Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0266

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

    /* COM/2012/0266 final - 2012/0138 (NLE) */

    52012PC0266

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi /* COM/2012/0266 final - 2012/0138 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    I.            IL-QAFAS POLITIKU U LEGALI

    Il-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viżi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina[1] ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008.

    L-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża jistabbilixxi Kumitat Konġunt bl-impenn li, inter alia, jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jissuġġerixxi emendi fil-Ftehim jew żidiet miegħu. Fis-sitt laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2011 fi Brussell, il-Kumitat Konġunt approva s-suġġerimenti għall-emendi u ż-żidiet għall-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża.

    Fuq livell politiku, fit-tmien laqgħa Ministerjali bejn l-UE-Ukraina dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà li saret fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Partijiet aspiraw għal negozjati kostruttivi dwar l-emendi possibbli għall-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża.

    Fuq dik il-bażi, fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Ukrajna dwar Ftehim li jemenda l-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża.

    Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fil-11 ta’ April 2011, fis-6 ta’ Mejju 2011 infetħu n-negozjati mal-Ukraina fi Brussell fir-rigward ta’ Ftehim li jemenda l-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża. Fil-11 ta’ Lulju 2011 f’Kiev, u fid-9 ta’ Novembru 2011 u fl-14 ta’ Diċembru 2011 fi Brussell, saru tliet sessjonijiet oħra ta’ negozjati. Fi Frar 2012, in-negozjaturi ewlenin bdew it-test finali tal-Ftehim emendatorju.

    L-Istati Membri ġew mgħarrfa u kkonsultati b’mod regolari fl-istadji kollha tan-negozjati waqt il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti.

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim emendatorju hi l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218 tat-TFUE.

    Il-Kummissjoni ffirmat il-Ftehim emendatroju fil-... F’konformità mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, il-kunsens tal-Parlament Ewropew għall-konklużjoni tal-Ftehim emendatorju ngħata fil-...

    II.          IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim emendatorju hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tiegħu jista’ jiġi mqassar kif ġej:

    -           rekwiżiti ssimplifikati għad-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati dwar l-għan tal-vjaġġ għal dawn il-kategoriji ta’ applikanti li ġejjin:

    (a) ix-xufiera li jwasslu t-tagħbija internazzjonali u s-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri u l-ġurnalisti: ġew riveduti.

    (b) il-membri tal-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjaw lill-ġurnalisti, il-parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn entitajiet muniċipali apparti l-ibliet ġemellati, il-qraba ta’ ċittadini tal-UE residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, il-persuni li jakkumpanjaw lill-persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, il-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili; ir-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi, u l-parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali: ġew introdotti;

    -           kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar il-perjodu ta’ validità tal-viżi ta’ diversi dħul għal dawn il-kategoriji tal-applikanti:

    (a) il-kategoriji elenkati fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża kif ukoll il-prosekuturi nazzjonali u reġjonali u d-deputati tagħhom, il-konjugi, it-tfal u l-ġenituri li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanja lill-ġurnalisti f’kapaċità professjonali:

    fil-prinċipju, se jinħarġu viżi ta’ diversi dħul validi għal ħames snin. Il-viżi ta’ diversi dħul b’perjodu iqsar ta’ validità għandhom jinħarġu biss meta jkun meħtieġ minħabba d-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar jew meta l-ħtieġa jew l-intenzjoni għall-ivvjaġġar sikwit jew regolari tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar;

    (b) il-kategoriji elenkati fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża kif ukoll il-parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn entitajiet muniċipali apparti l-ibliet ġemellati, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars u konferenzi, il-parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali, l-istudenti u l-istudenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi, il-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri, il-persuni li jeħtieġu li jagħmlu żjarat regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni li jkunu meħtieġa li jakkumpanjawhom:

    (c) fil-prinċipju, se jinħarġu b’viżi ta’ diversi dħul validi għal sena. Il-viżi ta’ diversi dħul b’perjodu iqsar ta’ validità għandhom jinħarġu biss meta jkun meħtieġ minħabba d-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar jew meta l-ħtieġa jew l-intenzjoni għall-ivvjaġġar sikwit jew regolari tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar;

    -           il-possibbiltà li jintalab ħlas ta’ EUR 70 f’każ ta’ applikazzjonijiet urġenti:

    (a) hi abbolita għal każijiet, meta l-applikazzjoni għall-viża u d-dokumenti ta’ appoġġ ikunu ppreżentati mill-applikant tal-viża tlett ijiem biss jew inqas qabel it-tluq tiegħu/tagħha mingħajr ġustifikazzjoni;

