Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0460

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, u testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

    /* COM/2012/0460 final - 2012/0225 (NLE) */

    52012PC0460

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, u testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha /* COM/2012/0460 final - 2012/0225 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           Il-kolp ta' stat militari li seħħ f'Diċembru 2006 wassal għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou. F'April 2007, dawn wasslu għal impenji miftiehma dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. Fl-1 ta' Ottubru 2007 il-Kunsill, fid-Deċiżjoni 2007/641/KE tiegħu, iddeċieda fuq miżuri xierqa fir-rigward tal-Fiġi biex jiġi stabbilit grad ta' parallelliżmu bejn ir-rispett tal-Fiġi għall-impenji miftiehma u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

    2.           Fl-10 ta' April 2009, il-President tal-Fiġi abroga l-Kostituzzjoni, neħħa l-imħallfin kollha u ddikjara li kienu se jsiru elezzjonijiet mhux aktar tard minn Settembru 2014. B'dan, il-Fiġi unilateralment kisret impenji ewlenin li kienet tat lill-UE f'April 2007. Dan seħħ jum wara li l-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li l-ħatra ta' gvern immexxi mill-forzi militari, wara l-kolp ta' stat fl-2006, kienet illegali. Fiġi kienet imqiegħda wkoll taħt stat ta' emerġenza u l-libertà tal-espressjoni tnaqqset b'mod sostanzjali.

    3.           Bħala segwitu għal dawn l-iżviluppi negattivi, fl-24 ta' Settembru 2009, fid-Deċiżjoni 2009/735/KE tiegħu, il-Kunsill iddeċieda li jestendi sal-31 ta' Marzu 2010, il-validità tal-miżuri xierqa fir-rigward tal-Fiġi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/641/KE, li kienet se tiskadi fl-1 ta' Ottubru 2009. Minħabba dewmien addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-impenji miftiehma mal-UE, il-Kunsill iddeċieda, fid-29 ta' Marzu 2010 fid-Deċiżjoni tiegħu 2010/208/UE, li jestendi sal-1 ta' Ottubru 2010, il-validità tal-miżuri xierqa għall-Fiġi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/641/KE u mbagħad mill-ġdid fis-27 ta' Settembru 2010 fid-Deċiżjoni tiegħu 2010/589/UE sal-31 ta' Marzu 2011, fil-31 ta’ Marzu 2011 fid-Deċiżjoni tiegħu 2011/219/UE sat-30 ta' Settembru 2011 u fis-26 ta’ Settembru 2011 fid-Deċiżjoni tiegħu 2011/637/UE sat-30 ta' Settembru 2012.

    4.           Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-allokazzjoni tal-2010 tal-Fiġi taħt il-miżuri akkumpanjanti għall-eks pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor, li tiddependi fuq il-progress li sar fit-tkomplija tal-proċess demokratiku, ġiet ikkanċellata f’Mejju 2010, parti mill-allokazzjoni nżammet biex tipprovdi assistenza diretta permezz tad-Delegazzjoni tal-UE f'Suva għall-popolazzjoni li tiddependi b’mod dirett fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex ittaffi l-konsegwenzi soċjali negattivi.

    5.           Għall-perjodu 2011-2013 l-allokazzjoni indikattiva tal-Fiġi ġiet stabbilita għal EUR 51.094 miljun taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)8130. B’riżultat tat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet tal-2013 għall-Miżuri Akkumpanjanti għall-Pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor, l-allokazzjoni tal-Fiġi tnaqqset għal EUR 2.438 miljun. Id-disponibilità ta' din l-allokazjoni (sħiħa jew parzjali), madankollu, tiddependi fuq il-progress li jsir fil-proċess ta' konsultazzjoni ta’ Cotonou taħt l-Artikolu 96 (Artikolu 37 DCI), fin-nuqqas ta' tali progress qed jiġu meqjusa biss interventi ta' mitigazzjoni soċjali.

    6.           Fid-dawl tad-deterjorazzjoni soċjo-ekonomika kontinwa fil-Fiġi fl-2011 l-UE reġgħet bdiet assistenza mmirata għall-iżvilupp lill-Fiġi b'appoġġ tal-popolazzjonijiet vulnerabbli. Din l-asssisenza ma tgħaddix mingħand il-Gvern.

