EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0437

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu

/* SWD/2012/0437 final */

52012SC0437

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu /* SWD/2012/0437 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu

DĠ Ewlieni: DĠ MOVE

Sommarju Eżekuttiv

1.           Definizzjoni tal-problema

L-esperjenza fil-funzjonament tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tal-Baħar (minn issa 'l quddiem "MED") enfasizzat ċerti punti dgħajfa fl-implimentazzjoni u l-infurzar, l-aktar fir-rigward ta’: il-kwalità u l-kontroll tal-ħidma tal-korpi notifikati (l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità f'isem l-Istati Membri); l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi; l-effikaċja tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq; il-mekkaniżmi ta’ salvagwardja (li jiżguraw li l-Istati Membri jieħdu miżuri kontra tagħmir mhux konformi, u li dawn il-miżuri huma kkontrollati sabiex jiġi żgurat li ma jikkostitwixxux ostakli moħbija għall-moviment ħieles).

Minħabba li t-teknika leġiżlattiva użata fil-MED biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tagħha hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq il-prinċipji ddefiniti fl-Approċċ Ġdid[1] fil-qasam tal-moviment ħieles tal-merkanzija, il-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u infurzar identifikati hawn fuq huma komuni għad-Direttivi dwar l-Approċċ Ġdid.

Sabiex jiġu kkoreġuti l-kwistjonjiet ta’ funzjonament ħażin tas-sistema, l-Approċċ Ġdid kien is-suġġett ta’ reviżjoni fl-2008 li wasslet għall-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (minn hawn 'il quddiem ‘NLF’) għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti[2].

Għalhekk, il-problemi identifikati għall-MED jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-allinjament tal-MED fl-NLF kif previst mill-koleġiżlaturi. Madankollu, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tat-tagħmir tal-baħar, kwistjoni ewlenija hija jekk f’xi oqsma hemmx ukoll il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għall-MED. Il-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi mmappjar dettaljat tal-NLF fil-konfront tal-ispeċifiċitajiet tal-MED. Fost dawn:

· It-tagħmir tal-baħar irid ikun konformi mar-rekwiżiti ta’ kostruzzjoni u prestazzjoni, u jiġi ttestjat skont l-istandards tal-ittestjar, stabbiliti mill-IMO;

· It-tagħmir tal-baħar irid ikun approvat mill-Istat tal-bandiera;

· It-tagħmir tal-baħar mhuwiex neċessarjament ikkummerċjalizzat fit-territorju tal-UE, iżda huwa pjuttost installat direttament abbord il-vapuri tal-UE kull fejn dawn jinbnew jew jissewwew, jew jieħdu l-provvisti;

· It-tagħmir tal-baħar jinkludi bosta elementi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttivi oħra tas-Suq Intern, madankollu r-rekwiżiti ta’ dawn huma differenti minn dawk tal-IMO jew huma inkompatibbli magħhom;

· Barra minn hekk, il-proċess ta’ traspożizzjoni tar-regoli tal-IMO fil-liġi nazzjonali joħloq inċertezza legali u jimponi piż eċċessiv fuq l-industrija u l-amministrazzjonijiet nazzjonali minħabba t-teknika leġiżlattiva twila u kumplessa – dan jagħmilha diffiċli biex tinżamm aġġornata mal-produzzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-MED ma tiżgurax l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni kompluta tal-IMO u ta’ standards oħra mill-Istati Membri, li jwassal għal riskji għas-sikurezza u funzjonament ineffiċjenti tas-Suq Intern għat-tagħmir tal-baħar.

Partijiet interessati milquta jinkludu l-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar Ewropew, li minnhom għadd kbir huma SMEs, tarznari, vapuri tal-passiġġieri u vapuri tal-ekwipaġġi, kif ukoll amministrazzjonijiet pubbliċi u gvernijiet.