    (b) hi introdotta għal każijiet fejn, skont id-distanza bejn il-post ta’ residenza tal-applikant u l-post fejn tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, l-applikant jitlob li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien tlett ijiem mis-sottomissjoni tagħha, u l-konsulat ikun aċċetta li jieħu deċiżjoni fi żmien tlett ijiem;

    -           rinunzja sħiħa tal-ħlas għall-viża għal dawn il-kategoriji addizzjonali ta’ applikanti: il-qraba taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, il-parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn entitajiet muniċipali oħrajn apparti l-ibliet ġemellati, l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanja lill-ġurnalisti f’kapaċità professjonali, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi, il-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili, il-parteċipanti li għandhom 25 sena jew anqas f’seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars u konferenzi, il-parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali;

    -           il-possibilità għal fornitur tas-servizzi estern, li miegħu Stat Membru jkun qed jikkoopera bl-iskop li tinħareġ viża, li jitlob ħlas għas-servizz sa mhux aktar minn EUR 30, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà għall-applikanti kollha biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament lil konsulat;

    -           ir-rekwiżit li l-appuntamenti għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni, fejn meħtieġ, għandhom, bħala regola, isseħħu fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament;

    -           l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal żjarat qosra għaċ-ċittadini tal-Ukraina li huma titulari ta’ passaporti bijometriċi ta’ servizz. Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-dispożizzjoni li tinkludi din l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hi mehmuża mal-Ftehim emendatorju. Il-Ftehim emendatorju jiċċara li dan ma jaffettwax l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ Ftehimiet bilaterali eżistenti jew arranġamenti bejn l-Istati Membri individwali u l-Ukraina dwar l-eżenzjoni tat-titulari ta’ passaporti mhux bijometriċi ta’ servizz mill-ħtieġa tal-viża għal żjarat qosra;

    -           wara talba speċifika mill-Ukraina, ġiet mehmuża Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ftehim emendatorju dwar id-dokumenti li għandhom ikunu ppreżentati meta ssir l-applikazzjoni għal viża għal żjara qasira;

    -           wara talbiet speċifiċi mill-Ukraina, ġiet mehmuża Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ftehim emendatroju dwar l-iffaċilitar għall-membri tal-familja mhux koperti mid-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti tal-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Viża;

    -           is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit huma riflessi fil-preambolu;

    -           l-assoċjazzjoni tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen hi riflessa f’Dikjarazzjoni Konġunta mal-Ftehim emendatorju.

    III.         KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    -           japprova, wara li jirċievi l-kunsens mill-Parlament Ewropew, il-Ftehim mehmuż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi.

    2012/0138 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2a), flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[2],

    Billi:

    (1)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/XXX tal-[...][3], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi ġie ffirmat mill-Kummissjoni fil-[ ], soġġett għall-konklużjoni tiegħu aktar tard.

    (2)       Il-Ftehim għandu jkun konkluż.

    (3)       F’konformità mal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    (4)       F’konformità mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għad-Danimarka,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi hu b’dan konkluż.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, skont l-avviż previst fl-Artikolu 2 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Din għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

    L-UNJONI EWROPEA,

    min-naħa l-waħda, u

    L-UKRAINA,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Partijiet’,

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008,

    BIX-XEWQA li jkomplu jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni,

    FILWAQT LI JGĦARFU l-importanza tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ vvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Ukraina fiż-żmien dovut, sakemm ikun hemm fis-seħħ il-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ġestita tajjeb u fiż-żgur,

    FILWAQT LI JQISU d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viża), li notevolment jipprovdi li b’obbligu tingħata motivazzjoni għaċ-ċaħda għall-viża u d-dritt ta’ appell għall-applikanti f’każ ta’ rifjut,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għad-Danimarka,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’, hu emendat skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:

    [Titolu tal-Ftehim]

    (1) Fit-titolu, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kelma “Unjoni”.

    [L-Artikolu 1 tal-Ftehim

    Għan u firxa ta’ applikazzjoni]

    (2) Fl-Artikolu 1 il-paragrafu 2, tiddaħħal l-ewwel sentenza li ġejja: L-Ukraina tista’ ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Istati Membri kollha u mhux għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ Stati Membri individwali.

    [L-Artikolu 2 tal-Ftehim

    Klawżola Ġenerali]

    (3) Fl-Artikolu 2 il-paragrafi 1 u 2, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kliem “Unjoni Ewropea”.

