EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0616

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2011/026 IT/Emilia-Romagna Motorcycles mill-Italja)

/* COM/2012/0616 final */

52012PC0616

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2011/026 IT/Emilia-Romagna Motorcycles mill-Italja) /* COM/2012/0616 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun ’il fuq mil-limiti tal-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kontribuzzjonijiet minn dan il-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fit-30 ta’ Diċembru 2011, l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2011/026 IT/Emilia-Romagna Motorcycles sabiex tikseb kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEĠ wara sensji li saru fi ħdan għaxar impriżi li joperaw fid-Diviżjoni 30 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tagħmir ieħor tat-trasport)[3] fir-reġjun NUTS II Emilia-Romagna (ITH5) fl-Italja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja previsti f’dan ir-Regolament ġew issodisfati.

SOMMARJU U ANALIŻI TAL-APPLIKAZZJONI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || EGF/2011/026

Stat Membru || L-Italja

Artikolu 2 || b)

Impriżi kkonċernati || 10

Reġjun NUTS II || Emilia-Romagna (ITH5)

Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 || 30 (Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport)

Perjodu ta’ referenza || 28.02.2011 – 28.11.2011

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.03.2012

Data tal-applikazzjoni || 30.12.2011

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 512

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 502

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 3 932 992

Spejjeż għall-intervent tal-FEG[4] (EUR) || 157 000

Spejjeż għall-intervent tal-FEG (%) || 3,84

Baġit totali (EUR) || 4 089 992

Kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 2 658 495

1.           L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-30 ta' Diċembru 2011 u ssupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sal-10 ta' Settembru 2012.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-intervent tal-EGF stabbiliti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fil-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3.           Sabiex tintwera r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Italja indikat li r-reġistrazzjonijiet tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati fl-Ewropa (li jirrappreżentaw id-domanda interna) naqsu ħafna (it-tnaqqis l-aktar sinifikanti kien ta’ -42 % għall-motorini u ta' -31 % għall-muturi bejn l-2007 u l-2010)[5].

Reġistrazzjoni tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati fl-UE

|| Motorini || Muturi

|| Reġistrazzjonijiet || Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel || l-2010 imqabbel mal-2007 || Reġistrazzjonijiet || Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel || l-2010 imqabbel mal-2007

2007 || 901 425 || || -42 % || 1 520 030 || || -31 %

2008 || 876 102 || -3 % || 1 410 020 || -7 %

2009 || 740 970 || -15 % || 1 230 .043 || -13 %

2010 || 523 397 || -29 % || 1 044 129 || -15 %

4.           L-Italja enfasizzat li l-produzzjoni ta’ vetturi b’żewġ roti motorizzati fl-Ewropa naqset ħafna ukoll minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, b'mod partikolari bejn l-2007 u l-2009. Fuq il-bażi tal-istatistika tal-ACEM[6], il-produzzjoni tal-produtturi Ewropej ewlenin ta’ vetturi b’żewġ roti motorizzati[7] għalhekk naqset b’37 % bejn l-2007 u l-2009 u b’25 % bejn l-2008 u l-2009.

Produzzjoni tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati għal kull pajjiż6

5.           L-awtoritajiet Taljani semmew ukoll il-kuntest mhux favorevoli għall-industrija tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati fl-Ewropa minħabba l-impatt dejjem jiżdied tal-produtturi li jinsabu fl-Asja fir-rigward tal-esportazzjoni tar-roti u tal-muturi. Iċ-Ċina b’mod partikolari - bħala l-akbar esportatur dinji tar-roti u tal-muturi b’25 % tal-ishma fis-suq - flimkien mal-Indja li gradwalment qed tilħaq magħha, jirrappreżentaw bħalissa l-produtturi ewlenin fid-dinja (bejn l-2007 u l-2010, is-sehem tal-Indja fis-suq dinji tal-esportazzjonijiet tela’ minn 1 % sa 2,70 %). Is-sehem dejjem jiżdied ta’ dawn il-pajjiżi jispjega t-tnaqqis globali tal-esportazzjonijiet tar-roti u tal-muturi tal-maġġoranza tal-produtturi Ewropej (għajr il-Ġermanja u Spanja bejn l-2009 u l-2010) li affettwa b’mod partikolari lil Franza u lill-Italja (is-sehem fl-esportazzjonijiet fuq livell dinji ta’ din tal-aħħar naqas b’aktar minn 30 % f’10 snin).

