EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0631

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

/* COM/2012/0631 final - 2012/0298 (APP) */

52012PC0631

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji /* COM/2012/0631 final - 2012/0298 (APP) */


Memorandum ta' Spjegazzjoni

1.           INTRODUZZJONI

Fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta[1] għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE[2].

Il-bażi legali għad-Direttiva tal-Kunsill proposta kienet l-Artikolu 113 TFUE, hekk kif il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li jikkonċernaw it-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji sal-punt meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern għal tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji u sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni. Din il-bażi legali tippreskrivi l-unanimità tal-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Il-proposta għandha l-għan li

– tarmonizza l-leġiżlazzjoni dwar tassazzjoni indiretta fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li hija meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji u sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn strumenti finanzjarji, atturi u postijiet tas-suq madwar l-Unjoni Ewropea, u fl-istess ħin

– tiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħtu kontribut ġust u sostanzjali biex ikopru l-ispejjeż tal-kriżi reċenti u biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi ma' setturi oħrajn mill-perspettiva tat-tassazzjoni[3], u

– toħloq diżinċentivi xierqa għal tranżazzjonijiet li ma jtejbux l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji u b'hekk jiġu kkumplimentati dawk il-miżuri regolatorji li l-għan tagħhom huwa li jevitaw kriżijiet fil-ġejjieni.

Filwaqt li diġà qabel ma bdiet il-kriżi finanzjarja u ekonomika xi Stati Membri kellhom taxxi biss fuq xi tranżazzjonijiet finanzjarji fis-seħħ, bosta oħrajn iddeċidew jew jikkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li jew jintroduċu taxxa bħal din, fejn iwessgħu l-ambitu eżistenti tal-TTF tagħhom u/jew iżidu r-rati tat-taxxa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħtu kontribut ġust u sostanzjali biex ikopru l-ispejjeż tal-kriżi reċenti, u għal konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi.

F'dan il-kuntest il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern (essenzjalment għas-servizzi finanzjarji) kien jeħtieġ azzjoni maħsuba biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-fruntieri, u fost il-prodotti u l-atturi. Tali effetti pożittivi, kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta' newtralità fiskali jeħtieġu armonizzazzjoni b’ambitu wiesa’, notevolment biex ikopru wkoll prodotti mobbli ħafna bħal derivattivi, atturi mobbli u postijiet tas-suq.

Fl-2011, għalhekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta msemmija hawn fuq għal Direttiva dwar sistema komuni ta' TTF. Dik il-proposta stabbiliet il-karatteristiċi essenzjali ta’ tali sistema komuni għal TTF wiesa’ fl-UE li jkollu l-għan li jikseb dawn l-għanijiet. Kienet konċeputa sabiex timminimizza r-riskju ta' rilokazzjoni.

Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni favorevoli tiegħu fit-23 ta' Mejju 2012[4], u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fid-29 ta' Marzu 2012[5]. Barra minn hekk, anke il-Kumitat tar-Reġjuni adotta opinjoni favorevoli fil-15 ta' Frar 2012[6].

Il-proposta u l-varjanti tagħha ġew diskussi b'mod estensiv fil-laqgħat tal-Kunsill, li bdew taħt il-Presidenza Pollakka[7] u komplew b’pass aktar mgħaġġel taħt il-Presidenza Daniża, iżda ma kisbux l-appoġġ unanimu meħtieġ minħabba differenzi fundamentali u irrikonċiljabbli fost l-Istati Membri.

Waqt il-laqgħat tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju u l-10 ta' Lulju 2012, ġie aċċertat li d-differenzi essenzjali fl-opinjonijiet jippersistu fir-rigward tal-ħtieġa għat-twaqqif ta' sistema komuni ta’ TTF fil-livell tal-UE u li l-prinċipju ta' taxxa armonizzata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux se jirċievi appoġġ unanimu fil-Kunsill fil-futur prevedibbli.

Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-għanijiet ta’ sistema komuni ta’ TTF, kif diskussi fil-Kunsill fuq il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, ħdax-il Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja) indirizzaw talbiet formali lill-Kummissjoni permezz tal-ittri li waslu bejn it-28 ta' Settembru u t-23 ta’ Ottubru 2012 li jindikaw li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta' sistema komuni ta' TTF u li l-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Huma speċifikaw li l-għan u l-għanijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Saret ukoll referenza b’mod partikolari għall-bżonn li jiġu evitati azzjonijiet evażivi, distorsjonijiet u trasferimenti lejn ġurisdizzjonijiet oħra.

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-TTF hija r-reazzjoni tal-Kummissjoni għal dawn it-talbiet għal kooperazzjoni msaħħa.

2.           BAŻI LEGALI GĦALL-KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

Il-kooperazzjoni msaħħa hija rregolata mill-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Din il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza koperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-TTF hija bbażata fuq l-Artikolu 329(1) tat-TFUE.

3.           Miżuri previsti bil-għan li jimplimentaw kooperazzjoni msaħħa

Il-proposta preżenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-TTF. Proposta għal miżuri speċifiċi li jimplimentaw tali kooperazzjoni msaħħa – jiġifieri, fis-sustanza, għal Direttiva dwar sistema komuni ta' TTF – se titressaq fiż-żmien dovut. Din il-proposta se tkun bażata prinċipalment fuq il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, f'termini tal-ambitu u l-għanijiet.

4.           VALUTAZZJONI TAL-KUNDIZZJONIJIET LEGALI GĦAL KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

4.1.        Qasam kopert mit-Trattat

L-Artikolu 329(1) tat-TFUE jistipula li kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi stabbilita “f’wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati”. Din il-ħtieġa ġiet sodisfatta.

L-ewwel, sistema komuni ta’ TTF kif kontemplata mill-proposta tal-Kummissjoni u fid-diskussjonijiet imnedija fil-Kunsill hija koperta mit-Trattati, bħala każ ta' tassazzjoni indiretta armonizzata skont it-tifsira tal-Artikolu 113 tat-TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill jista' jadotta dispożizzjonijiet li, kif is-sistema komuni għalhekk proponiet u ddiskutiet, hija meħtieġa biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern u sabiex tevita distorsjoni fil-kompetizzjoni.

It-tieni, skema komuni ta' TTF bħal dik inkwistjoni hija wiesgħa biżżejjed biex titqies bħala li tikkorrispondi għal "qasam" kopert mit-Trattati, li fiha tista’ tiġi stabbilita koperazzjoni msaħħa. Il-qafas essenzjali jarmonizza l-istruttura tat-taxxa u jipprovdi għal rati minimi. Għandu wkoll jattribwixxi d-drittijiet fiskali bejn l-Istati Membri, notevolment bil-ħsieb li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta' tassazzjoni, tarmonizza l-ħlas u tinnomina d-debituri tat-taxxa. Finalment, ikun fiha diversi elementi maħsuba biex jiġi żgurat li t-taxxa hija effettivament miġbura fl-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 20(1) tat-TUE jistipula li l-kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi stabbilita biss "fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklussivi tal-Unjoni”. Il-kompetenza mogħtija mill-Artikolu 113 tat-TFUE tikkonċerna l-istabbiliment u l-funzjonament xieraq tas-suq intern li huwa kondiviż, jiġifieri kompetenza mhux esklużiva (l-Artikolu 3 u 4(2) tat-TFUE).

4.2.        Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni bħala l-aħħar għażla u l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas disa’ Stati Membri

L-Artikolu 20(2) tat-TUE jistipula li deċiżjoni li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla biss, meta jkun stabbilit li l-għanijiet ta’ dik il-kooperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u li mill-inqas disa’ Stati Membri jipparteċipaw fiha.

Diġà matul l-ewwel laqgħa rilevanti tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-8 ta' Novembru 2011, xi Stati Membri ddikjaraw li kienu kontra kwalunkwe sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-Unjoni Ewropea sakemm TTF ta' tip simili ma jiġix introdott fuq livell globali. F'dak l-istadju, Stat Membru wieħed propona li jittieħed vot dwar il-proposta sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskussjoni fil-futur rigward TTF armonizzata fil-livell Ewropew.

