Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0010

    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2011

    /* JOIN/2012/010 final */

    52012JC0010

    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2011 /* JOIN/2012/010 final */


    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2011

    Introduzzjoni

    Minn mindu l-Makaw għadda għand iċ-Ċina Kontinentali 12-il sena ilu, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha segwew mill-qrib l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw (SAR). Sabiex iżżomm l-impenn li tat lill-Parlament Ewropew fl-1999, jinħareġ rapport annwali dwar l-iżviluppi fil-Makaw. Dan huwa l-għaxar rapport, u jkopri l-iżviluppi fl-2011.

    Ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Makaw huma msejsin fuq valuri komuni, wirt Ewropew u interess komuni fl-ekonomija, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kultura. Matul l-2011, ir-relazzjonijiet bilaterali żviluppaw aktar fi ħdan il-qafas tal-Ftehim għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ffirmat fl-1992.

    L-UE tagħraf l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" matul l-2011 skont il-Liġi Bażika tal-Makaw SAR. Id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-poplu tal-Makaw b'mod ġenerali ġew rispettati. L-UE tispera li tara aktar progress lejn aktar demokrazija fil-Makaw fil-qafas tal-Liġi Bażika tagħha u x-xewqat tal-poplu tal-Makaw.

    Żviluppi politiċi

    L-2011 kienet it-tieni sena minn mindu ħa l-kariga Fernando Chui, il-Kap Eżekuttiv tal-Makaw. Fid-diskors annwali tiegħu dwar il-politika, li huwa għamel fil-15 ta' Novembru, Fernando Chui saħaq li t-titjib fl-għajxien tan-nies għadu l-ewwel prijorità tal-amministrazzjoni tiegħu. Hu enfasizza wkoll miżuri ta’ politika biex jiddiversifikaw l-ekonomija tal-Makaw. Għall-ewwel darba, huwa żvela pjanijiet għal riforma politika li se jkunu introdotti b’mod kostanti u ordnat.

    Fis-17 ta' Novembru l-Gvern tal-Makaw SAR talab lill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu biex jinterpreta l-Liġi Bażika biex jippermetti modifiki fil-metodu ta’ formulazzjoni tal-ħames Assemblea Leġiżlattiva fl-2013 u fil-metodu ta' selezzjoni tal-Kap Eżekuttiv fl-2014. Wara kjarifiki proċedurali li waslu fi tmiem is-sena 2011, is-Segretarju għall-Amministrazzjoni u l-Ġustizzja, Florinda Chan bdiet il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika biex tiġbor il-fehmiet tal-opinjoni pubblika sabiex temenda s-sistema politika tal-Makaw.

    Fl-2011, infetaħ l-Uffiċċju Ekonomiku u Kulturali tal-Makaw fit-Tajwan. Fil-Makaw, it-Tajwan fetaħ Uffiċċju Ekonomiku u Kulturali ta’ Tajpej. L-Uffiċċji għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni u l-iskambji fl-ekonomija, il-kummerċ, it-turiżmu, u l-kultura bejn it-Tajwan u l-Makaw.

    Żviluppi ekonomiċi

    Fl-2011, l-ekonomija tal-Makaw esperjenzat tkabbir sostanzjali. L-PDG żdied minn 21,8%[1] f'termini reali għall-ewwel tliet kwarti, xprunat mis-setturi tal-logħob tal-ażżard u tat-turiżmu li qed jiffjorixxu kif ukoll mir-ritorn tal-infiq fl-investiment. Flimkien mal-influssi kontinwi ta' turisti, id-dħul mil-logħob tal-ażżard tela' għal rekord ġdid fil-livell ta’ 269 biljun patakas[2] fl-2011, żieda ta' 42% mill-2010. Il-wasliet ta’ viżitaturi kibru bi 12% sabiex laħqu t-28 miljun fl-2011 b'viżitaturi miċ-Ċina Kontinentali jirrappreżentaw 58% tal-bażi tat-turiżmu tal-Makaw, u pprovdew l-aktar impetu maġġuri għat-tkabbir mgħaġġel tal-ekonomija tal-Makaw. Il-Makaw kompla jkun l-akbar suq tal-każinos fid-dinja b'daqs li ferm jaqbeż lill-eqreb kompetituri tiegħu.

    Biex jibbenefikaw minn din l-espansjoni turistika, l-iżviluppaturi ppjanaw li jibnu aktar resort-casinos fil-Makaw. Mit-tielet kwart tal-2011, b’kollox kien hemm 32-il proġett għal lukandi ġodda li qed jinbnew u/jew għaddejjin minn proċeduri ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet relevanti[3]. Ġaladarba jitlestew, aktar minn 24 000 kamra iridu jiżdiedu man-numru attwali ta’ 22 356 kamra. Biex jitrażżan it-tkabbir eċċessiv tal-każinòs, il-Gvern tal-Makaw SAR stqarr li n-numru ta’ mwejjed tal-logħob għandu jasal sa 5 500 sal-2013, u mbagħad jiġi limitat għal tkabbir ta' 3% kull sena.

