Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0466

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra

/* COM/2012/0466 final - 2012/0227 (NLE) */

52012PC0466

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra /* COM/2012/0466 final - 2012/0227 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Abbażi tal-mandat rilevanti mogħti mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat mar-Repubblika ta’ Kiribati bl-għan li jiġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kiribati. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fit-3 ta’ Ġunju 2012, li jkopri perjodu ta’ tliet snin li jibda mis-16 ta’ Settembru 2012.

Din il-proċedura dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont dan il-Protokoll qed titnieda flimkien mal-proċeduri dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll il-ġdid, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-UE, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll imsemmi.

Il-Protokoll il-ġdid huwa skont l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kiribati u jkun hemm promozzjoni ta’ qafas ta’ sħubija li fih ikunu jistgħu jiġu żviluppati politika sostenibbli tas-sajd u sfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-ŻEE ta’ Kiribati fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Iż-żewġ Partijiet qablu li jikkooperaw bil-ħsieb li jimplimentaw il-politika settorjali tas-sajd ta’ Kiribati, u għal dak il-għan għandhom ikomplu d-djalogu ta’ politika dwar l-ipprogrammar rilevanti.

Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 1,325,000 fis-sena għall-perjodu kollu. Dan l-ammont jikkorrispondi għal: a) EUR 975,000 fis-sena għall-aċċess għaż-ŻEE ta’ Kiribati u b) EUR 350,000 fis-sena li jikkorrispondu għal pakkett addizzjonali mħallas mill-UE bħala appoġġ għall-politika tas-sajd ta’ Kiribati.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2012/0227 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-23 ta’ Lulju 2007 l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 893/2007[2] dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra.

(2)       Fit-3 ta’ Ġunju 2012 ġie inizjalat Protokoll ġdid peress li l-Protokoll attwali li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-Protokoll’) se jiskadi fil-15 ta’ Settembru 2012. Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Kiribati lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

(3)       Fil-..., il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni …. /2012[3] dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid.

(4)       Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[4].

(5)       Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[5], jekk ikun jidher li l-għadd ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew l-ammont ta’ opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll ma jkunux utilizzati kollha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati. In-nuqqas ta’ risposta qabel id-data ta’ skadenza stipulata mill-Kunsill għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tas-sajd tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul il-perjodu mogħti. Dik id-data ta’ skadenza għandha tiġi stabbilita.

(6)       Peress li l-Protokoll attwali se jiskadi fil-15 ta' Settembru 2012 u peress li l-Protokoll il-ġdid għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mis-16 ta' Settembru 2012, dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta' Settembru 2012,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.           L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-Protokoll għandhom jiġu allokati kif ġej bejn l-Istati Membri:

              (a) bastimenti tas-sajd bil-purse seine 

Spanja - 3 bastimenti

Franza - bastiment wieħed (1)

              (b)     bastimenti tas-sajd bil-konz:

Spanja - 3 bastimenti

il-Portugall - 3 bastimenti

2.           Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra

3.           Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet tas-sajd kollha stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

4.           Id-data ta’ skadenza msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandha tkun stabbilita għal 10 ijiem ta' xogħol.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Settembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Adottat mit-3155 laqgħa tal-Kunsill (Agrikoltura u Sajd), it-Tlieta, 20 ta’ Marzu 2012, bħala l-elementi “A” elenkati fi 7707/12.

[2]               ĠU L 205, 7.8.2007, p. 1.

[3]               ĠU L, …, p. ….

                ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data, in-numru u r-refernza tal-ĠU għad-Deċiżjoni

[4]               ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[5]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

Top