Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0245

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni

    /* COM/2012/0245 final - 2012/0127 (NLE) */

    52012PC0245

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni /* COM/2012/0245 final - 2012/0127 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    (1) L-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehimiet ta’ koperazzjoni bilaterali sabiex tistruttura u tiffaċilita l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranija. Hemm erba’ ftehimiet bħal dawn, mal-Istati Uniti[1] (1991), il-Kanada[2] (1999), il-Ġappun[3] (2003) u l-Korea t’Isfel[4] (2009). Dawn il-ftehimiet kollha huma msejħa ftehimiet ta’ "l-ewwel ġenerazzjoni"; fihom diversi strumenti ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni iżda jeskludu l-iskambju tal-evidenza. Dawn il-ftehimiet jistgħu jitqiesu bħala suċċess. Il-benefiċċju ewlieni tagħhom huwa li jqiegħdu l-koperazzjoni relatata mal-każ u d-djalogu politiku f’qafas strutturat u b’hekk jikkontribwixxu għal infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni aktar effiċjenti.

    (2) Madankollu, dawn il-ftehimiet eżistenti ta’ koperazzjoni espressament jeskludu l-iskambju ta’ informazzjoni protetta jew kunfidenzjali. Dan ifisser fil-prattika li l-ebda informazzjoni miksuba permezz tal-proċess investigattiv formali ma tista’ tiġi kondiviża mal-awtorità l-oħra mingħajr il-kunsens speċifiku ("rinunzja") tal-kumpannija li pprovdiet l-informazzjoni. In-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali jew protetta skont ftehim ta’ koperazzjoni ta’ "l-ewwel ġenerazzjoni" huwa meqjus bħala n-nuqqas maġġuri ta’ dan it-tip ta’ ftehimiet, speċjalment fl-investigazzjonijiet tal-kartelli[5].

    (3) L-UE u l-Isvizzera huma żewġ sħab ekonomiċi importanti ħafna, li l-ekonomiji tagħhom huma profondament integrati. Bħala riżultat, bosta prattiki antikompetittivi għandhom effetti transkonfinali fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Isvizzera. Ħafna każijiet ittrattati mill-Kummissjoni jikkonċernaw prattiki li jinvolvu kumpaniji Svizzeri u/jew jaffettwaw is-suq Svizzeru. Bl-istess mod, hemm evidenza ċara li turi li ċerti prattiki antikompetittivi li jseħħu fl-Isvizzera, u speċjalment il-kartelli, jaffettwaw ukoll is-swieq tal-UE. Il-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni u l-Kummissjoni diġà kkoperaw f’għadd ta’ każijiet barra mill-qafas ta’ ftehim formali. Bħal fil-każ tal-ftehimiet ta’ "l-ewwel ġenerazzjoni", din il-koperazzjoni hija ferm limitata mill-fatt li huma ma jistgħux jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali.

    (4) Dan il-Ftehim bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar koperazzjoni fuq l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom jindirizza din il-limitazzjoni billi jippermetti lill-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni u lill-Kummissjoni jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali. Bħall-ftehimiet ta’ "l-ewwel ġenerazzjoni" konklużi s’issa, dan il-Ftehim se jgħin fl-istrutturar tal-koperazzjoni u d-djalogu ta’ politika dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mal-awtoritajiet Svizzeri. Billi jinkludi l-possibbiltà ta’ skambju, suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn l-aġenziji tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet, il-Ftehim se jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tibbenefika mir-riżultati ta’ informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni.

    (5) L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim se tkun iffaċilitata minn konverġenza li diġà teżisti bejn iż-żewġ sistemi għall-infurzar tal-kompetizzjoni. Ir-Regoli sostantivi tal-Isvizzera u tal-UE huma simili ħafna, li jfisser li l-Kummissjoni u l-awtorità Svizzera huma aktar probabbli li jinvestigaw l-istess prattiki u li jkollhom informazzjoni li hi rilevanti għall-investigazzjoni tal-Parti l-oħra. Għandhom ukoll setgħat investigattivi simili. Bħala riżultat, it-tip u l-ambitu tal-informazzjoni li huma jistgħu jiġbru u jaqsmu huwa ekwivalenti. Iż-żewġ sistemi ta’ infurzar jipprevedu sanzjonijiet komparabbli: huma jimponu sanzjonijiet amministrattivi fuq impriżi biss u l-individwi la jistgħu jiġu mħarrka u lanqas immultati. Barra minn hekk, iż-żewġ sistemi simili jirrikonoxxu d-drittijiet proċedurali tal-partijiet u d-drittijiet ta’ privileġġ legali u n-non-awtoinkriminazzjoni.

