EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0748

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP ) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP

/* COM/2012/0748 final - 2012/0346 (NLE) */

52012PC0748

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP ) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP /* COM/2012/0748 final - 2012/0346 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

L-Awtorità Palestinjana (AP) u l-Komunità Ewropea (KE) stabbilixxew għall-ewwel darba relazzjonijiet kuntrattwali fl-1997 meta l-KE u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO), għall-benefiċċju tal-AP, ikkonkludew Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim dwar il-kummerċ u l-koperazzjoni. Abbażi ta' dan il-ftehim, f'Mejju 2005 ġie ffirmat il-Pjan ta' Azzjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) bejn l-UE u l-AP għal perjodu ta' tlieta sa ħames snin.

F'dan il-qafas, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Palestina żviluppaw b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin, bil-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat Konġunt, l-istabbiliment ta' inizjalment erba' sottokumitati u t-tnedija tad-djalogu politiku. Min-naħa Palestinjana, l-AP uriet il-kapaċità tagħha li tkun sieħba sħiħa fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) permezz ta' parteċipazzjoni attiva u skambji siewja. Min-naħa tal-UE, il-Konklużjonijiet għeliema tat-8 ta' Diċembru 2009 tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fasslu t-triq għall-impenn imġedded tal-UE mal-Awtorità Palestinjana billi esprimew l-impenn tal-UE li "tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-AP li jirriflettu l-interessi komuni, inkluż fil-qafas tal-PEV." Dan l-iżvilupp huwa riżultat tal-kapaċità akbar min-naħa Palestinjana fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma tagħha u fi ħdan il-PEV.

Il-validità tal-Pjan ta' Azzjoni attwali skadiet fit-30 ta' Ġunju 2012 u għalhekk huwa xieraq li jsir Pjan ta' Azzjoni ġdid, li jibni fuq l-appoġġ fit-tul tal-UE għall-isforzi tal-AP biex jinbena stat. Sabiex isiru t-tħejjijiet għal dan il-Pjan ta' Azzjoni ġdid, in-numru ta' sottokumitati tal-PEV żdied minn erbgħa għal sitta sabiex isir monitoraġġ aħjar tal-Pjan ta' Azzjoni. Is-sottokumitati ġodda huma kompletament konformi mal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Palestina jseħħu fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika ġenerali li qiegħda tinbidel fir-reġjun u fil-paradigma tar-rwol deċiżiv u l-valur miżjud tal-UE fil-governanza globali.

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament u lill-Kunsill intitolata Risposta ġdida għal viċinat li qed jinbidel: reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, iddeskriviet strateġija ġdida li timmira għal livell ogħla ta' differenzjazzjoni, li tippermetti lil kull imsieħeb li jiżviluppa r-rabtiet tiegħu mal-UE bbażati fuq l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tiegħu stess iżda wkoll fuq ir-responsabbiltà reċiproka u l-grad ta' impenn lejn il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-kapaċità li jimplimentaw prijoritajiet miftiehma b'mod konġunt. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, l-UE se timmira għal politika u netwerk ta' programmi aktar sempliċi u koerenti billi tiffoka l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV u l-assistenza tal-UE fuq numru iżgħar ta' prijoritajiet, appoġġjati b'punti ta' riferiment aktar preċiżi. Dan il-Pjan ta' Azzjoni ġdid jiddeskrivi b'mod ċar l-għanijiet prijoritarji tas-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AP kompletament konxju miċ-ċirkostanzi speċjali tal-AP u mil-limitazzjonijiet li fihom topera.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), f'koperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE, kellu taħdidiet esploratorji mal-AP, li wasslu għal ftehim dwar l-abbozz tal-Pjan ta' Azzjoni. Dan ikopri perjodu ta' tlieta sa ħames snin. Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-UE-PLO li saret fit-13 ta' Frar 2012, il-partijiet ħadu nota tan-negozjati tekniċi li għaddejjin għal Pjan ta' Azzjoni ġdid konġunt tal-PEV bejn l-UE u l-AP. Il-finalizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet tekniċi fuq kull naħa ġiet innotifikata permezz ta' skambju ta' ittri.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP għandu jkun l-għodda ta' referenza essenzjali li se jiggwida r-relazzjonijiet bilaterali tagħna mal-Awtorità Palestinjana fis-snin li ġejjin. Il-PEV se jkompli jaġixxi bħala katalista bħala qafas ta' politika uniku, ibbażat inter alia fuq is-sħubija u s-sjieda konġunta, kif ukoll id-differenzjazzjoni mmexxija mill-prestazzjoni u l-għajnuna mfassla apposta.

Il-Kummissjoni qiegħda tehmeż it-test ta' proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-UE-PLO rigward l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fl-Anness.

Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda titlob lill-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

2012/0346 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP ) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/430/KE tat-2 ta' Ġunju 1997 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-kummerċ u l-koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim") ġie ffirmat fl-24 ta' Frar 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

(2)       Il-Partijiet beħsiebhom jiftiehmu dwar il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid bejn l-UE u l-AP dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li jirrifletti s-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AP, u li se jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju permezz tal-elaborazzjoni u l-ftehim ta' passi konkreti lejn l-ilħuq tal-għanijiet tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

 

Abbozz ta'

RAKKOMANDAZZJONI

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP

Il-Kumitat Konġunt,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") u b'mod partikolari l-Artikolu 63(2) tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 70 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li l-għanijiet stipulati fil-Ftehim jintlaħqu.

(2) Il-Partijiet għall-Ftehim qablu dwar it-test tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana ("il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP").

(3) Il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP se jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tal-elaborazzjoni u l-ftehim bejn il-Partijiet ta' passi konkreti li jipprovdu gwida prattika għal din l-implimentazzjoni.

(4) Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan doppju li jistipula passi konkreti biex imexxi t-twettiq tal-obbligi tal-Partijiet stipulati fil-Ftehim u li jipprovdi qafas usa' għat-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-AP.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Artikolu Uniku

Il-Kumitat Konġunt jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tal-UE-AP stabbilit fl-Anness, safejn din l-implimentazzjoni tkun immirata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra,

Magħmul fi [...]

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

ANNESS

PJAN TA' AZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-AWTORITÀ PALESTINJANA

INTRODUZZJONI POLITIKA

Pjan ta' Azzjoni ġdid

L-Awtorità Palestinjana (AP) u l-Komunità Ewropea (KE) stabbilixxew għall-ewwel darba relazzjonijiet kuntrattwali fl-1997 meta l-KE u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO), għall-benefiċċju tal-AP, ikkonkludew Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim dwar il-kummerċ u l-koperazzjoni. Abbażi ta' dan il-ftehim, f'Mejju 2005, ġie ffirmat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-UE-AP. Fi ħdan dan il-qafas, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Palestina raw żvilupp sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, bil-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat Konġunt, l-istabbiliment ta' inizjalment erba' sottokumitati u t-tnedija tad-djalogu politiku. Min-naħa Palestinjana, l-AP uriet il-kapaċità tagħha li tkun sieħba sħiħa fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) permezz ta' parteċipazzjoni attiva u skambji siewja. Min-naħa tal-UE, il-Konklużjonijiet għeliema tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta' Diċembru 2009 fasslu t-triq għall-impenn imġedded tal-UE mal-Awtorità Palestinjana bl-espressjoni tal-impenn tal-UE sabiex "tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-AP li jirriflettu l-interessi komuni, inkluż fil-qafas tal-PEV." [1] Dan l-iżvilupp huwa riżultat tal-kapaċità akbar min-naħa Palestinjana li timplimenta l-aġenda ta' riforma tagħha u fi ħdan il-PEV. L-ewwel pass kien li jiżdied in-numru ta' sottokumitati tal-PEV sabiex jippermettu djalogu iktar effettiv u mmexxi mill-politika bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili. Hekk kif id-djalogu tagħna jkompli jissaħħaħ u s-sħubija tagħna timmatura, dan il-Pjan ta' Azzjoni ġdid, li jibni fuq l-appoġġ għal żmien twil tal-UE għall-isforzi tal-AP biex jinbena stat, huwa l-qafas adattat sabiex tiġi definita t-triq 'il quddiem.

Sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AP

Matul dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-AP iffukaw primarjament fuq l-appoġġ għall-isforzi tal-AP għall-bini ta' stat, kif definit fil-qafas tal-pjan tal-Gvern tagħha ta' sentejn tal-2009 Il-Palestina - Tintemm l-Okkupazzjoni, Jinħolqu l-Istat u l-Programm ta' Żvilupp u ta' Riforma Palestinjana (PRDP) 2008-2010, li t-tnejn kienu appoġġjati kemm politikament kif ukoll finanzjarjament mill-UE. Il-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali (NDP) 2011-2013 tal-Palestina jikkonsolida l-kisbiet tal-programmi preċedenti. In-naħa Palestinjana ilha taħdem fuq aġenda ta' riforma ambizzjuża bl-għażla strateġika li torbot l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħha ma' dak tal-UE. Bħala d-donatur ewlieni u l-aktar prevedibbli għall-poplu Palestinjan, l-UE wieġbet u kienet strumentali għas-suċċess tal-isforz tal-AP għall-bini tal-istituzzjonijiet. F'dan ir-rigward, l-UE qablet mal-valutazzjoni tal-Bank Dinji u istituzzjonijiet oħrajn finanzjarji internazzjonali li "jekk l-Awtorità Palestinjana żżomm il-prestazzjoni attwali tagħha fil-bini tal-istituzzjonijiet u t-twassil ta' servizzi pubbliċi, hija tinsab f'pożizzjoni tajba sabiex twaqqaf Stat fi kwalunkwe mument fil-futur qarib". Din il-valutazzjoni kienet imtennija mill-kontribwenti fil-laqgħa tal-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc (AHLC) organizzata mill HRVP Ashton fit-13 ta' April 2011 fi Brussell u għal darb'oħra f'Settembru 2011. Abbażi tar-rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Bank Dinji, il-parteċipanti rrikonoxxew li "l-AP tinsab ogħla mil-limitu ta' stat li jiffunzjona fis-setturi ewlenin li studjaw, u li l-istituzzjonijiet Palestinjani jikkomparaw b'mod favorevoli ma' dawk fi stati stabbiliti".[2] Id-donaturi kkonfermaw mill-ġdid il-valutazzjoni tagħhom tal-prontezza tal-istat tal-AP rigward l-istituzzjonijiet studjati fl-AHLC li saret fil-21 ta' Marzu 2012 fi Brussell.

