This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012SC0370
COMMISSION STAFF WORKING PAPER EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT Accompanying the document COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Action Plan for reducing incidental catches of seabirds in fishing gears
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar f'irkapti tas-sajd
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar f'irkapti tas-sajd
/* SWD/2012/0370 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar f'irkapti tas-sajd /* SWD/2012/0370 final */
1. DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA L-ICES tistma
b'mod konservattiv li l-flotta tas-sajd tal-UE hija responsabbli għall-mewt ta'
madwar 200 000 għasfur tal-baħar fis-sena fl-ilmijiet tal-UE u mhux tal-UE[1] iżda tindika li hemm nuqqas ta' dejta preċiża dwar il-livelli ta'
qabdiet inċidentali. Dan jippreżenta sfida fil-valutazzjoni tal-impatt tas-sajd
fuq l-għasafar tal-baħar u jirrifletti nuqqas ta' monitoraġġ sistematiku u ta'
rappurtar dwar il-qabdiet inċidentali. Madanakollu, il-parir tal-ICES u
s-sejbiet ta' studju mwettaq mill-MRAG[2] b'appoġġ
għal din il-valutazzjoni tal-impatt, jindikaw li l-mortalità tal-għasafar minn
qabdiet inċidentali hija sostanzjali f'għadd ta' tipi ta' sajd tal-UE u mhux
tal-UE u għal għadd ta' speċijiet, li wħud minnhom huma mhedda jew fil-periklu
ta' estinzjoni. Speċifikament: ·
Huwa magħruf li mill-inqas 60 minn
346 speċi ta' għasafar tal-baħar jinqabdu inċidentalment f'irkapti
tas-sajd f'ilmijiet tal-UE u f’dawk li mhumiex tal-UE. Minn dawn,
madwar 49 (25 fl-ilmijiet tal-UE u 24 fl-ilmijiet mhux tal-UE) huma
kklassifikati bħala ta' tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni jew
globalment jew fuq livell tal-popolazzjoni lokali. ·
Sitt speċijiet maqbuda inċidentalment waqt is-sajd
fl-ilmijiet tal-UE u 22 speċi fl-ilmijiet mhux tal-UE huma ta' tħassib
serju fir-rigward tal-konservazzjoni u huma elenkati mill-IUCN bħala
vulnerabbli jew fil-periklu ta' estinzjoni. Il-problemi u l-fatturi sottostanti li jwasslu
għal qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar huma kif ġej: ·
L-interazzjonijiet frekwenti bejn is-sajd u
l-għasafar tal-baħar huma inevitabbli u jirriżultaw f'qabdiet inċidentali ta'
għasafar tal-baħar minħabba li dawn saru dejjem aktar dipendenti fuq is-sajd
għas-soppravivenza u għas-suċċess fir-riproduzzjoni tagħhom. Barra minn hekk
konzijiet[3]
u xbieki statiċi[4]
li jammontaw għal proporzjon kbir ta' qabdiet inċidentali ta' għasafar
tal-baħar huma l-aktar metodi effiċjenti għall-qbid ta' ċerti speċijiet ta' ħut
ta' valur għoli u għalhekk jintużaw ħafna. ·
Il-miżuri ta' ġestjoni attwali tal-UE skont
il-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-sajd tal-UE (PKS) (id-Direttivi dwar
l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)
li huma inklużi f’Konvenzjonijiet u Ftehimiet internazzjonali ġeneralment ma
kinux effettivi minħabba li l-miżuri huma mifruxa fuq diversi regolamenti u
ftehimiet u minħabba nuqqas ta' koerenza. ·
Nuqqas ta' urġenza kemm fil-livell tal-UE u
internazzjonalment sabiex jiġi indirizzat il-qbid inċidentali tal-għasafar
tal-baħar, implimentazzjoni inkonsistenti u nuqqas ta' inċentiv għas-sajjieda
biex jikkonformaw mal-miżuri fis-seħħ jew biex jadottaw il-miżuri tagħhom stess
volontarjament. ·
Nuqqas ta' għarfien dwar id-daqs tal-qabdiet
inċidentali tal-għasafar tal-baħar u ta' dejta dwar il-popolazzjonijiet minħabba
n-natura sporadika tal-monitoraġġ u minħabba ebda obbligu formali biex
il-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fl-ilmijiet tal-UE jiġu
mmonitorjati. F'ilmijiet esterni l-monitoraġġ huwa inkonsistenti fil-biċċa
l-kbira tal-attivitajiet tas-sajd billi huwa fuq bażi volontarja aktar milli
obbligatorja. ·
Ġew żviluppati miżuri ta' mitigazzjoni għas-sajd
bil-konzijiet iżda fin-nuqqas ta' adozzjoni ta' regolamenti, dawn ftit li xejn
jintużaw fl-ilmijiet tal-UE u jintużaw b'mod sporadiku biss fis-sajd estern.