2.           Analiżi tas-Sussidjarjetà u tal-Proporzjonalità

L-applikazzjoni diretta tal-qafas regolatorju tal-IMO mill-Istati Membri fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja twassal għal ostakoli għall-moviment ħieles ta’ oġġetti, li jirriżultaw l-aktar a) mid-diskrezzjoni wiesgħa permessa mill-istrumenti tal-IMO lill-Istat tal-bandiera, b) mill-produzzjoni ta’ rekwiżiti nazzjonali addizzjonali u c) mid-diverġenzi fil-metodi ta’ ċertifikazzjoni. Fl-istess ħin, id-diverġenzi li jirriżultaw fir-regolamenti nazzjonali jistgħu jwasslu għal gradi mhux uniformi ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali.

L-armonizzazzjoni mill-UE ssolvi dawn il-problemi, peress li tirriżulta f'ġabra ta’ rekwiżiti identifikati b’mod ċar u proċeduri ta’ ċertifikazzjoni uniformi kapaċi li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni ambjentali. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sistema internazzjonali, l-UE toffri l-vantaġġ ta’ sistema ġudizzjarja ta’ infurzar – li mingħajrha l-effettività ta’ dawk ir-rekwiżiti u l-proċeduri tkun imfixkla b’mod serju.

L-UE ma tarmonizzax hi stess l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati applikabbli, li huma deċiżi fuq il-livell tal-IMO bil-kontribuzzjoni sħiħa tal-Istati Membri. Hija sempliċiment tidentifika b'mod ċar liema speċifikazzjonijiet u standards tekniċi tal-IMO għandhom jiġu applikati.

3.           Għanijiet tal-inizjattiva tal-UE

3.1.        Għanijiet ġenerali

Skont l-Artikoli 90 u 91 tat-TFUE, il-Politika Komuni tat-Trasport (CTP) għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet usa' tat-Trattati. Fi ħdan il-qafas tas-CTP u meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tagħmir tal-baħar, l-għan ġenerali tal-inizjattiva proposta għandu żewġ aspetti:

· it-titjib tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u infurzar tal-MED, biex b’hekk ikun garantit il-funzjonament xieraq tas-suq intern tat-tagħmir tal-baħar filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar;

· is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju filwaqt li jkun żgurat li r-rekwiżiti tal-IMO jiġu applikati u implimentati b’mod armonizzat mal-UE kollha, u b’hekk jikkontribwixxu biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni jeżistu skont l-Artikolu 173 tat-TFUE.

3.2.        Għanijiet speċifiċi

Abbażi tal-problema u l-kawżi ewlenin relatati magħha stabbiliti fit-Taqsima 2 hawn fuq, l-għan ġenerali b’żewġ aspetti jista’ jwassal għal għanijiet aktar speċifiċi:

· il-kisba ta’ mod ottimali biex il-MED tiġi allinjata mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (kif rikjest skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 768/2008/KE (Id-Deċiżjoni dwar l-NLF) filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tagħmir tal-baħar fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq, il-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti u l-obbligi tal-parteċipanti fil-katina tad-distribuzzjoni.

· it-tqassir, is-simplifikazzjoni u l-kjarifika tat-traspożizzjoni tal-emendi għall-istandards tal-IMO fl-oqsfa leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali.

4.           Għażliet ta’ politika

Il-Kummissjoni identifikat erba' għażliet ta’ politika – minbarra x-xenarju ta’ referenza. L-għażliet kollha ta’ politika tfasslu biex ikunu jistgħu jindirizzaw iż-żewġ għanijiet speċifiċi definiti fit-Taqsima 3. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni preliminari tal-4 għażliet politiċi possibbli fuq il-bażi tal-effikaċja tagħhom fl-indirizzar tas-sorsi tal-problemi attwali u tal-effiċjenza tagħhom. B'mod parallel, ġiet ivvalutata l-koerenza tal-għażliet ta’ politika possibbli mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. B’riżultat ta’ dan l-iskrinjar preliminari, inżammu 2 għażliet ta’ politika, minbarra x-xenarju ta’ referenza, għal valutazzjoni fil-fond.