Sehem fis-suq tal-esportazzjonijiet (roti u muturi)[8]

¾ Iċ-Ċina (CN) ¾ L-Italja (IT) ¾ Il-Ġermanja (DE) ¾ Spanja (ES) ¾ L-Indja (IN) ¾ Franza (FR) ¾ Ir-Renju Unit (UK).

6.           L-Italja ddeskriviet li l-valur tal-esportazzjonijiet tar-roti u tal-muturi naqas b’rata mgħaġġla bejn l-2008 u l-2009 (pereżempju -21,3 % bejn l-2008 u l-2009 għall-UE u -25,9 % għall-Italja)8. L-irkupru żgħir tal-esportazzjonijiet fl-2010 naqqas id-differenza bejn il-pajjiżi msejħa avvanzati u emerġenti: tal-ewwel għandhom tendenza li jerġgħu lura b’mod globali lejn il-livell ta’ esportazzjoni tagħhom ta’ qabel l-2008 (anke jekk għadhom minn taħt b’medja ta’ 20 % meta mqabbla mal-2008), u t-tieni qed jiksbu riżultati aħjar minn dawk tal-2008 (iċ-Ċina b’hekk żiedet il-valur tal-esportazzjoni tagħha bejn l-2009 u l-2010 b’32,4 %, l-Indja b’35,8 % filwaqt li, matul l-istess perjodu, l-UE għamlet progress ta’ 9,5 % biss).

7.           L-Italja (il-produttur ewlieni fl-Ewropa ta’ vetturi b’żewġ roti motorizzati) uriet li fuq livell nazzjonali, il-produzzjoni ta’ muturi u motorini, li għalihom ir-reġjun tal-Emilia-Romagna huwa kontributur importanti (tliet impriżi ta’ din l-applikazzjoni jipproduċu muturi bil-marka tagħhom stess: Morini, Malaguti u Minarelli), naqset (minn 6 % bejn l-2009 u l-2010). It-tnaqqis l-aktar notevoli jikkonċerna l-produzzjoni totali ta’ vetturi b’żewġ roti motorizzati, li naqset fl-Italja minn 641 000 vetturi fl-2008 sa 448 100 fl-2010 (-30 %)[9].

8.           L-Italja tfakkar li mill-2006, l-importazzjonijiet tagħha ta’ spare parts għall-muturi u l-motorini (bl-għarfien li seba’ kumpaniji ta’ din l-applikazzjoni huma parti min-netwerk lokali ta’ bosta kumpaniji speċjalizzati fil-produzzjoni ta’ spare parts jew komponenti għall-industriji ta’ vetturi b’żewġ roti motorizzati) huma ogħla mill-esportazzjonijiet tagħha (u dan qatt ma kien seħħ matul l-10 snin ta' qabel)[10].

9.           L-awtoritajiet Taljani fl-aħħar semmew li t-tnaqqis kbir ta’ reġistrazzjonijiet ta' muturi u motorini fl-Ewropa nħass ukoll fl-Italja (kien hemm tnaqqis ta’ 27 % tar-reġistrazzjonijiet ta’ muturi u motorini bejn l-2009 u l-2010)[11].

Indikazzjoni tal-għadd ta’ sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

10.         L-Italja ressqet din l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta' intervent previsti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li biex tiġi allokata kontribuzzjoni tal-FEG irid ikun hemm mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II.

11.         L-applikazzjoni ssemmi 512-il sensja f’10 impriżi tad-Diviżjoni 30 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport) matul il-perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur bejn it-28 ta’ Frar 2011 u t-28 ta’ Novembru 2011. Minn dawn il-512-il sensja, 63 ġew ikkalkulati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u 449 sensja skont it-tielet inċiż tal-istess paragrafu.