Kien hemm inqas enfasi fuq qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar minn
irkapti oħra tas-sajd (prinċipalment bi xbieki statiċi) u għalhekk il-miżuri
ta' mitigazzjoni aċċettabbli għal dawn l-irkapti jibqgħu limitati. ·
Il-fehim u l-aċċettazzjoni dgħajfin mis-sajjieda li
teżisti problema ta' qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar jew dwar
il-benefiċċji li jadottaw miżuri ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-qabdiet
inċidentali. Fil-livell ta' bastiment individwali, azzjonijiet irrakkomandati għall-mitigazzjoni
tal-qabdiet inċidentali jitqiesu sproporzjonati meta mqabbla mal-kobor
tal-impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar. ·
Ir-riċerka kkonċentrat fuq is-sajd bil-konzijiet
għaliex dawn kienu ġew identifikati bħala l-akbar sors ta' qabdiet inċidentali.
Sar ftit xogħol biex jiġu żviluppati miżuri għal tipi oħra ta' rkapti tas-sajd
(eż. xbieki statiċi, xbieki tat-tkarkir u purse seines) u s-soluzzjonijiet
jidhru aktar esiġenti teknikament biex jiġu żviluppati. L-aktar affettwati huma s-settur tal-qbid
tal-ħut, l-industriji anċillari, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE,
l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) (fl-ilmijiet
esterni), is-settur tar-riċerka, l-NGOs u l-pubbliku inġenerali. Minn dawn,
l-implimentazzjoni ta' kull miżura se jkollha impatt primarjament fuq madwar
54 000 bastiment bil-konzijiet u bi xbieki statiċi fl-UE. 2. ĦTIEĠA U SUSSIDJARJETÀ Din il-proposta tikkonċerna kamp ta'
kompetenza esklussiva tal-Unjoni u għalhekk is-sussidjarjetà ma tapplikax.
Skont it-Trattat, l-UE għandha kompetenza esklussiva biex timmaniġġja
l-attivitajiet tas-sajd għal skopijiet ta' konservazzjoni, li jinkludu
t-tnaqqis ta' qabdiet inċidentali ta' speċijiet bijoloġikament sensittivi
bħall-għasafar tal-baħar u ċ-ċetaċji. 3. GĦANIJIET L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li
jnaqqas u fejn huwa possibbli jelimina l-qabdiet inċidentali ta' minn
tal-inqas 49 popolazzjoni ta' għasfur tal-baħar li huma mhedda minn
bastimenti tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE u mhux tal-UE u li jnaqqas
l-qabdiet inċidentali għal speċijiet oħra ta' għasafar tal-baħar li għandhom
il-popolazzjoni stabbli, iżda li l-livell ta' qabdiet inċidentali tagħhom huwa
tali li qed jikkawża tħassib serju. L-għanijiet operazzjonali speċifiċi biex
jappoġġaw dan l-għan ġenerali huma li: (1)
Jidentifikaw u jirrettifikaw id-dgħjufijiet u
l-inkoerenzi fil-miżuri attwali ta' ġestjoni kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll
f'dawk li mhumiex tal-UE. (2)
Jikkonsolidaw u jiġbru dejta fundamentali biex
jistabbilixxu l-grad u t-theddida maħluqa bil-qabdiet inċidentali tal-għasafar
tal-baħar b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet
identifikati li huma ta' tħassib serju għall-konservazzjoni. (3)
Jimminimizzaw il-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet
ta' għasafar tal-baħar li huma ta' tħassib serju għall-konservazzjoni għal
livelli li jeliminaw it-theddida għall-popolazzjonijiet ta' dawn l-ispeċijiet
permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni. Qed jiġu previsti żewġ għanijiet ta' appoġġ li
huma kruċjali għall-fehim aħjar tal-problema u għall-iżvilupp ta'
soluzzjonijiet prattiċi: (4)
Jiġi indirizzat kemm in-nuqqas ta' aċċettazzjoni
mis-sajjieda li l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar huma problema kif
ukoll in-nuqqas ta' inċentiv għas-sajjieda biex jadottaw miżuri ta'
mitigazzjoni. (5)
Jiġu solvuti diffikultajiet pendenti permezz ta'
mitigazzjoni eżistenti użata għas-sajd bil-konzijiet u jiġi indirizzat
in-nuqqas ta' miżuri effettivi ta' mitigazzjoni għal irkapti tas-sajd oħra,
b'mod partikolari għas-sajd bi xbieki statiċi. Ir-riforma tal-PKS, li attwalment qiegħdha
tiġi nnegozjata, hija kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet ta' din l-inizjattiva
bħala parti minn approċċ li huwa bbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni
tas-sajd. Irrispettivament mill-azzjonijiet meħuda, biex dan jinkiseb ikun
meħtieġ titjib fil-koerenza bejn l-istrumenti regolatorji u approċċ aktar
olistiku għall-ġestjoni tas-sajd li jqis l-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-sajd.