L-Għażla ta’ Politika Nru 2 tipprevedi allinjament massimu tal-MED mal-NLF, fejn jinżammu d-differenzi li hemm minn mal-NLF għal dawk il-kwistjonijiet fejn jitqies li huwa indispensabbli f’kull każ – jiġifieri l-immarkar speċifiku.

L-Għażla ta’ Politika 3 tieħu l-forma ta’ allinjament kondizzjonali tal-MED mal-NLF, fejn jiġu introdotti soluzzjonijiet addizzjonali speċifiċi għall-MED sabiex jottimizzaw l-effikaċja tal-istrument, jiġifieri fl-oqsma tar-rekwiżiti u l-istandards tal-IMO, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, l-użu ta’ moduli tal-valutazzjoni tal-konformità, it-traċċabbiltà tal-prodott u l-klawsola ta’ salvagwardja. Dawn l-oqsma fil-biċċa l-kbira, jkunu l-istess fejn il-MED attwalment ma ssegwix l-Approċċ il-Ġdid.

Tabella 1: Deskrizzjoni tal-Għażliet ta’ Politika li nżammu

|| Għażla ta’ Politika 2 allinjament massimu mal-NLF || Għażla ta’ Politika 3 allinjament kondizzjonali mal-NLF

· Għan speċifiku Nru 1: Is-sejba ta’ mod ottimali għall-allinjament tal-MED mal-NLF filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tagħmir tal-baħar

Sorveljanza tas-suq || ||

Qafas komuni tal-UE || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2

Mekkaniżmi ta’ kontroll ta’ wara s-suq aktar effikaċi || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2 + Introduzzjoni tal-possibbiltà li jintużaw it-tikketti elettroniċi biex jingħataw għodod aħjar għas-sorveljanza tas-suq biex jinstab it-tagħmir mhux konformi.

Proċedura tal-klawżola ta’ salvagwardja || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2 + Dispożizzjonijiet addizzjonali li jadattaw l-amministrazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja, sabiex ikun possibbli li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tillimita l-valutazzjoni tagħha b’rispett tal-proċedura xierqa mill-Istat Membru kkonċernat.

Valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti || ||

Rekwiżiti essenzjali || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED – l-annessi attwali tal-MED jitħallew barra; il-konformità mar-rekwiżiti tal-IMO[3] tinbidel f'"rekwiżit essenzjali". || · Ir-regoli tekniċi obbligatorji inklużi rekwiżiti obbligatorji u mhux obbligatorji tal-IMO kif ukoll standards tal-ittestjar Ewropej u internazzjonali żviluppati minn organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-IMO.

Notifika tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2

Proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-użu selettiv ta’ moduli tal-valutazzjoni tal-konformità, fejn partikolarment il-moduli A u C (li jikkorrispondu mal-possibbiltà ta' valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti minn Korpi Notifikati ta’ ġewwa) ma jinżammux.

Immarkar tas-CE || L-ebda allinjament, l-immarkar tas-CE huwa sostitwit minn wheelmark || · L-ebda allinjament, l-immarkar tas-CE huwa sostitwit minn wheelmark

Sett ta’ għodda ta’ miżuri għall-użu fil-leġiżlazzjoni || ||

Obbligi tal-parteċipanti fil-katina tad-distribuzzjoni || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-adattament tal-obbligi tal-parteċipanti fil-katina tad-distribuzzjoni, li jirrifletti l-irrilevanza tal-konċentazzjoni fuq sehem żgħir tat-tagħmir tal-baħar li huwa fil-fatt imqiegħed fis-suq fit-territorju tal-UE. · Manifatturi: l-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2 · L-importaturi u d-distributuri: identifikazzjoni u reġistrazzjoni; kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq (informazzjoni, dokumentazzjoni, tneħħija tar-riskji, eċċ.)

