EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0697

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità

/* COM/2012/0697 final - 2012/0328 (COD) */

52012PC0697

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità /* COM/2012/0697 final - 2012/0328 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) li saret fid-9 ta’ Novembru 2012, sar progress sinifikanti lejn l-għan tar-regolazzjoni globali tal-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni.

Din il-proposta għal Deċiżjoni għandha l-għan li ssaħħaħ dan il-momentum pożittiv u li ttejjeb iċ-ċans li jinkiseb riżultat pożittiv waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir fl-2013, f’termini tal-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (MBM) u tal-adozzjoni ta’ qafas li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għas-settur tal-avjazzjoni internazzjonali min-naħa tal-Istati.

Id-Deċiżjoni kieku “twaqqaf l-arloġġ”, billi tipposponi, b’mod temporanju, l-infurzar tal-obbligi tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-iskema tal-Unjoni Ewropea għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-EU ETS) marbutin mat-titjiriet li jkunu deħlin u ħerġin. B’hekk, din il-proposta turi l-impenn politiku qawwi tal-UE biex tiffaċilita u tmexxi ’l quddiem il-konklużjoni b’suċċess ta’ dawn il-proċessi tal-ICAO.

Id-Deċiżjoni għal deroga temporanja mid-Direttiva dwar l-EU ETS hija maħsuba biex tiżgura li ma tittiħidx azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li ma jissodisfawx l-obbligi tar-rappurtar u tal-konformità tad-Direttiva li japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014 f’dak li għandu x’jaqsam mat-titjiriet li jkunu deħlin u ħerġin. Biex dan iseħħ, dawn iridu jew ma jkunux irċevew, jew ikunu taw lura, allokazzjonijiet mogħtija b’xejn fl-2012 għat-tali attivitajiet lejn jew minn ajrudromi li jinsabu ’l barra mill-UE u li jinsabu f’żoni marbutin mill-qrib magħha li jaqsmu magħha l-impenn komuni li jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Jintlaqgħu bil-ferħ il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika x-xierqa tal-emissjonijiet minn titjiriet bħal dawn, iżda m’hi se tiġi applikata l-ebda sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità f’każ li ma jiġux irrappurtati t-tali emissjonijiet.

Id-Direttiva tkompli tapplika bis-sħiħ għat-titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fl-UE u li jinsabu f’żoni marbutin mill-qrib magħha li jaqsmu magħha l-impenn komuni li jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Minħabba f’hekk, jeħtieġ li l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li wettqu attivitajiet tal-avjazzjoni li jaqgħu fi ħdan id-Direttiva bejn it-tali ajrudromi fl-2011 u fl-2012 jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika. Jeħtieġ li l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet bħal dawn fl-2012 iċedu l-kwoti jew il-krediti internazzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet sat-30 ta’ April 2013.

Din id-Deċiżjoni tħalli lok għal progress waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir f’Settembru tal-2013. Jekk isir progress ċar u suffiċjenti waqt l-Assemblea tal-ICAO, il-Kummissjoni mbagħad tipproponi aktar azzjoni leġiżlattiva adattata. L-Artikolu 25a tad-Direttiva se jippermetti li jsiru emendi għall-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mir-rekwiżiti li jibdew japplikaw wara l-1 ta’ Jannar 2014. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li beħsiebhom iwettqu titjiriet minn ajrudromi fl-UE u lejhom għandhom ikunu jafu li, jekk ma jsirux it-tali modifiki, huma jkunu responsabbli għall-emissjonijiet mit-titjiriet lejn u minn dawk l-ajrudromi mill-2013 ’il quddiem. L-allokazzjonijiet b’xejn li jingħataw sa Frar tal-2013 għall-emissjonijiet tal-2013 ukoll jistgħu jiġu mmodifikati f’każ li l-miżuri jiġu adottati skont l-Artikolu 25a.