L-UE bħala attur globali f'viċinat/dinja li qiegħda tinbidel

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Palestina jseħħu fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika ġenerali li qiegħda tinbidel fir-reġjun u fil-paradigma tar-rwol deċiżiv u l-valur miżjud tal-UE fil-governanza globali, "li huwa rifless fl-appoġġ attiv tagħha lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà tal-bniedem flimkien mal-konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali ambjentali u soċjali, il-kummerċ miftuħ kif ukoll aġenda ta' xogħol deċenti."[3] Peress li l-UE twieġeb għall-viċinat tagħha li qed jinbidel, speċjalment ir-Rebbiegħa Għarbija permezz ta' reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha, hija għandha interess u responsabbiltà partikolari li tippromwovi b'mod proattiv id-demokratizzazzjoni li twassal għal stabilità u prosperità fir-reġjun. B'mod partikolari, l-avvenimenti reċenti fil-Viċinat urew "il-ħtieġa li wieħed jagħti kas tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-popli tar-reġjun, inklużi dawk tal-Palestinjani għas-sovranità."[4] L-UE tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi rigward l-inizjattiva Palestinjana fin-NU.[5]

L-Awtorità Palestinjana se tkun fost l-ewwel imsieħba li jkollhom Pjan ta' Azzjoni ġdid li jirrifletti r-risposta l-ġdida għal viċinat li qed jinbidel ibbażata fuq id-differenzjazzjoni, ir-responsabbiltà reċiproka u impenn komuni lejn il-valuri universali, il-liġi internazzjonali, l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. L-approċċ il-ġdid tal-UE jinvolvi assoċjazzjoni politika eqreb u integrazzjoni ekonomika progressiva fis-Suq Intern tal-UE għal dawk l-imsieħba li jkunu lesti u kapaċi jimxu aktar fl-għanijiet tagħhom ta' riforma. Dan jimmira għal livell ogħla ta' differenzjazzjoni, li lil kull imsieħeb jippermettilu jiżviluppa r-rabtiet tiegħu mal-UE bbażati fuq l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tiegħu stess, iżda wkoll fuq ir-responsabbiltà reċiproka u l-grad ta' impenn għall-valuri universali msemmija hawn fuq, kif ukoll il-kapaċità li jimplimenta prijoritajiet miftiehma b'mod konġunt.[6] Is-sottokumitati huma l-għodda ideali biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet u l-konklużjonijiet tagħhom se jiġu riflessi fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll fir-rapport annwali ta' progress tal-UE.

B'mod parallel, l-UE qiegħda dejjem tfittex aktar li timmira r-riżorsi tagħha fejn huma l-aktar meħtieġa u fejn jistgħu jagħmlu l-aktar differenza. Għalhekk, l-istrumenti esterni tagħha, li tagħhom il-poplu Palestinjan se jkun benefiċjarju, se jkunu marbuta aktar mill-qrib mal-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi. F'dan ir-rigward, l-assistenza finanzjarja tal-UE lill-poplu Palestinjan għandha tkun allinjata mill-qrib mal-għanijiet politiċi ewlenin ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni. F'konformità mal-aħjar prattiki fil-koperazzjoni għall-iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma' xulxin u jikkordinaw il-programmi tagħhom.

L-ilħuq tal-għanijiet deskritti f'dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa marbut mal-kapaċità li jiġu indirizzati l-isfidi imposti primarjament mill-okkupazzjoni, kif ukoll mid-diviżjoni attwali bejn ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, l-inċertezzi attwali madwar is-sostenibbiltà fiskali tal-AP kif ukoll min-nuqqas kontinwu ta' progress fin-negozjati għall-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina. Dawn il-fatturi jfixklu serjament il-kisbiet tal-AP.

Impenn lejn soluzzjoni ta' żewġ stati

L-UE tikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn is-soluzzjoni ta' żewġ stati billi jinħoloq Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħix maġenb l-Iżrael. L-appoġġ tal-UE għall-prospett ta' stat Palestinjan u għad-drittijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan huwa traduzzjoni konkreta tal-impenn li minn dejjem kellha l-UE lejn soluzzjoni ta' żewġ stati.

Iż-żewġ naħat itennu l-impenn tagħhom li jikkontribwixxu għall-għan komuni tagħhom ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt tal-Lvant Nofsani msejsa fuq it-termini ta' referenza msemmija hawn taħt.

L-UE ddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (PPLN) fid-Dikjarazzjoni ta' Venezja tal-1980 u minn dakinhar żviluppatha f'diversi Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, f'Diċembru 2009, Diċembru 2010, Mejju 2011 u Mejju 2012, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni mogħtija f'isem l-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-21 ta' April 2011. Filwaqt li tfakkar id-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-1999, l-UE ttenni li hija lesta tirrikonoxxi Stat Palestinjan meta jkun xieraq. F'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kwartett tat-23 ta' Settembru 2011, l-UE se tappoġġja b'mod attiv il-passi addizzjonali identifikati lejn sovranità Palestinjana u se tappoġġja skont il-proċeduri eżistenti, indipendenza ferm akbar u s-sovranità tal-Awtorità Palestinjana fuq l-affarijiet tagħha inklużi passi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-Żona Ċ.

L-UE ttenni l-appoġġ tagħha għar-rikonċiljazzjoni Palestinjana kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Mejju 2011. L-UE tikkunsidra li s-sitwazzjoni f'Gaża u fil-madwar tibqa' fraġli u insostenibbli, sakemm din tibqa' politikament separata mix-Xatt tal-Punent.

Waqt li tfakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill preċedenti tagħha dwar il-PPLN, l-UE tkompli tappella għall-ftuħ immedjat, sostnut u mingħajr kondizzjonijiet tal-qsim għall-fluss tal-għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u mill-Istrixxa ta' Gaża u partikolarment bejn Gaża u x-Xatt tal-Punent.

L-UE tfakkar l-applikabbiltà tal-liġi umanitarja internazzjonali fit-territorju okkupat Palestinjan, inkluża l-applikabbiltà tar-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-protezzjoni ta' persuni ċivili.[7] L-UE tappella għar-rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-priġunieri Palestinjani.[8]

L-UE tenfasizza l-ħtieġa urġenti biex jitnieda mill-ġdid il-proċess ta' paċi sabiex tinkiseb soluzzjoni ta' żewġ stati f'konformità sħiħa mal-obbligi tal-Pjan Direzzjonali, u bbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-prinċipji ta' Madrid inkluża l-art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet li qabel kienu milħuqa mill-partijiet, u l-inizjattiva Għarbija għall-paċi permezz ta':

– Ftehim dwar il-fruntieri taż-żewġ stati, ibbażat fuq il-linji tal-4 ta' Ġunju 1967, bl-iskambji ekwivalenti tal-art kif jista' jkun miftiehem bejn il-partijiet.[9] L-UE mhix se tirrikonoxxi l-bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967 inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma mill-partijiet.[10] L-UE ttenni li l-insedjamenti, il-ħajt ta' separazzjoni li jkun mibni fuq art okkupata, it-twaqqigħ ta' djar u l-iżgumbramenti, huma illegali taħt il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostakolu għall-paċi u jheddu li s-soluzzjoni ta' żewġ stati ssir impossibbli. L-UE se tkompli tiżgura li l-prodotti ta' insedjament mhumiex se jibbenefikaw minn trattament preferenzjali taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael u li l-attività ta' insedjament mhi se tibbenefika minn l-ebda tip ta' finanzjament jew programmi tal-UE.

– Filwaqt li jitfakkar li l-UE qatt ma rrikonoxxiet l-annessjoni ta' Ġerusalemm tal-Lvant, għandu jinstab mod bin-negozjati biex jissolva l-istatus ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati.

– Soluzzjoni ġusta, realistika u miftiehma għall-kwistjoni tar-refuġjati.

– Arranġamenti ta' sigurtà li, għall-Palestinjani, jirrispettaw is-sovranità tagħhom u juru li l-okkupazzjoni spiċċat u, għall-Iżraeljani, jipproteġu s-sigurtà tagħhom, jipprevjenu l-qawmien mill-ġdid tat-terroriżmu u jittrattaw b'mod effettiv theddidiet ġodda u emerġenti.

– Kontroll tal-poplu Palestinjan fuq ir-riżorsi naturali tiegħu, inkluża l-allokazzjoni ekwa u raġonevoli ta' riżorsi tal-ilma transkonfinali, skont in-normi rilevanti tal-liġi internazzjonali u li jiġu segwiti flimkien ma' kwistjonijiet oħra dwar l-istatus finali.

– Ħidma fuq il-binarji reġjonali sabiex tkun żgurata paċi komprensiva fil-Lvant Nofsani.

L-UE tibqa' impenjata li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-arranġamenti ta' wara l-kunflitti.

Dan il-Pjan ta' Azzjoni se jkopri perjodu ta' tlieta sa ħames snin.

GĦANIJIET PRIJORITARJI[11]

1)           Jissaħħu l-isforzi sabiex jissolva l-kunflitt tal-Lvant Nofsani skont it-termini ta' referenza msemmija hawn fuq, inkluż permezz ta' appoġġ biex jinħoloq stat Palestinjan sovran

2)           Jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali biex jitħejja l-istabbiliment ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ bejn l-UE u l-Istat futur tal-Palestina

· Jitwettaq u jiġi żviluppat id-djalogu politiku f'kull livell.

· Tiġi stabbilita laqgħa annwali bejn l-UE u n-naħa Palestinjana f'konformità mal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jsir mal-imsieħba l-oħra fil-PEV.

· Jinbdew, mill-aktar fis possibbli, in-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ, li jiġi konkluż formalment mas-sovranità Palestinjana.

· Tiżdied il-koperazzjoni fil-qafas multilaterali, inkluż permezz ta' kontribut għall-isforzi tan-NU biex jissolvew il-kunflitti reġjonali u jitħeġġeġ il-multilateraliżmu effettiv.

3)           Stat Palestinjan ibbażat fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittjiet tal-bniedem f'demokrazija b'saħħitha li taħdem u b'istituzzjonijiet responsabbli

· Jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini sabiex igawdu l-libertajiet fundamentali tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-moviment, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u l-libertà tal-midja u tiġi kkonfermata l-ħtieġa li jingħeleb it-tixwix billi jkun hemm qafas ġuridiku nazzjonali adegwat u debitament implimentat f'konformità mal-istandards internazzjonali; jitħarsu d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet inkluż billi jitneħħew id-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Skeda ta' żmien: proċess kontinwu

Punti ta' referenza: l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni konformi mal-obbligi stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar l-NGO 2000 fit-territorju okkupat tal-Palestina, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni partikolarment fir-rigward tal-midja, l-iżvilupp tal-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Prinċipji ta' Pariġi (Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 48/134), l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar it-trażżin tal-vjolenza fuq in-nisa, ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija, l-adozzjoni ta' strateġija Palestinjana komprensiva tad-drittijiet tal-bniedem.

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul, ir-rapporti ta' progress tal-PEV

Responsabbiltajiet tal-UE: assistenza kontinwa lis-soċjetà ċivili u lill-atturi mhux statali, promozzjoni u appoġġ għal riformi leġiżlattivi xierqa u l-implimentazzjoni tagħhom, appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

· Isiru elezzjonijiet demokratiċi u ġenwini f'kull livell f'konformità mal-istandards internazzjonali.