    Bħala riżultat tal-espansjoni rapida tal-industriji tas-servizzi, il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema saret aktar akuta minn qabel. Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 2,1% fir-raba' kwart tal-2011, l-anqas fl-aħħar deċennju. Il-Makaw kompla dejjem aktar iserraħ fuq ħaddiema u professjonisti impurtati biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-ekonomija li qed tikber tagħhom. Sa tmiem l-2011, in-numru ta' ħaddiema mhux residenti tela’ għal 94 028 minn 75 000 fl-2010, li jirappreżenta 28% tal-forza tax-xogħol totali. Is-settur korporattiv qed issejjaħ għal reġim tal-importazzjoni tax-xogħol aktar dinamiku u flessibbli biex itaffi n-nuqqas ta’ kemm ħaddiema mhux imħarrġa kif ukoll ħaddiema professjonali.

    Ir-rata tal-inflazzjoni żdiedet malajr minn 2,8% fl-2010 għal 5,8% fl-2011. Biex jittejjeb l-għajxien tal-poplu u jgħin fil-ġlieda kontra l-inflazzjoni, il-Gvern tal-Makaw SAR kompla jipprovdi diversi sussidji ta’ għajnuna u tqassim dirett ta’ flus lir-residenti kollha. Din il-miżura ilha fis-seħħ mill-2008.

    Id-diversifikazzjoni tal-ekonomija tibqa’ sfida ewlenija. Il-logħob tal-ażżard kompla jespandi b’rata mgħaġġla u baqa’ l-akbar settur tax-xogħol, u jimpjega 21% tal-forza tax-xogħol totali tal-Makaw. It-taxxa mill-logħob tal-ażżard ikkontribwiet għal 83,5% tad-dħul fiskali fl-2011, meta mqabbla ma’ 72% fl-2007[4]. Sar xi titjib f’setturi oħra mhux tal-logħob tal-ażżard bħall-LIKW (Laqgħat, Inċentivi, Konvenzjonijiet u Wirjiet ), industriji kreattivi u kulturali. Ħafna sforzi għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Makaw tmexxew mill-gvern, inkluż l-organizzazzjoni ta’ diversi fieri u fora kummerċjali fuq skala kbira. Is-setturi tal-lukandi, tar-ristoranti u tal-bejgħ bl-imnut kellhom prestazzjoni tajba wkoll is-sena l-oħra

    L-integrazzjoni reġjonali hija prijorità ewlenija għall-Makaw. Il-Makaw kompla jrawwem integrazzjoni ulterjuri mar-Reġjun tad-Delta tax-Xmara tal-Perli u qed joħloq għalih innifsu pożizzjoni ta’ prestiġju bħala pont bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż taħt il-Forum għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali tal-Makaw. L-irwol tal-Makaw ġie enfasizzat f’kapitolu apposta tat-12-il Pjan fuq Perjodu ta’ Ħames Snin taċ-Ċina. Iċ-Ċina ntrabtet li tappoġġja lill-Makaw biex tkun ċentru tat-turiżmu u r-rikreazzjoni internazzjonali, pjattaforma għan-negozju u l-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi Lużofoni. Iċ-Ċina wkoll tappoġġja d-diversifikazzjoni moderata tal-ekonomija tal-Makaw. Il-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni bejn Guangdong u l-Makaw ġie ffirmat immedjatament wara li ġie żvelat it-12-il Pjan fuq Perjodu ta’ Ħames Snin f'Marzu 2011. Il-Ftehim ifittex li jsaħħaħ l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-Makaw u Guangdong, jiffaċilita d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Makaw u jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Arranġmanet għal Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib (CEPA) maċ-Ċina. Is-Suppliment VIII tas-CEPA kien iffirmat fl-14 ta' Diċembru 2011.

    Hengqin (li jinsab f’Zhuhai, fiċ-Ċina kontinentali) huwa proġett ta’ żvilupp ewlieni bejn il-Makaw, il-muniċipalità ta’ Zhuhai u l-provinċja ta’ Guangdong taħt il-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni bejn Guangdong u l-Makaw. Hija meqjusa bħala żona eżemplari għal mezz ġdid ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet provinċjali u l-Makaw SAR. Kilometru kwadru tal-plott li l-Makaw kera lil Hengpin se jintuża mill-Università tal-Makaw filwaqt li l-bqija tal-4km2 se jintużaw biex jiġu żviluppati industriji ġodda. In-negozju Ewropew esprima interess qawwi f’din l-aħħar parti ta' Hengqin. Iż-żona mikrija se titmexxa taħt il-ġurisdizzjoni tal-Makaw, u bħalissa qed isir ippjanar aktar dettaljat. Il-Gvern tal-Makaw SAR elimina l-possibbiltà ta’ aktar bini ta’ każinòs fuq din l-estensjoni ġeografika tar-SAR.