L-obbligi l-oħra għal dawn it-titjiriet mhumiex affettwati minn din il-proposta, u l-perċentwali tal-irkantar se jibqa’ fil-livell ta’ 15 %, hekk kif stabbilit mid-Direttiva. Għaldaqstant, se jiġu rkantati inqas kwoti tal-emissjonijiet għas-settur tal-avjazzjoni għall-2012 – dan jirrifletti l-għadd proporzjonatament inqas ta’ kwoti totali fiċ-ċirkulazzjoni.

Sabiex jingħata iktar momentum lid-diskussjonijiet internazzjonali u sabiex l-UE tkompli żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett f’dan il-proċess, huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu malajr dwar din il-proposta u, idealment, li dan il-qbil jintlaħaq sa Marzu tal-2013. Il-Kummissjoni tikkonferma li, sakemm jitlesta l-proċess leġiżlattiv, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jew ma jkunux irċevew allokazzjonijiet b’xejn għall-2012, jew li jkunu taw lura t-tali allokazzjonijiet b’xejn lill-kont ix-xieraq, m’għandhomx jistennew li l-Kummissjoni teżiġi lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar kontrihom f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet minn titjiriet lejn u minn ajrudromi li jinsabu ’l barra mill-UE u li jinsabu f’żoni marbutin mill-qrib magħha.

2012/0328 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Sar progress sinifikanti fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali lejn l-adozzjoni, waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir fl-2013, ta’ qafas li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għall-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni internazzjonali min-naħa tal-Istati u lejn l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq.

(2)       Sabiex jiġi ffaċilitat dan il-progress u jingħata iktar momentum, ta’ min jipposponi l-infurzar tar-rekwiżiti marbutin mat-titjiriet lejn u minn ajrudromi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea u f’żoni b’rabtiet mill-qrib magħha mil-lat ekonomiku u li jaqsmu magħha l-impenn komuni li jiġġieldu t-tibdil fil-klima[1], li jibdew japplikaw qabel l-Assemblea tal-ICAO tal-2013. Għalhekk m’għandhiex tittieħed azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-emissjonijiet ivverifikati mit-titjiriet li jkunu deħlin u ħerġin minn u lejn ajrudromi bħal dawn u għaċ-ċediment korrispondenti tal-kwoti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità[2] u li jibdew japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu jixtiequ jkomplu jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan.

(3)       Sabiex jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, din id-deroga għandha tapplika biss għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jew ma jkunux irċevew allokazzjonijiet b’xejn fl-2012 għat-tali attivitajiet, jew li jkunu tawhom kollha lura. Għall-istess raġuni, dawn il-kwoti m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE.

(4)       Il-kwoti li ma jkunux ingħataw lit-tali operaturi jew li jkunu ngħataw lura għandhom jiġu kkanċellati. L-għadd ta’ kwoti tal-emissjonijiet li se jiġu rkantati għas-settur tal-avjazzjoni għandu jikkonforma mal-Artikolu 3d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri m’għandhom jieħdu l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 12(2a) u fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE li jibdew japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għal attivitajiet lejn jew minn ajrudromi f’pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni Ewropea u li mhumiex membri tal-EFTA, li mhumiex dipendenzi u territorji tal-Istati Membri taż-ŻEE jew li mhumiex pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, f’każ li t-tali operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunu ngħataw l-ebda kwoti b’xejn għat-tali attivitajiet fl-2012 jew f’każ li t-tali operaturi, jekk ikunu ngħataw it-tali kwoti, ikunu taw lura lill-Istati Membri l-istess għadd ta’ kwoti biex dawn jikkanċellawhom.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkanċellaw il-kwoti kollha tal-2012 għat-titjiriet minn u lejn l-ajrudromi msemmija fl-Artikolu 1 li jew ikun għadhom ma nħarġux jew, jekk ikunu nħarġu, ikunu ngħatawlhom lura.

Artikolu 3

Il-kwoti kkanċellati skont l-Artikolu 2 m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Inklużi l-Istati tal-EFTA, il-pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u d-dipendenzi u t-territorji tal-Istati Membri taż-ŻEE.

[2]               ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

Top