Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0110

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni" u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE ("it-twaqqif ta' Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni")

/* COM/2012/0110 final - 2009/0127 (COD) */

52012PC0110

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni" u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE ("it-twaqqif ta' Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni") /* COM/2012/0110 final - 2009/0127 (COD) */


2009/0127 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni" u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE ("it-twaqqif ta' Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni")

1.           Il-kuntest

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2009) 456 final – 2009/0127 COD): || It-3 ta’ Settembru 2009

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || It-18 ta' Mejju 2010

Data prevista għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || It-8 ta' Marzu 2012

2.           L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni hu maqsum fi tnejn, fuq naħa biex iżid ir-risistemazzjoni tar-refuġjati għall-Unjoni Ewropea - kemm f'numri assoluti kif ukoll fin-numru tal-Istati Membri li għandhom skemi nazzjonali ta' risistemazzjoni - u fuq in-naħa l-oħra biex jibgħat messaġġ politiku qawwi dwar l-importanza li tagħti l-UE għall-provvediment ta' soluzzjonijiet tat-tul għar-refuġjati, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, se jitwaqqaf Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni. Il-ħolqien tiegħu se jwassal għal approċċ ikkoordinat aħjar tal-UE għar-risistemazzjoni.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill hija riżultat ta' proċess twil ta' negozjati. Wara l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew (li ħarġet fit-18 ta' Mejju 2010), il-koleġiżlaturi ma laħqux kompromess minħabba l-kwistjoni istituzzjonali dwar l-għażla ta' proċedura għall-istabbiliment ta' prijoritajiet annwali dwar ir-risistemazzjoni fil-livell Ewropew (proċedura ta' atti ddelegati vs. atti implimentattivi). L-imblokk fin-negozjati ġie ssuperat bil-proposta ppreżentata mill-Presidenza tard f'Diċembru tal-2011. Il-proposta ta' kompromess hija msejsa fuq il-fatt li l-Fond Ewropew tar-Refuġjati jibqa' sejjer biss sa tmiem l-2013. Dan ifisser li l-eżerċizzju tal-pleġġi li se jsir fl-2012 hu l-aħħar wieħed taħt il-Fond preżenti. Dan, bħala riżultat, jimplika li mhemmx għalfejn li wieħed jistabbilixxi proċedura għall-istabbiliment tal-prijoritajiet annwali dwar ir-risistemazzjoni, għaliex prijoritajiet bħal dawn jiġu ddefiniti biss qabel ma l-Fond preżenti jintemm. Is-soluzzjoni li nstabet hi li l-prijoritajiet tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 jiġu inseriti bħala parti integrali tad-Deċiżjoni f'Anness I.

Lil hinn mill-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew (adottata fit-18 ta' Mejju 2010), fl-aħħar intlaħaq ftehim fuq is-sustanza tal-proposta bejn il-koleġislaturi fuq il-kwistjonijiet pendenti fi Trilogu nhar id-9 ta' Frar 2012. L-uniku punti li ma ngħalaqux kienu dawk dwar il-bażi legali għal din il-proposta.

Fl-10 ta' Frar il-President tal-Kumitat LIBE bagħat ittra lill-Presidenza tal-Kunsill li tikkonferma l-ftehim tar-rapporteurs u x-shadow rapporteurs fuq it-test appoġġjat mill-Kunsill, li tgħid li jekk it-test kellu jiġi trażmess formalment lill-Parlament Ewropew f'sessjoni plenarja li ġejja bħala l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill għal din il-proposta leġiżlattiva, huwa jirrakkomanda li l-Membri tal-Kumitat tal-LIBE u sussegwentement is-sessjoni plenarja jaċċettawh mingħajr emendi. Il-Coreper iltaqa' fil-15 ta' Frar biex jiddiskuti l-bażi legali ta' din il-proposta. Fit-22 ta' Frar, il-Coreper ikkonferma l-ftehim dwar it-test li se jiġi ppreżentat lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Id-differenzi ewlenin bejn il-Pożiżżjoni Komuni u l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni huma murija hawn taħt.