Għall-kwistjonijiet tal-qabdiet inċidentali li jinkludu l-għasafar tal-baħar,
dan se jinvolvi diversi elementi importanti: ·
Approċċ ġdid reġjonali għall-miżuri tekniċi li
jippermetti li l-miżuri ta' mitigazzjoni adattati għas-sajd speċifiku jkunu
fis-seħħ sal-2016. ·
Programm Pluriennali ġdid tal-UE għall-Ġbir
tad-Dejta (DCMAP) ippjanat li jiġi introdott fl-2014 li fih jista' jiġi inkluż
il-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar. ·
Appoġġ finanzjarju għal miżuri ġodda skont il-Fond
Ewropew għas-Sajd (FES) attwali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS)
il-ġdid li għandhom ikunu introdotti fl-2014. ·
Il-Kummissjoni se jkollha rwol aktar proattiv
fl-RFMOs biex tirrimedja s-sitwazzjoni attwali ta' konformità fqira mal-miżuri
ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-RFMOs. 4. ALTERNATTIVI TA' POLITIKA Qed jiġu meqjusa tliet alternattivi prinċipali
biex jindirizzaw dawn l-għanijiet: Alternattiva 1: Status quo: Kontinwazzjoni tal-istatus quo attwali mingħajr ma tittieħed
azzjoni ulterjuri li tmur lil hinn minn dak li diġà jeżisti fil-politiki
tas-sajd u ambjentali attwali tal-UE. Alternattiva 2: Żvilupp ta' Pjan ta'
Azzjoni tal-UE (EU-PoA): Permezz ta' miżuri volontarji
appoġġati minn strumenti regolatorji fi ħdan il-PKS riformata, leġiżlazzjoni
ambjentali (id-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats), leġiżlazzjoni
internazzjonali tas-sajd u wkoll Konvenzjonijiet u Ftehimiet. Il-PoA għandu
jipprovdi qafas prinċipali li jiġbor fih miżuri ta' monitoraġġ u ta'
mitigazzjoni fis-sajd, b'miżuri ta' akkumpanjament li jipprovdu appoġġ
finanzjarju (skont il-FES u l-FEMS). Matul iż-żmien l-intenzjoni se tkun li
l-miżuri ta' mitigazzjoni jiġu inkorporati skont il-qafas ġdid ta' miżuri
tekniċi b'miżuri speċifiċi li jiġu żviluppati reġjonalment. Il-monitoraġġ
tal-qabdiet inċidentali għandu jiġi inkorporat skont id-DCF (Qafas għall-Ġbir
tad-Dejta) il-ġdid. Il-PoA għandu jirrakkomanda wkoll l-implimentazzjoni ta'
programmi edukattivi u ta' taħriġ għas-sajjieda biex iqajmu kuxjenza dwar
il-problema u biex juru l-benefiċċji li jirriżultaw meta jintużaw il-miżuri ta'
mitigazzjoni. Barra minn hekk, il-PoA jinkoraġġixxi r-riċerka biex jiġu
żviluppati u ttestjati miżuri prattiki ta' mitigazzjoni b'mod partikolari
għas-sajd bix-xbieki statiċi. Alternattiva 3: Regolament awtonomu: Din l-alternattiva tieħu approċċ aktar strett u prekawzjonarju minn
dak tal-alternattiva 2. L-alternattiva tfittex l-adozzjoni ta' miżuri
preskrittivi skont proċedura leġiżlattiva ordinarja. Din tkun tapplika
prinċipalment fl-ilmijiet tal-UE u d-dispożizzjonijiet għall-bastimenti tal-UE
li joperaw f'ilmijiet esterni jkomplu jiġu koperti skont l-oqfsa leġiżlattivi
li huma diġà adottati mill-RFMOs. Din tassumi li r-reġjonalizzazzjoni