    Il-Makaw għamel progress notevoli fl-estensjoni tan-netwerk ta’ ftehimiet dwar skambju ta' informazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ taxxa. Fl-2011, il-Makaw ikkonkluda tmien ftehimiet ta’ informazzjoni dwar it-taxxa u protokoll wieħed ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja li jipprovdu għal skambju ta' informazzjoni mal-imsieħba kummerċjali tiegħu. Preċedentement, il-Makaw kien diġà kkonkluda ħames ftehimiet dwar it-taxxa doppja, għalhekk issa qabeż il-limitu ta’ 12-il ftehim dwar it-taxxa relevanti meħtieġa mill-G-20 (6 mal-Istati Membri tal-UE). L-isforzi tal-Makaw biex jistabbilixxi ftehimiet għal standard maqbul internazzjonalment ġew debitament rikonoxxuti mill-Forum Globali tal-OKŻE dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni fir-Rapport ta' Reviżjoni bejn il-Pari tal-Fażi I tiegħu.

    Fir-rigward tal-kummerċ bejn l-UE u l-Makaw, il-flussi bilaterali tal-kummerċ tal-merkanzija nqelbu mill-2008, bl-UE tesporta aktar lejn il-Makaw milli bil-kontra. Din ix-xejra irriżultat minn tnaqqis fil-bażi ta' manifattura tal-Makaw u d-domanda robusta għal oġġetti impurtati. Fl-ewwel disa’ xhur tal-2011, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Makaw telgħu b'68% għal EUR 247 miljun filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE mill-Makaw ammontaw għal EUR 60 miljun[5]. L-UE kienet it-tieni l-akbar fornitur ta’ importazzjonijiet tal-Makaw wara ċ-Ċina, u tirrappreżenta 24% tal-importazzjonijiet totali tiegħu fl-2011[6]. Fir-rigward tal-investiment, kien hemm 54 kumpanija li oriġinaw mill-UE li ġew stabbiliti fil-Makaw[7]; aktar minn nofshom kienu fin-negozju tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, il-bqija ġew minn istituzzjonijiet finanzjarji, tat-trasport, tal-komunikazzjonijiet, u kumpanniji tal-produzzjoni industrijali. Il-kmamar tan-negozju tal-UE fil-Makaw qegħdin ukoll isiru dejjem aktar attivi.

    Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw

    Matul l-2011 ir-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw komplew jiġu żviluppati u jibnu fuq bażi solida diġà stabbilita. Il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Makaw, inkluża l-kooperazzjoni f'oqsma sostantivi ġodda, ta' interess komuni, tibqa’ għan ewlieni għaż-żewġ partijiet. Dan kien ikkonfermat mill-ġdid b'diskussjonijiet kostruttivi waqt il-Laqgħa annwali tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Makaw, li saret fid-29 ta’ Ġunju 2011 fil-Makaw.

    Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, iż-żewġ naħat irrevedew l-aħħar żviluppi fir-relazzjoni tagħhom, inkluż fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment. Iż-żewġ naħat qiesu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni eżistenti, inklużi l-Programm ta’ Kooperazzjoni Legali u l-programm ta’ taħriġ li għaddej għall-interpreti tal-Makaw, kif ukoll l-attivitajiet varji fil-Makaw taħt il-Programm tal-UE għall-Informazzjoni dwar in-Negozju għal Ħong Kong u l-Makaw (EUBIP). Iż-żewġ partijiet aġġornaw lil xulxin dwar l-istat ta' kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa u dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ possibilitajiet għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tfaddil.

    Kien hemm ukoll skambju produttiv dwar kwistjonijiet sostantivi oħra ta' interess komuni, inklużi l-edukazzjoni, l-iskambji kulturali u l-protezzjoni ambjentali u r-rieda li jiġu esplorati dawn l-oqsma bħala oqsma possibbli għal kooperazzjoni fil-futur. L-UE ħeġġet lill-Makaw sabiex jidħol fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO. Il-progress li sar f’dawn l-oqsma l-ġodda juri t-tkabbir fir-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Makaw.