Definizzjonijiet u proċeduri armonizzati (ħlief l-immarkar tas-CE) || Traspożizzjoni kelma b’kelma tad-dispożizzjonijiet tal-NLF fil-MED || · L-istess bħall-Għażla ta’ Politika 2

· Għan speċifiku Nru 2: is-simplifikazzjoni, il-kjarifika u t-tqassir tat-traspożizzjoni tal-emendi għall-istandards tal-IMO fl-oqsfa leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali.

-/- || L-ebda traspożizzjoni fl-ordni legali tal-UE; ir-rekwiżiti tal-IMO fl-għamla ta’ rekwiżiti essenzjali direttament applikabbli fl-Istati Membri; l-istandards internazzjonali u Ewropej huma fakultattivi u jagħtu preżunzjoni ta’ konformità. || · It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti tal-IMO permezz ta’ Regolamenti ta’ implimentazzjoni jew ta’ delega, li ma jeħtiġux it-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. L-istandards tal-ittestjar (kemm jekk żviluppati mill-IMO kif ukoll mill-korpi tal-istandardizzazzjoni) huma obbligatorji.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

It-tabella li ġejja tippreżenta valutazzjoni kwalitattiva aggregata tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija.

Tabella 2: Valutazzjoni kwalitattiva tal-impatti mistennija tal-Għażla ta’ Politika 2 u l-Għażla ta’ Politika 3

|| Għażla ta’ Politika 2 || Għażla ta’ Politika 3

L-impatti ekonomiċi || ||

Suq intern || ||

Qafas komuni tal-UE || ++ || ++

Mekkaniżmi ta’ kontroll ta’ wara s-suq aktar effikaċi || ++ || +++

Proċedura tal-klawżola ta’ salvagwardja || ++ || +++

Valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti || ++ || +++

Obbligi għall-parteċipanti fil-katina tad-distribuzzjoni || - || ++

Definizzjonijiet armonizzati || = || =

Interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti tal-IMO || -- || =

Spejjeż operattivi u piż amministrattiv || ||

Operaturi ekonomiċi || ++ || +++

Korpi notifikati || = || =

SMEs || + || ++

Kompetittività tal-operaturi ekonomiċi || ||

Sistema ta’ infurzar || ++ || +++

Traċċabbiltà tal-prodotti || + || ++

Obbligi tal-parteċipanti fil-katina tad-distribuzzjoni || - || =

Valutazzjoni tal-konformità || ++ || +++

Awtoritajiet pubbliċi || = || ++

Utenti u passiġġieri || = || =

Pajjiżi terzi u relazzjonijiet internazzjonali || = || =

Impatti soċjali || ||

Sikurezza || ++ || +++

Tniġġis ambjentali || ||

Tniġġis tal-baħar || ++ || +++

Simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju || + || +++

Spjegazzjoni:

=                             linja ta’ referenza jew ekwivalenti għal-linja ta’ referenza

+ sa +++                sitwazzjoni ftit aħjar jew ħafna aħjar meta mqabbel mal-linja ta’ referenza

- sa - - -                  sitwazzjoni ftit agħar jew ħafna agħar meta mqabbel mal-linja ta’ refernza

Meta mqabbla mal-linja ta’ referenza, irriżulta li ż-żewġ għażliet ta’ politika jwasslu għal impatti pożittivi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, partikolarment fir-rigward tal-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ infurzar (il-korpi notifikati, is-sorveljanza tas-suq, u l-klawsola ta’ salvagwardja). B’riżultat ta’ dan, iż-żewġ għażliet ta’ politika fuq kollox għandhom iwasslu għal aktar sikurezza u ħarsien aħjar tal-ambjent tal-baħar. Is-sistema attwali ta’ traspożizzjoni tar-rekwiżiti tal-IMO f'ordnijiet legali nazzjonali fiż-żewġ każijiet tibbenifika minn mekkaniżmi aktar veloċi u effiċjenti, iċċentralizzati fil-każ tal-Għażla ta’ Politika 3 filwaqt li fil-każ tal-Għażla ta’ Politika 2 jitħallew kompletament f'idejn l-Istati Membri.