Matul is-seba' Kunsill "Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kwistjonijiet tat-Taxxa –Taxxa Indiretta (TTF)", l-ewwel taħt il-Presidenza Pollakka u mbagħad taħt il-Presidenza Daniża, li fiha wkoll ġew imressqa, eżaminati u diskussi diversi karatteristiċi ta' disinn alternattiv għal TTF abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, ġie kkonfermat li l-appoġġ unanimu għal sistema komuni ta’ TTF, kemm tul il-linji tal-proposta tal-Kummissjoni jew xi varjant tagħha, ma setax jintlaħaq fil-livell tal-Istati Membri kollha.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012, l-Istati Membri li kienu esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal sistema komuni ta' TTF diġà fl-istadji ta' qabel tennew il-pożizzjoni tagħhom. F’dawk iċ-ċirkustanzi, diversi Stati Membri oħra esprimew l-intenzjoni tagħhom li jitolbu awtorizzazzjoni għal involviment fil-kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20 tat-TUE u l-Artikolu 329 tat-TFUE. Xi wħud mill-opponenti għal sistema komuni ta' TTF (ta' kull tip) stqarrew li huma ma jopponux proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa dwar din il-kwistjoni f'każ li r-rekwiżiti meħtieġa kollha jiġu sodisfatti.

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet espressi, il-Presidenza (Daniża) ikkonkludiet fl-istess laqgħa li appoġġ għat-TTF kif propost mill-Kummissjoni ma kienx unanimu. Il-Presidenza nnutat ukoll li kien hemm appoġġ minn numru sinifikanti ta’ delegazzjonijiet biex tiġi kkunsidrata kooperazzjoni msaħħa.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Ewropew iddikjara fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Ġunju 2012: "[Kif] innotat fil-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2012, il-proposta għal Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji mhix se tiġi adottata mill-Kunsill fi żmien perjodu raġonevoli. Diversi Stati Membri għalhekk se jniedu talba għal kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam, bil-għan li tiġi adottata sa Diċembru 2012."

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2012, il-Presidenza (li dak iż-żmien kienet Ċiprijotta) rreferiet għad-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2012 u l-konklużjonijiet hawn fuq imsemmija tal-Kunsill Ewropew. Hija nnotat in-nuqqas ta' appoġġ unanimu għall-proposta tat-TTF diskussa taħt il-Presidenza Daniża. Hija kkonkludiet li differenzi essenzjali fl-opinjoni jippersistu fir-rigward tal-ħtieġa biex tiġi stabbilita sistema komuni ta’ TTF fil-livell tal-UE u li l-prinċipju ta' taxxa armonizzata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux se tirċievi appoġġ unanimu fil-Kunsill fil-futur prevedibbli. Finalment hija nnutat li hemm appoġġ minn numru sostanzjali ta’ Stati Membri biex jikkonsidraw il-kooperazzjoni msaħħa, li tippermetti għadd limitat ta' Stati Membri biex l-ewwel jipproċedu bejniethom.

Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-għanijiet ta’ sistema komuni ta’ TTF, kif proposta mill-Kummissjoni u diskussa fil-Kunsill, ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa. Għalhekk, l-aħħar alternattiva għal progress fuq dan il-fajl fi ħdan il-qafas tat-Trattat ikun proċess ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20 tat-TUE u l-Artikolu 329 tat-TFUE.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, ħdax-il Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja) indirizzaw talbiet formali lill-Kummissjoni fejn indikaw li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta' sistema komuni ta' TTF u li l-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Kunsill għal dak il-għan.

4.3.        Tisħiħ tal-għanijiet tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-interessi tagħha u r-rinfurzar tal-proċess ta’ integrazzjoni tagħha

L-istabbiliment ta’ suq intern huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(3) tat-TUE. Dan l-għan ikun imsaħħaħ aktar permezz ta’ sistema komuni ta’ TTF, peress li swieq kapitali issa huma karatterizzati minn dimensjoni internazzjonali importanti, u differenzi sinifikanti fit-tassazzjoni f'dan il-qasam ifissru tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni u jostakolaw l-istabbiliment ta' suq intern veru għall-prodotti koperti.