    (6) Fis-26 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja dan il-ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera. Wara għaxar sessjonijiet ta’ negozjati, in-negozjati kienu konklużi fis-7 ta’ Diċembru 2011. Il-ftehim jindirrizza l-elementi kollha li hemm fid-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill.

    (7) L-ewwel, dan il-Ftehim fih id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehimiet tal-koperazzjoni li ġew konklużi s’issa mal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u l-Korea. Fih dispożizzjonijiet dwar in-notifika tal-attivitajiet ta’ infurzar li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-interessi importanti tal-Parti l-oħra; id-dispożizzjonijiet li jorganizzaw il-koperazzjoni prattika bejn il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni u dispożizzjonijiet dwar korteżija negattiva u pożittiva..

    (8) It-tieni nett, il-ftehim jirregola d-diskussjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni. Jawtorizza lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni biex jiddiskutu l-informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv. Barra minn hekk, iż-żewġ awtoritajiet jistgħu taħt ċerti kondizzjonijiet jittrasmettu informazzjoni diġà fil-pussess tagħhom u miksuba permezz tal-proċess investigattiv lill-awtorità oħra. Jistgħu jagħmlu dan biss meta dawn jinvestigaw l-istess kondotta jew tranżazzjoni jew dawk relatati. Il-Ftehim jipprovdi li ma jistgħux jiddiskutu jew jittrasmettu informazzjoni li kienet irċevuta taħt il-klemenza rispettiva tagħhom jew taħt proċeduri ta’ riżolviment, mingħajr il-qbil espliċitu minn qabel tas-sors. U lanqas ma jistgħu jiskambjaw informazzjoni jekk l-użu ta’ tali informazzjoni jkun projbit taħt d-drittijiet u l-privileġġi proċedurali garantiti skont il-liġijiet rispettivi tagħhom. Id-deċiżjoni biex jittrasmettu l-informazzjoni hija dejjem fid-diskrezzjoni tal-awtorità trasmettenti; ma hemm l-ebda obbligu li tagħmel dan.

    (9) Konformi mad-direttivi ta’ negozjati, il-Ftehim jistabbilixxi regoli dwar l-użu tal-informazzjoni għalhekk diskussa jew trasmessa. L-informazzjoni miksuba permezz tal-proċess investigattiv li hija diskussa jew trasmessa skont il-Ftehim tista’ biss tiġi użata mill-awtorità riċevitriċi għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tagħha għall-istess kondotta jew tranżazzjoni jew dawk relatati, u għall-iskop tat-talba rilevanti, meta applikabbli. Barra minn hekk, l-ebda informazzjoni diskussa jew trażmessa ma għandha tintuża biex timponi kull tip ta’ sanzjoni, kemm jekk relatata ma’ kustodja jew le, fuq persuni naturali.

    (10) Il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni diskussa jew trażmessa: Il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni għandhom iżommu din l-informazzjoni kunfidenzjali skont ir-regoli proprji tagħhom. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni hija sodisfatta li r-regoli Svizzeri fuq kunfidenzjalità huma komparabbli ma’ dawk tal-UE u għalhekk s-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra li tista’ tittrażmetti lill-Kummissjoni Svizzera għall-Kompetizzjoni se tgawdi minn livell adegwat ta’ protezzjoni. Meta jimplimentaw dan il-Ftehim, iż-żewġ awtoritajiet għandhom ukoll jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta personali, skont il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar dejta personali. Ir-Regoli Svizzeri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti; il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li l-Isvizzera ġeneralment tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għal dejta personali trasferita mill-UE[6].

    (11) Fl-aħħarnett, il-ftehim jippermetti l-iżvelar ta’ informazzjoni trażmessa skont il-Ftehim f’ċerti ċirkostanzi limitati, bħal fil-każ tal-proċedura tal-aċċess għall-fajl, għall-proċeduri tal-qorti, u biex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, meta l-iżvelar ta’ dokumenti importanti lil dawn l-aġenziji huwa meħtieġ għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    2012/0127 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafi tal-Artikolu 207(3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[7],

    Billi:

    (1)       F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/XXX ta' […][8], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfedarazzjoni Svizzera dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom kien iffirmat fi […], soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    (2)       Il-Ftehim għandu jkun konkluż.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom huwa b'dan konkluż.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż mad-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni

    Il-Konfederazzjoni Svizzera (minn hawn ’il quddiem imsejħa bħala "l-Isvizzera") minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni") fuq in-naħa l-oħra, minn hawn’il quddiem imsejħa "Parti" jew "Partijiet";

    Waqt li kkunsidraw ir-relazzjonijiet mill-qrib bejn l-Isvizzera u l-Unjoni u waqt li jirrikonoxxu illi l-koperazzjoni sabiex jindirizzaw attivitajiet antikompetittivi se tikkontribwixxi sabiex tittejjeb u tissaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom;

    Jinnutaw li l-infurzar tajjeb u effikaċi tal-liġi tal-kompetizzjoni hija kwistjoni ta’ importanza għall-operat effiċjenti tas-swieq rispettivi tagħhom, kif ukoll għall-benesseri ekonomiku tal-konsumaturi taż-żewġ partijiet u l-kummerċ bejniethom;

    Waqt li jżommu f’moħħhom li s-sistemi ta’ infurzar tal-kompetizzjoni tal-Isvizzera u tal-Unjoni huma bbażati fuq l-istess prinċipji u jipprovdu għal regoli simili;

    Filwaqt li jieħdu nota tar-Rakkomandazzjoni rriveduta tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku Rigward il-Koperazzjoni bejn Pajjiżi Membri dwar Prattika Antikompetittiva li Tolqot lill-Kummerċ Internazzjonali, adottata fis-27 u t-28 ta’ Lulju 1995;

    Filwaqt li jirrikonoxxu li l-koperazzjoni u l-kordinazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u partikolarment it-trasmissjoni ta’ informazzjoni li ġiet miksuba mill-Partijiet matul l-proċessi investigattivi tagħhom, se jikkontribwixxu għal infurzar aktar effikaċi tal-liġijiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet.

    Ftiehmu kif ġej:

    Artikolu I – Għan

    L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jikkontribwixxi għall-infurzar effikaċi tal-liġijiet tal-Kompetizzjoni ta’ kull Parti permezz ta’ koperazzjoni u kordinazzjoni bejn l-awtoritàjiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni u biex jevitaw jew inaqqsu l-possibilità ta’ konflitti bejn il-Partijiet f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Kompetizzjoni ta’ kull Parti.

    Artikolu II - Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom dawn id-definizzjonijiet:

    (1) "awtorità tal-kompetizzjoni" u "awtoritajiet tal-kompetizzjoni" tal-Partijiet għandhom ifissru:

    (a) għall-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea, rigward ir-responsabbiltajiet tagħha skont il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni; u

    (b) għall-Isvizzera, il-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u s-Segretarjat tagħha.

    (2) "l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru" tfisser awtorità ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni kompetenti għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni. Meta jiġi firmat dan il-Ftehim, lista ta’ dawn l-awtoritàjiet għandha tkun notifikata mill-Unjoni lill-Isvizzera. Il-Kummissjoni Ewropea se tinnotifika lill-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni lista aġġornata kull darba li jkun hemm xi bidliet.

    (3) "liġijiet tal-kompetizzjoni" tfisser:

    (a) għall-Unjoni, l-Artikoli 101, 102 u 105 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta użat flimkien mal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u r-Regolamenti implimentattivi tagħhom kif ukoll kwalunkwe emenda għalihom; u

    (b) għall-Isvizzera, l-Att Federali dwar il-Kartelli u Restrizzjonijiet oħrajn għall-Kompetizzjoni tas-6 ta’ Ottubru 1995 (minn hawn ’il quddiem msemmija bħala "Acart"), u r-regolamenti implimentattivi tiegħu kif ukoll kwalunkwe emenda għalih;

    (4) "attivitajiet anti-kompetittivi" tfisser kwalunkwe attività li tista’ tkun suġġetta għal projbizzjoni, sanzjonijiet jew miżuri korrettivi oħrajn taħt il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni ta’ waħda mill-Partijiet jew taż-żewġ Partijiet.

    (5) "attivitajiet ta’ infurzar" tfisser kull applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mmexxija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Parti.

    (6) "Informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv" tfisser kwalunkwe informazzjoni miksuba minn Parti li tuża d-drittijiet formali investigattivi tagħha jew preżentata lil parti skont obbligu legali.

    (a) għall-Unjoni, din tfisser informazzjoni miksuba permezz ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, dikjarazzjonijiet orali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni jew f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikoli 20, 21 jew 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 jew informazzjoni miksuba bħala riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi.