    7.           Minn kmieni fl-2012 jistgħu jkunu nnutati xi żviluppi pożittivi, prinċipalment it-tneħħija tar-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika fis-7 ta’ Jannar 2012 u l-varar tal-proċess politiku fid-9 ta’ Marzu 2012 li se jġib miegħu kostituzzjoni ġdida sa Marzu 2013 u l-isttabiliment mill-ġdid tad-demokrazzija kostituzzjonali permezz tal-elezzjonijiet parlamentari sa Settembru 2014. Madanakollu, baqa’ restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali.

    8.           Filwaqt li jiġu meqjusa l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, f’dan l-istadju l-Unjoni Ewropea għandha testendi l-politika attwali u l-miżuri xierqa.

    9.           Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex temenda l-miżuri xierqa sabiex tinkoraġġixi lill-Fiġi biex tkompli fi triqitha lejn ir-restawr tad-demokrazzija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet umani u d-drittijiet fundamentali u biex testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom għal 12-il xahar ieħor li jintemmu fit-30 ta' Settembru 2013.

    10.         L-UE għandha tkompli żżomm djalogu regolari u impenn politiku permanenti mal-Fiġi, u għalhekk id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti.

    11.         Huwa propost li din id-Deċiżjoni tkun notifikata lill-Gvern interim tal-Fiġi, abbażi tal-abbozz tal-ittra lill-President Nailatikau annessa, u biex tinfurmah li (a) l-UE tilqa' l-iżviluppi pożittivi riċenti fil-Fiġi għar-ritorn lejn tmexxija demokratika u tinkoraġġixxi passi ulterjuri prinċipalment rigward ir-restrizzjonijiet li baqa’ fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. (b) li l-UE se tibqa' impenjata li ssegwi d-djalogu politiku msaħħaħ skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, (c) li l-evalwazzjoni tal-progress li sar lejn ir-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tkompli tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dalwaqt dwar koperazzjoni għall-iżvilupp, u li f’dan l-ispirtu l-UE hija lesta li timpenja ruħha fil-preparazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ, u biex tinnotifika fiż-żmien dovut allokazzjoni indikattiva nazzjonali f'dan il-proċess, waq li l-iffinalizzar, l-iffirmar u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ huma maħsuba għal mal-Gvern elett demokratikament u (d) li missjoni ta’ analiżi skont l-Artikolu 96 u djalogu formali , għandhom isiru wara l-konklużjoni b’suċċess ta’ proċess kostituzzjonali konsultattiv kredibbli, inklużiv u trasparenti, mistenni sa Marzu 2013, jista' jwassal għal analiżi ulterjuri pożittiva ta' miżuri xierqa jekk il-progress jippermetti.

    12.         Il-modifiki għall–miżuri x-xierqa jirrappreżentaw l-ewwl rispons kawt għal żviluppi relevanti riċenti u jippermettu b’mod partikolari l-bidu tad-diskussjonijiet ta’ programmazzjoni għall-ħdax-il FEŻ, u n-notifika tal-allokazzjoni indikattiva tal-ħdax-il FEŻ tal-Fiġi ladarba d-deċiżjonijiet neċessarji dwar l-isatbbiliment tal-FEŻ li jmiss jipermettu dan. Is-sustanza tal-miżuri attawali tibqa’ l-istess.

    Konklużjoni

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill hu mitlub li jadotta l-abbozz ta’ proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa fir-rigward tar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi.

    2012/0225 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Li temenda d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, u testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1], kif rivedut f’Ouagadougou, il-Burkina Faso fit-22 ta’ Ġunju 2010[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Cotonou”), u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta’ finanzjament ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp (l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp)[4], u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE[5] kienet adottata biex tieħu miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u l-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

    (2)       Dawk il-miżuri ġew estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE[6] u sussegwentement bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/208/UE[7], 2010/589/UE[8], 2011/219/UE[9] u 2011/637/UE[10] peress li, mhux talli r-Repubblika tal-Fiġi għadha trid timplimenta impenji importanti li hi għamlet f’konsultazzjonijiet li saru f’April 2007 dwar elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, iżda kien hemm ukoll żviluppi rigressivi importanti li jikkonċernaw għadd minn dawn l-impenji,

    (3)       Madanakollu, sa minn kmieni fl-2012 jistgħu jkunu nnutati xi żviluppi pożittivi lejn ir-restawr tad-demokrazija fil-Fiġi, li għandhom ikunu rikonoxxuti, u għalhekk għandu jkun ikkunsidrat bidu mill-ġdid prospettiv lejn il-programmazzjoni ta' assistenza futura għall-iżvilupp.