L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar forom differenti ta' tassazzjoni indiretta skont l-Artikolu 113 tat-TFUE sservi "l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern" u "sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni".

Il-koeżistenza ta' diversi forom nazzjonali ta' TTF attwalment applikabbli jew li aktarx ikunu applikati fil-futur prevedibbli f'għadd ta' Stati Membri, timplika li hemm frammentazzjoni tas-suq. Dan imbagħad jissarraf f'distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-arbitraġġ tat-taxxa, telf tal-kummerċ, kemm bejn il-prodotti u żoni ġeografiċi, inċentivi għall-operaturi biex jiġu evitati t-taxxi permezz ta' operazzjonijiet bi ftit valur ekonomiku kif ukoll spejjeż żejda mġarrba minnhom minħabba l-kumplessitajiet inerenti f'tali sitwazzjoni. Dan ix-xenarju joħroġ diġà bħalissa u se jkompli jiżviluppa aktar jekk ma ssir l-ebda armonizzazzjoni. Huwa kontra l-għan tal-Unjoni ta’ suq intern li jaħdem sewwa, minbarra l-effetti negattivi tiegħu fuq id-dħul mit-taxxi.

Dan huwa ta' rilevanza partikolari fis-settur finanzjarju fejn il-bażijiet fiskali huma mobbli ferm min-natura tagħhom u l-għażliet spiss jiddependu fuq il-livell tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni (li jinkludu t-taxxi) u fejn ir-riskju ta' rilokazzjoni minħabba l-prezz huwa għoli ħafna.

Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-TFUE mmirat sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' hawn fuq. Min-natura tiegħu, tali għan li jistabbilixxi suq intern veru u li jtejjeb il-funzjonament tiegħu huwa ugwalment pertinenti fl-ambitu tal-kooperazzjoni msaħħa mitluba, jiġifieri fost numru iżgħar ta' Stati Membri.

Fil-bidu tal-kooperazzjoni msaħħa, il-benefiċċji immedjati għas-suq intern, minħabba l-ħtieġa, jirriżultaw biss fi ħdan il-firxa ġeografika ta' tali kooperazzjoni, peress li mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw. Madankollu, billi din il-kooperazzjoni trid "tibqa' miftuħa fi kwalunkwe żmien għall-Istati Membri kollha" (l-Artikolu 20(1), it-tieni subparagrafu tat-TFUE, it-tieni sentenza), il-firxa ġeografika tagħha se testendi b’mod korrispondenti, jekk u meta Stati Membri oħra jissieħbu.

Barra minn hekk, il-vantaġġi għas-suq intern, f’termini ta’ tnaqqis tal-ispejjeż minħabba l-kumplessità, ukoll se jakkumulaw għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx inizjalment. It-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom koperti mill-kooperazzjoni msaħħa ser ikunu s-suġġett ta' sistema komuni unika u mhux ta' għadd kbir ta’ regoli nazzjonali differenti.

B’kollox, il-kooperazzjoni msaħħa mitluba se tiffavorixxi l-għanijiet tal-Unjoni, tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess tal-integrazzjoni.

4.4.        Konformità mat-Trattati u l-liġi tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 326 tat-TFUE, il-paragrafu 1, il-kooperazzjoni msaħħa għandha tkun konformi mat-Trattati u l-liġi tal-Unjoni. B'hekk, it-twaqqif ta' sistema komuni armonizzata ta' TTF, il-kooperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-acquis eżistenti f 'dan il-qasam.

Bħalissa, hemm att legali wieħed biss tal-Unjoni li jikkonċerna t-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE[8]. B'mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) tagħha, din id-Direttiva teskludi kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fuq il-ħruġ ta' ċerti titoli (tranżazzjonijiet primarji tas-suq f'dawn it-titoli ta’ sigurtà). Min-naħa l-oħra, minkejja din l-esklużjoni, l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-Direttiva jipprovdi l-Istati Membri tal-UE bil-possibbiltà li jintaxxaw it-trasferiment tat-titoli ta’ sigurtà (tranżazzjonijiet sekondarji tas-suq). Minn dan isegwi li filwaqt li taxxa tista' tiġi ċċarġjata fuq it-trasferimenti ta' titoli ta’ sigurtà, l-ebda taxxa ma tista' tiġi ċċarġjata fuq il-ħruġ u akkwist mill-ewwel detentur ta’ strumenti finanzjarji koperti mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7/KE[9].