    (b) għall-Isvizzera, din tfisser informazzjoni miksuba permezz ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 40 Acart, dikjarazzjonijiet orali skont l-Artikolu 42 paragrafu 1 tal-Acart u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Kompetizzjoni skont l-Artikolu 42 paragrafu 2 tal-Acart jew informazzjoni miksuba bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Ordinanza dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet tal-impriżi.

    (7) "Informazzjoni miksuba skont il-proċedura ta’ klemenża" tfisser:

    (a) għall-Unjoni, informazzjoni miksuba skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell.

    (b) għall-Isvizzera, l-informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 49a paragrafu 2 tal-Acart u l-Artikoli 8 sa 14 tal-Ordinanza dwar Sanzjonijiet imposti għal Trażżin Illegali tal-Kompetizzjoni.

    (8) "Informazzjoni miksuba skont il-proċedura ta’ saldu" tfisser:

    (a) għall-Unjoni, informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004.

    (b) għall-Isvizzera, l-informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 29 tal-Acart.

    Artikolu III – Notifiki

    (1) L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti għandha tinnotifika lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-attivitajiet ta’ infurzar li l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed tagħmel in-notifika tikkunsidra li jistgħu jaffetwaw interessi importanti tal-Parti l-oħra. Notifiki skont dan l-Artikolu jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi.

    (2) Attivitajiet ta’ infurzar li jistgħu jolqtu interessi importanti tal-Parti l-oħra jinkludu partikolarment:

    (a) L-attivitajiet ta’ infurzar rigward l-attivitajiet antikompetittivi għajr konċentrazzjonijiet kontra impriża inkorporata jew organizzata skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorju tal-Parti l-oħra;

    (b) Attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu kondotta li hemm is-suspett li kienet inkoraġġuta, meħtieġa jew approvata mill-Parti l-oħra;

    (c) Attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu konċentrazzjoni fejn parti waħda jew aktar tat-tranżazzjoni hija/huma kumpannija/i inkorporata/i jew organizzata/i taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tat-territorju tal-Parti l-oħra;

    (d) Attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu konċentrazzjoni fejn impriża li tikkontrolla parti waħda jew aktar mill-partijiet tat-tranżazzjoni hija inkorporata jew organizzata skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tat-territorju tal-Parti l-oħra;

    (e) Attivitajiet ta’ infurzar kontra attivitajiet anti-kompetittivi li mhumiex konċentrazzjonijiet li jsiru jew li jkunu saru wkoll f’parti sinifikanti fit-territorju tal-Parti l-oħra; u

    (f) Attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu rimedji li jeħtieġu jew jipprojbixxu espressament kondotta fit-territorju tal-Parti oħra jew li fihom obbligi vinkolanti għall-impriżi f’dak it-territorju;

    (3) Notifiki skont il-paragrafu 1 fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet għandhom jingħataw:

    (a) fil-każ tal-Unjoni, meta jinbdew proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004;

    (b) fil-każ tal-Isvizzera, meta jinbeda proċediment skont l-Artikolu 33 tal-Acart.

    (4) Notifika skont il-paragrafu 1 fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra għajr konċentrazzjonijiet għandha tingħata:

    (a) fil-każ tal-Unjoni, meta jinbdew proċedimenti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 773/2004;

    (b) fil-każ tal-Isvizzera, meta jinbeda proċediment skont l-Artikolu 27 tal-Acart.

    (5) In-notifiki għandhom jinkludu b’mod partikolari l-ismijiet tal-partijiet involuti fl-investigazzjoni, l-attivitajiet li jkunu qed jiġu eżaminati u s-swieq relatati, id-dispożizzjonijiet legali rilevanti u d-data tal-attivitajiet ta’ infurzar.

    Artikolu IV - Kordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar

    (1) Billi l-awtoritàjiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet qegħdin jidħlu għal attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ kwestjonijiet relatati, huma jistgħu jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ infurzar. Dawn jistgħu partikolarment jikkordinaw il-ħinijiet tal-ispezzjonijiet tagħhom.