Skeda ta' żmien: fi żmien qasir, imbagħad skont il-liġi elettorali

Punti ta' referenza: l-aġġornament tar-reġistru tal-votanti f'Gaża u l-kontinwazzjoni tal-aġġornamenti fix-Xatt tal-Punent, il-promulgazzjoni tal-liġi elettorali riveduta, id-digriet Presidenzjali li jniedi l-kalendarju elettorali, l-elezzjonijiet lokali, presidenzjali u leġiżlattivi, it-tlaqqigħ ta' Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan (PLC) elett demokratikament li jissorvelja gvern demokratiku

Indikaturi: il-konklużjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet internazzjonali u interni mhux partiġġjani

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ politiku għat-tlaqqigħ ta' elezzjonijiet, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, tkomplija tal-assistenza lill-Kummissjoni tal-Elezzjonijiet Ċentrali u lis-Segretarjat tal-PLC; użu possibbli ta' Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali (EOM(s)) tal-UE, appoġġ għar-rilaxx ta' leġiżlaturi detenuti Palestinjani[12]

· Tiġi stabbilita ġudikatura indipendenti, imparzjali u li tiffunzjona bis-sħiħ, konformi mal-istandards internazzjonali, li tiżgura proċess xieraq, proċessi ġusti u l-infurzar tal-ordnijiet u d-deċiżjonijiet tal-qorti.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju jew fit-tul

Punti ta' referenza: kemm idumu sejrin il-każijiet, in-numri ta' ċittadini taħt arrest preventiv, l-istabbiliment tal-għajnuna legali, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni (kodiċi penali, il-liġi tal-medjazzjoni u tal-arbitraġġ; ġustizzja tal-minorenni, il-qrati amministrattivi), ir-regolazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati speċjalizzati inkluż permezz tas-separazzjoni tal-qrati ċivili u tas-sigurtà u l-limitazzjoni tas-setgħat ta' tribunali "militari" għal persunal militari fis-servizz

Indikaturi: Ir-rapporti tal-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rapporti dwar il-progress għall-programm Seyada II jew is-suċċessur tiegħu, il-valutazzjonijiet tal-EUPOL COPPS, ir-rapporti ta' progress tal-PEV

Responsabbiltajiet tal-UE: għajnuna kontinwa lill-ġudikatura

· Ir-riforma u l-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà Palestinjan, l-istituzzjonalizzazzjoni tal-kontroll demokratiku ċivili tas-servizzi ta' sigurtà u l-iżgurar li dawn joperaw b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem b'regolamentazzjoni xierqa, taħriġ xieraq u mekkaniżmi ta' responsabbiltà.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni tal-politiki ta' prijorità tal-Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp Palestinjan 2011-2013 fis-settur tas-sigurtà, l-istrutturi ta' kmand unifikati u s-sistemi għall-ippjanar tal-baġit li jirrapportaw lill-Ministru tal-Intern li jkopru l-aġenziji tas-sigurtà madwar lil-Palestina, l-istabbilment ta' spettorat għas-superviżjoni tal-forzi tas-sigurtà u responsabbiltà pubblika msaħħa fil-Ministeru tal-Intern, aċċess għall-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem għal kull ċentru ta' detenzjoni (inkluż is-Sigurtà Interna) anke mingħajr permess minn qabel

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-valutazzjonijiet tal-EUPOL COPPS, ir-rapporti ta' progress tal-PEV

Responsabbiltajiet tal-UE: assistenza kontinwa tal-UE għas-sistema penitenzjarja u tas-sigurtà, inkluż permezz tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) kif xieraq, taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem, miżuri miftiehma ta' appoġġ għall-espansjoni taż-żona ta' awtorità tas-sigurtà tal-AP u l-ambitu operazzjonali fix-Xatt tal-Punent (fiż-Żoni B u Ċ attwali)

· Jissaħħu l-isforzi nazzjonali biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali (2011-2013) u s-suċċessuri tiegħu flimkien mal-komunità internazzjonali tad-donaturi.

Skeda ta' żmien: fi żmien qasir sa medju

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-NDP

Indikaturi: ir-Rapporti kull tliet xhur tal-Ministeru tal-Finanzi, ir-rapporti tal-Ministeru tal-Ippjanar u tal-Iżvilupp Amministrattiv, ir-rapporti annwali ta' Monitoraġġ tal-NDP, ir-Rapporti tal-Bank Dinji u tal-IMF lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ finanzjarju kontinwu lill-poplu Palestinjan inkluż kontribut għas-sostenibbiltà fiskali tal-AP, u lir-refuġjati Palestinjani permezz tal-Aġenzija tal-Għajnuna u x-Xogħlijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA), skont id-disponibbiltà tar-riżorsi; għoti ta' appoġġ tekniku għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet Palestinjani bi tħejjija għall-integrazzjoni fis-sistema multilaterali

4)           Jinkisbu l-konsolidazzjoni fiskali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli madwar it-territorju okkupat Palestinjan

· Jinbena fuq il-progress importanti li sar fl-istabbiliment ta' sistema ta' ġestjoni finanzjarja pubblika b'saħħitha billi jkun hemm impenn lejn iktar titjib partikolarment fir-rigward tal-verifika u l-kontroll esterni u interni.

Skeda ta' żmien: proċess kontinwu

Punti ta' referenza: id-dixxiplina fiskali aggregata, l-allokazzjoni strateġika ta' riżorsi u provvista effiċjenti ta' servizzi, id-defiċit fiskali u d-dipendenza mill-għajnuna tal-AP, il-ġbir imtejjeb tad-dħul tal-AP, l-eliminazzjoni tas-sussidji tal-enerġija ("self nett"), l-implimentazzjoni ta' servizz pubbliku u riforma tal-pensjonijiet, l-implimentazzjoni tal-valutazzjoni tan-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja (PEFA) u l-pjan ta' azzjoni sussegwenti, l-adozzjoni ta' qafas regolatorju għall-akkwist pubbliku

Indikaturi: ir-Rapporti kull tliet xhur tal-Ministeru tal-Finanzi, ir-rapporti annwali ta' Monitoraġġ tal-NDP, ir-Rapporti tal-Bank Dinji u tal-IMF lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ finanzjarju kontinwu lill-poplu Palestinjan akkumpanjat minn miżuri biex jgħinu s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tal-AP, u lir-refuġjati Palestinjani permezz tal-UNRWA, skont ir-riżorsi disponibbli, għoti ta' appoġġ tekniku għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet Palestinjani fit-tħejjija għall-integrazzjoni fis-sistema multilaterali, ġbir tad-dħul tal-AP b'appoġġ imsaħħaħ inkluża l-adozzjoni ta' mekkaniżmu mtejjeb li jiżgura ġbir tad-dħul ta' approvazzjoni effiċjenti, trasparenti u prevedibbli mill-Iżrael f'isem l-AP skont il-Protokoll ta' Pariġi

· Jittejbu l-amministrazzjoni politika, il-ġestjoni tas-servizz ċivili u l-mekkaniżmi ta' kontabbiltà pubblika, inkluż it-tisħiħ tal-verifika u tal-kapaċità ta' sorveljanza u l-kapaċità biex jiġu evitati u jingħelbu l-frodi u l-korruzzjoni.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni ta' sistema deċentralizzata ta' amministrazzjoni bażika tal-persunal, id-deċentralizzazzjoni tal-verifika interna tal-gvern, l-Uffiċċju tal-Kontroll Finanzjarju u Amministrattiv (FACB) jissodisfa r-rwol tiegħu bħala aġenzija ta' verifika esterna indipendenti skont l-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Ministeru Palestinjan tal-Ippjanar u tal-Iżvilupp Amministrattiv, ir-rapporti tal-Bank Dinji u tal-IMF lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc, ir-Rapporti annwali tal-FACB, il-valutazzjoni tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja

Responsabbiltajiet tal-UE: ko-presidenza tal-Grupp tal-Istrateġija tal-Governanza, appoġġ finanzjarju kontinwu, b'mod partikolari għall-ġestjoni finanzjarja pubblika, utilizzazzjoni sħiħa ta' TAIEX

· Appoġġ għall-iżvilupp ta' settur privat kompetittiv Palestinjan, inkluż billi jitnaqqsu r-restrizzjonijiet għall-iżvilupp tas-settur privat, biex tiġi ffaċilitata l-awtonomija ekonomika Palestinjana.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju

Punti ta' referenza: l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni kummerċjali ġdida li tiffaċilita l-attività ekonomika u l-investiment, l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet ta' standards regolatorji u tekniċi fis-setturi ekonomiċi ewlenin kollha

Indikaturi: ir-reviżjonijiet rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bħar-rapporti tal-"Ease of Doing Business" tal-Bank Dinji, reviżjonijiet tal-Karta EuroMed għall-Intrapriżi

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ finanzjarju kontinwu, skont ir-riżorsi disponibbli, użu sħiħ ta' TAIEX, promozzjoni kontinwa tal-osservazzjoni Palestinjana bħala l-ewwel pass lejn negozjati ta' adeżjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

· Fi ħdan il-qafas ta' dawn l-isforzi globali, appoġġ immirat għall-iżvilupp tal-Istrixxa ta' Gaża.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni tal-indikaturi tas-setturi tal-NDP fl-Istrixxa ta' Gaża

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Ministeru Palestinjan tal-Ippjanar u l-Iżvilupp Amministrattiv lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc

Responsabbiltajiet tal-UE: sejħa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-2005 dwar il-Moviment u l-Aċċess (AMA), promozzjoni tat-tneħħija tal-għeluq ta' Gaża[13], promozzjoni tat-tneħħija sħiħa u permanenti tal-ostakoli għall-moviment u l-aċċess, bħala prerekwiżit għall-qawmien ekonomiku tal-Palestina, u żgurar li l-AP tibbenefika kompletament mill-ftehimiet eżistenti u mill-istrumenti li għalihom hija intitolata

· Jiġu żviluppati aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali u jittieħdu miżuri konkreti biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni tal-AMA, il-kompetittività tas-settur privat Palestinjan

Indikaturi: ir-rapporti tal-Bank Dinji u tal-IMF lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc, il-figuri tal-kummerċ, inkluż li jintlaħqu l-kwoti agrikoli

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ kontinwu lis-settur privat Palestinjan; implimentazzjoni tal-pakkett ekonomiku adottat mill-Ministri Ewromediterranji, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim u tal-ftehim li jipprovdi aktar liberalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħut u prodotti tas-sajd, impenn imsaħħaħ dwar il-kwistjoni taż-żona tas-sajd fl-Istrixxa ta' Gaża

· L-iżvilupp ta' sistema moderna ta' kontroll tal-fruntiera bbażata fuq tmexxija effettiva integrata (IBM) tal-fruntieri u jissokta l-appoġġ għall-iżvilupp ta' persunal ikkwalifikat sabiex jopera dipartimenti doganali fil-portijiet internazzjonali.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: allokazzjoni tan-nefqa għall-iżvilupp għall-amministrazzjoni tal-qsim tal-fruntieri u sistema IBM, l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-istabbiliment ta' infrastruttura essenzjali relatata (rabtiet territorjali, portijiet, netwerk tat-trasport), l-implimentazzjoni tal-AMA

Indikaturi: evalwazzjoni tal-approvazzjoni doganali tal-Palestina, meta tkun operattiva; Promozzjoni/valutazzjoni ta' Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri li tiffaċilita l-moviment ta' persuni u merkanzija filwaqt li fl-istess ħin jinżammu fruntieri sikuri

