Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0430

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tistabbilixxi l-Pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha

    /* COM/2012/0430 final - 2012/0207 (NLE) */

    52012PC0430

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tistabbilixxi l-Pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha /* COM/2012/0430 final - 2012/0207 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li tippromwovi “kooperazzjoni internazzjonali fost il-popli u żvilupp ekonomiku u soċjali permezz ta’ servizzi effiċjenti ta’ telekomunikazzjoni”. Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) huma membri tal-UIT bid-dritt tal-vot u l-Kummissjoni Ewropea hija membru tas-settur mingħajr dritt tal-vot.

    Fil-Plenipotenzjarja tal-UIT tal-2010, ġie deċiż li bejn it-3 u l-14 ta’ Diċembru 2012, f’Dubaj, tittella’ Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjoni Internazzjonali (World Conference on International Telecommunications - WCIT), bil-għan li jiġu riveduti r-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (International Telecommunications Regulations - ITRs). L-ITRs jikkostitwixxu trattat globali ffirmat minn 178 pajjiż u jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali.

    Filwaqt li l-ITRs jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-servizzi internazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet (bil-kontra ta' dawk domestiċi), hemm aspetti tal-ITRs li jirrelataw direttament ma' kwistjonijiet koperti mill-acquis tal-UE, b'mod partikolari l-Kwadru (qafas) regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi. L-UE għalhekk trid tiżgura li kwalunkwe bidla proposta fl-ITRs li jaqblu dwarha f'Dubaj ma tkunx konfliġġenti mal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-UE jew tillimita l-UE rigward l-iżvilupp futur tal-acquis tal-UE.

    Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni annessa sabiex jippermetti l-UE tinnegozja r-reviżjoni tal-ITRs f’Dubaj. Il-bażi legali għad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill huwa:

    L-Artikolu 218(9) tat-TFUE rigward il-ftehim propost ma' pajjiżi terzi, u

    L-Artikolu 114 tat-TFUE rigward il-miżuri legali relatati li diġà ġew adottati għal komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jiġu affettwati minn tali ftehim ma’ pajjiżi terzi.

    2.           In-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tad-diskussjonijiet

    Kif jissemma hawn fuq, l-ITRs jistipulaw prinċipji ġenerali għall-forniment u t-tħaddim tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’:

    L-Artikolu 3     Netwerk Internazzjonali

    L-Artikolu 4     Servizzi Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni

    L-Artikolu 5     Sigurtà tal-Ħajja u Prijoritajiet tat-Telekomunikazzjoni  

    L-Artikolu 6     Ħlas u Kontabilità

    L-Artikolu 7     Sospensjoni tas-Servizzi

    L-Artikolu 8     Diffużjoni tal-Informazzjoni

    L-Artikolu 9     Arranġamenti Speċjali

    L-Artikolu 10   Dispożizzjonijiet finali

    L-Applikazzjoni 1         Dispożizzjonijiet Ġenerali Rigward il-Kontabilità

    L-Applikazzjoni 2         Dispożizzjonijiet Addizzjonali Rigward it-Telekomunikazzjonijiet Marittimi

    L-Applikazzjoni 3         Telekomunikazzjonijiet tas-Servizz u l-Privileġġ

    Matul in-negozjati, jistgħu jiġu proposti emendi li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ITRs attwali, minn perspettiva teknoloġika, legali jew tas-suq.

    L-UIT waqqfet Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill biex jirrevedi l-ITRs u hemm għaddejjin konsultazzjonijiet reġjonali paralleli. Għall-UE il-forum reġjonali rilevanti huwa l-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (Conférence européenne des administrations des postes et des télécommunications - CEPT), li tikkonsisti minn 48 pajjiż inkluż l-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa f'funzjoni konsultattiva fil-CEPT, bid-dritt li ssemma’ leħinha iżda mhux li tivvota.

    L-aħħar laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill qabel Dubaj seħħet f’Ġinevra bejn l-20 u t-22 ta’ Ġunju 2012. Il-CEPT ser tibqa’ għaddejja b’laqgħat preparatorji f’Settembru u f’Novembru 2012.

    3.           Preparazzjonijiet għall-pożizzjoni tal-UE

    L-Istati Membri tal-UE kienu parteċipanti attivi kemm fid-diskussjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UIT kif ukoll f’dawk tal-CEPT dwar l-ITRs. Bosta mill-abbozzi ta' "Pożizzjonijiet Komuni Ewropej" li qed jiġu kkunsidrati għal sottomissjoni mill-CEPT u l-WCIT pereżempju, tfasslu minn Stati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea kienet attiva wkoll fiż-żewġ fora, minkejja l-limitazzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħha minħabba l-istat attwali tagħha.