    (4)       Id-Deċiżjoni 2007/641/KE tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012. Huwa xieraq li il-kontenut tagħha jkun aġġornat u l-validità tagħha tkun estiża skont dan.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1) Fl-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2013. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.”;

    (2) L-Anness jiġi sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika tal-Fiġi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           F’isem il-Kunsill

                                                                           Il-President                                                                        […]

    ANNESS

    Abbozz ta’ ittra L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

    President tar-Repubblika tal-Fiġi

    Suva

    Ir-Repubblika tal-Fiġi   Eċċellenza,

    L-Unjoni Ewropea(UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u t-tmexxija skont il-liġi, li jiġbru flimkien l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, u huma s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

    Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-Fiġi.

    Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta' stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 ikkostitwixxa ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim ta’ Cotonou, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tkun rimedjata.

    Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE laqgħet b'sodisfazzjon il-fatt li f'dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

    Sfortunatament, minn dak iż-żmien 'il hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b'mod partikolari f'April 2009, u dan ifisser li issa l-Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta' elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b'mod sostanzjali, il-maġġoranza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ewlenin, dan wassal għal telf għall-Fiġi f'termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

    Xi passi pożittivi seħħu sa minn kmieni fl-2012; prinċipalment it-tneħħija tar-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika fis-7 ta’ Jannar 2012 u t-tħabbir ta’ proċess politiku fid-9 ta’ Marzu li se jġib miegħu kostituzzjoni ġdida sa Marzu 2013 u l-isttabiliment mill-ġdid tad-demokrazzija kostituzzjonali permezz tal-elezzjonijiet parlamentari sa Settembru 2014. Madanakollu, baqa’ restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali.

    B’rikonoxximent ta’ dawn l-iżviluppi u s-sħubija li tikkostittwixxi l-pedamenti tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tesprimi li hi lesta timpenja ruħha fi djalogu formali ġdid rigward dawn l-iżviluppi. Tali djalogu jista’ jkun ikkunsidrat fl-okkażjoni ta' missjoni ta' analiżi skont l-Artikolu 96, wara l-konklużjoni b’suċċess ta’ konsultazzjoni kostituzzjonali inklużiva, kredibbli u trasparenti, li mistennija jssir f’Marzu 2013.

    Skont dan, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi u li temendhom bħala l-ewwel reazzjoni għall-passi meħuda mill-Fiġi, biex partikolarment jippermettu l-varar ta' diskussjonijiet ta' programmazzjoni għall-ħdax-il FEŻ, u notifika fiż-żmien dovut ta’ allokazzjoni indikattiva għall-Fiġi. L-iffinalizzar, l-iffirmar u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ huma maħsuba għal mal-Gvern futur elett demokratikament Konsegwentament, huwa ta’ importanza partikolari li l-Gvern Interim jimpenja ruħu għall-proċess ta’ konsultazzjoni kostituzzjonali inklużiva, kredibbli u trasparenti u għal djalogu politiku domestiku u jirrispetta partikolarment l-impenji tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u jirrevoka r-restrizzjonijiet li baqa'. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija ggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija ta' Cotonou kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b'mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta' djalogu u t-twettiq ta' obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tal-eżitu ta’ dan id-djalogu.

    Jekk l-analiżi u d-djalogu maħsuba jkollhom eżitu pożittiv, l-UE hija impenjata għal analiżi pożittiva ulterjuri ta’ dawn il-miżuri xierqa. Bil-maqlub, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, se jkomplu jintilfu l-fondi tal-UE għall-iżvilupp tal-Fiġi. B'mod partikolari, il-valutazzjoni ta’ progress ulterjuri li saret għar-ritorn lejn tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar il-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fiġi skont il-ħdax-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

    Sakemm ikun sar id-djalogu formali, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

    Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

    – l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett għas-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jitkomplew;

    – l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li se jsiru b’mod partikolari skont it-tmien u d-disa’ FEŻ, tħallew jibqgħu għaddejjin;

    – attivitajiet ta' kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali;

    – l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor, tista' tipproċedi. Il-Ftehim ta’ Finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnotat li l-Ftehim ta' Finanzjament jinkludi klawżola ta' sospensjoni;

    – l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero;

    – id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b'mod partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009;