Responsabbiltajiet tal-UE: assistenza kontinwa tal-UE, inkluż permezz tal-PSDK kif xieraq, taħriġ tal-uffiċjali tal-AP fid-dawl ta' skjeramenti fil-ġejjieni fuq il-fruntieri, tkompli l-promozzjoni ta' osservazzjoni Palestinjana bħala l-ewwel pass lejn negozjati ta' adeżjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

5)           Jiżdiedu l-isforzi biex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari fost l-aktar vulnerabbli, u biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fil-Palestina

· Tinbena sistema ta' sigurtà soċjali sostenibbli, ekwa u kost-effettiva.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni xierqa għall-ħarsien soċjali, inkluż għall-pensjonijiet, l-iżvilupp ta' bażi nazzjonali tad-dejta dwar il-faqar u l-vulnerabbiltà, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm ta' Trasferiment ta' Kontanti (CTP) fix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża qabel l-amalgamazzjoni tiegħu fi skema nazzjonali kompletament iffinanzjata

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Ministeru Palestinjan tal-Ippjanar u l-Iżvilupp Amministrattiv u tal-Bank Dinji lill-AHLC, ir-rapporti ta' progress u l-evalwazzjonijiet ta' programmi ta' assistenza tal-UE fis-settur

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ finanzjarju kontinwu, b'mod partikolari għar-riforma tal-programmi ta' assistenza f'kontanti għall-Palestinjani vulnerabbli sabiex ikunu stabbiliti fuq bażi sostenibbli, inklużjoni tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Palestina fil-programmi ta' għajnuna reġjonali (MEDSTAT III)

· Jittejbu l-livell tas-saħħa pubblika u l-governanza tagħha fit-territorju okkupat Palestinjan f'konformità mal-implimentazzjoni tal-AP tal-istrateġija tas-saħħa komprensiva nazzjonali tagħha, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-infrastruttura u l-loġistika, il-finanzjament għas-settur tas-saħħa, ir-riżorsi umani għas-saħħa u l-aċċess għall-mediċini inkluż Gaża.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-allokazzjoni ta' riżorsi għall-iżvilupp tal-kura tas-saħħa sekondarja u terzjarja, l-istabbiliment tal-Isptar Edukattiv tal-Università Al Najah

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u r-rapporti tal-indiċi ta' żvilupp tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP)

Responsabbiltajiet tal-UE: barra mis-setturi fokali attwali għall-assistenza tal-UE, għalkemm l-UE se tkompli l-appoġġ finanzjarju ġenerali dirett lill-AP u tista' tipprovdi appoġġ għall-bżonnijiet speċifiċi ta' saħħa akuta, bħal fl-Istrixxa ta' Gaża jew għal sptarijiet f'Ġerusalemm tal-Lvant

6)           Jitħeffu l-ġestjoni u l-aċċess territorjali, inkluż għar-riżorsi naturali

· L-iżvilupp tal-qafas legali u istituzzjonali meħtieġ għal sistema ta' ġestjoni integrata tal-ilma u tad-drenaġġ biex ikun żgurat servizz ekwu ta' provvista u sostenibbiltà tar-riżorsi kollha fit-territorju Palestinjan kollu u jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni tagħha.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-istabbiliment ta' korp regolatorju tal-ġestjoni tal-ilma, l-allokazzjoni ta' riżorsi għal netwerk nazzjonali ta' distribuzzjoni tal-ilma, imqabbad mar-reġjuni u għad-desalinizzazzjoni

Indikaturi: l-evalwazzjoni tal-ilħuq tal-miri tal-infrastruttura tal-ilma fl-NDP 95% tad-djar imqabbdin mal-provvista ta' ilma nadif sal-2013, 65% (Xatt tal-Lvant) u 92% (Gaża) imqabbdin ma' netwerk tad-drenaġġ, u inqas telf min-netwerk. Jiġu riveduti wara l-2013

Responsabbiltajiet tal-UE: assistenza kontinwa tal-UE, possibbiltà ta' appoġġ mill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat (NIF)

· Jiġu intensifikati l-isforzi sabiex tkun iffaċilitata l-konnettività fin-netwerks ta' infrastruttura reġjonali u internazzjonali (pereżempju, it-trasport, l-enerġija, l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, eċċ.) speċjalment fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-istabbiliment ta' korp regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet li jippromwovi l-kompetizzjoni u l-istandards tas-servizzi, l-investiment fil-konnettività reġjonali mal-Eġittu/il-Ġordan, it-titjib tas-sigurtà tal-enerġija inter alia permezz tal-promozzjoni tal-użu ta' sorsi indiġeni ta' enerġija rinnovabbli, l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-konnessjoni territorjali bejn ix-Xatt tal-Punent u Gaża u għan-netwerk ta' toroq reġjonali

Indikaturi: ir-Rapport annwali ta' Monitoraġġ tal-NDP, ir-Rapporti tal-Bank Dinji lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc

Responsabbiltajiet tal-UE: assistenza kontinwa tal-UE, inkluż permezz tal-istrument ta' Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) u l-inizjattivi EuroMed, possibbiltà ta' appoġġ mill-NIF

· L-implimentazzjoni ta' politiki ta' żvilupp sostenibbli li jirriżultaw fi strateġiji u inizjattivi maħsuba sabiex jilħqu inter alia żvilupp ekonomiku sostenibbli mil-lat ambjentali u aktar inklużjoni soċjali.

Skeda ta' żmien: fi żmien medju

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Ambjent, l-iżvilupp u r-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali rilevanti

Indikaturi: ir-Rapport annwali ta' Monitoraġġ tal-NDP

Responsabbiltajiet tal-UE: Assistenza tal-UE primarjament permezz tal-bini tal-kapaċità, l-appoġġ għall-proġetti, TAIEX u inizjattivi Ewro-Mediterranji

7)           Titjieb tal-kwalità tal-edukazzjoni, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tas-soċjetà tal-informazzjoni fit-territorju okkupat Palestinjan

· Tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tas-soċjetà tal-informazzjoni fit-territorju okkupat Palestinjan.

Skeda ta' żmien: fit-tul

Punti ta' referenza: l-allokazzjoni ta' riżorsi tal-AP għall-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja, ir-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija; l-istabbiliment ta' fond nazzjonali għar-riċerka akkademika; l-iżvilupp ta' infrastruttura edukattiva, kulturali, għaż-żgħażagħ u relatata mal-isport, l-istabbiliment ta' programm e-gvern, l-istabbiliment ta' korp regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet u konnettività mtejba ta' netwerk akkademiku u ta' riċerka tal-AP mat-Teknoloġija ta' Netwerk Avvanzat Ewropew Gigabit (GEANT - Gigabit European Advanced Network Technology)

Indikaturi: l-indikaturi tal-UNDP dwar l-edukazzjoni, l-evalwazzjoni tal-ilħuq ta' indikaturi rilevanti tal-NDP għar-rati ta' reġistrazzjoni fl-edukazzjoni bażika u fl-edukazzjoni għolja, in-numru ta' applikazzjonijiet Palestinjani ta' suċċess fil-programmi rilevanti tal-UE

Responsabbiltajiet tal-UE: iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-Palestina fil-programmi rilevanti tal-UE; għalkemm barra s-setturi fokali attwali għall-assistenza bilaterali mill-UE, appoġġ kontinwu tal-UE għall-programm ta' Taħriġ u Edukazzjoni Teknika u Vokazzjonali (TVET) (dan tal-aħħar għandu jkun rivedut matul l-2013)

8)           Jingħata appoġġ għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan f'Ġerusalemm tal-Lvant

· Jingħata appoġġ għad-drittijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-poplu Palestinjan f'Ġerusalemm tal-Lvant, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-FAC ta' Diċembru 2009 u f'allinjament sħiħ mal-Pjan Palestinjan ta' Żvilupp Strateġiku Multi-Settorjali (SMDP) għal Ġerusalemm.

Skeda ta' żmien: proċess kontinwu

Punti ta' referenza: l-implimentazzjoni tal-SMDP għal Ġerusalemm tal-Lvant, l-istabbiliment ta' punt fokali tal-PLO għal Ġerusalemm tal-Lvant, il-ftuħ mill-ġdid ta' istituzzjonijiet Palestinjani f'Ġerusalemm tal-Lvant skont il-Pjan Direzzjonali

Indikaturi: l-indikaturi tal-WHO/indikaturi demografiċi għall-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, l-indikaturi oħra ta' żvilupp tal-bniedem fejn disponibbli

Responsabbiltajiet tal-UE: appoġġ kontinwu tal-UE għall-programm ta' Ġerusalemm tal-Lvant (inklużi l-akkomodazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, is-servizzi soċjali bażiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali)

9)           Jiżdiedu l-isforzi ta' żvilupp fiż-Żona Ċ

· Jiżdiedu l-isforzi ta' żvilupp fiż-Żona Ċ.

Skeda ta' żmien: proċess kontinwu

Punti ta' referenza: l-investiment fix-xogħlijiet jew l-istituzzjonijiet pubbliċi fiż-Żona Ċ, it-titjib tal-moviment ta' persuni u oġġetti, tal-iżvilupp, u tal-kummerċ u l-esportazzjonijiet

Indikaturi: ir-Rapporti tal-Ministeru Palestinjan tal-Ippjanar u l-Iżvilupp Amministrattiv lill-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc, l-adozzjoni ta' pjanijiet prinċipali Palestinjani għaż-Żona Ċ

Responsabbiltajiet tal-UE: għajnuna finanzjarja kontinwa għall-iżvilupp Palestinjan fiż-Żona Ċ[14] sabiex tinżamm il-preżenza Palestinjana hemmhekk, appoġġ għall-elaborazzjoni ta' pjanijiet ewlenin Palestinjani sabiex jitjieb l-iżvilupp tax-Xatt tal-Punent kollu u sabiex tiġi ppreservata l-vijabbiltà tal-istat futur Palestinjan, promozzjoni tat-tneħħija sħiħa u permanenti tal-ostakoli għall-moviment u l-aċċess, bħala prerekwiżit għall-qawmien ekonomiku Palestinjan u l-iżgurar li l-AP tibbenefika għal kollox mill-ftehimiet eżistenti u l-istrumenti li għalihom tkun intitolata. Tkompli tingħata għajnuna umanitarja f'waqtha u b'mod effettiv, meta u fejn ikun hemm bżonn, u f'konformità mal-prinċipji umanitarji.

ANNESS: GĦANIJIET KUMPLIMENTARI

A.           DIMENSJONI POLITIKA

I.            Djalogu u koperazzjoni politika

[Djalogu Politiku bejn l-UE u l-PLO]

Jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bħala parti minn viżjoni strateġika lejn stat Palestinjan integrat b'mod sħiħ u sovran u jinkisbu koperazzjoni u djalogu politiku akbar abbażi tal-valuri komuni

(1) Jittejbu d-djalogu u l-koperazzjoni politika u strateġika dwar il-politika barranija u ta' sigurtà u jiġu organizzati laqgħat fuq livelli differenti u fil-fora kollha.[15]

(2) Tiġi stabbilita laqgħa annwali bejn l-UE u n-naħa Palestinjana skont il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li ssir flimkien ma' msieħba oħrajn fil-PEV.