    [L-Artikolu 3 tal-Ftehim

    Definizzjonijiet]

    (4) Fl-Artikolu 3 il-punt (e), il-kelma “Komunitarja” hi sostitwita bil-kliem “tal-Unjoni Ewropea”.

    [L-Artikolu 4 tal-Ftehim

    Dokumenti ta’ appoġġ dwar l-għan tal-vjaġġ]

    (5) L-Artikolu 4, il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

    (a) il-punt (ċ) jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “(ċ) għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Ukraina:

    - talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali tat-trasportaturi fl-Ukraina li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul, id-destinazzjoni(jiet) u l-frekwenza tal-vjaġġi;”

    (b) il-punt (e) hu sostitwit b’dan li ġej:

    “(e) għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

    - ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn min iħaddem lill-applikant li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist f’kapaċità professjonali;”

    (c) il-punt (i) hu sostitwit b’dan li ġej:

    “(i) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati u entitajiet muniċipali oħrajn:

    - talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew tal-entitajiet muniċipali oħrajn;”

    (d) il-punt (j) hu sostitwit b’dan li ġej:

    “(j) għal qraba – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet – li jżuru ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini:

    - talba bil-miktub mill-persuna li tospita;”

    (e) il-punt (m) hu sostitwit b’dan li ġej:

    “(m) għal żjajjar fuq raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom:

    - Dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f'din l-istituzzjoni il-ħtieġa li wieħed ikun akkumpanjat u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku;

    (f) jiddaħħlu l-punti (n) sa (q) kif ġej:

    “(n) għar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil:

    - talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni bħal din mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (o) għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri:

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;

    (p) għar-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

    - talba bil-miktub mill-komunità reliġjuża rreġistrata fl-Ukraina, li tispeċifika l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    (q) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI):

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita.”

    [L-Artikolu 5 tal-Ftehim

    Ħruġ ta’ viżi ta’ diversi dħul]

    (6) Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 sa 3 huma mibdula b’dan li ġej:

    “1. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’terminu ta’ validità ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

    (a) membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, prosekuturi nazzjonali u reġjonali u d-deputati tagħhom, sakemm ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom;

    (b) membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ukraina, ikollhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

    (ċ) konjugi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ukraina li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini;

    (d) nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;

    (e) ġurnalisti u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.

    B’deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta

    - fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt a, it-tul ta’ żmien tal-kariga,

    - fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt b, il-perjodu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali,

    - fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt ċ, il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fl-Unjoni Ewropea,

    - fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt d, il-perjodu tal-validità tal-istatus bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni ta’ negozju jew tal-kuntratt tax-xogħol,

    - fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt e, il-kuntratt tax-xogħol

    ikun inqas minn ħames snin.

    2. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’perjodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

    (a) xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Ukraina;

    (b) membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji tal-Istati Membri;

    (ċ) persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil, li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;

    (d) parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

    (e) parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;

    (f) rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

    (ġ) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI);

    (h) studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

    (i) għar-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

    (j) għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri;

    (k) persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom.

    B’deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu.

    3. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’perjodu ta’ validità minimu ta’ sentejn u massimu ta’ ħames snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ diversi dħul għal sena, skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar, li f’dan il-każ il-perjodu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul jkun limitat għal dak il-perjodu.”

    [L-Artikolu 6 tal-Ftehim

    Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża]

    (7) L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3. L-Istati Membri għandhom jitolbu ħlas ta’ EUR 70 għall-ipproċessar ta’ viżi f’każijiet fejn, fuq il-bażi tad-distanza bejn il-post ta’ residenza tal-applikant u l-post fejn tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, l-applikant jitlob li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien tlett ijiem mis-sottomissjoni tagħha, u l-konsulat ikun aċċetta li jieħu deċiżjoni fi żmien tlett ijiem.”

    (b) il-paragrafu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)      l-ewwel sentenza hi sostitwita b’dan li ġej:

    “4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 il-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:"

    (ii)     fil-punt (a), jiddaħħlu l-kliem li ġejjin:

    “jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini"

    (iii)     fil-punt (i), jiddaħħlu l-kliem li ġejjin:

    “u minn entitajiet muniċipali oħrajn”

    (iv)    fil-punt (j), jiddaħħlu l-kliem li ġejjin:

    “u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjhom f’kapaċità professjonali.”

    (v)     jiddaħħlu l-punti (o) sa (s) kif ġej:

    “(o) rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

    (p) għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri;

    (q) il-parteċipanti li għandhom 25 sena jew anqas f’seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

    (r) rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

    (s) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI).”