    Fid-29 ta' Ġunju, fil-marġini tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, ġie ffirmat il-Ftehim Orizzontali bejn il-Makaw u l-Unjoni Ewropea dwar Ċerti Aspetti ta’ Servizzi tal-Ajru. Dan immarka tisħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

    L-attivitajiet tal-EUBIP fil-Makaw, kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea u taħt il-ġestjoni tal-Kamra Ewropea tal-Kummerċ (ECC) f'Ħong Kong, komplew jiżdiedu fl-għadd u saru ħafna aktar diversi. L-EUBIP ikompli jkun suċċess bħala kanal għal żieda fil-ftehim bejn il-komunitajiet tan-negozju tal-UE u l-Makaw. Matul l-2011, ingħatat prijorità lill-kriżi tad-dejn sovran fl-Ewropa, is-CEPA u r-relazzjonijiet ta' kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina kollha kemm hi, kif ukoll il-parteċipazzjoni f’żewġ avvenimenti annwali ewlenin fil-Makaw (il-MIF u l-MIECF). Il-parteċipazzjoni tal-UE flimkien mal-Istati Membri tal-UE u n-negozji Ewropej b'paviljun konġunt tal-UE f’dawn iż-żewġ avvenimenti irriżulta f'żieda sinifikanti fil-viżibilità għall-UE, u pprovdiet ukoll pjattaforma għal netwerking tajjeb għall-Makaw u viżitaturi miċ-Ċina Kontinentali, u għall-esibizzjoni ta’ negozji tal-UE. L-EUBIP attira appoġġ u parteċipazzjoni qawwija mill-kmamar tan-negozju tal-Istati Membri tal-UE għall-attivitajiet tiegħu fil-Makaw. Madankollu, parteċipazzjoni aktar diretta tal-industrija bbażata fil-Makaw fil-kunsilli tan-negozju tal-EUBIP għal diversi setturi tal-industrija tista’ tikkontribwixxi għal identifikazzjoni u ftehim aħjar tat-tħassib u l-interessi speċifiċi tan-negozju.

    L-UE u l-Istati Membri tal-UE akkreditati għat-territorju żiedu l-isforzi pubbliċi diplomatiċi, bil-għan li jintensifikaw aktar ir-rabtiet mal-Makaw, itejbu l-kuntatti bejn il-persuni u jippromwovu l-iskambji edukattivi bejn il-fakultajiet u l-istudenti anke permezz tal-programm Erasmus Mundus. L-UE kompliet tappoġġja l-katedra ta’ Jean Monnet fl-Università tal-Makaw, li kompliet torganizza b’suċċess ħafna konferenzi Jean Monnet matul is-sena. Id-djalogu interkulturali ġie msaħħaħ aktar bl-esibizzjoni konġunta Ewropea ta' ritratti ta’ siti rikonoxxuti mill-UNESCO.

    Lejn tmiem l-2011, l-UE nediet sejħa għal proposti għal Programm Akkademiku tal-UE fil-Makaw li se jdum mill-2012 sal-2015. L-għan ewlieni huwa li jiġu żviluppati attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tittejjeb il-viżibilità tal-UE u tissaħħaħ il-kooperazzjoni akkademika ma’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla tal-UE, inkluż l-inkoraġġiment ta’ aktar akkademiċi u studenti sabiex iwettqu riċerki u studji dwar kwistjonijiet relatati mal-UE.

    L-2011 rat aktar kooperazzjoni biex jiżdied in-numru tal-interpreti kwalifikati disponibbli għall-awtoritajiet tal-Makaw biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni Ċiniża-Portugiża bilingwi tagħhom. Taħt il-programm, it-taħriġ tal-interpreti jseħħ fil-Makaw u fi Brussell fuq perjodu ta’ ħames xhur.

    L-UE se tkompli tkabbar ir-relazzjoni tagħha mal-Makaw SAR, iżżid ir-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali, ittejjeb il-kooperazzjoni man-negozji u s-soċjetà ċivili u tippromwovi l-mobbiltà u l-iskambji mal-poplu tal-Makaw. L-iskambji u d-djalogi diversi bejn l-UE u l-Makaw huma mistennija li jissoktaw fl-2012. B’mod partikulari, l-UE tistenna żieda f'attivitajiet relatati ma' skambji kulturali u kwistjonijiet akkademiċi.

    [1]               Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dejta ekonomika kollha li tappartjeni għall-Makaw huma statistiki uffiċjali rilaxxati mis-Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    [2]               Sors: L-Uffiċċju għall-Ispezzjoni u l-Koordinament tal-Logħob tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    [3]               Sors: L-Uffiċċju tal-Artijiet, tax-Xogħlijiet Pubbliċi u tat-Trasport tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    [4]               Sors: Uffiċċju tas-Servizzi Finanzjarji tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    [5]               Sors: Eurostat, fit-12 ta’Jannar 2012.

    [6]               Sors: Statistiċi tal-kummerċ tal-merkanzija esterni, Servizz tal-Istatistiċi u taċ-Ċensiment tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    [7]               Sors: Statistika tal-2010 dwar l-Investiment Dirett, Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tal-Makaw SAR.

    Top