(3) Jinbdew mill-aktar fis possibbli, negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ, li jkun konkluż b'mod formali mas-sovranità Palestinjana.

(4) Jiġu intensifikati l-kuntatti bejn il-Ministri Palestinjani u l-kontropartijiet Ewropej tagħhom.

(5) Isiru laqgħat annwali ma' uffiċjal anzjan Palestinjan fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ssir skeda ta' laqgħat addizzjonali fuq bażi ad hoc.

(6) Jissaħħaħ id-djalogu u l-koperazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni tal-paċi u tal-kriżijiet u l-protezzjoni ċivili.

(7) Tiżdied il-koperazzjoni fil-qafas multilaterali, inkluż permezz ta' kontribut għall-isforzi tan-NU sabiex jissolvew il-kunflitti reġjonali u jitħeġġeġ il-multilateraliżmu effettiv.

(8) Tissaħħaħ il-koperazzjoni biex jiġi indirizzat it-theddid tas-sigurtà komuni, inkluż in-nuqqas ta' proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (WMD) u l-esportazzjoni illegali ta' armi.

II.          Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u governanza tajba

[Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Governanza Tajba u l-Istat tad-Dritt]

Tinbena demokrazija profonda u sostenibbli msejsa fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

Elezzjonijiet

(9) Isiru elezzjonijiet ġenwini, demokratiċi f'kull livell skont l-istandards internazzjonali.

(10) Jissaħħaħ il-qafas legali nazzjonali biex ikun żgurat monitoraġġ indipendenti domestiku u internazzjonali u l-osservazzjoni fl-elezzjonijiet, inkluż mis-soċjetà ċivili.

(11) Jissaħħaħ ir-rwol, l-indipendenza u l-kapaċitajiet tal-Kummissjoni tal-Elezzjonijiet Ċentrali u jkun żgurat li l-istituzzjoni tkun appoġġjata minn biżżejjed riżorsi finanzjarji.

(12) Jittieħdu miżuri sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u demokratika.

Ġudikatura

(13) Ikomplu l-isforzi lejn ġudikatura indipendenti, imparzjali u li tiffunzjona kompletament konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżgurar ta' proċess xieraq, proċessi ġusti u infurzar ta' ordnijiet u deċiżjonijiet tal-qorti.

(14) Tiġi żviluppata l-leġiżlazzjoni, jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni legali sabiex ikun żgurat aċċess ugwali għall-ġustizzja għal kulħadd u jitwaqqaf fond għall-għajnuna legali bl-istrutturi adegwati sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni xierqa tiegħu.

(15) Permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiġi rregolata l-ġurisdizzjoni tal-qrati speċjalizzati inkluż permezz tas-separazzjoni tal-ġudikatura ċivili u militari u l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tat-tribunali militari għall-persunal militari fis-servizz, filwaqt li jinżammu qrati ċivili kompetenti għal kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali. Jittejbu l-possibbiltajiet għal rimedju legali kontra ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini.

(16) Jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tad-diversi istituzzjonijiet fis-settur tal-ġustizzja.

Sigurtà

(17) Titħaffef ir-riforma u l-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà Palestinjan, l-istituzzjonalizzazzjoni tas-superviżjoni demokratika ċivili tas-servizzi ta' sigurtà u jkun żgurat li dawn joperaw b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' regolamentazzjoni xierqa u taħriġ xieraq.

Governanza tajba

(18) Jittieħdu l-miżuri kollha leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa sabiex tkun stabbilita u implimentata diviżjoni ċara tas-setgħat bejn il-fergħat differenti tal-gvern.

(19) Jissaħħu l-isforzi nazzjonali sabiex jiġi implimentat b'mod sħiħ il-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali (2011-2013) u s-suċċessuri tiegħu b'rabta mal-komunità ta' donaturi internazzjonali.

(20) Jingħata appoġġ lill-isforzi tal-AP sabiex timplimenta l-għan strateġiku nazzjonali biex tirriforma l-amministrazzjoni pubblika tagħha sabiex twassal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u effiċjenti madwar it-territorju okkupat Palestinjan kollu.

(21) Jiġi żviluppat qafas leġiżlattiv li jiffunzjona permezz tal-formulazzjoni ta' pjan leġiżlattiv, li jistabbilixxi regoli għar-reviżjoni tal-kwalifika ta' inizjattivi leġiżlattivi skont ir-regola ta' emerġenza u jsir użu sħiħ tal-istrument TAIEX għall-preparazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni futura.

III.         Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

Jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards internazzjonali u tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem

Il-Liġi Umanitarja Internazzjonali u l-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

(22) Jiġi żgurat ir-rispett għal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem inkluż fir-rigward tal-priġunieri Palestinjani u d-detenuti amministrattivi.

Tortura u trattament ieħor krudili, inuman u degradanti

(23) Jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi mħarsa l-projbizzjoni assoluta tal-użu tat-tortura u jiġu stabbiliti mekkaniżmi interni u esterni ta' investigazzjoni sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà għal dawk li jwettqu trattament ħażin u tortura waqt id-detenzjoni u taħt interrogazzjoni. Jiġu stabbiliti mekkaniżmi nazzjonali indipendenti ta' prevenzjoni f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura.

(24) Issir rijabilitazzjoni taċ-ċentri ta' detenzjoni b'mod konformi ma' standards internazzjonali, ikun żgurat l-aċċess tad-detenuti għall-avukati, għall-familji u għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jkun żgurat li l-Ministeri rilevanti, il-prosekutur pubbliku u l-ġudikatura huma kapaċi jissorveljaw regolarment iċ-ċentri ta' detenzjoni biex ikun żgurat li l-proċeduri legali xierqa jkunu qed jiġu implimentati.

(25) Jingħata aċċess lill-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem għal fajls marbuta ma' investigazzjonijiet ta' allegazzjonijiet ta' tortura.

Libertajiet Fundamentali

(26) Tiġi stabbilita strateġija komprensiva Palestinjana tad-drittijiet tal-bniedem.

(27) Jiġi adottat kodiċi penali unifikat li jikkonforma mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem inkluż in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-piena tal-mewt u li jsaħħaħ il-garanziji legali għal-libertajiet fundamentali kollha. Jiġi rrispettat b'mod sħiħ il-moratorju de facto fuq il-piena tal-mewt u tibda l-ħidma lejn moratorju de jure.

(28) Jintemmu l-arresti arbitrarji kollha u jitneħħew ir-rekwiżiti kollha għal awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà bbażati fuq affiljazzjoni politika fiċ-ċirkostanzi kollha (inkluża r-reġistrazzjoni ta' assoċjazzjonijiet, ir-reklutaġġ għal kariga pubblika, il-ħruġ tal-passaporti, eċċ.).

(29) Jiġi żgurat li d-detenzjonijiet isiru biss għal raġunijiet kriminali jew ta' sigurtà validi u jkunu bbażati fuq mandati ta' arrest maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

(30) Jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini biex igawdu l-libertajiet fundamentali tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem ċivili u politiċi tagħhom, inkluża l-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà tal-midja billi jinħoloq qafas legali nazzjonali adegwat għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem b'konformità ma' standards internazzjonali. Tiġi kkonsolidata l-Kummissjoni Indipendenti Palestinjana għad-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Prinċipji ta' Pariġi (ir-riżoluzzjoni UNGA 48/134).

(31) Jitħarsu d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, jiġu eliminati d-dispożizzjonijiet kollha diskriminatorji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jingħata tagħrif regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, dwar l-implimentazzjoni ta' CEDAW u dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul.

(32) Jitħarsu d-drittijiet tat-tfal u tiġi żgurata l-integrazzjoni fl-istrateġiji u s-sistemi tal-AP (inkluża s-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni) b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari l-protokoll dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati u l-Konvenzjoni 182 tal-ILO dwar l-agħar forom ta' xogħol tat-tfal.

(33) L-istituzzjonalizzazzjoni ta' mekkaniżmu ta' rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi 4/1999 li tittratta d-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà.

(34) Jissaħħaħ il-qafas legali f'kull livell sabiex jingħelbu r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni.

(35) Jitħarsu d-drittijiet u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mad-dikjarazzjoni tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (ir-riżoluzzjoni UNGA 53/144).

(36) Jitħarsu d-drittijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ta' nies li jgħixu fix-Xatt tal-Punent, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, u fl-Istrixxa ta' Gaża.

Soċjetà ċivili

(37) Jiġi żgurat spazju kif ukoll proċeduri ta' reġistrazzjoni trasparenti għas-soċjetà ċivili sabiex jissaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tagħha f'konformità mal-liġi nazzjonali u l-istandards internazzjonali.

(38) Jitjieb id-djalogu u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(39) Tiġi promossa politika ta' żvilupp parteċipattiva u appartenenza nazzjonali ta' riformi lil hinn mis-sjieda tal-gvern billi jkun iffaċilitat l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi settorjali u l-isforzi ta' riforma permezz ta' konsultazzjonijiet regolari, strutturati u inklużivi bejn bosta partijiet interessati.

IV.         Il-koperazzjoni fil-Ġustizzja u fl-Affarijiet Interni

Jingħelbu r-razziżmu u l-ksenofobija, u d-diskriminazzjoni

(40) Jissaħħaħ il-qafas legali f'kull livell sabiex jingħelbu r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni.

(41) Jingħelbu r-reati ta' mibegħda, inklużi każijiet motivati mill-Islamofobija, l-anti-Semitiżmu u l-Kristjanofobija u twemmin ieħor, li jistgħu jitqajmu minn propaganda razzista u ksenofobika u t-tixwix fil-midja u fuq l-Internet.

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri

(42) Jiġi promoss id-djalogu u l-koperazzjoni fil-kwistjonijiet ta' migrazzjoni u ta' ażil u jissaħħu l-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż bl-għan li jiġu promossi l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp.

(43) Jiġi promoss it-titjib tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-Awtorità Palestinjana.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

(44) Jissaħħu u jiġu implimentati politiki nazzjonali mmirati biex tingħeleb il-korruzzjoni b'mod konformi mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.

(45) Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu investigazzjonijiet tal-pulizija u għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' attività kriminali, inklużi reati ċibernetiċi, reati finanzjarji u ħasil tal-flus.

(46) Jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità biex jingħeleb il-kuntrabandu ta' migranti irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll jiġi offrut appoġġ għar-rijabilitazzjoni tal-vittmi.

(47) Jiġu żviluppati t-taħriġ tal-pulizija u l-koperazzjoni magħhom.

(48) Tiġi żviluppata l-koperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, abbażi ta' strumenti internazzjonali, speċjalment il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-kriminalità organizzata u tranżitorja u l-protokolli tagħha (UNTOC).

(49) Tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, inkluż fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji taż-żewġ partijiet.

