Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0578

    Kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Diċembru 2011 dwar l-kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan (2011/2014(INI))

    ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 55–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 168/55


    Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2011
    Kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan

    P7_TA(2011)0578

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan (2011/2014(INI))

    2013/C 168 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, partikularment ir-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 dwar l-Istabilizzazzjoni tal-Afganistan (1), ir-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar il-kontroll baġitarju tal-fondi tal-UE fl-Afganistan (2), ir-riżoluzzjoni tal-24 ta’ April 2009 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan (3), u r-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar strateġija ġdida għall-Afganistan (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 tat-23 ta’ April 2009 (5) u għas-sena finanzjarja 2008 tal-5 ta’ Mejju 2010 (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw (7),

    wara li kkunsidra l-Konferenza ta’ Kabul fl-20 ta’ Lulju 2010, fejn id-donaturi qablu li jallinjaw il-programmi tagħhom aħjar u jimpenjaw irwieħhom għall-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, kif ukoll il-Konferenza ta’ Londra fit-28 ta’ Jannar 2010 fejn id-donaturi qablu li jistabbilixxu Uffiċju ta’ Sorveljanza Suprema indipendenti u li jgħaddu aktar għajnuna għall-iżvilupp via l-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan (GIRoA), bl-appoġġ ta’ riformi strutturali u baġitarji,

    wara li kkunsidra t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsjiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-7 ta’ Settembru 2010 u t-22 ta’ Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ‘L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti’,

    wara li kkunsidra r-rapporti ta’ awditjar tal-Ispettur Ġenerali Speċjali għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR),

    wara li kkunsidra r-rapporti ta’ awditjar tal-Uffiċċju tar-Responsabbilizzazzjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti (GAO) dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra r-rapporti ta’ awditjar tal-Ispettur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-Istati Uniti (USAID) dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra r-rapport finali lill-Kungress tal-Istati Uniti bit-titolu ‘Nitrasformaw l-Għoti tal-Kuntratti waqt Żminijiet ta' Gwerra’ tal-Kummissjoni dwar l-Għoti tal-Kuntratti fl-Iraq u l-Afganistan,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ liġi ta’ Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Afgan,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Messiku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI) dwar l-Indipendenza tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, kif approvata fl-2007,

    wara li kkunsidra l-‘Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Afganistan u l-Pakistan’, adottat mill-Kunsill fis-27 ta’ Ottubru 2009, u r-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu ippubblikati darbtejn f’sena,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2011/23 tal-Bord Eżekuttiv tal-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Uffiċċju tan- Nazzjonijiet Uniti għas-Servizzi tal-Proġetti adottata fis-sessjoni annwali tiegħu tal-2011 (mis-6 sas-17 ta’ Ġunju 2011),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0388/2011),

    A.

    billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar strateġija ġdida għall-Afganistan identifikat diversi kwistjonijiet li jqajmu tħassib fir-rigward tal-kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan,

    B.

    billi, skont l-organizzazzjoni Integrity Watch, fl-Afganistan tħallsu aktar minn USD 1 biljun f’tixħim fl-2009,

    C.

    billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-effikaċja għan-nefqa tal-implimentazzjoni tal-Baġit Ġenerali tal-UE,

    D.

    billi l-prinċipji tar-responsabbilizzazzjoni u t-trasparenza tal-fondi pubbliċi huma fundamentali għad-demokrazija,

    E.

    billi l-Afganistan huwa wieħed mill-aktar pajjiżi li qed jirċievu għajnuna ċivili mill-Baġit Ġenerali tal-UE,

    F.

    billi l-Kummissjoni Ewropea impenjat aktar minn EUR 2 biljun u ħarġet aktar minn EUR 1.8 biljun f’għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja għall-Afganistan sa mill-2002,

    Benefiċċji u żvantaġġi tal-mezzi ta’ finanzjarjament differenti għall-għoti ta’ għajnuna lill-Afganistan

    1.

