentant minn kull Stat Membru maħtur mill-Kunsill u massimu ta' sitt rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni, inklużi tliet individwi mill-partijiet interessati mingħajr drittijiet ta' votazzjoni, kif ukoll żewġ persuni indipendenti maħtura mill-Parlament Ewropew. (l-Art. 79 tar-Regolament REACH)

Il-kompiti: L-Artikolu 78 tar-Regolament REACH u r-regolament finanzjarju qafas għall-aġenziji, prinċipalment li jadotta l-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali, il-baġit finali, rapport ġenerali, ir-regoli ta’ proċedura interni u li jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuqu. Ukoll, jaħtar il-Bord tal-Appell u membri tal-Kumitati.

Id-Direttur Eżekuttiv

Il-kompiti: L-Art 83 tar-Regolament REACH

Il-Kumitati L-ECHA tinkludi tliet Kumitati Xjentifiċi (tal-Istima tar-Riskji, tal-Istati Membri u ta’ Analiżi Soċjo-Ekonomika)

Kompiti: L-Artikolu 76(1) (c-e) tar-Regolament REACH.

Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar

Il-kompiti: L-Artikolu 76(1) (f) tar-Regolament REACH.

Is-Segretarjat

Il-kompiti: L-Artikolu 76(1) (g) tar-Regolament REACH.

Il-Bord tal-Appell

Il-kompiti: L-Artikolu 76(1) (h) tar-Regolament REACH.

Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

Il-Verifika Interna

Is-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS).

L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill (l-Art. 97(10) tar-Regolament REACH.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2011 (2010)

Il-baġit (inklużi l-baġits emendatorji)

EUR 93,2 (75,5) miljun, inklużi:

Dħul mit-tariffi: EUR 33,5 (35,0) miljun

Kontribuzzjoni tal-Unjoni: EUR 0,0 (36,0) miljun

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

Għadd ta' karigi fit-tabella tal-persunal: 456 (426)

Għadd ta' karigi okkupati: 441 (382)

Persunal ieħor: 101 (90) (Aġenti b’kuntratt u esperti nazzjonali ssekondati)

Għadd ta' persunal totali: 542 (472), assenjati għall-kompiti li ġejjin:

Kompiti operazzjonali: 443 (341);

Kompiti amministrattivi u ta’ appoġġ: 99 (131)

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011 (2010)  (1)

Il-Programm ta’ Ħidma tal-ECHA kien maqsum fil-15-il Attività li ġejjin:

Ir-Reġistrazzjoni, il-Prereġistrazzjoni u l-Kondiviżjoni ta' data

Għadd ta’ dossiers ta’ reġistrazzjoni (għajr PPORDs) ipproċessati, inkl. riport 2010: 6 100 (24 000)

Għadd ta’ stimi ta’ talbiet ta’ kunfidenzjalità kkompletati: 630

Għadd ta’ domandi milqugħa: 1970 (1 600)

Għadd ta’ deċiżjonijiet maħruġa fuq kwistjonijiet dwar kondiviżjoni ta’ data: 3 (6)

Għadd ta’ sustanzi li l-informazzjoni dwarhom ġiet ippubblikata (għajr informazzjoni kunfidenzjali): 4 100 (400) 24 000 dossier

L-evalwazzjoni

Għadd ta’ kontrolli ta’ konformità kkompletati: 146 (70)

Għadd ta’ deċiżjonijiet finali dwar proposti ta’ ttestjar: 22 (4)

L-awtorizzazzjoni u r-restrizzjonijiet

Għadd ta’ sustanzi identifikati għall-inklużjoni fil-lista tal-Kandidati: 28 (16)

Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ sustanzi biex jiġu inklużi fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni: 1 (1)

Għadd ta’ dossiers ta’ restrizzjonijiet ppreżentati għal deċiżjoni mill-Kummissjoni: 4 (0)

Għadd ta’ applikazzjonijet għal awtorizzazzjoni milqugħa: 0 (0)

Għadd ta’ notifiki dwar sustanzi tal-Lista tal-Kandidati f’artikli: 203 (0)

Il-Klassifika u l-Ittikkettar (C&L)

Għadd ta’ notifiki C&L milqugħa: 3,4 miljun għal aktar minn 110 000 sustanza

Għadd ta’ proposti milqugħa għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati: 56 (81)

Għadd ta’ talbiet għal ismijiet alternattivi għal sustanzi f’taħlitiet: 0 (0)

Il-pariri u l-assistenza

Għadd ta’ mistoqsijiet imwieġba mill-helpdesk: 5 400 (10 000)

Għadd ta’ dokumenti ta’ gwida ġodda maħruġa: 3 (2) u l-għadd ta’ aġġornamenti ta’ gwida maħruġa: 14 (12)

Is-sostenn tal-IT lill-operazzjonijiet

Żvilupp ulterjuri tas-sistema REACH-IT u sistemi xjentifiċi oħra tal-IT.