Id-drogi

(50) Jiġu skambjati l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar il-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra d-droga u tiġi promossa l-koperazzjoni f'dan il-qasam.

(51) Tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga inkluż permezz tat-taħriġ tal-awtoritajiet rilevanti u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

(52) Tiġi implimentata leġiżlazzjoni rilevanti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu skont l-istandards internazzjonali (eż. it-Taskforce ta' Azzjoni Finanzjarja), Ewropej u tal-UE.

(53) Tiġi żviluppata l-koperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(54) Tiġi żviluppata l-koperazzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(55) Jiġi evitat it-terroriżmu, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-propaganda ta' estremiżmu vjolenti.

(56) Ikun hemm koperazzjoni sabiex jissaħħaħ ir-rwol tan-NU fil-ġlieda multilaterali kontra t-terroriżmu, inkluż permezz ta' implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1267/99 u 1373/01, u l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istrateġija globali tan-NU kontra t-terroriżmu u l-konvenzjonijiet tan-NU kontra t-terroriżmu.

B.           KOPERAZZJONI EKONOMIKA

V.           Riforma u Żvilupp Ekonomiku

[Sottokumitat dwar il-Kwistjonijiet Ekonomiċi u Finanzjarji]

(57) Ikompli jsir progress lejn l-istabbiliment ta' qafas leġiżlattiv u regolatorju xieraq għall-politika fiskali u r-riforma monetarja.

(58) Isiru politiki ekonomiċi mmirati li jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja, inkluż permezz ta' politiki fiskali maħsuba biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali u permezz ta' qafas superviżorju xieraq għas-sistema finanzjarja.

(59) Jiġu implimentati riformi strutturali mmirati lejn it-trawwim ta' żvilupp ekonomiku u li maż-żmien jgħollu r-rata ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli.

(60) Jiġi promoss ir-rwol tas-settur privat fit-territorju okkupat Palestinjan kollu, b'mod partikolari billi jsir progress lejn indipendenza fiskali akbar u jeħfief l-aċċess tas-settur privat għas-sistema finanzjarja.

(61) Jittejjeb l-ambjent ekonomiku sabiex jiġi promoss l-investiment domestiku u jiġi attirat l-investiment barrani fit-territorju okkupat Palestinjan, b'mod partikolari f'Ġerusalemm tal-Lvant, iż-Żona Ċ u l-Istrixxa ta' Gaża.

(62) Issir sejħa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-2005 dwar il-Moviment u l-Aċċess u tiġi promossa t-tneħħija sħiħa u permanenti tal-ostakoli għall-moviment u l-aċċess, bħala fattur ewlieni fil-promozzjoni tal-irkupru, l-integrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku fit-territorju okkupat Palestinjan inkluż f'Gaża.

VI.         Ir-Responsabbiltà Finanzjarja u Amministrazzjoni Soda tal-Finanzi Pubbliċi

[Sottokumitat dwar il-Kwistjonijiet Ekonomiċi u Finanzjarji]

(63) Titnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna internazzjonali:

– bil-kontribut għal livell effiċjenti, trasparenti u prevedibbli ta' ġbir awtorizzat tad-dħul mill-Iżrael f'isem l-AP konformi mal-Protokoll ta' Pariġi[16]

– bl-iżvilupp tal-qafas regolatorju u istituzzjonali u l-kapaċità għal sistema ta' tassazzjoni moderna bbażata fuq standards tat-taxxa internazzjonali u Ewropej li jinkludu l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, u ż-żieda tad-dħul mit-taxxa sabiex jonqos id-defiċit tal-baġit

– bit-titjib tal-kapaċità tal-AP fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġbir tad-dħul

– bil-kontroll u r-razzjonalizzazzjoni tan-nefqa rikorrenti permezz tat-tnaqqis tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku u l-istabbiliment ta' sistema ta' pensjoni finanzjarjament sostenibbli

– bit-tneħħija gradwali tas-self nett fis-settur tal-elettriku permezz tal-organizzazzjoni ta' struttura regolatorja, it-tisħiħ tad-distribuzzjoni, iż-żieda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-trażmissjoni tal-enerġija

(64) Issir ħidma lejn ġestjoni aqwa tal-għajnuna u koordinazzjoni tad-donaturi.

(65) Jiġi żviluppat u adottat il-qafas legali meħtieġ għat-tranżizzjoni tal-Awtorità Monetarja Palestina (PMA) f'Bank Ċentrali.

(66) Jiġi kkonsolidat aktar il-progress fl-istabbiliment ta' sistema pubblika ta' ġestjoni finanzjarja b'saħħitha u responsabbli:

– bl-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv għat-tisħiħ tas-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja pubbliċi tal-AP

– bit-titjib tar-rappurtar fiskali u l-kapaċitajiet ta' tbassir permezz ta' appoġġ għat-twaqqif tal-unità makrofiskali fil-Ministeru tal-Finanzi

– bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas regolatorju ġdid għall-akkwist pubbliku, inkluża l-adozzjoni u l-armonizzazzjoni ta' liġijiet lokali rilevanti u regolamenti relatati mal-akkwist

– bl-iżgurar ta' sorveljanza msaħħa tal-finanzi pubbliċi: l-SAACB (Uffiċċju Statali tal-Verifika u tal-Kontroll Amministrattiv) isir istituzzjoni indipendenti esterna tal-verifika skont l-istandards INTOSAI, b'kapaċità istituzzjonali sostanzjali u qafas legali robust

– bl-aġġornament u d-deċentralizzazzjoni tal-verifiki interni tal-AP

– bl-implimentazzjoni ta' valutazzjoni RFNP (Responsabbiltà Finanzjarja u Nefqa Pubblika)

L-istatistika

(67) Jiġu segwiti l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi fit-territorju okkupat Palestinjan bil-għan li tiġi pprovduta dejta statistika rilevanti biex jitfasslu l-politiki u jiġi ssorveljat il-progress.

(68) Tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistema nazzjonali tal-istatistika fil-qasam tal-analiżi u t-tixrid u l-kwalità tad-dejta, inkluż it-titjib tal-kompletezza u l-puntwalità tad-dejta trażmessa lill-Eurostat.

(69) Tkompli tiġi żviluppata sistema ta' statistika bbażata fuq l-aħjar prattiki internazzjonali u tiġi estiża l-koperazzjoni eżistenti bejn iż-żewġ korpi tal-istatistika jiġifieri l-EUROSTAT u l-Uffiċċju Ċentrali Palestinjan tal-Istatistika (PCBs) inkluż fil-qafas tal-programm MEDSTAT III u jingħata kontribut lejn l-iżvilupp ta' strateġija reġjonali għall-koperazzjoni fl-istatistika.

VII.        Kwistjonijiet marbuta mal-Kummerċ; l-Agrikultura u s-Sajd; is-Suq u r-Riforma Regolatorja; id-Dwana

[Sottokumitat dwar il-Kummerċ u s-Suq Intern, l-Industrija, l-Agrikultura u Sajd, id-Dwana]

L-AP u l-UE huma impenjati fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet miftiehma mill-Unjoni għall-Ministri tal-Kummerċ tal-Mediterran, li jinkludu l-Pjan Direzzjonali Ewro-Med għal Kummerċ wara l-2010 u l-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriżi li qed jintużaw bħala punti ta' referenza komuni minn pajjiżi msieħba biex isaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, jippromwovu u jżidu l-investimenti, iħeffu l-aċċess għas-suq, itejbu l-klima tan-negozju u jixprunaw l-intraprenditorija fuq livell ta' pajjiż u fir-reġjun kollu.

VII. i.     Il-moviment ta' oġġetti

Ir-Relazzjonijiet Kummerċjali Bilaterali

(70) Jiġu żviluppati aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana u jittieħdu miżuri konkreti biex teħfief l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn l-UE u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana).

(71) Tissaħħaħ il-koperazzjoni fost l-UE, l-Awtorità Palestinjana u l-Iżrael sabiex teħfief l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll ta' Pariġi.

(72) Jiġu implimentati miżuri li jħeffu l-kummerċ ta' prodotti Palestinjani kif approvati mill-Unjoni għall-Ministri tal-Kummerċ tal-Mediterran fl-2010.

(73) Tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet Palestinjani u jissaħħu aktar il-kapaċitajiet amministrattivi u tekniċi inkluż permezz ta' appoġġ tal-UE għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, u bi tħejjija għall-integrazzjoni fis-sistema kummerċjali multilaterali.

(74) Jiġu identifikati u adottati miżuri ta' akkumpanjament li jipprovdu għall-appoġġ strutturali, legali u amministrattiv meħtieġ sabiex jeħfief l-aċċess għas-swieq tal-esportazzjoni, inkluża l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni teknika.

L-Agrikoltura u s-Sajd

(75) Isir l-aħjar użu u tibqa' tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim bejn l-UE u l-PLO dwar il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ ta' prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħut u prodotti tas-sajd.

(76) Tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur pubbliku u privat sabiex is-settur tal-agrikultura u s-sajd jibqa' jiżviluppa, b'mod partikolari bit-tisħiħ tal-iżvilupp u t-titjib ta' produzzjoni ta' kwalità, sabiex ikun jista' jibbenefika bis-sħiħ mill-ftehim bejn l-UE u l-PLO imsemmi hawn fuq.

Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS)

(77) Jittejbu l-produttività, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u l-benesseri tal-annimali fit-territorju okkupat Palestinjan permezz ta' riforma tas-setturi tal-annimali u tal-pjanti, u jeħfief il-kummerċ, fejn possibbli.

(78) Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet, il-leġiżlazzjoni u l-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' protezzjoni sanitarja, fitosanitarja u tal-benesseri tal-annimali fil-produzzjoni domestika, u sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-SPS tas-swieq li jimportaw prodotti mit-territorju okkupat Palestinjan, inklużi r-rekwiżiti tal-UE u l-istandards internazzjonali żviluppati mill-Codex Alimentarius, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC), fejn xieraq.

Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali

(79) Bħala tħejjija għan-negozjati ta' ACAA:

– Jiġu armonizzati r-regolamenti tekniċi u l-istandards nazzjonali mal-istandards Ewropej u internazzjonali għall-prodotti industrijali fis-setturi magħżula ta' prijorità u

– Jissaħħu u jiġu aġġornati l-istituzzjonijiet responsabbli mill-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq għal-livell tal-istituzzjonijiet korrispondenti tal-UE.

Il-koperazzjoni reġjonali

(80) Tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi ġirien billi jitlesta u jissaħħaħ in-netwerk ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

(81) Ikun hemm parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni fl-oqsma kollha li bħalissa huma koperti mill-Ftehim ta' Agadir u ssir ħidma biex l-ambitu tiegħu jitwessa' għal oqsma ġodda bħas-servizzi u l-investiment u titħeġġeġ is-sħubija ġdida fil-Ftehim.

(82) Teħfief l-integrazzjoni tal-AP fis-sistema kummerċjali multilaterali bil-promozzjoni kontinwa tal-osservazzjoni Palestinjana bħala l-ewwel pass lejn negozjati ta' adeżjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u bil-ħolqien tal-kapaċità amministrattiva u qafas regolatorju u legali meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-WTO.

