Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0291

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

    /* COM/2012/0291 final - 2012/0153 (NLE) */

    52012PC0291

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda /* COM/2012/0291 final - 2012/0153 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Fuq talba tal-Irlanda, fis-7 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Irlanda, (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE) f'appoġġ għal programm qawwi ta' riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja, u b'hekk l-ekonomija tkun tista' tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-UE.

    B'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u b'kooperazzjoni mal-BĊE, wettqet is-sitt analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

    Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-prospettiva ekonomika riveduta, kif ukoll l-informazzjoni li waslet sadanittant, tipproponi li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li jsostnu l-assistenza kif spjegat hawn taħt. Il-Kummissjoni tara l-bidliet proposti għall-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika bħala meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-programm u jiżguraw l-għanijiet tal-programm.

    2012/0153 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], u b’mod partikulari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Wara t-talba mill-Irlanda, il-Kunsill taha assistenza finanzjarja (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE[2]) bħala appoġġ għall-programm qawwi ta' riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid, u b'hekk l-ekonomija tkun tista' tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

    (2)       B'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u b'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għamlet ir-raba' reviżjoni tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

    (3)       F’Settembru 2011, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu ppreżentaw lill-Parlament leġiżlazzjoni li ssaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, kif previst skont il-programm. Xi elementi tar-riforma prevista ma kinux adottati mill-Parlament sa tmiem is-sitt reviżjoni trimestrali msemmija hawn fuq (partikolarment, fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni għal min jidħol ġdid fis-servizz pubbliku, inkluża reviżjoni ta’ irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi u indiċjar tal-pensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, ir-rabta tal-benefiċċji tal-pensjonijiet mal-qligħ medju mill-karriera u l-età tal-irtirar mal-età tal-irtirar tal-pensjoni tal-Istat). L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jiżguraw l-approvazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sa tmiem l-2012.

    (4)       Fid-dawl tal-posponiment tal-eżerċizzju tat-test tal-istress fl-UE kollha, imwettaq taħt l-awspiċi tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-2013, huwa meqjus xieraq li t-test tal-istress li jmiss tal-banek Irlandiżi li huma proprjetà tal-Irlandiżi stess jiġi pospost għall-2013. Sadanittant, l-awtoritajiet identifikaw flussi ta’ xogħol preparatorji prinċipali, li ser jitlestew matul l-2012.

    (5)       L-awtoritajiet Irlandiżi identifikaw miżuri addizzjonali li se jwettqu matul l-2012 biex inaqqsu l-qgħad u jsostnu l-kisba tal-għanijiet tal-programm. B’mod partikolari, huma se jieħdu passi biex tiżdied l-effikaċja tal-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-politiki ta’ taħriġ tagħhom u biex inaqqsu kwalunkwe potenzjal għal pagamenti soċjali li jipprovdu diżinċentivi għal nies li kapaċi jaħdmu filwaqt li jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

    (6)       Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u kunsiderazzjonijiet, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1) fil-paragrafu 7, il-punt (d) għandu sostitwit b'dan li ġej:

    “ (d) l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sabiex tiżdied l-età tal-pensjoni tal-Istat għal 66 sena fl-2014, 67 fl-2021, u 68 fl-2028, bl-għan li tissaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

    (2) fil-paragrafu (8), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    "(f) it-tlestija tal-flussi ta’ xogħol li ġejjin f’banek Irlandiżi proprjetà tal-Irlandiżi stess, li abbażi tar-riżultati tagħhom l-awtoritajiet Irlandiżi se jirrapportaw lill-Kummissjoni Ewropea, lill-BĊE u lill-FMI: (i) analiżi indipendenti tal-kwalità tal-assi li tevalwa l-kwalità ta’ portafolji ta’ self aggregat u individwali u l-proċessi użati għall-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-assi; (ii) analiżi oneruża tal-obbligu ta’ kreditu biex tkun valutata l-kapaċità u l-effikaċja operazzjonali tal-ġestjoni oneruża ta’ portafoll ta’ self fil-banek inkluża l-ġestjoni tal-arretrati u l-prassi ta’ ħidma biex jissaħħu selfiet mhux produttivi u jitnaqqas it-telf tas-self; (iii) eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-integrità tad-dejta biex tkun valutata l-affidabbiltà tad-dejta tal-banek; kif ukoll (iv) proġett ta’ rikonoxximent ta’ introjtu u re-ageing biex jiġu riveduti l-prattiki eżistenti kontra l-IFRS u gwida regolatorja rilevanti;

    (g) il-valutazzjoni tal-progress tal-banek mal-kalkolu ta' portafolji mhux produttivi tagħhom;

    (h) il-forniment lill-Kummissjoni Ewropea, lill-BĊE u lill-FMI ta' evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħuda fir-rigward ta’ riċevituri ta’ pagamenti ta’ dawk li jfittxu x-xogħol li ma jattendux għal intervisti sabiex jibdew jaħdmu;

    (i) it-tlestija ta’ rapport interdipartimentali biex ikun esplorat il-kuntest ta’ tnaqqis ta’ kwalunkwe inċentiv negattiv tal-impjieg li jirriżulta mill-istruttura ta’ pagamenti soċjali;

    (j) l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirriforma d-drittijiet tal-pensjoni għal ħaddiema ġodda li jidħlu fis-servizz pubbliku. Dan għandhu jinkludi reviżjoni tal-irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta' impjegati tas-servizz u indiċjar tal-pensjonijiet mal-prezzijiet għall-konsumatur. Il-pensjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq introjti medji matul il-karriera. L-età tal-irtirar għal impjegati ġodda għandha tkun marbuta mal-età tal-irtirar għall-pensjoni tal-Istat”;

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "9. Matul l-2013 u skont l-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta' Qbil, l-Irlanda għandha tlesti t-testijiet tal-istress tal-bankek li kienu inklużi fil-PCAR tal-2011. It-test tal-istress se jkun allinjat mal-eżerċizzju tal-ABE, u se jibni fuq ir-riżultati tal-PCAR tal-2011 u l-Programm tal-miżuri finanzjarji tal-2012. It-test tal-istress se jkun rigoruż u jkompli jkun ibbażat fuq previżjonijiet qawwija ta’ self bit-telf u livell għoli ta’trasparenza. Il-pubblikazzjoni tar-riżultati se tkun allinjata mal-perjodu ta’ żmien tal-eżerċiżżju li jmiss tal-ABE.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    [2]               ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

    Top