tal-miżuri tekniċi mhux se tidħol fis-seħħ qabel l-2016 u li d-DCF il-ġdid mhux
se jibda qabel l-2014, għalhekk skont l-istatus ta' konservazzjoni attwali ta'
mill-inqas 25 speċi ta' għasfur tal-baħar fl-ilmijiet tal-UE, il-miżuri
regolatorji li jħarsu dawn l-ispeċijiet jeħtieġ li jiġu stabbiliti mill-aktar
fis possibbli. Skont din l-alternattiva qed jiġu previsti
żewġ subalternattivi: ·
Subalternattiva 3a: tinkludi kemm
il-monitoraġġ kif ukoll il-miżuri ta' mitigazzjoni; ·
Subalternattiva 3b: tinkludi biss il-miżuri
ta' mitigazzjoni u l-monitoraġġ isir skont l-alternattiva 2. B'din l-alternattiva ma jkunx hemm il-ħtieġa
impliċita għal aktar riċerka, taħriġ jew għal miżuri ta' sensibilizzazzjoni.
Il-possibilità ta' għajnuna finanzjarja għal dawn il-miżuri tibqa' xorta waħda
skont il-FES/FEMS. 5. Sommarju tal-impatti L-impatti ta' kull
alternattiva ta' politika ġew ivvalutati sal-anqas dettall possibbli.
Madanakollu, minħabba n-nuqqas ta' dejta rilevanti, b'mod partikolari d-dejta
ekonomika, ma kienx possibbli li wħud minn dawn l-impatti jiġu kkwantifikati bi
preċiżjoni. Impatti Ekonomiċi:
Skont l-alternattiva 1 fis-sajd
bil-konzijiet se jibqa' jkun hemm impatti negattivi fil-forma ta' spejjeż
diretti mġarrba minn telf tal-lixka u permezz ta' ħsara fil-qabdiet tal-ħut u
fl-irkaptu kkawżata mill-għasafar tal-baħar. Se jkun hemm ukoll spejjeż
indiretti minn qabdiet mitlufa mill-għasafar tal-baħar meta dawn jinqabdu
fis-snanar illixkati li setgħu rriżultaw fi qbid. Abbażi tal-esperjenzi
globali, dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu sinifikanti. L-impatti huma ħafna inqas
għas-sajd bix-xbieki statiċi u għal sajd ieħor (xbieki tat-tkarkir u purse
seines) peress li l-ispejjeż diretti u indiretti jkunu inqas. Skont l-alternattiva 2 u
s-subalternattivi 3a u3b, se jkun hemm spejjeż diretti għal perjodu qasir
ta' żmien għall-adozzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni, għalkemm dawn jistgħu
jiġu kkumpensati fis-sajd bil-konzijiet permezz ta' tnaqqis li x'aktarx ikun
hemm fit-telf tal-lixka, fl-irkaptu u ħsara fil-qabdiet u fil-qbid mitluf
b'riżultat tal-użu tal-miżuri ta' mitigazzjoni. Skont iż-żewġ alternattivi,
l-impatti fuq is-sajd bix-xbieki statiċi se jkunu aktar diffiċli biex jiġu
mbassra peress li l-miżuri ta' mitigazzjoni disponibbli huma limitati għal żoni
magħluqa jew ristretti. Dan l-għeluq jista' jirriżulta f'telf ta' qligħ skont
fejn ikunu jinsabu, l-estent u l-potenzjal ta' opportunitajiet alternattivi ta'
sajd. Dan jidher aktar biċ-ċar fis-subalternattivi 3a u 3b fejn il-miżuri
jkunu obbligatorji. Fl-ilmijiet mhux tal-UE,
bl-alternattiva 2 jiġu antiċipati biss l-impatti marġinali peress li
l-punt fokali jkun il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni mtejba tal-miżuri
eżistenti aktar milli l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda.