Kwalunkwe Direttiva tal-Kunsill potenzjali li timplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ta’ TTF ser ikollha tirrispetta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt potenzjali bejn iż-żewġ Direttivi.

4.5.        Rispett tas-suq intern jew tal-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali; l-ebda ostakolu jew diskriminazzjoni fil-kummerċ; l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni

4.5.1.     Kooperazzjoni msaħħa m'għandhiex iddgħajjef is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

L-Artikolu 326, paragrafu 2, tat-TFUE jirrikjedi li l-kooperazzjoni msaħħa ma tikkompromettix is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-kuntest preżenti ma toħloq l-ebda kunflitt mar-rekwiżit li tali kooperazzjoni m'għandhiex tikkomprometti s-suq intern. L-armonizzazzjoni ta' TTF fit-territorju ta' grupp ta' Stati Membri (il-ġurisdizzjoni ta' TTF) tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern, minkejja li dawk il-vantaġġi ma jakkumulawx, la immedjatament u lanqas kompletament, fuq l-iskala tas-27 Stat Membru kollha[10]. Ir-riskji ta' frammentazzjoni tas-suq intern u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni l-ewwel nett se jitnaqqsu u/jew jiġu evitati fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni ta' TTF kopert mill-kooperazzjoni msaħħa. Meta mqabbla ma' sitwazzjoni mingħajr tali kooperazzjoni, il-funzjonament tas-suq intern, fil-livell tas-27 Stat Membru, ser ikun imtejjeb aktar milli mhedded.

Barra minn hekk, l-operaturi finanzjarji anke minn barra l-ġurisdizzjoni tat-TTF se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni inerenti fir-reġim armonizzat applikabbli mill-Istati Membri parteċipanti kollha, bil-maqlub ta' xenarju ta’ reġimi diverġenti mhux armonizzati b'TTF.

Għall-raġunijiet simili, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ma tkunx affettwata ħażin bil-kooperazzjoni msaħħa mfittxija. Ma hemmx indikazzjonijiet li kooperazzjoni msaħħa bil-għan ta' addozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' armonizzazzjoni rigward it-TTF iwasslu għal differenzi sinifikanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali bejn l-Istati Membri parteċipanti u dawk mhux parteċipanti. U lanqas se taffettwa, b'mod partikolari, b'xi mod negattiv l-iżvilupp ekonomiku jew soċjali tal-pajjiżi ekonomikament ifqar jew li ġeografikament huma l-aktar reġjuni imbiegħda tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, jista' jiġi nnutat li L-istati Membri li qed jitolbu l-kooperazzjoni msaħħa għandhom differenzi importanti bejniethom, kemm fir-rigward tal-prestazzjoni ekonomika kif ukoll tal-pożizzjoni ġeografika fi ħdan l-Unjoni

4.5.2.     Il-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex toħloq xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn Stati Membri u lanqas m’għandha tfixkel il-kompetizzjoni bejniethom

L-Artikolu 326, paragrafu 2 tat-TFUE jirrikjedi li l-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex toħloq xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas tgħawweġ il-kompetizzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt, għar-raġunijiet li ġejjin.

It-termini ta' kull reġim TTF armonizzat operat taħt il-kooperazzjoni msaħħa japplikaw konsistentament għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u tat-transazzjonijiet konċernati, skont il-kriterji oġġettivi u, notevolment, il-fatturi ta' konnessjoni ġeografika msemmija.