Dwana

(83) Jiġu żviluppati aktar il-leġiżlazzjoni doganali, il-kodiċi u l-proċeduri skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' Palermo.

(84) Tiġi implimentata l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji.

(85) Ikun hemm parteċipazzjoni fir-reviżjoni bir-reqqa tar-regoli ta' oriġini Pan-Ewro-Mediterranji fil-qafas tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji.

(86) Tiġi żviluppata sistema ta' kontroll tal-fruntieri moderna bbażata fuq ġestjoni integrata effettiva (IBM) tal-fruntieri u jibqa' jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' persunal kwalifikat biex iħaddem id-dipartimenti doganali f'portijiet internazzjonali.

III. ii.     Id-dritt ta' stabbiliment, il-liġi tal-kumpaniji u s-servizzi

L-istabbiliment u l-liġi tal-kumpaniji

(87) Jitneħħew l-ostakoli għall-istabbiliment u l-operat tal-kumpaniji.

Is-servizzi

(88) Tiġi ffinalizzata u implimentata strateġija li ttejjeb il-kompetittività tas-settur tas-servizzi Palestinjan inkluż is-simplifikazzjoni regolatorja u l-faċilitazzjoni amministrattiva għas-setturi tas-servizzi kemm Palestinjani kif ukoll tal-UE.

(89) Issir ħidma lejn l-abolizzjoni gradwali tal-ostakoli fil-provvista ta' servizzi fit-territorju okkupat Palestinjan.

Żvilupp ta' servizzi finanzjarji

(90) Jiġi żviluppat qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji, inklużi s-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni, is-setturi tal-verifika u s-swieq tat-titoli.

(91) Jeħfief l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u jiġu attivati, b'kollaborazzjoni ma' donaturi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kanali finanzjarji kollha bħal skemi ta' garanzija ta' kreditu u fondi ta' ekwità speċjalizzati fl-SMEs.

III. iii.    Oqsma oħra ewlenin

Il-Kompetizzjoni

(92) Jiġu żviluppati kundizzjonijiet li jippermettu kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk Palestinjani kif ukoll fost il-kumpaniji Palestinjani u tiġi adottata sistema ta' kontroll anti-trust kompatibbli ma' dik tal-UE.

Il-Ħarsien tal-Konsumatur

(93) Tiżdied il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur sabiex jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

(94) Jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sistemi tal-konsumatur, inklużi l-liġijiet tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodott tal-konsumatur, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tal-konsumatur, u l-kumpens għall-konsumatur.

(95) Jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' assoċjazzjonijiet indipendenti tal-konsumatur u l-kuntatti bejn ir-rappreżentanti tal-konsumaturi.

It-Turiżmu

(96) Tingħata għajnuna u jsir skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika rigward il-politiki u l-proġetti rispettivi dwar it-turiżmu sostenibbli filwaqt li jiġu involuti l-partijiet interessati rilevanti pubbliċi u privati, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant.

(97) Teħfief il-parteċipazzjoni Palestinjana fl-inizjattivi tal-UE bħan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi.

C.           KOPERAZZJONI BEJN IS-SETTURI

VIII.    Opportunitajiet indaqs, Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa Pubblika

[Sottokumitat dwar l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa]

Opportunitajiet indaqs

(98) Jiżdiedu l-isforzi għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u gruppi vulnerabbli oħra bħall-persuni b'diżabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni u fil-qafas tal-istrateġiji nazzjonali differenti (l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa eċċ.).

(99) Jingħeleb b'mod effettiv l-isterjotipar ibbażat fuq id-differenza bejn is-sessi u kull tip ta' esklużjoni jew diskriminazzjoni kulturali u soċjali.

L-Impjiegi

(100) Skont l-istrateġija nazzjonali tal-AP, jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema Palestinjani, jiġu żviluppati u implimentati miżuri u approċċ li jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ u tiġi implimentata bis-sħiħ strateġija nazzjonali tal-impjiegi li tikkunsidra s-sessi.

(101) Jiġi żviluppat djalogu dwar id-drittijiet soċjali fundamentali u l-istandards tax-xogħol li jimmira lejn suq tax-xogħol inklussiv u mhux diskriminatorju.

(102) Tkompli l-azzjoni biex jiġi stabbilit djalogu soċjali li jiffunzjona, b'mod partikolari, tiġi żviluppata l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, tat-trejdjunjins tal-ferroviji u r-rappreżentanti tal-persunal fin-negozjati/negozjar kollettiv u fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol filwaqt li jitqies il-proġett li għaddej bejn l-ILO u Bejrut dwar id-Djalogu Soċjali.

(103) Ikomplu l-isforzi biex jittejbu l-kapaċitajiet u l-ġestjoni tal-Kummissjoni Tripartitika diġà eżistenti u jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta' djalogu soċjali, ekonomiku u ċivili usa', li jikkumplimenta d-djalogu soċjali tripartitiku, permezz tal-bini ta' istituzzjonijiet ċivili (Kunsill għal Djalogu Ekonomiku, Soċjali u Ċivili).

(104) Tissaħħaħ il-kapaċità tal-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-aktar tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ix-xogħol tat-tfal u l-kwistjonijiet ta' differenzi bejn is-sessi.

(105) Fil-qafas tal-istrateġija Palestinjana għall-ħarsien soċjali, jiġu allokati strateġikament ir-riżorsi tal-baġit nazzjonali, inkluż permezz tal-Fond tal-Impjiegi u l-Protezzjoni Soċjali, biex tkun tista' tiġi koperta l-ispiża ta' interventi bażiċi ta' assistenza soċjali (mhux kontributorja) u sabiex tiġi żviluppata u stabbilita sistema tal-assigurazzjoni soċjali b'kopertura komprensiva li tibni fuq bażi kontributorja.

Inklużjoni Soċjali u Protezzjoni Soċjali

(106) Jittieħdu passi konkreti biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari fost l-aktar vulnerabbli, u biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fit-territorju okkupat Palestinjan kollu.

(107) Tinbena sistema ta' assistenza soċjali sostenibbli, ekwa u kost-effettiva.

(108) Tittejjeb u tiġi żviluppata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali.

(109) Tiġi żviluppata aktar il-kapaċità istituzzjonali tal-AP sabiex tipprovdi servizzi effiċjenti u effettivi, inkluż ir-ristrutturar organizzattiv mill-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u d-deċentralizzazzjoni/dekonċentrazzjoni gradwali tar-responsabbiltajiet lill-Uffiċċji Reġjonali.

(110) Jittejbu s-sinerġiji bejn l-atturi privati u dawk pubbliċi fil-qasam tal-protezzjoni soċjali.

(111) Tiġi żviluppata bażi nazzjonali tad-dejta għall-faqar u l-vulnerabbiltà u jitfassal intervent soċjoekonomiku.

(112) Jiġi implimentat bis-sħiħ il-Programm ta' Trasferiment ta' Kontanti (CTP) fix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża billi titjieb aktar l-effiċjenza u t-trasparenza tat-twassil tas-servizz.

Is-Saħħa Pubblika

(113) Jittejjeb il-livell tas-saħħa pubblika u l-governanza tagħha fit-territorju okkupat Palestinjan inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-saħħa tal-Palestina bl-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati mal-infrastruttura u l-loġistika, il-finanzjament għas-settur tas-saħħa, ir-riżorsi umani għas-saħħa u l-aċċess għall-mediċini.

(114) Tkompli l-koperazzjoni, inkluż fil-kuntest reġjonali, rigward il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jittieħed u li ma jittiħedx.

IX.         Ir-Riċerka, is-Soċjetà tal-Informazzjoni, l-Awdjoviżwali u l-Midja, l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura

[Sottokumitat dwar ir-Riċerka, is-Soċjetà tal-Informazzjoni, l-Awdjoviżwali u l-Midja, l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura]

Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

(115) Jiżdied l-għarfien u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta' riċerka Palestinjani sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Programm Qafas ta' Riċerka.

(116) Tiġi żviluppata l-kapaċità xjentifika u teknoloġika b'enfasi fuq l-użu tar-riżultati ta' RTD mis-settur tal-industrija u l-SMEs biex jittejbu l-innovazzjoni u n-netwerking bejn is-settur privat u s-settur tar-riċerka.

(117) Jinħoloq ambjent faċilitattiv, inkluż fuq il-livell regolatorju u jkun hemm ħidma lejn l-istabbiliment ta' ċentri ta' eċċellenza.

(118) Jissaħħaħ id-djalogu dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni ma' pajjiżi Mediterranji oħrajn imsieħba u mal-UE.

Is-Soċjetà tal-Informazzjoni, l-Awdjoviżwali u l-Midja

(119) Jingħata appoġġ lis-sħubija Palestinjana fl-EUMEDCONNECT għall-konnettività tan-netwerk Palestinjan ta' riċerka u edukazzjoni ma' GÉANT u l-aċċess għall- infrastrutturi elettroniċi fiż-żona tal-Mediterran.

(120) Jitkompla l-iżvilupp ta' qafas regolatorju komprensiv għal netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, inklużi r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, l-aċċess u l-interkonnessjoni, is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti, il-ħarsien tal-konsumatur, l-ipproċessar ta' dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u l-kost-orjentazzjoni tat-tariffi.

(121) Titwettaq koperazzjoni mal-Grupp Euromed tar-Regolaturi ta' Komunikazzjonijiet Elettroniċi (EMERG) u ma' awtoritajiet regolatorji ta' Stati Membri tal-UE dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

(122) Tiġi implimentata sistema regolatorja trasparenti, effiċjenti u prevedibbli u jkomplu jissaħħu u jiġu ppreservati l-indipendenza tal-awtorità regolatorja fis-settur awdjoviżiv.

L-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura

(123) Ikun hemm koperazzjoni għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' attivitajiet konġunti fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja inkluża l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fi ħdan il-qafas tal-istrateġija nazzjonali Palestinjana lejn konverġenza mal-istandards u l-prattika tal-UE, b'mod partikolari għan-nisa, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-gruppi vulnerabbli.

(124) Jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi, b'attenzjoni fuq il-kwalità tal-edukazzjoni, fit-territorju okkupat Palestinjan kollu speċjalment fiż-Żona Ċ, f'Ġerusalemm tal-Lvant u fl-Istrixxa ta' Gaża.

(125) Tiġi promossa r-riforma fl-edukazzjoni għolja u tissaħħaħ il-koperazzjoni akkademika internazzjonali f'konformità mal-prinċipji tal-Proċess ta' Bologna u tittejjeb il-prestazzjoni tal-faċilitajiet tal-edukazzjoni għolja speċjalment permezz tat-tqabbil tal-edukazzjoni għolja mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(126) Jingħata appoġġ għall-iżvilupp u r-riforma tas-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-istrateġija TVET nazzjonali.

(127) Jingħata appoġġ lill-iżvilupp tal-mobilità tal-istudenti u ż-żgħażagħ b'mod partikolari bejn l-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent.