    2012/0207 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Li tistabbilixxi l-Pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 218(9) tiegħu,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITRs) ġew adottati permezz tal-Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telegrafija u t-Telefonija f’Melbourne fl-1988 u sa issa għadhom qatt ma ġew riveduti;

    (2)       Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ dawn l-ITRs;

    (3)       L-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) sejħet laqgħa f'Dubaj bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2012, bl-isem Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telekomunikazzjoni Internazzjonali (WCIT), għal qbil dwar test ġdid għal dawn l-ITRs;

    (4)       L-Unjoni Ewropea adottat leġiżlazzjoni li tistabbilixxi regoli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari: (a) Id-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi; (b) Id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittjiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi; (c) Id-Direttiva 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

    (5)       Għadd ta’ proposti mressqa s’issa għal tibdil fl-ITRs jikkonċernaw aspetti tat-telekomunikazzjoni internazzjonali li ċarament jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-acquis tal-UE u l-politiki tal-Unjoni, inkluż ir-relazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi kummerċjali indipendenti, ir-roaming u l-protezzjoni tad-dejta personali. Minħabba li l-ITRs jorbtu lill-Partijiet (sakemm Parti ma tikkomunikax l-oġġezzjoni tagħha għal emenda) dan jitlob li l-Unjoni Ewropea jkollha tistabbilixxi pożizzjoni dwar dawk l-aspetti tal-modifiki proposti għall-ITRs li ser ikollhom effett legali;

    (6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea matul il-WCIT għandha tiżgura li kwalunkwe bidla fl-ITRs hija kompatibbli mal-acquis;

    (7)       Il-Kummissjoni Ewropea ser tinforma lill-UIT rigward il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha dwar tali kwistjonijiet;

    (8)       Saru laqgħat fil-kuntest tal-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) bi tħejjija għall-Pożizzjonijiet Komuni Ewropej dwar ir-reviżjoni tal-ITR.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali bejn it-3 u l-14 ta’ Diċembru 2012, rigward kwistjonijiet li jagħmlu parti minn din il-kompetenza, għandha tkun dik li tiżgura li kwalunkwe bidla fir-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni tkun kompatibbli mal-acquis tal-UE u taqdi l-għanijiet tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea kif stipulat fl-Anness 1 dwar tali kwistjonijiet.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri ser jimmiraw li jkollhom pożizzjonijiet komuni rigward kwistjonijiet oħra li għandhom jiġu diskussi fil-WCIT.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    Anness

    (1) L-għan ewlieni tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-WCIT huwa li tiżgura li kwalunkwe emenda għar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (ITRs) għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha u tal-utenti tat-telekomunikazzjonijiet fid-dinja kollha, u li l-utenti fl-Unjoni Ewropea b’mod partikolari li tikkonforma mal-acquis u l-politika tal-Unjoni.

    (2) L-Unjoni Ewropea għandha tieħu l-pożizzjoni li ġejja dwar proposti għal deċiżjonijiet mill-WCIT fil-laqgħa tagħha f’Dubaj bejn it-3 u l-14 ta’ Diċembru 2012 u fi kwalunkwe laqgħa preparatorja:

    (a) Ma tappoġġax kull proposta konfliġġenti mal-acquis tal-UE, jew li tintroduċi obbligi għall-operaturi li jmorru lil hinn minn dawk diġa stipulati fl-acquis tal-UE;

    (b) Tappoġġa proposti li jirrispettaw is-sovranità tal-istati membri tal-UIT u b’mod partikolari li jirrikonoxxu dawk l-oqsma li jikkostitwixxu kompetenza nazzjonali bħaċ-ċiberkriminalità, il-kontenut, is-sigurtà nazzjonali u d-difiża.

    (c) Tappoġġa proposti li jfittxu li jassiguraw li l-ITRs riveduti jibqgħu ta' livell għoli, strateġiċi u newtrali teknoloġikament u topponi proposti maħsuba li jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tal-UIT vinkolanti fuq stati membri tal-UIT u aġenziji operattivi;

    (d) Tappoġġa kwalunkwe proposta biex iżżomm il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-ITRs u l-mandat attwali tal-UIT, topponi kwalunkwe proposta maħsuba li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ oqsma bħar-routing tat-traffiku fl-Internet, kwistjonijiet relatati mal-kontenut;

    (e) Tappoġġa proposti li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem rigward it-telekomunikazzjonijiet internazzjonali, tappoġġja proposti biex tirrispetta l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali rigward id-dejta personali u l-komunikazzjonijiet (soġġetti għal 2(a) hawn fuq)

    (f) Tappoġġa miżuri għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali akbar rigward is-sigurtà ta’ netwerks użati għat-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali;

    (g) Tappoġġa miżuri li jiffavorixxu l-kompetizzjoni li huma bbażati fuq negozjati kummerċjali f'suq ħieles u ġust, maħsuba biex jgħinu sabiex jinkisbu prezzijiet aktar baxxi, u aktar trasparenza dwar-prezzijiet, għat-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali;

    (h) Ma tappoġġax proposti biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi fl-UIT għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn operaturi għaliex tali mekkaniżmi mhumiex neċessarji;

    (i) Tappoġġa proposti li jiżguraw li l-ħlasijiet għal-komunikazzjonijiet marittimi jistgħu jiġu imposti b’mod ekonomikament effiċjenti.

    Sabiex tagħmel il-punt (2) (a) hawn fuq espliċitu, il-ftehim tal-UE għal kwalunkwe eżitu finali għandu jkun espliċitament bil-kundizzjoni li l-UE tissottometti dikjarazzjoni formali lill-parteċipanti l-oħra rigward l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet regolatorji tal-UE, kif ġej:

    “Bl-iffirmar tal-Atti Finali tal-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (Dubaj, 2012), id-Delegazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiddikkjaraw li dawn l-Istati ser japplikaw ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali f'konformità mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea".

    Top