Bis-subalternattivi 3a u3b, mhu se jkun hemm l-ebda impatt addizzjonali
fuq l-ilmijiet esterni peress li dan is-sajd se jibqa' jkun kopert bl-oqfsa
leġiżlattivi adottati diġà mill-RFMOs u mhux minn kwalunkwe regolament ġdid.
Iż-żewġ alternattivi 2 u 3 jkollhom benefiċċji potenzjalment pożittivi
jekk jgħinu lis-sajjieda biex jilħqu l-prerekwiżiti ta' konservazzjoni bħala
parti mill-iskemi ta' ċertifikazzjoni. Skont dawn l-alternattivi hemm ukoll
benenefiċċji potenzjalment pożittivi għall-operaturi tal-ekoturiżmu, minn
opportunitajiet ġodda għall-osservazzjoni tat-tjur li jirriżultaw minn
popolazzjonijiet akbar ta' għasafar tal-baħar. Impatti Ambjentali: Skont l-atlernattiva 1, il-qabdiet
inċidentali ta' għasafar tal-baħar x'aktarx se jibqgħu fil-livelli attwali mhux
sostenibbli, bil-potenzjal li jinfluwenzaw l-istatus tal-popolazzjoni ta'
mill-inqas 49 speċi ta' għasfur tal-baħar. Skont l-EU-PoA, f'perjodu qasir ta' żmien,
huwa possibbli li jinkiseb tnaqqis gradwali ta' 20-30 % fil-qabdiet
inċidentali tas-sajd bil-konzijiet abbażi tal-esperjenzi globali. Fuq perjodu
itwal ta' żmien, huwa possibbli li l-qabdiet inċidentali jiġu eliminati.
It-tnaqqis fil-qabdiet inċidentali fis-sajd tax-xbieki statiċi huwa aktar
diffiċli li jiġi mbassar minħabba li l-miżuri ta' mitigazzjoni huma limitati
għal żoni magħluqa jew ristretti. Hemm xi eżempji ta' għeluq staġjonali
fis-sajd bix-xbieki statiċi li jnaqqas b'mod sostanzjali l-qabdiet inċidentali.
L-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-qabdiet
inċidentali tal-għasafar tal-baħar fil-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta (DCF) il-ġdid
se tipprovdi kopertura aktar komprensiva tas-sajd rilevanti u tinkludi wkoll
is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir u bil-purse seines fejn qed jiġi suspettat li jsiru
qabdiet inċidentali. F'ilmijiet esterni, il-PoA għandu jipprovdi
mekkaniżmu biex itejjeb il-konformità mal-miżuri eżistenti.
Is-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka previsti f'din l-alternattiva
jipprovdu lis-settur tal-qbid b'fehim aħjar tal-problema u s-soluzzjonijiet
potenzjali disponibbli. L-impatti għas-subalternattivi 3a u b
huma simili għal dawk deskritti fl-alternattiva 2, għalkemm peress li
l-miżuri se jkunu obbligatorji, il-veloċità tat-tnaqqis fil-qabdiet inċidentali
tal-għasafar tal-baħar tista' tkun potenzjalment aktar mgħaġġla fis-sajd fejn
il-miżuri jiġu introdotti. Il-monitoraġġ skont is-subalternattiva 3a
għandu jtejjeb l-għarfien tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar iżda
f'dak is-sajd biss fejn ikunu meħtieġ il-monitoraġġ. Il-monitoraġġ skont
is-subalternattiva 3b jkun identiku għall-alternattiva 2. Peress li skont din l-alternattiva ma hija
prevista l-ebda miżura speċifika fl-ilmijiet esterni, l-impatti ambjentali
f'dan is-sajd x'aktarx se jkunu simili għal dawk tal-alternattiva 1. Impatti Soċjali: L-alternattiva 1 se tintlaqa' b'mod
negattiv mill-NGOs u mill-pubbliku inġenerali u se titqies bħala nuqqas
mill-Kummissjoni li jintlaħqu l-obbligi skont il-ftehimiet internazzjonali u
l-Konvenzjonijiet. L-alternattivi 2 u 3 jintlaqgħu b'mod pożittiv
mill-NGOs u mill-pubbliku inġenerali. L-alternattiva 2 se tkun iffavorita
wkoll mis-settur tal-qbid u mill-amministrazzjoni nazzjonali peress li hija
approċċ minn isfel għal fuq u l-miżuri huma ffukati reġjonalment. L-alternattivi 3a
u3b se jkunu milqugħa b'mod negattiv mis-settur tal-qbid u
mill-amministrazzjonijiet peress li huma sproporzjonati għad-daqs tal-problema.