    – l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet imħassra f'Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim iddeċieda li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014;

    – L-allokazzjoni għall-2010 ġiet imħassra qabel l-1 ta' Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b’mod ċentral mid-Delegazzjoni tal-UE f'Suva u ma jiġux mgħoddija lill-Gvern;

    – it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti għar-riforma taz-zokkor għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu;

    – id-disponibilità tal-allokazzjoni indikattiva taħt il-programm multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti fir-rigward ta’ eks pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor 2011-2013 se tkun tiddependi fuq ftehim fil-proċess ta’ konsultazzjoni; fin-nuqqas ta' tali ftehim ikunu biss intervenzjonijiet ta' mitigazzjoni soċjali li jiġu meqjusa għall-iffinanzjar permezz ta' din l-allokazzjoni;

    – il-preparazzjoni tal-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ tista’ tkun varata, sabiex il-Fiġi tkun tista’ tistenna li tkun notifikata b’allokazzjoni indikattiva fiż-żmien dovut.

    – appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod partikulari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta' elezzjonijiet, jistgħu jiġu meqjusa;

    – il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, m’humiex se jiġu affettwati,

    – il-monitoraġġ tal-impenji ser issir b'konformità amt-termini fl-Annessgħal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzoni effettiva ma' valutazzjonijiet u missjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtaġġ.

    Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f’Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007. F’dan il-kunetst l-UE hija sodisfatta bil-progress riċenti rigward l-ingaġġ mal-Grupp ta’ Kuntatt Ministerjali tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku imwaqqaf biex jimmonitorja l-progress tal-preparazzjonijiet tal-Fiġi għall-elezzjonijiet u r-ritorn agħad-demokrazija.

    L-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-Fiġi mill-qrib. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi assigurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

    Jekk ikun hemm majnar, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji li daħal għalihom il-Gvern Proviżorju, l-UE żżomm id-dritt li taġġusta mill-ġdid il-miżuri xierqa.

    L-UE tenfasizza li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett lejn l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u l-prinċipji stabbiliti fl-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex tikkonvinċi lill-UE li l-Gvern Interim huwa kompletament ippreparat li jsegwi l-impenji li ngħataw, huwa essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

    Dejjem tiegħek,

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill || Għall-Kummissjoni

    C. ASHTON President || A. PIEBALGS Kummissarju

    Anness għall-Anness IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GZEJJER TAL-FIĠI .

    A.        Rispett lejn il-Prinċipji Demokratiċi

    Impenn Nru 1

    Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandhom isiru mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet, u t-twettiq tal-istess elezzjonijiet, għandhom ikunu, b'mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod konġunt. Dan jimplika b'mod partikulari:

    – sat-30 ta' Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta' diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

    – l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’ ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

    – Id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma elettorali se tittieħed b'konformità mal-Kostituzzjoni,

    – se jittieħdu miżuri sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż il-ħatra ta' Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 b'konformità mal-Kostituzzjoni,

    – il-ħatra tal-Viċi-President ser issir b'konformità mal-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim, meta jadotta inizjattivi u bidliet serji ta’ politika leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

    B.        L-Istat tad-Dritt

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim għandu jagħmel l-akbar sforzi sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim iħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu ppreservati.

    Impenn Nru 3

    Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikulari:

    – li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta' Lulju 2007,

    – li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallef għandha għalhekk issir b'konformità stretta mal-proviżjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura,

    – li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Interim fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ għall-professjoni legali.

    Impenn Nru 4

    Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta' korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

    C.        Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali

    Impenn Nru 1

    Il-Gvern Interim jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar tal-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Fiġi.

    Impenn Nru 2

    Il-Gvern Interim biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

    Impenn Nru 3

    Il-Gvern Interim hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta’ Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 4

    Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

    D.        Is-segwitu tal-Impenji

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista' ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Fiġi.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress.

    Impenn Nru 3

    Li mit-30 ta' Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u dwar l-impenji.

    Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.

    [1]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    [2]               ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

    [3]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    [4]               ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41-71

    [5]               ĠU L 260, 05.10.2007, p. 15.

    [6]               ĠU L 262, 06.10.2009, p. 43.

    [7]               ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7.

    [8]               ĠU L 260, 2.10.2010, p.10-15.

    [9]               ĠU L 93, 7.4.2011, p.2-8.

    [10]             ĠU L 252, 28.9.2011, p. 1-7.

    Top