    (2) Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet jiġu biex jikkunsidraw jekk l-attivitajiet ta’ infurzar għandhomx jiġu kordinati, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi li ġejjin, fosthom:

    (a) l-effett ta’ din il-kordinazzjoni fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet li jilħqu l-objettivi tal-attivitajiet tagħhom ta’ infurzar;

    (b) l-abbiltajiet tal-awtoritàjiet kompetenti tal-Partijiet illi jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu isiru l-attivitajiet ta’ infurzar;

    (c) il-possibilità li jiġu evitati obbligi konfliġġenti u piżijiet mhux meħtieġa fuq l-impriżi suġġetti għall-attivitajiet ta’ infurzar;

    (d) l-opportunità li jsir użu iktar effiċjenti tar-riżorsi tagħhom;

    (3) Suġġett għal avviż adattat lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, tillimita l-kordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar u tipproċedi indipendentement fir-rigward ta’ attività speċifika ta’ infurzar.

    Artikolu V - Evitar ta’ konflitti (Korteżija Negattiva)

    (1) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet għandhom jikkonsidraw bir-reqqa l-interessi importanti tal-Parti l-oħra fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-bidu tal-attivitajiet tal-infurzar, il-medda tal-attivitajiet tagħha u n-natura tas-sanzjonijiet jew eżenzjonijiet oħra mfittxa f’kull każ.

    (2) Jekk xi attività speċifika ta’ infurzar prevista minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda tista’ tolqot l-interessi importanti tal-Parti l-oħra, l-ewwel Parti, mingħajr ħsara għad-diskrezzjoni sħiħa tagħha, għandha tagħmel l-isforzi kollha:

    (a) biex tipprovdi lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra notifika fil-ħin bl-iżviluppi sinifikanti relatati mal-interessi tal-aħħar Parti,

    (b) biex tagħti lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra l-opportunità li tipprovdi kummenti, u

    (c) tqis il-kummenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra, filwaqt li tkun irrispettata bis-sħiħ l-indipendenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti biex tagħmel id-deċiżjoni tagħha stess.

    L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet taħt il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu III.

    (3) Fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kwalunkwe Parti tqis li l-attivitajiet tagħha ta’ infurzar jistgħu jolqtu b’mod negattiv interessi importanti tal-Parti l-oħra, għandha tagħmel l-aħjar sforzi tagħha sabiex issib kif takkomoda b’mod xieraq l-interessi rispettivi. Fit-tiftix ta’ tali akkomodazzjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti kkonċernata għandha tikkunsidra l-fatturi li ġejjin, flimkien ma’ kwalunkwe fattur ieħor li jista’jkun rilevanti fiċ-ċirkostanzi:

    (a) l-importanza relattiva tal-effetti attwali jew potenzjali tal-attivitajiet antikompetittivi fuq l-interessi importanti tal-Parti li tkun qed tinforza meta mqabbla mal-effetti fuq l-interessi importanti tal-Parti l-oħra;

    (b) l-importanza relattiva għall-attivitajiet ta’ kontra l-kompetizzjoni tal-kondotta jew it-tranżazzjonijiet li jkunu qegħdin iseħħu fit-territorju ta’ Parti kif imqabbla mal-kondotta jew it-tranżazzjonijiet illi jkunu qegħdin isiru fit-territorju tal-Parti l-oħra.

    (c) sa liema punt l-attivitajiet ta’ infurzar tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-istess l-impriżi jkunu affettwati;

    (d) safejn l-intrapriżi se jitqiegħdu taħt rekwiżiti konflinġenti miż-żewġ partijiet.

    Artikolu VI – Korteżija Pożittiva

    (1) Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda temmen li l-attivitajiet antikompetittivi mwettqin fit-territorju tal-Parti l-oħra jistgħu jolqtu negattivament l-interessi importanti tal-ewwel Parti, din l-awtorità tal-kompetizzjoni, filwaqt li tqis l-importanza li jiġu evitati l-konflitti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u filwaqt li tqis li l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra tista’ tkun f’pożizzjoni li twettaq attivitajiet ta’ infurzar aktar effikaċi fir-rigward ta’ attivitajiet antikompetittivi bħal dawn, tista’ titlob li l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra biex tibda jew iżżid l-attivitajiet adegwati ta’ infurzar.

    (2) It-talba għandha kemm jista’ jkun tkun speċifika dwar in-natura tal-attivitajiet ta’ kontra l-kompetizzjoni u l-effetti attwali jew potenzjali tagħhom fuq l-interessi importanti tal-Parti fuq it-talba tal-awtorità tal-kompetizzjoni, u għandha tinkludi offerta ta’ aktar informazzjoni u koperazzjoni oħra skont dak li tkun tista’ toffri l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun għamlet it-talba.