    Itenni li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mezzi ta’ finanzjament differenti meta tonfoq il-fondi tal-UE fl-Afganistan; ifakkar li l-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan (GIRoA) ma jirċevix appoġġ baġitarju (settorjali) dirett mill-Baġit Ġenerali tal-UE;

    2.

    Jinnota li kull wieħed minn dawn il-mezzi ta’ finanzjament għandu l-benefiċċji u l-iżvantaġġi speċifiċi tiegħu fir-rigward ta’ objettivi tal-infiq speċifiċi kif muri fit-tabella fin-nota spjegattiva;

    3.

    Hu tal-fehma li l-ebda mezz ta’ finanzjament m’għandu jiġi eskluż għax kollha għandhom benefiċċji u żvantaġġi speċifiċi; iqis li jeħtieġ li l-għajnuna tkun diversifikata biex il-ħtiġijiet individwali jiġu indirizzati permezz tal-mezz ta’ finanzjament adegwat;

    4.

    Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi appoġġ baġitarju dirett fl-Afganistan taħt kundizzjonijiet rigorużi u ddefiniti sew, hekk kif l-istabilità makroekonomika meħtieġa u ġestjoni finanzjarja affidabbli suffiċjenti jkunu fis-seħħ, għax dan hu l-aqwa strument għall-bini tal-kapaċità fl-amministrazzjoni Afgana; jemmen li dan jista’ jwassal għall-kisba ta’ riżultati sostenibbli b’orjentament fit-tul;

    5.

    Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kapaċità tal-ministerji tal-GIRoA, u jemmen li l-appoġġ baġitarju jista’ jibda b’ammonti limitati applikati taħt kundizzjonijiet rigorużi u ddefiniti sew; jinnota l-eżempju ta’ pajjiżi donaturi oħra li introduċew appoġġ baġitarju settorjali għal dawk il-ministerji Afgani li laħqu l-parametri referenzjarji għar-responsabbilizzazzjoni u t-trasparenza; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi appoġġ baġitarju taħt kundizzjonijiet rigorużi u ddefiniti sew mhux biss fil-livell ċentrali imma wkoll dak provinċjali u lokali, hekk kif jintlaħqu il-kundizzjonijiet u l-kriterji meħtieġa, għax dan iżid l-iżvilupp tal-kapaċità fil-livelli governattivi kollha; jemmen li d-diversifikazzjoni koordinata tal-appoġġ baġitarju għal-livell amminstrattivi differenti ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni vis-à-vis dawk l-entitajiet u tagħmel lill-Kummissjoni aktar indipendenti fir-relazzjonijiet tagħha ma' kwalunkwe entità waħda; jinnota li din id-diversifikazzjoni m’għandhiex iddgħajjef ir-rwol u r-responsabilità tal-gvern ċentrali, u li għaldaqstant tirrikjedi l-approvazzjoni tiegħu;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, li l-appoġġ baġitarju potenzjali ġejjieni jkun jiddependi fuq kundizzjonijiet rigorużi u ddefiniti sew, li jkunu ċari u li jistgħu jitkejlu; hu tal-fehma li dawn l-objettivi jridu jimmiraw li jiksbu riżultati li jistgħu jiġu evalwati permezz ta’ indikaturi u parametri referenzjarji ddefiniti minn qabel dwar ir-responsabbilizzazzjoni u t-trasparenza; jenfasizza li mill-bidu għandhom jiġu ddefiniti xenarji ta' referenza li jivvalutaw il-progress futur; iqis li f’dan il-kuntest, il-mekkaniżmi sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-frodi huma importantissmi; jistqarr li l-effikaċja ta' miżuri tal-politika tal-iżvilupp fil-pajjiżi sħab għandha tiġi ċċekkjata wkoll abbażi ta' kriterji lokali; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza fundamentali ta’ taħriġ għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku, partikolarment il-forzi tas-sigurtà u l-pulizija;

    7.