12.         Il-Kummissjoni rċeviet il-konferma fid-19 ta’ Lulju 2012 li l-persuni magħduda fil-qafas tat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ingħataw tassew is-sensja (esuberi).

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawn is-sensji

13.         Il-kriżi finanzjarja laqtet is-settur mill-2008 u iffavorixxiet prinċipalment l-akbar produtturi, li minħabba d-daqs tagħhom setgħu jadattaw ruħhom (pereżempju l-kumpanija Ducati). L-Italja ssemmi li s-sitwazzjoni kienet differenti ħafna għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju li jipproduċu muturi jew tagħmir[12], direttament affettwati mit-tnaqqis fid-domanda (reġistrazzjonijiet) ta’ muturi mill-2008 u t-tnaqqis f’daqqa tal-produzzjoni mill-2008. Huma ppruvaw jadattaw il-produzzjoni tagħhom biex iżommu is-sehem tagħhom fis-suq (billi pereżempju jipproduċu magni b’erba ċilindri għal Motori Minarelli, jew billi jikkollaboraw ma’ marki oħrajn għal Motori Malaguti). Minkejja l-isforzi tagħhom, l-10 kumpaniji kkonċernati fl-applikazzjoni Taljana kellhom jagħtu s-sensja lil uħud mill-impjegati tagħhom, jew inkella jagħlqu b’mod definittiv fl-2011.

Identifikazzjoni tal-impriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna

14.         L-applikazzjoni tikkonċerna 512-il sensja li seħħew f’10 impriżi:

Impriżi u għadd ta’ persuni li ngħataw is-sensja

ENGINES ENGINEERING || 6 || MOTORI MALAGUTI S.P.A. || 150

F. FABBRI ACCESSORI || 5 || MOTORI MINARELLI || 19

GALVANOTECNICA & PM || 43 || PAIOLI COMPONENTS || 6

MASIERO ANTONIO CAMBI || 16 || PAIOLI MECCANICA || 51

MOTO MORINI S.P.A. || 38 || VERLICCHI NINO E FIGLI || 178

Total tal-intrapriżi: 10 || Total ta' sensji:512 ||

15.         L-Italja infurmat ukoll li tlieta mill-10 impriżi kkonċernati ma kinux għalqu b’mod definittiv u ma kinux taw is-sensja lill-persunal tagħhom kollu (Engines engineering, Motori Minarelli u F. Fabbri accessori).

16.         Il-512-il persuna li ngħataw is-sensja matul il-perjodu ta’ referenza huma eliġibbli għall-miżuri ta’ għajnuna skont l-Artikolu 3a(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Mill-512-il ħaddiema li ngħataw is-sensja, il-502 li għadhom ma sabux xogħol ġew identifikati biex jingħataw l-għajnuna.

17.         It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 294 || 58,6

Nisa || 208 || 41,4

Ċittadini tal-UE || 481 || 95,8

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi || 21 || 4,2

Bejn 15 u 24 sena || 2 || 0,4

Bejn 25 u 54 sena || 416 || 82,9

Bejn 55 u 64 sena || 82 || 16,3

> 64 sena || 2 || 0,4

18.         Ma hemmx ħaddiem li jbati minn problema tas-saħħa fuq żmien twil jew minn diżabbiltà fost il-ħaddiema indentifikati.

19.         F'termini ta' kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Professjonijiet intermedjarji || 11 || 2,2

Impjegati tat-tip amministrattiv || 200 || 39,8

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u ħaddiema li jimmuntaw || 291 || 58,0

20.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Italja tikkonferma li ġiet applikata, u se tkompli tiġi applikata, politika ta' nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, matul l-istadji varji tal-mobilizzazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess fl-FEG.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u partijiet interessati oħra tiegħu

21.         L-applikazzjoni tikkonċerna r-Reġjun NUTS II tal-Emilia-Romagna, provinċja fil-grigal tal-Italja li fil-1 ta’ Jannar 2011 kellha popolazzjoni ta’ 4 432 418 ruħ b’densità tal-popolazzjoni ta’ 197,49 ruħ f’kull km2 (kważi daqs il-medja fl-Italja ta’ 200 ruħ f’kull km2).