    (3) L-awtorità illi tkun għamlet it-talba għandha tikkunsidra b’attenzjoni jekk tibdiex jew le l-attivitajiet ta’ infurzar, jew jekk għandhiex iżżid l-attivitajiet ta’ infurzar illi jkunu għaddejjin, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kontra l-kompetizzjoni identifikati fit-talba. L-awtorità tal-kompetizzjoni rikjesta għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni rikjedenti bid-deċiżjoni tagħha mill-aktar fis possibbli fil-prattika. Jekk l-attivitajiet tal-infurzar ikunu ġew mibdija jew estiżi, l-awtorità illi tkun ġiet mitluba għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni bl-eżitu tagħhom u, safejn ikun possibbli, bl-iżviluppi sinifikanti li jkunu ġraw sadanittant.

    (4) Xejn f’dan l-artikolu ma jillimita d-diskrezzjoni tal-Parti illi tkun ġiet mitluba taħt il-liġijiet tagħha tal-kompetizzjoni u l-politika tal-infurzar dwar jekk għandhiex tagħmel jew le attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kontra l-kompetizzjonijiet illi jkunu ġew identifikati fit-talba, jew jipprekludi lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti illi tkun għamlet it-talba milli tirtira t-talba tagħha.

    Artikolu VII Skambju ta’ informazzjoni

    (1) Sabiex jiksbu l-fini ta’ dan il-Ftehim kif stabbiliti fl-Artikolu I, l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni tal-Partijiet jistgħu jikkondividu l-fehmiet u jiskambjaw informazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-liġijiet rispettivi tagħhom dwar il-kompetizzjoni kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli VIII, IX u X.

    (2) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet jistgħu jiddiskutu kwalunkwe informazzjoni, inkluża informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv, kif meħtieġ sabiex iwettqu koperazzjoni u kordinazzjoni previsti skont dan il-Ftehim.

    (3) L-awtoritajiet għall-kompetizzjoni tal-Partijiet jistgħu jittrasmettu informazzjoni fil-pussess tagħhom lil xulxin meta impriża li pprovdiet l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha bil-miktub. Meta tali informazzjoni fiha dejta personali, din id-dejta personali tista’ tiġi trasmessa biss meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet qegħdin jinvestigaw l-istess kondotta jew tranżazzjoni jew kondotta jew tranżazzjoni relatati. Il-Paragrafu 3 tal-Artikolu IX japplika jekk dan mhux il-każ.

    (4) Fin-nuqqas ta’ kunsens kif imsemmi fil-paragrafu 3, awtorità tal-kompetizzjoni tista’, fuq talba, tittrasmetti, għall-użu bħala evidenza l-informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv li hija diġà fil-pussess tagħha lill-awtorità l-oħra tal-kompetizzjoni, suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) L-informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv tista’ tiġi trasmessa biss fejn iż-żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni qegħdin jinvestigaw l-istess kondotta jew tranżazzjoni jew dawk relatati;

    (b) it-talba għal tali informazzjoni għandha issir bil-miktub u għandha tinkludi deskrizzjoni ġenerali tas-suġġett u n-natura tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti li għalihom qed issir it-talba u d-dispożizzjonijiet legali speċifiċi involuti. Għandha wkoll tidentifika l-impriżi suġġetti għall-investigazzjoni jew proċedura li l-identità tagħhom hija disponibbli fiż-żmien tat-talba; u

    (c) l-awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi t-talba għandha tiddetermina, f’konsultazzjoni mal-awtorità tal-kompetizzjoni li tagħmel it-talba liema informazzjoni fil-pussess tagħha hija rilevanti u tista’ tiġi trasmessa.

    (5) L-ebda awtorità tal-kompetizzjoni ma hija meħtieġa biex tiddiskuti jew tittrasmetti l-informazzjoni miksuba permezz tal-proċess investigattiv lill-awtorità l-oħra tal-kompetizzjoni, partikolarment jekk dan ikun inkompatibbli mal-interessi importanti tagħha jew ta’ piż eċċessiv.

    (6) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet m’għandhomx la jiddiskutu u lanqas jittrasmettu lil xulxin l-informazzjoni miksuba skont proċeduri ta’ klemenza jew riżolviment tal-Partijiet, sakemm l-impriża li pprovdiet l-informazzjoni ma tagħtx l-kunsens tagħha bil-miktub.

    (7) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet ma għandhomx jiddiskuti, jitolbu jew jittrasmettu l-informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv jekk l-użu ta’ tali informazzjoni jkun projbit taħt d-drittijiet proċedurali u privileġġi garantiti taħt il-liġijiet rispettivi tal-Partijiet għall-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom, inkluż id-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni u l-privileġġ professjonali legali.