Barra minn hekk, is-sempliċi koeżistenza tas-sistema legali ta' TTF armonizzata, applikabbli fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, fuq naħa, u s-sistemi ġuridiċi nazzjonali ta' Stati Membri mhux parteċipanti min-naħa l-oħra, ma tistax fiha nfisha titqies bħala ostaklu, diskriminazzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni msaħħa, numru saħansitra akbar ta' sistemi legali jkunu jeżistu flimkien. Minn din il-perspettiva, pjuttost, il-kooperazzjoni msaħħa mfittxija tnaqqas il-potenzjal għad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, notevolment meta huma konċernati distorsjonijiet permezz ta' nuqqas ta' tassazzjoni jew tassazzjoni doppja.

4.6.        Rispett tad-drittijiet, il-kompetenzi u l-obbligi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx

L-Artikolu 327 tat-TFUE jirrikjedi li kull kooperazzjoni msaħħa tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha.

Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ta' sistema ta' TTF komuni tkun konformi ma' dan ir-rekwiżit ukoll.

B’mod partikolari, dik is-sistema m'għandha bl-ebda mod taffettwa l-possibbiltà għal Stati Membri mhux parteċipanti sabiex iżommu jew jintroduċu TTF fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali mhux armonizzati, sakemm biss dawn jikkonformaw mal-obbligi tal-liġi tal-Unjoni li huma xorta waħda applikabbli.

Barra minn hekk, is-sistema komuni ta' TFF tattribwixxi drittijiet fiskali lill-Istati Membri parteċipanti biss fuq il-bażi ta' fatturi ta' konnessjoni xierqa.

5.           Konklużjonijiet ġenerali

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet legali kollha stabbiliti mit-Trattati għall-kooperazzjoni msaħħa huma sodisfatti, sakemm l-att li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa preżenti jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li huwa xieraq u f'waqtu li tawtorizza l-użu ta' kooperazzjoni msaħħa.

L-aħħar kriżi riċenti ekonomika u finanzjarja globali kellha impatt serju fuq l-ekonomiji u l-finanzi pubbliċi fl-UE. Is-settur finanzjarju kellu rwol maġġuri biex wassal għall-kriżi ekonomika filwaqt li l-gvernijiet u ċ-ċittadini Ewropej inġenerali kellhom iġarrbu l-ispejjeż. Is-settur finanzjarju esperjenza profittabilità għolja tul l-aħħar żewġ deċennji li tista' tkun parzjalment ir-riżultat ta' xibka ta' sigurtà (impliċita jew espliċita) provduta mill-gvernijiet, flimkien mar-regolamenti bankarji u l-eżenzjoni mill-VAT.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, xi Stati Membri bdew jimplimentaw forom addizzjonali tat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, filwaqt li Stati Membri oħra diġà kellhom fis-seħħ reġimi tat-taxxa speċifiċi għal tranżazzjonijiet finanzjarji.

Is-sitwazzjoni attwali twassal għall-effetti mhux mixtieqa li ġejjin:

- frammentazzjoni tat-trattament fiskali fis-suq intern għas-servizzi finanzjarji - filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-għadd dejjem jikber ta’ miżuri fiskali nazzjonali mhux koordinati li qed jiddaħħlu - bil-possibbiltajiet konsegwenti ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn strumenti finanzjarji, atturi u postijiet tas-suq madwar l-Unjoni Ewropea u t-tassazzjoni doppja jew nuqqas ta' tassazzjoni;

- l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jagħmlux kontribut ġust u sostanzjali biex ikopru l-ispiża tal-kriżi reċenti u kundizzjonijiet indaqs ma' setturi oħra mil-lat tat-tassazzjoni mhumiex żgurati;

- il-politika ta’ tassazzjoni ma tikkontribwixxix biex tipprovdi diżinċentivi għal transazzjonijiet li ma jtejbux l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji u lanqas biex tikkumplimenta miżuri regolatorji biex jiġu evitati kriżijiet futuri, iżda biss li tiddevja kirjiet mis-settur mhux finanzjarju tal-ekonomija lill-istituzzjonijiet finanzjarji u, għalhekk, twassal għal investiment eċċessiv f'attivitajiet li ma jkattrux il-benesseri.