    (vi)    tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

    “L-ewwel sentenza tapplika wkoll meta l-għan tal-vjaġġ huwa transitu.”

    (c) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5. Jekk Stat Membru jikkoopera ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viża, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas għandu jkun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament lill-konsulati tagħhom. Jekk l-applikanti jkunu meħtieġa jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-apuntament għandu, bħala regola, isseħħ fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta ntalab l-appuntament.”

    [L-Artikolu 10 tal-Ftehim

    Passaporti diplomatiċi]

    (8) L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) it-titolu hu sostitwit b’dan li ġej:

    “Passaporti diplomatiċi u ta’ servizz”;

    (b) fil-paragrafu 2, li jiġi nnumerat mill-ġdid bħala 3, il-kliem “fil-paragrafu 1” huma sostitwiti b’“fil-paragrafi 1 u 2”;

    (c) qed jiġi miżjud il-paragrafu 2 ġdid kif gej:

    “2. Ċittadini tal-Ukraina, titulari ta’ passaporti bijometriċi validi ta’ servizz jistgħu jidħlu, jħallu jew jivvjaġġaw fit-territorji tal-Istati Membri mingħajr viżi.”

    [L-Artikolu 12

    Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim]

    (9) L-Artikolu 12, il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

    (a) fl-ewwel sentenza, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

    (b) fit-tieni sentenza, il-kelma “Il-Komunità” hi sostitwita bil-kliem “L-Unjoni Ewropea”, u l-kliem “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” huma sostitwiti bil-kliem “Kummissjoni Ewropea”.

    [L-Artikolu 13 tal-Ftehim

    Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u l-Ukraina]

    (10) Il-paragrafu eżistenti qed jiġi nnumerat bħala 1, u jiddaħħal dan il-paragrafu 2 ġdid li ġej:

    “2. Id-dispożizzjonijiet ta’ Ftehimiet bilaterali jew ta’ arranġamenti bejn l-Istati Membri individwali u l-Ukraina li jkunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u li jipprovdu biex it-titulari ta’ passaporti mhux bijometriċi ta’ servizz ikunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża għandhom ikomplu japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri kkonċernati jew tal-Ukraina li jiddenunzjaw jew jissospendu dawn il-ftehimiet bilaterali jew arranġamenti.”

    Artikolu 2

    Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

    Magħmul fi XXX, fi XXX jum ta’ XXX fis-sena elfejn u tnax, f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, u bl-Ukrain, kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għall-Ukraina

    ID-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-dokumenti li għandhom ikunu ppreżentati meta ssir l-applikazzjoni għal viża għal żjara qAsIra

    L-Unjoni Ewropea se tistabbilixxi lista armonizzata ta’ dokumenti ta’ appoġġ, skont il-punt a tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 48 tal-Kodici dwar il-Viżi, sabiex tiżgura li l-applikanti mill-Ukraina jkunu meħtieġa li jippreżentaw, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ.

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR L-IFFAĊILITAR GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA

    L-Unjoni Ewropea tinnota s-suġġeriment tal-Ukraina biex tingħata definizzjoni usa’ tal-kunċett ta’ membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw mill-iffaċilitar ta’ viża kif ukoll tinnota l-importanza li l-Ukraina tagħti lis-simplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni.

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ta’ għadd estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet familjari (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fit-territorji tal-Istati Membri jew ma’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, l-Unjoni Ewropea tistieden lill-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fil-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-simplifikazzjoni tad-dokumenti ta’ prova mitluba għall-applikanti, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ipproċessar u, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ viżi ta’ diversi dħul.

    ID-Dikjarazzjoni taL-Unjoni Ewropea dwar IL-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 tal-Ftehim

    L-Unjoni Ewropea tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-Ftehim u partikolarment tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 10, skont il-proċedura stipulata permezz tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 14 tal-Ftehim, jekk l-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 tkun abbużata mill-Ukraina jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika. Jekk l-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 tkun sospiża, l-Unjoni Ewropea tibda konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Ftehim bil-ħsieb li ssolvi l-problemi li jkunu wasslu għas-sospensjoni.

    ID-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Isvizzera u l-Liechtenstein

    Il-Partijiet jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera u l-Liechtenstein, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-progress tal-acquis ta’ Schengen.

    f’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun mixtieq li l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein u tal-Ukraina jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra b’termini simili għall-Ftehim emendat.

    [1]               Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, ĠU L 332, 18.12.2007, p. 68.

    [2]               ĠU C […], […], p. […].

    [3]               ĠU C […], […], p. […].

    Top