L-impożizzjoni ta' żoni magħluqa jew ristretti f'dawn is-subalternattivi
għandha l-kapaċità li tħalli impatt fuq l-impjiegi jekk tkun ristretta wisq. Impatti fuq l-SMEs: Skont l-alternattiva 1 mhu se jkun hemm
l-ebda impatt fuq l-SMEs. Skont l-alternattivi 2 u 3 se jkun hemm impatti
iżda fil-każ tal-alternattiva 2, peress li l-miżuri se jkunu primarjament
volontarji, imfassla għal sajd speċifiku, integrati f'regolamenti oħra u
b'benefiċċji li jikkumpensaw l-ispejjeż assoċjati, kwalunkwe impatt jista' jkun
imminimizzat. Fir-rigward tas-subalternattivi 3a u 3b, l-impatti se jkunu
simili għall-alternattiva 2 ħlief għall-fatt li l-miżuri se jkunu
obbligatorji u għalhekk se jkun hemm anqas opportunità biex il-miżuri jkunu
mfassla għall-ispeċifiċitajiet tas-sajd differenti. Skont iż-żewġ
alternattivi 2 u 3, l-eżenzjoni tal-mikro SMEs minn kwalunkwe azzjoni
meħuda tista' ddgħajjef l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' din l-inizjattiva
peress li 90 % tal-bastimenti ż-żgħar jkunu esklużi b'mod effettiv,
għalhekk, abbażi tal-proporzjonalità din mhijiex alternattiva. Simplifikazzjoni u piż amministrattiv: Għall-alternattiva 1 l-ispejjeż
amministrattivi qed jitqiesu newtrali. Għall-alternattiva 2 l-ispejjeż
amministrattivi u ta' monitoraġġ huma stmati għal madwar EUR 5.2
miljun fis-sena. Wara l-2014, bl-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-qabdiet
inċidentali skont id-DCF, dawn l-ispejjeż se jitnaqqsu.
Għas-subalternattiva 3a, l-ispejjeż amministrattivi ġew stmati għal madwar
EUR 14.4 miljun fis-sena. Iż-żieda fl-ispejjeż hija riżultat ta'
monitoraġġ u kontroll addizzjonali. Għas-subalternattiva 3b, l-ispejjeż se
jkunu simili għal dawk tal-alternattiva 2 jiġifieri madwar EUR 5.2
miljun fis-sena. Fil-każijiet kollha, aktar minn 90 % tal-ispejjeż
imġarrba huma relatati mal-monitoraġġ u l-ispezzjoni. L-amministrazzjonijiet
nazzjonali huma affettwati l-aktar. 6. TQABBIL TAL-ALTERNATTIVI Abbażi tal-analiżi li twettqet,
l-alternattiva 2 (EU-PoA) hija ppreferuta peress li għandha twassal għal
tnaqqis fil-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fost bosta tipi ta' sajd
u għandha tikseb dan it-tnaqqis bi spiża inqas għall-industrija tas-sajd u
għall-amministrazzjonijiet nazzjonali mill-alternattivi l-oħra. It-tieni alternattiva ppreferuta hija
s-subalternattiva 3b (miżuri ta' mitigazzjoni obbligatorji) li għandha
l-vantaġġ li tindirizza l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar għall-ispeċijiet
li huma fir-riskju aktar malajr mill-alternattiva 2, minħabba ż-żmien
previst għall-introduzzjoni tal-qafas ġdid ta' miżuri tekniċi. Madanakollu, din
l-alternattiva toħloq ir-riskju li tintroduċi miżuri ta' mitigazzjoni mhux
xierqa jew li xejn ma jkunu ttestjati u għandha wkoll nuqqas ta' flessibbiltà
biex tadatta dawn il-miżuri għaż-żoni jew għas-sajd fi żmien adegwat meta jkun
hemm aktar informazzjoni disponibbli. It-tielet alternattiva ppreferuta hija
s-subalternattiva 3a (monitoraġġ u miżuri ta' mitigazzjoni obbligatorji)
li toħloq ukoll ir-riskju li jkollha l-istess dgħjufijiet fir-rigward
tal-obbligu li jintużaw miżuri ta' mitigazzjoni f'sajd speċifiku. L-inklużjoni
ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ tkabbar dawn il-problemi u hemm il-periklu
li l-monitoraġġ isir f'żoni ħżiena jew fuq tipi ħżiena ta' rkaptu. La s-subalternattiva 3a u lanqas