Madankollu, l-Għażla ta’ Politika 2 għandha żewġ żvantaġġi importanti. L-ewwel nett, is-sostituzzjoni tal-annessi tad-Direttiva attwali b'rekwiżit ġeneriku ta’ konformità mar-rekwiżiti tekniċi u l-istandards tal-ittestjar rilevanti internazzjonali, fuq żmien twil, taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, peress li fil-medda taż-żmien żgur jiżdiedu d-differenzi bejn l-Istati Membri; dan jaffettwa wkoll is-sikurezza, peress li mhux l-Istati Membri kollha jimplimentaw ir-rekwiżiti l-aktar moderni fil-ħin, filwaqt li bosta strumenti mhux obbligatorji siewja li ġejjin mill-IMO jitwarrbu kompletament fil-ġenb. It-tieni nett, allinjament tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi fuq l-NLF jirriżulta f’piż addizzjonali u sproporzjonat l-aktar għall-importaturi u d-distributuri: dawn il-parteċipanti, li huma rilevanti biss għal frazzjoni żgħira tat-tagħmir li jiġi importat ġewwa t-territorju tal-UE, xorta jridu joħolqu struttura amministrattiva li ma teżistix illum u li l-benefiċċji tagħha mhux ser jidhru fil-parti l-kbira tal-prodotti koperti bid-Direttiva – li huma direttament installati abbord vapuri tal-UE f’tarznari għat-tiswija u l-bini ta’ vapuri, l-aktar barra t-territorju tal-UE.

B’kuntrast, l-Għażla ta’ Politika 3, minħabba s-soluzzjonijiet tagħha speċifiċi għall-MED li huma selettivament adattati għall-karatteristiċi partikolari fis-settur tat-tagħmir tal-baħar, hija aktar vantaġġuża f'diversi oqsma:

· L-użu ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni jew ta’ delega minflok l-annessi tad-Direttiva attwali jipprovdi mekkaniżmu li huwa veloċi daqs is-soluzzjoni prevista taħt l-Għażla ta’ Politika 2 u mingħajr l-iżvantaġġi msemmija hawn fuq għas-Suq Intern peress li r-rekwiżiti applikabbli jibqgħu totalment armonizzati f’kull ħin; barra minn hekk din is-sistema tipprovdi aktar ċertezza legali għall-operaturi u hija irħas għall-amministrazzjonjiet pubbliċi;

· Il-kontroll tal-konformità jitjieb bis-saħħa tal-identifikazzjoni ċara tal-istandards tal-ittestjar, filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ strumenti mhux obbligatorji tal-IMO jagħti vantaġġ ċar lill-Għażla ta’ Politika 3 f’termini ta’ sikurezza;

· Il-possibbiltà li jintużaw it-tikketti elettroniċi ttejjeb l-effettività tas-sorveljanza tas-suq u tgħin tipproteġi lill-IPR tal-manifattura b'nefqa negliġibbli;

· Obbligi adattati aħjar għall-operaturi ekonomiċi jneħħu l-piżijiet bla bżonn;

· Klawsola ta’ salvagwardja aktar sempliċi u veloċi telimina spejjeż ekonomiċi u reputazzjonali mhux meħtieġa għall-manifatturi li jkunu konformi.