22.         L-awtoritajiet Taljani enfasizzaw il-fatt li l-popolazzjoni tal-Emilia-Romagna kienet qed tonqos b’rata aktar mgħaġġla mill-medja fl-Italja (ir-rata ta’ żieda naturali hija ħafna aktar baxxa minn dik tal-Italja: -1,3 % meta mqabba ma’ -0,4 % f’livell nazzjonali fl-2010[13]).

23.         L-Emilia-Romagna hija wkoll reġjun fejn it-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa ogħla mill-medja fl-Italja (l-għadd ta’ persuni residenti li għandhom aktar minn 65 sena kien żewġ punti ogħla mill-medja Taljana fl-2011, il-perċentwal tal-persuni bejn 0 u 14-il sena jibqa’ 13,3 %, taħt il-livell nazzjonali ta’ 14 %)[14].

24.         L-awtoritajiet Taljani ddeskrivew ir-reġjun tal-Emilia-Romagna bħala wieħed li għandu ekonomija vijabbli (il-ġid prodott fl-2009 jikkorrispondi għal 8,7 % tal-PDG Taljan, il-PDG għal kull abitant huwa ta’ EUR 30 493, jiġifieri ogħla mil-livell nazzjonali li kienet EUR 25 237 bħala medja)[15] li fil-medja ġiet affettwata aktar mir-reġjuni l-oħra b’mod partikolari mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

25.         L-Italja għalhekk indikat li bejn l-2008 u l-2009, il-PDG għal kull abitant tal-Emilia-Romagna naqas aktar mil-livell nazzjonali bħala medja (-4,89 % mqabbel ma’ -3,6 %) u li l-PDG ukoll naqas b’mod aktar qawwi (-3,7 %) meta mqabbel mal-evoluzzjoni nazzjonali (-3 %).

26.         L-Emilia-Romagna hija t-tielet reġjun Taljan f’termini ta’ esportazzjonijiet u r-raba’ għall-importazzjonijiet. Fl-2010 l-esportazzjonijiet tal-Emilia-Romagna lejn il-bqija tad-dinja madankollu naqsu b’10,8 % meta mqabbla mal-2008. Minkejja bilanċ kummerċjali pożittiv bejn l-2008 u l-2010 għall-Emilia-Romagna, is-surplus kummerċjali naqas fl-istess perjodu b'mod sinifikanti b'16,5 %.

27.         L-Emilia-Romagna batiet ukoll mit-tnaqqis nazzjonali tal-għadd ta’ kumpaniji li qegħdin joperaw u mit-tnaqqis tal-għadd ta’ ħolqien ta’ kumpaniji (80 483 impriżi ġodda inħalqu fl-2008 fl-Italja meta mqabbla ma’ 77 443 fl-2011).

28.         L-awtoritajiet u l-partijiet interessati ewlenin huma l-Ministeru Taljan tax-Xogħol u tal-Politiki Soċjali (Ministero del Lavoro e delle Politiche Sociali), ir-reġjun tal-Emilia-Romagna (Regione Emilia-Romagna), l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-muniċipalitajiet Taljani (ANCI - Associazione Nazionale Comuni Italiani), l-unjoni tal-provinċji Taljani (UPI: Unione delle Province d'Italia), it-taqsimiet lokali tal-konfederazzjonijiet nazzjonali tal-ħaddiema tas-sengħa u tal-impriżi żgħar u medji (CNA: Confederazione Nazionale dell'Artigianato e della Piccola e Media Impresa Regionale dell'Emilia-Romagna u Confartigianato Bologna), organizzazzjonijiet tal-kooperattivi u tal-impriżi soċjali (Confcooperative u Legacoop Emilia-Romagna), organizzazzjoni li tirrappreżenta l-impriżi tal-manifattura u tas-servizzi fl-Italja (Confindustria), organizzazzjonijiet tal-impjegaturi (Unindustria Bologna u Unionapi), u trejdjunjins: CGIL (Confederazione Generale Italiana del Lavoro), CISL (Confederazione Italiana Sindacati dei Lavoratori), FIM (Federazione Italiana Metalmeccanici), FIOM (Federazione Impiegati Operai Metallurgici), UIL (Unione Italiana del Lavoro) u UILM (Unione Italiana Lavoratori Metalmeccanici).