L-implimentazzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fost għadd suffiċjenti ta' Stati Membri tkun tinvolvi vantaġġi tanġibbli immedjati fuq it-tliet punti elenkati hawn fuq, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji koperti bil-kooperazzjoni msaħħa. B'konnessjoni ma' dawn il-punti, il-pożizzjoni tal-Istati Membri parteċipanti f'termini tar-riskji ta' rilokazzjoni, dħul mit-taxxa, u effiċjenza tas-suq finanzjarju u evitatar ta' tassazzjoni doppja jew nuqqas ta' tassazzjoni, tiġi mtejba. Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn u l-politika f'dan il-qasam ma tkunx affettwata, filwaqt li l-operaturi minn tali Stati Membri oħra jistgħu wkoll jibbenefikaw minħabba t-tnaqqis fil-frammentazzjoni tas-suq intern (kif imsemmi hawn fuq). Permezz ta' reġim skont il-linji tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni se jkun possibbli li wieħed jindirizza azzjonijiet evażivi, distorsjonijiet u trasferimenti lejn ġurisdizzjonijiet oħra.

2012/0298 (APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmula mill-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[11],

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern.

(2)       Skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) il-Kunsill għandu jaddotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta daqs kemm din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(3)       Fl-2011, il-Kummissjoni innutat id-dibattitu li kien għaddej fil-livelli kollha dwar it-tassazzjoni addizzjonali tas-settur finanzjarju. Dan id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b'mod ġust u sostanzjali għall-ispejjeż tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b'mod ekwu fil-konfront ta' setturi oħrajn fil-ġejjieni, biex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali jew għal skopijiet speċifiċi ta' politika.

(4)       F'dan l-isfond, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE[12]. L-għan ewlieni ta' dik il-proposta kien li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(5)       Fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2012, ġie aċċertat li ma kienx hemm appoġġ unanimu għal sistema komuni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) kif proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda fid-29 ta' Ġunju 2012 li d-Direttiva proposta ma tiġix adottata mill-Kunsill fi żmien perjodu raġonevoli. Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2012, saret referenza għad-differenzi persistenti u essenzjali fl-opinjonijiet fir-rigward tal-ħtieġa għat-twaqqif ta' sistema komuni ta’ TTF fil-livell tal-Unjoni u ġie kkonfermat li l-prinċipju ta' taxxa armonizzata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux se jirċievi appoġġ unanimu fil-Kunsill fil-futur prevedibbli.

(6)       F'dawn iċ-ċirkostanzi, 11-il Stat Membru, jiġifieri il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni b’ittri li waslu bejn it-28 ta' Settembru u t-23 ta' Ottubru 2012 fejn indikaw li xtaqu li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tat-TTF. Dawn l-Istati Membri talbu li l-ambitu u l-għanijiet tal-kooperazzjoni msaħħa tkun ibbażata fuq il-proposta għal Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Settembru 2011. Saret ukoll referenza b’mod partikolari għall-bżonn li jiġu evitati azzjonijiet evażivi, distorsjonijiet u trasferimenti lejn ġurisdizzjonijiet oħra.

(7)       Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura li l-karatteristiċi bażiċi tat-taxxa jkunu armonizzati. Safejn ikun possibbli, l-inċentivi għall-arbitraġġ fiskali u l-allokazzjoni għad-distorsjonijiet bejn is-swieq finanzjarji, kif ukoll għall-possibilitajiet għal tassazzjoni doppja jew nuqqas ta' tassazzjoni, kif ukoll azzjonijiet evażivi, għandhom b'hekk jiġu evitati.

(8)       Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tat-TUE u fl-Artikoli 326 u 329 tat-TFUE huma milħuqa.

(9)       Fil-laqgħa tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2012 intqal, u dan ġie kkonfermat fl-10 ta' Lulju 2012 li l-għan li tiġi adottata sistema komuni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji ma jistax jintlaħaq mill-Unjoni sħiħa. Konsegwentement, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 20(2) tat-TUE li l-kooperazzjoni msaħħa tista' tiġi adottata bħala l-aħħar alternattiva, ġiet sodisfatta.

(10)     Il-qasam sostantiv li fih ser isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, l-istabbiliment ta' sistema komuni ta' TTF fi ħdan l-Unjoni, huwa qasam kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE u għalhekk kopert mit-Trattati.

