EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0023

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

/* KUMM/2012/023 finali - 2012/0005 (NLE) */

52012PC0023

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran /* KUMM/2012/023 finali - 2012/0005 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 li jikkonferma l-miżuri restrittivi meħuda sa mill-2007 u li jagħmel provvediment għal miżuri restrittivi addizzjonali kontra l-Iran sabiex ikun konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1929 (2010) u li jmur flimkien mal-miżuri mitluba mill-Kunsill Ewropew fid-Dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(2) Dawn il-miżuri restrittivi inkludew l-iffriżar tal-assi ta’ ċerti persuni u entitajiet.

(3) Il-Kunsill issa jipproponi li mal-lista ta’ persuni jew entitajiet fil-mira jżid istituzzjoni finanzjarja, li għaliha jipproponi li jintroduċi derogi speċifiċi.

(4) Għaldaqsant huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sabiex jiġu inkorporati dawn id-derogi.

2012/0005 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/.../PESK ta’ ...[1] li temenda d-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran[2],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 li jikkonferma l-miżuri restrittivi meħuda sa mill-2007 u li jagħmel provvediment għal miżuri restrittivi addizzjonali kontra l-Iran sabiex ikun konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1929 (2010) u li jmur flimkien mal-miżuri mitluba mill-Kunsill Ewropew fid-Dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(2) Dawn il-miżuri restrittivi inkludew l-iffriżar tal-assi ta’ ċerti persuni u entitajiet.

(3) Fit-23 ta’ Jannar 2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/…/PESK li biha żied istituzzjoni finanzjarja mal-lista ta’ persuni jew entitajiet fil-mira, u li għaliha jipproponi li jintroduċi derogi speċifiċi.

(4) Xi wħud minn dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant azzjoni regolatorja fuq il-livell tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5) Għaldaqsant huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sabiex jiġu inkorporati dawn id-derogi.

(6) Sabiex jiġi garantit li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan tal-aħħar għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 huwa emendat kif ġej:

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

B’deroga mill-Artikolu 16, il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 16 ma japplikawx għal:

(a) (i)       trasferiment minn jew permezz [Entità kunfidenzjali] ta’ fondi, jew riżorsi ekonomiċi rċevuti u ffriżati wara d-data tan-nomina tagħha, jew

(ii)      trasferiment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi lil jew permezz [Entità kunfidenzjali] fejn it-trasferiment huwa relatat ma’ pagament minn persuna jew entità li mhix elenkata fl-Anness VII jew VIII f'konnessjoni ma’ kuntratt ta’ negozju speċifiku,

sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti tkun iddeterminat fuq bażi ta’ każ b’każ, li l-pagament ma tkunx se tirċivieh, direttament jew indirettament, kwalunkwe persuna jew entità oħra elenkata fl-Anness VII jew VIII; jew

(b) trasferiment magħmul minn jew permezz [Entità kunfidenzjali] ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati sabiex tipprovdi lill-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri b’likwidità għall-finanzjament tal-kummerċ, sakemm it-trasferiment ikun ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU

[2]               ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

Top