Effetti mistennija tas-sensji fuq l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

29.         Is-sensji fis-settur tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati seħħew f’kuntest ta’ bidla fl-ekonomija nazzjonali u reġjonali lejn it-twettiq ta’ aktar attivitajiet fis-settur terzjarju (l-industrija tal-manifattura issa tirrappreżenta biss 11,6 % tal-impjiegi fir-reġjun). L-awtoritajiet Taljani jenfasizzaw li biex jibqgħu jipproduċu vetturi b’żewġ roti motorizzati, l-impriżi se jkollhom jispeċjalizzaw f’proċessi u komponenti li jiġbru flimkien l-innovazzjoni u ħaddiema speċjalizzati. Huma tal-fehma li ma għadx hemm lok għall-produzzjoni lokali tal-iskuters jew tal-muturi ta' kwalità baxxa jew medja u li l-iżvilupp tal-impriżi speċjalizzati f'aċċessorji u spare parts ma għadx jista’ jsir biss permezz ta’ marki storiċi lokali bħal pereżempju Ducati.

30.         L-awtoritajiet Taljani speċifikaw li s-settur tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati jimpjega madwar 4 000 persuni, mingħajr ma jitqiesu l-industriji tal-manifattura tal-ispare parts u ta’ tagħmir li huma relatati magħhom iżda li huma ta’ spiss ikklassifikati f’kategoriji oħra differenti min-NACE Reviżjoni 2. L-istima li taw tal-għadd ta’ persuni affettwati mill-kriżi f’dan il-qasam hija ta’ 1 382 u jistennew li se jkun hemm sensji oħra f’setturi relatati li jimpjegaw eluf ta’ persuni[16].

31.         L-awtoritajiet Taljani enfasizzaw ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Emilia-Romagna bi tnaqqis tar-rata tal-impjiegi ta’ madwar tliet punti bejn l-2008 u l-2010 (minn 70,2 % sa 67,4 %). Ir-rata tal-qgħad - anke jekk din hija fost l-inqas baxxi fl-Italja - żiedet b’mod permanenti fir-reġjun (minn 3,2 % fl-2008 sa 5,8 % fl-2010) u hija partikolarment għolja għaż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena b’żieda ta’ aktar minn 11-il punt għal din il-kategorija bejn l-2008 u l-2010 (minn 11 % sa 22,3 %).

32.         L-Italja tenfasizza fl-aħħar nett li, f’dan il-perjodu ta’ kriżi għar-reġjun, l-interventi li jiggarantixxu lill-ħaddiema tal-impriżi f’diffikultà dħul li jissosstitwixxi s-salarju tiegħu (bħal pereżempju s-CIGS: Cassa Integrazione Guadagni Straordinaria) intużaw ħafna (is-sigħat taħt is-CIGS għalhekk ġew immultiplikati b’14 fir-reġjun bejn l-2008 u l-2010).

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati, analiżi tal-ispejjeż stmati u l-kumplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

33.         Il-miżuri ppreżentati hawn taħt huma proposti u jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati maħsuba biex jippermettu r-riintegrazzjoni professjonali tal-502 ħaddiema kkonċernati. Il-persuni identifikati se jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-miżuri li jixtiequ jieħdu sehem fihom b'rispett tas-sekwenza kronoloġika tal-azzjonijiet. Din is-sekwenza hija komposta minn servizzi minimi bażiċi mmirati lejn il-ħaddiema kollha identifikati (bħal ma huma l-orjentazzjoni professjonali, l-għajnuna għar-riċerka attiva u t-taħriġ/il-kwalifikazzjoni mill-ġdid) flimkien ma’ servizzi speċifiċi mmirati għal ċerti ħaddiema (l-għajnuna għall-bidla esterna fl-impjieg u l-promozzjoni tal-intraprenditorija). Ftit mill-ħaddiema identifikati jirċievu wkoll allokazzjoni (għar-riċerka attiva) jekk jieħdu sehem fil-miżuri proposti.