    (8) Jekk awtorità tal-kompetizzjoni ta’ waħda mill-Partijiet issir konxja li kwalunkwe dokument trasmess skont dan l-Artikolu fih informazzjoni mhux korretta, huwa għandu jinforma minnufih l-awtorità tal-kompetizzjoni l-oħra li għandhom jirranġawha jew ineħħuha.

    Artikolu VIII – Użu tal-informazzjoni diskussa jew trasmessa

    (1) L-informazzjoni li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti tiddiskuti jew tibgħat lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandha tintuża biss għall-fini ta’ infurzar tal-liġijiet ta’ kompetizzjoni ta’ dik il-parti mill-awtorità tal-kompetizzjoni tagħha.

    (2) L-informazzjoni miksuba minn proċess investigattiv u diskussa ma’ jew trasmessa lil awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandha tintuża biss minn awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi għall-infurzar tal-liġijiet tagħha tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-istess kondotta jew tranżazzjoni jew dawk relatati.

    (3) L-informazzjoni trasmessa skont l-Artikolu 7(4) għandha tintuża biss mill-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi għall-iskop definit fit-talba.

    (4) L-ebda informazzjoni diskussa jew trasmessa skont dan il-Ftehim ma għandha tintuża biex timponi sanzjonijiet fuq persuni naturali.

    (5) Awtorità tal-kompetizzjoni tista’ teħtieġ li dik l-informazzjoni trasmessa skont dan il-Ftehim tintuża bla ħsara għat-termini u l-kondizzjonijiet li hi tista’ tispeċifika. L-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi m’għandhiex tuża din l-informazzjoni b’manjiera kuntrarja għal dawn il-patti u kondizzjonijiet mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità l-oħra tal-kompetizzjoni.

    Artikolu IX- Protezzjoni u kunfidenzjalità tal-informazzjoni

    (1) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet għandhom iqisu il-fatt li saret jew ġiet irċevuta talba bħala kunfidenzjali. L-informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim għandha tinżamm kunfidenzjali mill-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi skont il-leġislazzjoni rispettiva tagħha. Iż-żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom partikolarment jopponu kull rikors ta’ parti terza jew awtoritajiet oħra għall-iżvelar tal-informazzjoni riċevuta. Dan ma jipprevenix svelar ta’ tali informazzjoni għall-finijiet li:

    (a) tinkiseb ordni tal-Qorti fir-rigward tal-infurzar pubbliku tal-liġi(jiet) tal-kompetizzjoni tal-Parti;

    (b) l-iżvelar lil impriżi li huma suġġetti għal investigazzjoni jew proċedura taħt il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tal-Partijiet u kontra min l-informazzjoni tista’ tintuża, jekk tali żvelar ikun meħtieġ mil-liġi tal-Parti li tirċievi l-informazzjoni; u

    (c) l-iżvelar lill-qrati fi proċeduri tal-appell;

    (d) l-iżvelar jekk u safejn huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taħt il-liġijiet ta’ Parti.

    F’każijiet bħal dawn, l-awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi l-informazzjoni għandha tiżgura li l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tibqa’garantita bis-sħiħ.

    (2) Il-Partijiet jaqblu li jekk l-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ Parti ssir taf li, minkejja l-aħjar sforzi tagħha, informazzjoni intużat aċċidentalment jew ġiet svelata b’mod kuntrarju għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra minnufih. Il-Partijiet għandhom minnufih jikkonsultaw dwar passi biex jimminimizzaw kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn dan l-użu jew żvelar u biex jiżguraw li din is-sitwazzjoni ma terġax iseħħ.

    (3) Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta personali skont il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu X- Informazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

    (1) Il-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew dispożizzjonijiet internazzjonali oħra relatati mal-kompetizzjoni:

    (a) tista’ tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri li l-interessi importanti tagħhom huma affettwati min-notifiki mibgħuta lilha mill-awtorità tal-kompetizzjoni Svizzera skont l-Artikolu 3;

    (b) tista’ tinforma l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru bl-eżistenza ta’ kwalkunkwe attivitajiet ta’ infurzar tal-koperazzjoni u l-kordinazzjoni;

    (c) tista’ tikxef biss l-informazzjoni trasmessa mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Isvizzera skont l-Artikolu VII tal-Ftehim, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex twettaq l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u dwar l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004,

    (d) tista’ tikxef biss l-informazzjoni trasmessa mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Isvizzera skont l-Artikolu VII tal-Ftehim lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll 23 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

    (2) L-informazzjoni, għajr dik disponibbli pubblikament, ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru u lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA bis-saħħa tas-subparagrafi (a), (b), (c) u (d) hawn fuq ma għandhiex tiġi użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea, u ma għandhiex tkun żvelata.