it-3 b ma għandhom xi dispożizzjoni għas-sensibilizzazzjoni jew
għar-riċerka. L-alternattiva 1 (status quo) hija
l-inqas waħda mixtieqa. F'perjodu qasir ta' żmien, ikun hemm vantaġġi ekonomiċi
iżda mhux se jinkisbu l-għanijiet speċifiċi stabbiliti. Il-livelli attwali
tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar se jibqgħu għoljin b'mod mhux
aċċettabbli u l-livell ta' għarfien dwar l-għadd ta' qabdiet inċidentali meta
mqabbel mal-popolazzjonijiet u mat-theddida għall-konservazzjoni li ġejja
mis-sajd tal-għasafar tal-baħar, se jibqa' baxx. 7. MONITORAĠĠ
U EVALWAZZJONI Skont l-alternattiva ppreferuta li tinvolvi
l-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni, kull sentejn l-Istati Membri jridu
jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-livell ta' qabdiet inċidentali
ta' għasafar tal-baħar osservat għal kull tip ta' sajd u rkaptu, dwar
l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' mitigazzjoni u l-effettività ta'
dawn l-istess miżuri. Il-Kummissjoni, flimkien mal-ICES u mal-STECF, għandha
tiżviluppa format standard ta' rappurtar għall-Istati Membri biex jippreżentaw
l-informazzjoni lill-Kummissjoni u li jista' jintuża wkoll biex jiffaċilita
l-aċċess għad-dejta għall-pubbliku inġenerali. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, wara t-tieni
rapport il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni interim tal-PoA, u mbagħad skont
din l-informazzjoni, tħejji Komunikazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar
l-implimentazzjoni tal-PoA. Skont kif ikun xieraq, l-ICES, l-STECF u korpi
esperti oħra għandhom jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom f'din l-analiżi.
B'mod partikolari, l-ICES għandu jintalab li jipprovdi stimi dwar
il-popolazzjoni u l-qabdiet inċidentali għall-ispeċijiet ta' tħassib biex ikun hemm
punt ta' riferiment dwar id-daqs tal-problema. Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u
evalwazzjoni kompleta tal-PoA wara r-raba' rapport (wara tmien snin) dwar
l-implimentazzjoni u għandha taġġornah skont dan. Din ir-reviżjoni għandha ssir
fl-istess żmien biex tikkoinċidi mal-obbligu skont id-Direttiva Qafas dwar
l-Istrateġija Marittima (MSFD) biex sal-2020 jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb
għall-ekosistemi tal-baħar. B'mod parallel, skont l-Artikolu 12
tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jridu jirrappurtaw kull tliet
snin dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skont
id-Direttiva li jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali. [1] Parir tal-ICES 2008, Ktieb 1, 1.5.1.3
"Interactions between fisheries and seabirds in EU waters" [2] MRAG. 2011. Contribution to the preparation of a Plan of
Action for Seabirds http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/index_en.htm [3] Il-konzijiet ifissru għadd ta' lenez marbuta flimkien,
imqiegħda fil-qiegħ jew jimxu mal-kurrent li jkollhom għadd kbir ta' snanar
bil-lixka. [4] Xbieki statiċi jfissru xbieki li l-operazzjoni tal-qbid
għalihom ma tirrekjedix il-moviment attiv tax-xbieki. Dawn ix-xbieki jistgħu
jikkonsistu minn xibka separata waħda jew aktar li jkunu attrezzati bi ħbula
tal-pruwa, ħbula taċ-ċomb u ħbula tal-assemblaġġ, u jistgħu jiġu armati
b'tagħmir għall-ankraġġ, li jżomm fil-wiċċ u tan-navigazzjoni.