Stabbiliment ta' prijoritajiet komuni tal-UE (Artikolu 1(1)(a))

Il-Pożizzjoni Komuni telenka l-prijoritajiet dwar ir-risistemazzjoni fid-Deċiżjoni minflok il-proposta inizjali tal-Kummissjoni li skontha l-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni kellhom jiġu stabbiliti bil-proċedura tal-komitoloġija fuq bażi annwali. Peress li l-Fond Ewropew għar-Refuġjati ta' bħalissa jkopri l-perjodu sa tmiem l-2013, id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet dwar ir-risistemazzjoni għal sena waħda biss. Għalhekk, ikun konformi mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu elenkati l-prijoritajiet għal din is-sena f'din id-Deċiżjoni. Mekkaniżmu għall-istabbilimenti ta' prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni qed jiġi pprovdut għall-istrument li joħloq il-Fond il-Ġdid għall-Ażil u l-Migrazzjoni għall-perjodu 2014‑2020.

Prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 (Artikolu 1(1)(a))

Il-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 kif stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni jkopru 3 settijiet ta' prijoritajiet: 1) persuni minn pajjiż jew reġjun magħżul għall-implimentazzjoni ta' Programm ta' Protezzjoni Reġjonali, 2) persuni minn grupp vulnerabbli speċifiku, 3) refuġjati minn pajjiż jew reġjun speċifiku. L-ewwel żewġ settijiet ta' prijoritajiet huma fformulati bħala ġenerali u huma ispirati mill-qrib mill-kateogriji mfassla fl-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew tar-Refuġjati għall-perjodu 2008 sal-2013. Meta mqabbla mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE il-Pożizzjoni Komuni iżżid il-gruppi vulnerabbli li ġejjin mal-lista: dawk li jkunu sofrew vjolenza jew tortura kif ukoll persuni li jkollhom bżonn risistemazzjoni ta' emerġenza jew risitemazzjoni urġenti ta' bżonnijiet legali jew fiżiċi.

It-tielet sett ta' prijoritajiet hu msemmi fil-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-UE għall-2013 u l-lista ta' dawn il-prijotajiet tinsab fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni. Il-lista hija stabbilita fuq il-bażi tal-kriterji tal-UNHCR tar-risistemazzjoni u l-previżjoni annwali tal-UNHCR tar-risistemazzjoni b'kunsiderazzjoni ta' fejn azzjoni komuni tal-UE jista' jkollha impatt sinjifikanti biex jiġu indirizzati ħtiġijiet ta' protezzjoni. Dan hu konformi mal-proposta tal-Kummissjoni.

L-ammont fiss li għandu jasal għal kull persuna risistemata (Artikolu 1 (1)(b))

Il-pożizzjoni Komuni temenda l-proposta tal-Kummissjoni billi tipproponi ammont iffissat ogħla għal kull persuna risistemata skont il-prijoritajiet li għandu jasal mill-Fond minn dawk l-Istati Membri li qabel ma jkunux użaw il-Fond għal dan l-għan. Filwaqt li l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 jipprovdi li l-Istati Membri jirċievu ammont fiss ta' EUR 4000 għal kull persuna risistemata skont il-prijoritajiet stabbiliti fid-Deċiżjoni, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi ammont ta' EUR 6000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li għandhom jirċievu l-ammont fiss mill-Fond għall-ewwel darba u ammont ta' EUR 5000 għal dawk l-Istati Membri li qabel ikunu rċevew darba biss ammont fiss mill-Fond. L-iskop ta' din l-emenda hu li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li ma għamulhiex diġà, iniedu programmi ta' risistemazzjoni. B'mod ġenerali dan hu konformi mat-tir tal-Kummissjoni, partikolarment li tiżgura żieda fir-risistemazzjoni lejn l-UE minn numru akbar ta' Stati Membri.