Il-Pariri Xjentifiċi u Prattiċi għall-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni

Fuq talbet il-Kummissjoni Ewropea, kontribuzzjonijiet fuq nanomaterjali u lill-programm OECD dwar linji gwida tat-testijiet u lill-proposta dwar ir-Regolament tal-Bijoċidi.

It-twassil tal-ewwel rapporti skont l-Artikoli 117(2) u (3) tar-REACH

Il-Kumitati u l-Forum

Għadd ta’ ftehimiet unanimi tal-Kumitat tal-Istati Membri (MSC): 70 (26)

Għadd ta’ opinjonijiet tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji (RAC): 36 (16)

Għadd ta’ opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Analiżi Soċjo-Ekonomika (SEAC): 4 (0)

Il-Bord tal-Appell

Għadd ta’ appelli mressqa: 6 (1)

Għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ appell: 2 (0) u għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ proċedura: 10 (1)

Il-komunikazzjoni

1 (2) Jum il-Partijiet Interessati (Stakeholder Day) b’ 430 (700) parteċipant

135 (3 000) parteċipant f’webinars reġistranti ewlenija;

70 (60) pubblikazzjoni; 1 500 (2 300) paġna tradotti f’21 ilsien tal-UE;

2,9 miljun (2,5 miljun) żjara lill-websajt minn 200 (200) pajjiż

Ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Kooperazzjoni Internazzjonali

Kooperazzjoni xjentifika u teknika mal-OECD eż. eChemPortal; QSAR Toolbox

It-tmexxija

Żvilupp u titjib kontinwu tas-sistemi amministrattivi u ta’ ġestjoni, inkl. IQMS

Il-Finanzi, l-Akkwist u l-Kontabilità

Ġestjoni rigoruża baġitarja u tar-riżervi tal-likwidità, inkluż il-pagament lura tas-sussidju tal-UE rċevut fl-2010

L-għadd totali ta’ kumpaniji kkonfermati fir-rigward tal-istatus SME: 245

Ir-riżorsi umani u l-infrastruttura

24 (35) proċedura tal-għażla finalizzati; 93 (121) membru tal-persunal reklutati (TA u CA)

Teknoloġija tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni

Manutenzjoni tal-ICT; forniment ta’ spazji ġodda tax-xogħol lill-persunal ġdid

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


(1)  Fejn huwa xieraq, iċ-ċifri ddawwru għall-eqreb 10, 100, jew 1 000.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

12

L-ECHA kisbet l-objettiv tal-programm ta’ ħidma tagħha dwar ir-riporti fl-2011. L-Aġenzija ser tivvaluta mill-ġdid il-politika tagħha dwar ir-riporti fl-2012 u tistabbilixxi motivazzjoni u limitazzjoni aktar riġidi dwar riporti possibbli għas-sena finanzjarja 2013.

13.

L-ECHA tirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza tal-preċiżjoni tal-inventarju fiżiku. Fl-2012 l-Aġenzija ser tifformalizza l-politika tagħha tal-ġestjoni tal-attivi fissi, filwaqt li tingħata attenzjoni dovuta lill-kontroll fiżiku fl-aħħar tas-sena.

14.

L-ECHA ser tiżviluppa aktar il-metodu li l-ispejjeż għal softwer żviluppat internament jiġu kapitalizzati, u dawn jiġu kapitalizzati fil-livell tal-verżjonijiet differenti ta’ softwer. L-approċċ ser ikun marbut u integrat mill-qrib mal-proġett li għaddej tal-kontabbiltà tal-ispejjeż.

15.

L-ECHA hija impenjata bis-sħiħ lejn il-prinċipji ta’ trasparenza u opportunità ugwali fil-proċeduri tagħha ta’ reklutaġġ u għażla. L-ECHA wettqet reviżjoni tal-proċedura tagħha ta’ reklutaġġ, inkluż id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, bil-għan li tkompli ttejjibhom u tiżgura konformità mal-aħjar prattika. L-aġġornament li jirriżulta tal-proċeduri qies il-punti mqajma mill-Qorti tal-Awdituri. Sadanittant, l-aġent imsemmi ngħata pożizzjoni ekwivalenti għal dik ippubblikata.

16.

It-tweġibiet tal-Aġenzija ser jiġu ppubblikati flimkien mar-Rapport Speċjali tal-Qorti (15/2012).


Top