– Orjentazzjoni professjonali:

Din il-miżura tikkonsisti f’serje ta’ intervisti strutturati (kollettivi jew individwali) li jgħinu lill-ħaddiem fl-għarfien personali tiegħu sabiex ikun jista' jiddetermina l-interessi, il-kapaċitajiet personali u l-kompetenzi tiegħu li jeħtieġ li jtejjeb u sabiex issir valutazzjoni personali. Dan is-servizz se jiġi propost lill-502 ħaddiema identifikati.

– Għajnuna għar-riċerka attiva:

Din il-miżura se jkollha l-għan li tiffavorixxi fost il-ħaddiema l-ħolqien ta’ strateġija personali ta’ awtopromozzjoni bl-użu ta’ tekniki operattivi ta’ riċerka ta’ impjieg (riċerka tal-postijiet ta’ xogħol, tħejjija għall-intervista, tfassil ta’ curriculum vitae u ta’ ittri ta’ applikazzjoni) fil-kuntest tal-offerta tal-impjiegi lokali, u jekk meħtieġ bl-akkumpanjament tal-ħaddiema sal-intervista. Dan is-servizz se jiġi propost lill-502 ħaddiema identifikati.

– Taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid:

Din il-miżura prevista għal 400 ħaddiem se tikkonsisti f’kupun ta’ taħriġ ta’ valur medju ta’ EUR 4 000, li għandu jintuża strettament fil-qafas tat-taħriġ iddeterminat għal kull ħaddiem (madankollu b’ċerta flessibbiltà fid-determinazzjoni tal-ħtiġijiet tiegħu fir-rigward tat-taħriġ, l-apprendistati professjonali, l-appoġġ għall-orjentazzjoni professjonali...).

– Għajnuna għall-bidla esterna fl-impjieg:

Dan l-inċentiv speċifiku se jikkonċerna l-260 ħaddiem li jkunu fl-agħar sitwazzjoni u li jkunu jistgħu jirċievu servizzi ta' għajnuna għall-bidla esterna fl-impjieg u ta' kollokament minn impriża pubblika jew privata. Jitħallas bonus ta’ EUR 5 000 lill-kumpanija jew lis-servizz li, bl-għajnuna tiegħu, il-ħaddiem ikun sab impjieg b’kuntratt indefinit fit-tmiem tal-perjodu[17].

– Promozzjoni tal-intraprenditorija:

Din il-miżura se tikkonsisti f’servizz personalizzat biex jakkumpanja lill-ħaddiema (b’rispett tal-kompetenzi tagħhom u tal-valorizzazzjoni possibbli tal-esperjenza professjonali tagħhom) sabiex jifhmu l-approċċ intraprenditorjali u x-xogħol bħala ħaddiem indipendenti. Din l-attività se tkun f’forma ta’ tagħlim fi grupp b’analiżi tar-restrizzjonijiet u l-opportunitajiet tax-xogħol indipendenti u tal-intraprenditorija (madwar il-kunċetti tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, start-up...). L-awtoritajiet Taljani huma tal-opinjoni li dan is-servizz jista’ jingħata lil 61 ħaddiem fost dawk identifikati.

– Allokazzjoni għar-riċerka attiva:

Din il-miżura - li se tikkonċerna 216-il ħaddiem mill-ħaddiema identifikati - se titħallas fil-forma ta' allokazzjoni kull xahar ta' medja ta’ EUR 500, f’perjodu massimu ta’ ħames xhur, lill-ħaddiema li jieħdu sehem b’mod attiv fil-miżuri tal-FEG, b’mod proporzjonali mal-għadd ta’ jiem ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-miżuri tal-FEG matul ix-xahar. Il-ħlas ta’ din l-allokazzjoni se jkun strettament marbut mal-impenn tal-ħaddiem li jieħu sehem b’mod attiv fil-proċess ta’ riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

34.         L-ispejjeż għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, li huma inklużi fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ikopru l-attivitajiet ta' tħejjija tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni, ta’ monitoraġġ, ta’ informazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-Fondi.