Il-bażi legali tal-proposta

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2009 kienet ibbażata oriġinarjament fuq l-Artikolu 63 (2) (b) TEC imma l-Komunikazzjoni Omnibus dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għal proċeduri kontinwi ta' teħid ta' deċiżjonijiet interistituzzjonali indikat li l-Artikoli 78 u 80 TFUE (tal-aħħar dwar is-solidarjetà interna tal-UE) bħala bażi legali ġdida. Ir-referenza għal dan l-artikolu, flimkien mal-artikolu 78 TFUE, kienet bil-ħsieb li jkun hemm enfasi li l-għan tal-miżuri proposti kien li jiżgura "bilanċ ta' sforzi" kif imsemmi fl-ex artikolu 63 TEC. Madankollu, il-Kunsill hu tal-fehma li l-lisbonizzazzjoni korretta tal-bażi legali huwa l-art. 78 (2) (g) TFUE, u li l-art 80 TFUE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali, lanqas waħda kumplimentarja.

Fit-13 ta' Frar il-Presidenza DK ħarġet dokument b'żewġ opzjonijiet, waħda minnhom kienet biex tipproponi inklużjoni ta' premessa li tinkludi referenza għall-Artikolu 80 TFUE. Fil-15 ta' Frar, il-Coreper iddeċieda li jżomm biss l-art. 78 (2) (g) TFUE bħala l-bażi legali għall-proposta. Din il-pożizzjoni kienet ikkonfermata mill-Coreper fit-22 ta' Frar. It-test kien mibgħut biex jiġi adottat mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu.

Għalhekk mhux b'konformità mal-Komunikazzjoni Omnibus, il-Kummissjoni tista' tappoġġja li l-bażi legali tkun magħmula biss mill-art. 78 (2) (g) TFUE bħala n-noninklużjoni tal-Artikolu 80 TFUE li bħala tali ma jikkostitwixxix bażi legali, ma jaffettwax is-sostanza tal-proposta u hu konformi mat-tabelli ta' ekwivalenza tat-Trattat ta' Lisbona. Barra minn hekk, hu konsistenti mal-proposti reċenti tal-MFF fil-qasam tal-intern u li ġew adottati mingħajr ebda referenza għall-artikolu 80 TFUE. Il-premessa kif miżjuda tista' tiġi appoġġjata mill-Kummissjoni minħabba li tissottolinea l-importanza tas-Solidarjetà fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u tagħmel referenza espliċita għall-art. 80 TFUE.

4. Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-premessa li tirreferi għall-artikolu 80 TFUE u l-prinċipju ta' solidarjetà, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex toħroġ dikjarazzjoni dwar id-dritt futur tagħha ta' inizjattiva fir-rigward tal-għażla tal-bażijiet legali.

Il-Kummissjoni qablet ma’ din it-talba. It-test tad-Dikjarazzjoni huwa dan li ġej:

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni, fi spirtu ta' kompromess u sabiex tkun żgurata l-adozzjoni immedjata tal-proposta, tappoġġja t-test finali; madankollu tiġbed l-attenzjoni li dan hu mingħajr ħsara għad-dritt tagħha ta' inizjattiva fir-rigward tal-għażla tal-bażijiet legali, b'mod partikolari r-referenza għall-użu futur tal-Artikolu 80 TFUE.

5.           Konklużjoni

Il-Pożizzjoni Komuni tissodisfa l-objettiv oriġinali tal-Kummissjoni li tiżgura aktar risistemazzjoni ta' refuġjati lejn l-Unjoni Ewropea billi żżid kemm l-għadd ta' refuġjati risistemati kif ukoll l-għadd tal-Istati Membri li għandhom skemi kontinwi nazzjonali ta' risistemazzjoni. Dan jippermetti aktar risistemazzjoni strateġika lejn l-UE. Is-sostanza tall-pożizzjoni tal-Kunsill hi, għalhekk fil-biċċa l-kbira tagħha, konformi mal-proposta tal-Kummissjoni u għalhekk tista' tiġi appoġġjata.

Top