(128) Jittejbu l-iskambji taż-żgħażagħ u l-koperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali u d-djalogu interkulturali.

(129) Tiġi promossa l-koperazzjoni kulturali fil-fora internazzjonali bħall-UNESCO, inter alia, sabiex tiġi żviluppata d-diversità kulturali, jiġu promossi l-attivitajiet kulturali Palestinjani, jiġi ppreservat u stmat il-wirt kulturali u storiku u jiġu protetti siti arkeoloġiċi konformi man-normi relevanti tal-liġi internazzjonali.

(130) Tissaħħaħ il-kapaċità tal-politika kulturali tal-AP, jittejbu l-iskambji kulturali inkluż fil-kuntest ta' avvenimenti kulturali, kif ukoll tinbena l-kapaċità fis-settur kulturali.

(131) Tiġi promossa l-parteċipazzjoni Palestinjana fil-programmi appoġġjati mill-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, iż-żgħażagħ u l-kultura.

X.           L-Enerġija, it-Trasport, il-Bidla fil-Klima, l-Ambjent, l-Ilma

[Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, il-Bidla fil-Klima, l-Ambjent, l-Ilma]

L-Enerġija

(132) Tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tas-sorsi, abbażi tal-prinċipji tal-UE dwar il-politika tal-enerġija, inkluż billi tiġi implimentata bis-sħiħ l-Istrateġija tal-Palestina għas-Settur tal-Enerġija u jiġu kkonsolidati aktar ir-riformi fis-settur tal-elettriku; jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali inkluż it-tisħiħ tal-Kunsill Regolatorju Palestinjan; tiġi żviluppata aktar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku u n-netwerks ta' enerġija domestiċi u internazzjonali.

(133) Jittejjeb l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-politika dwar l-effiċjenza enerġetika; ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni u l-aħjar prattika tal-UE.

(134) Jiġu żviluppati aktar inizjattivi ta' koperazzjoni reġjonali (elettriku, gass, enerġija li tiġġedded, effiċjenza fl-enerġija eċċ), li potenzjalment iwasslu għall-integrazzjoni tas-suq reġjonali; inkluż fil-qafas tal-Pjan Solari għall-Mediterran.

It-Trasport

(135) Tiġi elaborata u implimentata strateġija nazzjonali tat-trasport, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport b'enfasi fuq approssimazzjoni ulterjuri tal-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji mal-istandards Ewropej u internazzjonali, b'mod partikolari għas-sigurtà u s-sikurezza fil-modi kollha tat-trasport.

(136) Ikun hemm parteċipazzjoni fl-ippjanar u fl-identifikazzjoni ta' proġetti ta' prijorità ta' infrastruttura reġjonali fi ħdan in-netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju futur u l-interkonnessjoni tiegħu man-netwerk tat-trasport trans-Ewropew.

(137) Ikun hemm parteċipazzjoni fl-iżvilupp tas-Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita fir-reġjun tal-Mediterran u jsir użu mill-istrument TAIEX biex jitħaffef l-użu tal-EGNOS (is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja) fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u dak marittimu.

Il-Bidla fil-Klima

(138) Jingħata appoġġ għall-użu u l-kondiviżjoni ta' dejta dwar ix-xjenza tal-klima sabiex tissaħħaħ il-kapaċità ta' elaborazzjoni ta' strateġiji ta' adattament immirati sew u sabiex l-adattament għall-bidla fil-klima jiġi integrat f'politiki oħrajn.

(139) Jingħata appoġġ għall-isforzi ta' adattament għall-impatti negattivi tal-bidla fil-klima inkluż permezz tal-adozzjoni tal-valutazzjonijiet ta' adattament tal-vulnerabbiltà, sabiex għall-promozzjoni ta' strateġiji ta' adattament għall-bidla fil-klima u l-implimentazzjoni tal-isforzi biex tkompli tiżdied ir-reżistenza kontra l-impatti tal-bidla fil-klima.

L-Ambjent

(140) Tittejjeb il-koperazzjoni fil-kwistjonijiet ambjentali inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tal-AP fl-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(141) Tiġi żgurata l-governanza ambjentali tajba permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija tas-Settur tal-Ambjent, permezz tat-tlestija tal-pjan ta' azzjoni tal-istrateġija fis-settur ambjentali u permezz tal-iżvilupp u r-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali relevanti.

(142) Ikun hemm konverġenza mal-leġiżlazzjoni u l-prinċipji tal-UE dwar, inter alia, il-permess, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, il-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni tan-natura, it-tniġġiż industrijali, il-kimiċi u l-integrazzjoni ambjentali.

(143) Jiġu riveduti l-istrutturi istituzzjonali tas-settur ambjentali b'responsabbiltajiet ċari għal kull settur u jibda jitħaddem korp ta' infurzar għal-liġijiet u r-regolamenti ambjentali u dawk marbuta magħhom.

(144) Tiġi kkonservata d-diversità ambjentali u jitħares l-ambjent marittimu u kostali permezz tal-iżvilupp ta' politiki, standards, programmi u sistemi relatati.

(145) Jissaħħaħ il-qafas għall-ġestjoni tal-iskart perikoluż u solidu u jiġu żviluppati sistemi ta' ġestjoni tas-sanità.

Il-Politika Marittima Integrata

(146) Tiġi żviluppata politika marittima integrata li tirrispetta l-konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti (inkluż l-allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE) fi ħdan perspettiva tat-tkabbir sostenibbli; l-indirizzar ta' strutturi istituzzjonali, l-istabbiliment ta' żoni protetti b'konformità mal-Konvenzjoni ta' Barċellona u l- Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.

L-Ilma u d-Drenaġġ

(147) Jiġi żviluppat il-qafas legali, istituzzjonali u infrastrutturali meħtieġ għal sistema ta' ġestjoni tal-ilma u tad-drenaġġ integrata biex ikun żgurat servizz ekwu ta' provvista u s-sostenibbiltà tar-riżorsi.

(148) Il-popolazzjoni tiġi pprovduta bi provvista sostenibbli tal-ilma u l-komunitajiet mhux servuti jiġu mqabbdin u jitnaqqsu t-tnixxijiet tal-ilma b'madwar 15 % (tnixxijiet attwali 45-50 %).

(149) Tittejjeb il-koperazzjoni fil-kwistjonijiet tal-ilma inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tal-AP fl-attivitajiet ta' Horizon 2020.

D.          OĦRAJN

XI.         Il-Parteċipazzjoni fil-Programmi u l-Aġenziji tal-Unjoni

(150) Tiġi promossa l-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-aġenziji tal-UE u l-programmi tal-UE miftuħa għall-pajjiżi u l-imsieħba tal-PEV.

(151) Jiġi konkluż ftehim qafas għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE miftuħa għall-pajjiżi u l-imsieħba tal-PEV.

(152) Tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-aġenziji tal-UE fil-kuntest tal-attivitajiet reġjonali tagħhom.

XII.        Id-Dimensjoni Finanzjarja

(153) Id-dimensjoni finanzjarja tar-relazzjoni bejn l-UE u l-AP għandha tikkunsidra dawn il-prijoritajiet li ġejjin:

– l-għan ġenerali tal-UE li jinbnew l-istituzzjonijiet ta' Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħix maġenb l-Iżrael fil-paċi u s-sigurtà

– il-progress irreġistrat fl-implimentazzjoni tar-riformi deskritti fil-prijoritajiet ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni speċjalment fis-setturi fokali deskritti fl-ipprogrammar annwali

– il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Awtorità Palestinjana (u tar-refuġjati Palestinjani permezz tal-UNRWA) biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi essenzjali lill-poplu Palestinjan

– l-istrumenti u l-programmi ġodda rilevanti stabbiliti mill-UE fl-eżerċizzju tal-azzjoni esterna tagħha filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-AP, il-progress irreġistrat fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-kapaċità ta' assorbiment tagħha

XIII.      Rapporti ta' Traċċar u Monitoraġġ

Il-Pjan ta' Azzjoni se jiggwida l-ħidma bejn l-UE u l-AP fit-tliet sa ħames snin li ġejjin. Il-Pjan ta' Azzjoni se jiġi sottomess għall-adozzjoni formali lill-Kumitat Konġunt.

Il-korpi konġunti stabbiliti bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim, speċjalment is-sottokumitati, se jmexxu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni abbażi ta' rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Is-sottokumitati, li huma allinjati mal-Pjan ta' Azzjoni ġdid, għandhom jaġixxu bħala l-għodda primarja għall-monitoraġġ tal-għanijiet identifikati fil-Pjan ta' Azzjoni. Dawn l-għanijiet se jkunu kkumplimentati mill-istabbiliment ta' azzjonijiet miftiehma b'mod konġunt, preċiżi, sekwenzjati u kontrollabbli b'punti ta' referenza li għandhom jiġu miftehma ta' kull sena fis-sottokumitati.

Il-Pjan ta' Azzjoni jista' jiġi emendat/aġġornat regolarment sabiex jirrifletti l-progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

Segwitu regolari tal-implimentazzjoni tal-għanijiet miftiehma b'mod konġunt se jiġi żgurat permezz tar-rapporti regolari dwar il-progress mill-partijiet rispettivi.

[1]               Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, it-8 ta' Diċembru 2009.

[2]               Sommarju tal-President, laqgħa tal-AHLC, it-13 ta' April 2011.

[3]               Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-Finanzjament tal-Azzjoni Esterna.

[4]               Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, it-23 ta' Mejju 2011.

[5]               Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, l-10 ta' Ottubru 2011.

[6]               Komunikazzjoni Konġunta: A new response to a changing neighbourhood: A review of European Neighbourhood Policy (Risposta ġdida għal viċinat li qed jinbidel: Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat).

[7]               Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, l-14 ta' Mejju 2012.

[8]               Dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar il-priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ, it-8 ta' Mejju 2012.

[9]               Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, it-8 ta' Diċembru 2009.

[10]             Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, it-8 ta' Diċembru 2009.

[11]             L-iskadenzi indikattivi msemmija fl-Għanijiet prijoritarji huma fi żmien qasir (sena sa sentejn), fi żmien medju (sentejn sa tliet snin), fit-tul (tlieta sa ħames snin) u proċess kontinwu (sakemm idum validu l-Pjan ta' Azzjoni).

[12]             Konklużjonijiet tal-Kunsill, it-23 ta' Lulju 2007.

[13]             Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, it-23 ta' Mejju 2011.

[14]             Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, l-14 ta' Mejju 2012.

[15]             Il-PLO u l-KE bdew djalogu politiku f'Diċembru 2008 ibbażat fuq l-Istqarrija Konġunta tal-1997 dwar id-Djalogu Politiku. L-UE laqgħet b'mod pożittiv it-talba biex jiġi żviluppat djalogu politiku fl-Ittra tad-Deputat Direttur Ġenerali Robert Rydberg (il-Ministeru Svediż tal-Affarijiet Barranin) u tad-Direttur Dupla del Morali (il-Kummissjoni Ewropea), l-10 ta' Diċembru 2009.

[16]             AHLC, Sommarju tal-President, it-18 ta' Settembru 2011.

Top