35.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Taljani jistmaw li n-nefqa totali ta’ dawn is-servizzi hija ta’ EUR 4 089 992 li minnhom EUR 3 932 992 huma għas-servizzi personalizzati u EUR 157 000 (jiġifieri 3,84 % tal-ammont totali) għall-ispejjeż għall-mobilizzazzjoni tal-FEG. Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 658 495 (65 % tan-nefqa totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema kkonċernati || Nefqa stmata għal kull ħaddiem ikkonċernat (EUR) || Nefqa totali (l-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006]

Orjentazzjoni professjonali || 502 || 186 || 93 372

Għajnuna għar-riċerka attiva || 502 || 310 || 155 620

Taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid || 400 || 4 000 || 1 600 000

Għajnuna għall-bidla esterna fl-impjieg || 260 || 5 000 || 1 300 000

Promozzjoni tal-intraprenditorija || 61 || 4 000 || 244 000

Allokazzjoni għar-riċerka attiva || 216 || 2 500 || 540 000

Subtotal tas-“Servizzi personalizzati” || || 3 932 992

Spejjeż għall-mobilizzazzjoni tal-FEG [it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006]

Tħejjija || || 7 000

Monitoraġġ || || 80 000

Informazzjoni u reklamar || || 10 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 60 000

Subtotal tal-“Ispejjeż għall-mobilizzazzjoni tal-FEG” || || 157 000

Total tan-nefqa stmata || || 4 089 992

Kontribuzzjoni tal-FEG (65 % tan-nefqa totali) || || 2 658 495

36.         L-Italja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u tiggarantixxi n-nuqqas ta’ finanzjament doppju. Monitoraġġ kontinwu tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE u l-FEG għal għanijiet jew ħaddiema kkonċernati simili jippermetti li jiġi evitat kwalunkwe trikkib bejn l-FSE (jew kull strument ieħor tal-UE jew programm) u l-miżuri ffinanzjati mill-FEG.

Id-data meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema kkonċernati

37.         L-Italja bdiet tagħti lill-ħaddiema kkonċernati s-servizzi personalizzati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost għall-kofinanzjament mill-FEG, fl-1 ta' Marzu 2012. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-isħab soċjali

38.         L-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni mill-FEG ġiet diskussa mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati l-oħra deskritti fil-punt 28 waqt laqgħat li saru fit-12 ta' Ottubru 2011, fl-14 ta' Diċembru 2011 u fis-16 ta' Jannar 2012.

39.         L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u f’dik tal-UE li jikkonċernaw is-sensji kollettivi ġew issodisfati.

Informazzjoni dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

40.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Taljani fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-impriżi bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-miżuri għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna lill-ħaddiema kkonċernati u mhux li jirristrutturaw l-impriżi jew is-setturi ta’ attività;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmijin hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

41.         L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG se tiġi ġestita kif ġej: il-Ministerio del Lavoro e delle Politiche Sociali – Direzione Generale per le Politiche Attive e Passive del Lavoro (MLPS – DG PAPL) se jkun l-awtorità ta’ ġestjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika (l-MLPS – DG PAPL Ufficio A bħala awtorità ta’ ġestjoni; l-MLPS – DG PAPL Ufficio B bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni u l-MLPS – DG PAPL Ufficio C bħala verifika). Ir-reġjuni tal-Emilia-Romagna (Direzione Generale Cultura Formazione e Lavoro) se jkun il-korp intermedjarju tal-awtorità ta’ ġestjoni.

42.         L-awtoritajiet Taljani infurmaw li se jimplimentaw is-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-FEG adottata mill-Ministeru Taljan tax-Xogħol u tal-Politiki Soċjali (ara d-dokument prot. 40/0002218 tad-29.09.2011) u l-manwal operattiv għall-awtorità ta’ ġestjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika (ara d-dokument prot. 40/0005840 tas-26.10.2011).