    Artikolu XI - Konsultazzjoni

    (1) Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, dwar kwalunkwe kwistjoni li tista’ tqum fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-analiżi tal-operazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jeżaminaw il-possibbiltà li jiżviluppaw aktar il-koperazzjoni tagħhom.

    (2) Il-Partijiet għandhom, fl-iqsar żmien possibbli, jinformaw lil xulxin dwar kwalunkwe emenda tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom, kif ukoll kwalunkwe emenda ta’ liġijiet u regolamenti oħra u ta’ kwalunkwe bidla fil-prattika tal-infurzar tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-ħidma ta’ dan il-Ftehim. Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom iżommu konsultazzjonijiet sabiex jivvalutaw l-implikazzjonijiet speċifiċi ta’ tali emenda jew bidla għal dan il-Ftehim, u b’ mod partikolari biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim għandux jiġi emendat skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu XIV.

    (3) L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu fuq talba minn waħda minnhom, fuq livell xieraq. F’dawn il-laqgħat, dawn jistgħu:

    (a) jinformaw lil xulxin dwar l-infurzar u l-prijoritajiet fir-rigward tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti;

    (b) jiskambjaw opinjonijiet dwar is-setturi ekonomiċi ta’ interess komuni;

    (c) jiddiskutu kwistjonijiet ta’ politika li huma ta’ interess reċiproku; u

    (d) jiddiskutu l-materji l-oħrajn ta’ interess reċiproku illi jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti.

    Artikolu XII - Komunikazzjonijiet

    (1) Sakemm ma jkunx mod ieħor miftiehem bejn il-Partijiet jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom, il-komunikazzjonijiet skont dan il-Ftehim għandhom isiru fil-lingwa Ingliża.

    (2) Kull awtorità tal-kompetizzjoni għandha tiddeżinja punt ta’ kuntatt biex tiffaċilita l-komunikazzjonijiet bejn il-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Artikolu XIII – Liġi eżistenti

    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jippreġudika mill-formulazzjoni jew l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti.

    Artikolu XIV - Dħul fis-seħħ, emenda u tmiem

    (1) Dan il-Ftehim għandu jkun approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri interni proprji tagħhom. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-twettiq ta’ dawn il-proċeduri rispettivi tagħhom. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar notifika ta’ approvazzjoni.

    (2) Il-Partijiet jistgħu jiftiehmu dwar kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim. Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, tali emenda tidħol fis-seħħ permezz tal-istess proċeduri kif stipulati fil-paragrafu 1.

    (3) Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi. F’dak il-każ, dan il-Ftehim għandu jieqaf ikollu effett sitt (6) xhur mid-data li tkun irċevuta tali notifika.

    B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati biex jagħmlu dan mill-Partijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul f’żewġ kopji, fi Brussell fi ? bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Svediża.

    GĦALL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA

    GĦALL-UNJONI EWROPEA

    [1]               Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 95, 27.4.95, pp. 47 – 52 kif ikkoreġut bil-ĠU L 131, 15.6.95, pp. 38 – 39.

    [2]               Il-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Kanada rigward l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom, ĠU L 175, 10.07.1999.

    [3]               Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar koperazzjoni fir-rigward ta' attivitajiet antikompetittivi, ĠU L 183, 22/07/2003, p. 0012 – 0017.

    [4]               Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea dwar koperazzjoni fir-rigward ta' attivitajiet antikompetittivi, ĠU L 202, 04.08.2009, p 36-41.

    [5]               Kooperazzjoni bejn l-Aġenziji tal-Kompetizzjoni fl-Investigazzjonijiet tal-kartelli, Rapport għall-konferenza annwali tal-ICN, Moska, Mejju 2007, p. 5.

    [6]               Il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li r-regoli Svizzeri dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali huma ekwivalenti għal dawk tal-UE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2000 dwar il-protezzjoni adegwata ta' dejta personali pprovduta fl-Isvizzera, ĠU 2000 L 215, p. 1).

    [7]               ĠU C […], […], p. […].

    [8]               ĠU L [...], […], p. […].

    Top