Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012TA1215(02)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju

    ĠU C 388, 15.12.2012, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 388/8


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju

    2012/C 388/02

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju”, li jinstab f’Riga, ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Uffiċċju huwa li, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, jiġbor u janalizza tagħrif dwar komunikazzjonijiet elettroniċi u jxerred fost l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali l-aħjar prattiki regolatorji bħal approċċi komuni, metodoloġija jew linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE (2).

    2.

    Il-Kummissjoni tat awtonomija finanzjarja lill-Uffiċċju fit-12 ta’ Settembru 2011. Għalhekk il-perjodu vverifikat għas-sena finanzjarja 2011 jibda mit-12 ta’ Settembru u jkompli sejjer sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Uffiċċju. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    4.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Uffiċċju, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Uffiċċju, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (7) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (8) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Awditur

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (9), abbażi tal-verifika tagħha, b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

    7.

    Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    8.

    Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Uffiċċju (10) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus (likwidità) tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli tal-kontabilità adotatti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (11).

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    Il-baġit 2011 tal-Uffiċċju adottat mill-Kumitat ta’ Tmexxija żvela approprjazzjonijiet skont it-Titoli u l-Kapitoli biss u ma kienx suddiviż f’artikoli u partiti. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

    14.

    Il-Qorti identifikat 21 każ b’valur totali ta’ EUR 94 120 fejn approprjazzjonijiet riportati għall-2012 ma kinux jikkorrispondu ma’ impenji legali. Għalhekk dawn ir-riporti kienu irregolari.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-UFFIĊĊJU

    15.

    L-Uffiċċju kien għadu ma adottax u ma implimentax l-istandards kollha ta’ kontroll intern. B’mod partikolari, ma kien ġie introdott l-ebda reġistru ċentrali ta’ fatturi u l-ebda reġistru ta’ eċċezzjonijiet.

    KUMMENTI OĦRA

    16.

    Jeħtieġ li l-Uffiċċju jtejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Il-mistoqsijiet għat-testijiet orali u dawk bil-miktub ma kinux stabbiliti qabel ma l-applikazzjonijiet ġew eżaminati mill-bord tal-għażla, ma kien hemm l-ebda deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra għall-ħatra tal-bord tal-għażla u l-grad tal-membri tal-bord tal-għażla ma kienx indikat.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

    (2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Korp. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

    (4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (7)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (8)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Korp.

    (9)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

    (10)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-3 ta’ Lulju 2012 u rċevuti mill-Qorti fit-3 ta’ Lulju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.berec.europa.eu/.

    (11)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.


    ANNESS

    L-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riga)

    Il-kompetenzi u l-attivitajiet

    L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Approssimazzjoni ta’ liġijiet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

    Il-kompetenzi tal-Uffiċċju

    (Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    Is-setgħat tal-Uffiċċju kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    L-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 6 għandu jipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrativ u professjonali lill-BEREC.

    Huwa għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi.

    It-tmexxija

    L-Uffiċċju għandu:

    (a)

    Kumitat ta’ Tmexxija;

    (b)

    Maniġer Amministrattiv,

    li jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltajiet amministrattivi u finanzjarji kollha, inklużi r-responsabbiltajiet għall-persunal.

    Madankollu, il-Kumitat ta’ Tmexxija biss huwa responsabbli għall-ħatra tal-persunal (Art. 7(4));

    Il-gwida dwar is-servizzi u l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti mill-Uffiċċju tingħata mill-Bord tar-Regolaturi, kif speċifikat fi “Prodotti u Servizzi fl-2011”.

    Ir-riżorsi disponibbli għall-Uffiċċju fl-2011

    Il-Baġit Finali EUR 1.8 miljun (baġit emendat 1/2011)

    L-awtonomija finanzjarja nkisbet fit-12 ta’ Settembru 2011.

    Il-persunal fil-31 ta' Diċembru 2011: 18

    Il-prodotti u s-servizzi mogħtija fl-2011

    Taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, l-Uffiċċju pprovda s-servizzi li ġejjin:

    Servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattivi lill-BEREC,

    Ġbir ta’ tagħrif mill-NRAs u skambju u trasmissjoni ta’ informazzjoni,

    Tixrid tal-aħjar prattiki regolatorji fost l-NRAs ġewwa l-UE u lil partijiet terzi,

    Assistenza liċ-Chairperson fit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju,

    Appoġġ lill-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti mwaqqfa mill-Bord tar-Regolaturi.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju.


    IT-TWEĠIBIET TAL-UFFIĊĊJU

    13.

    L-Uffiċċju BEREC ser iwaqqaf din il-prattika. Il-Baġit 2012, li diġà ġie subdiviż f’artikoli u punti, ser jiġi approvat mill-Kumitat Amministrattiv fuq livell dettaljat u ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħna f'Settembru 2012.

    14.

    Il-fażi inizjali għamlitha diffiċli biex jitbassru sewwa t-trasferimenti. Bħalissa qed isir segwitu mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-baġit. Fl-aħħar tas-sena 2012 ser jingħataw struzzjonijiet u ser tinġabar l-informazzjoni miġbura mill-unitajiet sabiex jiġu diżimpenjati l-impenji mhux użati.

    15.

    Il-Pjan tal-implimentazzjoni attwali għall-ICS qed jimplimenta l-iskadenzi għal standards differenti matul il-perjodu Novembru 2011 – Jannar 2013. Ir-reġistrazzjoni tal-fatturi u r-reġistrazzjoni tal-eċċezzjonijiet ġew implimentati mit-18 ta’ Ġunju 2012 b’impatt fuq reġistrazzjonijiet ulterjuri fl-2012. Bħalissa qed issir it-tħejjija tal-Istruzzjonijiet Amministrattivi relevanti.

    16.

    L-Uffiċċju segwa l-istess proċeduri bħad-DG INFSO sas-sejbiet tal-ECA ta’ Mejju 2012. Minn Ġunju 2012 l-Uffiċċju aġġorna l-Linji Gwida tiegħu għall-proċeduri ta’ reklutaġġ sabiex jittratta dawn is-sejbiet.


    Top