Finanzjament

43.         Abbażi tal-applikazzjoni mill-Italja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inklużi l-ispejjeż għall-intervent tal-FEG) hija ta' EUR 2 658 495, li tirrappreżenta 65 % tan-nefqa totali. L-għajnuna proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Italja.

44.         B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG stabbilita fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-marġni disponibbli għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

45.         Il-kontribuzzjoni proposta se tħalli aktar minn kwart l-ammont massimu annwali ddestinat għall-FEG disponibbli għall-ħtiġijiet tal-aħħar erba' xhur tas-sena, b’mod konformi mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

46.         B’din il-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu prevista fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim, f'livell politiku xieraq, dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

47.         B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba għall-awtorizzazzjoni ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2012 iddaħħal l-approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, b’mod konformi mal-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

48.         L-ammont tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas imsemmi fil-linja baġitarja 04 05 01 fil-bidu se jintuża kollu wara l-adozzjoni mill-awtorità baġitarja tal-proposti diġà ppreżentati għall-mobilizzazzjoni tal-FEG u għalhekk mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ammont meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

49.         Pagament ta’ EUR 1 160 745 tal-linja baġitarja tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress se jintuża biex ikopri parti tal-ammont meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

50.         L-ammont addizzjonali ta’ EUR 1 497 750 meħtieġ għal din l-applikazzjoni se jkun kopert permezz ta’ titjib mitlub mill-Baġit emendatorju Nru 6.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2011/026 IT/Emilia-Romagna Motorcycles mill-Italja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[18], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[19], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[20],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       Fit-30 ta’ Diċembru 2011, l-Italja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG għal sensji f’10 impriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Nru 30 (Manifattura ta' tagħmir ieħor tat-trasport) fir-reġjun NUTS II Emilia-Romagna (ITH5) fl-Italja, li kkompletat b’informazzjoni addizzjonali sal-10 ta’ Settembru 2012. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 2,658,495.

(5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Italja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 658 495 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               B'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Sors: ACEM (Association des Constructeurs Européens de Motocycles - http://www.acem.eu) Registrations and deliveries - édition 2011.

[6]               Sors: ACEM (Association des Constructeurs Européens de Motocycles - http://www.acem.eu) Production - édition 2011

[7]               L-Italja, Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, il-Protugall u l-Isvezja.

[8]               Sors: id-dejta disponibbli dwar il-kummerċ tar-roti u l-muturi ġejja mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD).

[9]               Sors: Associazione Nazionale Ciclo Motociclo Accessori (ANCMA) - www.ancma.it.

[10]             Sors: ANCMA.

[11]             Sors: ACEM.

[12]             Din l-applikazzjoni tikkonċerna 10 impriżi ta’ daqs żgħir u medju li għandhom medja ta’ 92 persuna b'minimu ta’ sitt ħaddiema u massimu ta’ 363 ħaddiema għal kull impriża.

[13]             Sors: ISTAT (Istitut Nazzjonali tal-Istatisitika tal-Italja) - Tabella 3 fi http://demo.istat.it/altridati/indicatori/index.html#tabreg.

[14]             Sors: ISTAT - Tabella 6 fi http://demo.istat.it/altridati/indicatori/index.html#tabreg.

[15]             Sors: Banca d'Italia, Economie regionali, L'economia dell'Emilia-Romagna – 2011:

http://www.bancaditalia.it/pubblicazioni/econo/ecore/2011/analisi_s_r/1131_emilia.

[16]             L-Italja semmiet b’mod partikolari d-Diviżjonijiet tan-NACE Reviżjoni 2 : 24 (Metallurġija), 25 (Manifattura ta’ prodotti tal-metal, għajr il-makkinarju u t-tagħmir), 26 (Manifattura ta' prodotti tal-informatika, elettroniċi u ottiċi), 27 (Manifattura ta’ tagħmir elettriku), 28 (Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir mhux imsemmi band’oħra) u 29 (Industrija awtomobilistika).

[17]             Il-bonus jitħallas biss jekk ma jkunx diġà dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ appoġġ tal-politiki reġjonali għall-promozzjoni tal-impjiegi.

[18]             ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[19]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[20]             ĠU C […], […], p. […].

Top