6.           Tqabbil tal-għażliet

F'termini ta’ effikaċja, il-miżuri speċifiċi li hemm fl-Għażla ta’ Politika 3 jippermettu lill-MED biex tilħaq aħjar l-għan ġenerali ta’ garanzija tal-funzjonament xieraq tas-suq intern għat-tagħmir tal-baħar filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, billi jadattaw aħjar għall-karatteristiċi partikolari tas-settur. Dan huwa prinċipalment il-każ tal-mekkaniżmi msaħħa ta’ infurzar u kontroll (sorveljanza aħjar tas-suq, klawżola ta’ salvagwardja ssimplifikata) u sistema li tiżgura li r-rekwiżiti kollha rilevanti tal-IMO (obbligatorji jew le) kif ukoll l-istandards internazzjonali u Ewropej huma implimentati fi ħdan l-UE b'mod armonizzat. Barra minn hekk, l-Għażla ta’ Politika 3 telimina l-ħtieġa tat-traspożizzjoni tal-emendi fis-27 sistema legali tal-Istati Membri li hija l-ħtieġa l-aktar ta’ piż u ta’ konfużjoni, filwaqt li l-Għażla ta’ Politika 2 tħalliha mhix mittiefsa. Għal din ir-raġuni, l-Għażla ta' Politika 3 għandha tiġi ppreferuta mill-Għażla ta’ Politika 2.

F’dak li jirrigwarda l-effiċjenza, l-Għażla ta’ Politika 3 toffri soluzzjonijiet b'anqas spejjeż u piż amministrattiv mill-Għażla ta' Politika 2 għal partijiet interessati differenti, flimkien ma’ effett ta’ benefiċċju aktar b’saħħtu fuq il-kompetittività (partikolarment fir-rigward tal-SMEs). Għalhekk l-Għażla ta’ Politika 3 toħroġ bħala l-iktar għażla effiċjenti.

Fir-rigward tal-koerenza mal-objettivi, l-istrateġiji u l-prijoritajiet ġenerali tal-UE, filwaqt li ż-żewġ għażliet ta’ politika jwasslu għal titjib f'termini ta’ sikurezza marittima u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, u qafas legali simplifikat, l-aħjar riżultati għandhom ikunu mistennija mill-Għażla ta’ Politika 3 filwaqt li l-Għażla ta' Politika 2 tista’ ma tkunx kapaċi twassal għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Tabella 3: Tqabbil tal-Għażliet ta’ Politika

|| Effikaċja || Effiċjenza || Koerenza

Linja ta’ referenza || le || le || le

Għażla ta’ Politika 2 || baxxa || baxxa || medja

Għażla ta’ Politika 3 || għolja || għolja || għolja

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, b’mod ġenerali l-Għażla ta’ Politika 3 tikklassifika aħjar mill-Għażla ta’ Politika 2 u għalhekk, hija l-għażla preferuta.

7.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

Ladarba tkun allinjata mal-qafas regolatorju ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, il-MED se tibbenefika bis-sħiħ mill-mekkanizmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ dan il-qafas. Ġew previsti miżuri speċifiċi flimkien mal-allinjament sabiex tkun ivverfikata l-effikaċja tal-azzjoni u jinġabru reazzjonijiet mill-partijiet interessati bħal:

· B’riżultat tar-riforma se tinkiseb aktar dejta informattiva mill-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq kif ukoll mill-kontroll tal-Istat tal-port. L-EMSA se tkompli tirfina l-produzzjoni tal-istatistika dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u se torganizza sessjonijiet ta’ ħidma għal diskussjoni teknika u attivitajiet ta’ taħriġ mal-Istati Membri.

· Se jkomplu l-kuntatti mal-industrija inklużi sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-implimentazzjoni tal-MED emendata.

· It-tisħiħ tal-attivitajiet tal-grupp MARED ta’ korpi notifikati.

· Fl-aħħar nett, se tiġi organizzata evalwazzjoni ex-post fi żmien [5 snin] mid-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida.

[1]               Għal deskrizzjoni tal-Approċċ Ġdid u problemi assoċjati miegħu, ara l-Valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u Deċiżjoni dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, SEC 2007(173).

[2]               L-Anness 7 tal-valutazzjoni tal-impatt attwali fiha deskrizzjoni tal-elementi tal-NLF.

[3]               Konsegwentement, rekwiżiti mhux obbligatorji, rakkomandazzjonijiet u linji gwida ma jkunux koperti minn dan ir-rekwiżit essenzjali.

Top