(11)     Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-istabbiliment ta' sistema komuni ta' TTF għandha l-għan li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Fl-iskala ta' din il-kooperazzjoni, hija tevita l-koeżistenza ta' reġimi nazzjonali differenti u għalhekk frammentazzjoni bla bżonn tas-suq, kif ukoll problemi sussegwenti fil-forma ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, telf ta' kummerċ, kemm bejn il-prodotti, bejn l-atturi kif ukoll bejn iż-żoni ġeografiċi u inċentivi għal operaturi biex jevitaw it-taxxi permezz ta' operazzjonijiet b'valur ekonomiku baxx. Dawn il-kwistjonijiet huma ta' relevanza partikolari fil-qasam konċernat, li huwa mmarkat minn bażijiet tat-taxxa ferm mobbli. Għaldaqstant, dan jippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni, jipproteġi l-interessi tagħha u jirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) tat-TUE.

(12)     It-twaqqif ta' sistema armonizzata komuni ta' TTF mhux inkluż fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Peress li sservi il-funzjonament tas-suq intern, skont l-Artikolu 113 TFUE, din taqa' taħt il-kompetenzi komuni tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4 TFUE u għaldaqstant taħt kompetenza mhux esklussiva tal-Unjoni.

(13)     Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ikkonċernat tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 326, TFUE. Skont l-Artikolu 326(2) TFUE, dan mhux se jdgħajjef is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u lanqas ma jikkostitwixxi ostakolu jew diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri jew ifixkel il-kompetizzjoni bejniethom.

(14)     Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ikkonċernat tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti, skont l-Artikolu 327 TFUE. Sistema bħal din ma taffettwax il-possibbiltà għal Stati Membri mhux parteċipanti sabiex iżommu jew jintroduċu TTF fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali mhux armonizzati. Sistema komuni ta' TTF tattribwixxi drittijiet fiskali lill-Istati Membri parteċipanti biss fuq il-bażi ta' fatturi ta' konnessjoni xierqa.

(15)     Suġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam imsemmi hija miftuħa f’kull ħin għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas skont l-Artikolu 328 tat-TFUE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

[il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja] huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2011) 594.

[2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat-12 ta' Frar 2008 rigward it-taxxi indiretti fuq il-ġbir ta' kapital.

[3]               Istituzzjonijiet finanzjarji, direttament jew indirettament, l-aktar li bbenefikaw minn operazzjonijiet ta’ salvataġġ u garanzija (pre)finanzjament minn dawk li jħallsu t-taxxa fl-Ewropa bejn l-2008 u l-2012. Dawn l-operazzjonijiet, flimkien mat-tnaqqis tal-attività ekonomika minħabba t-tixrid tal-inċertezza dwar l-istabbilità tas-sistema finanzjarja u ekonomika totali taw bidu għal deterjorament tal-bilanċi tal-finanzi pubbliċi madwar l-Ewropa. Ukoll, ħafna mis-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni huma eżentati mill-VAT.

[4]               P7_TA-(2012)0217.

[5]               ECO/321 – CESE 818/2012 (ĠU C 181, 21.06.2012, p. 55).

[6]               CDR 332/2011 (ĠU C 113, 18.04.2012, p. 7).

[7]               It-TTF kienet l-ewwel fuq l-aġenda tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-8 ta' Novembru 2011 u mbagħad fi tliet laqgħat sussegwenti f'Marzu, Ġunju u Lulju 2012. Bejn Diċembru 2011 u Ġunju 2012 seba’ Laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Mistoqsijiet tat-Taxxa – Tassazzjoni Indiretta kienu dedikati dwar dan is-suġġett.

[8]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE dwar taxxi indiretti fuq il-ġbir ta’kapital, ĠU L 46, 21.2.2008, p. 11.‑{}‑

[9]               Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Kawża C-569/07, punti 32-35, li jikkwota s-sentenza C-415/02 (ĠU C 282, 21.11.2009, p. 6).

[10]             Ara t-Taqsima 4.3 ta' hawn fuq.

[11]             ĠU C , , p. .

[12]             COM (2011) 594 finali tat-28 ta' Settembru 2011.

Top