    Itenni li l-Parlament għandu rwol ta’ sorveljanza u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi dawn il-passi b’mod trasparenti billi tagħmel disponibbli pubblikament:

    il-ftehimiet konklużi mal-GIRoA;

    il-linja ta’ referenza, l-indikaturi, il-miri, il-metodi ta’ kalkolu u s-sorsi tal-awditjar għall-valutazzjoni tal-progress u biex jiddeterminaw id-deċiżjonijiet għat-tqassim ta’ partijiet varjabbli u bbażati fuq il-prestazzjoni tal-appoġġ baġitarju potenzjali ġejjieni;

    rapporti ċari u standardizzati li jivvalutaw il-progress – b’mod oġġettiv u trasparenti – abbażi tal-kriterji ddefiniti u, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet għalfejn il-progress ma jkunx inkiseb skont il-pjanijiet inizjali;

    Responsabbilizzazzjoni u sorveljanza tal-fondi tal-UE fl-Afganistan

    Nuqqasijiet rappurtati mill-awdituri

    8.

    Jinnota r-rapport ta’ awditjar riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar il-fondi tal-UE mgħoddija permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti, li jkopri wkoll l-Afganistan; jiddeplora n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-proġetti fl-Afganistan identifikati mill-QEA li huma:

    nuqqasijiet fit-tfassil tal-proġetti li jwasslu għal proġetti mhux sostenibbli u mhux effettivi;

    il-fatt li r-rapporti tal-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Kummissjoni jaslu tard, huma ġenerali wisq, u jiffukaw fuq l-attivitajiet aktar milli fuq ir-riżultati u ma jippermettux lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni adegwata tal-effiċjenza ta’ proġett speċifiku;

    dewmien frekwenti fil-proġetti li huwa l-frott ta’ skadenzi mhux realistiċi;

    9.

    Jinsab imħasseb dwar rapporti ta’ entitajiet oħra tal-awditjar bħall-Ispettur Ġenerali Speċjali għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR) tal-Istati Uniti, l-Uffiċċju tar-Responsabbilizzazzjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti (GAO), il-Kummissjoni dwar l-Għoti tal-Kuntratti waqt Żminijiet ta’ Gwerra u l-Ispettur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-Istati Uniti (USAID), li identifikaw in-nuqqasijiet li ġejjin:

    riskju kbir ta’ korruzzjoni u frodi fil-pajjiż kif juri l-iskandlu tal-Kabul Bank fil-passat riċenti u r-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-Għoti tal-Kuntratti waqt Żminijiet ta' Gwerra, li stima li bejn 5 u 9 % tal-għajnuna kollha tal-Istati Uniti li ntefqet fl-Iraq u l-Afganistan kienet suġġetta għal frodi; skont ir-rapport ta’ Integrity Watch ukoll, minn aktar minn USD 1 biljun f’tixħim imħallsa mill-Afganistan fl-2009, terz intuża biex jitħallsu bosta servizzi pubbliċi (dokumentazzjoni, edukazzjoni, saħħa), u s-servizz tal-pulizija kien l-aktar wieħed korrott;

    nuqqas ta’ ħila min-naħa tal-parti l-kbira tal-ministerji Afgani li jagħtu u jġestixxu l-kuntratti minħabba rata għolja ta’ illiteriżmu u nuqqas ta’ taħriġ adegwat tal-persunal;

    bażijiet tad-data mhux affidabbli tal-Pulizija Nazzjonali Afgana (ANP), b’ċifri li jvarjaw bejn 111 774 u 125 218 uffiċjal tal-pulizija. Dan iqajjem dubju dwar il-legalità u r-regolarità tas-salarji mħallsa lill-pulizija fl-Afganistan, li huwa l-objettiv ewlieni tal-Fond Fiduċjarju għall-Ordni Pubbliku fl-Afganistan (LOTFA), li hu l-akbar proġett finanzjat mill-UE;

    riskju kbir ta’ ħela ta’ fondi kif evidenzjat mir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-Għoti ta’ Kuntratti waqt Żminijiet ta’ Gwerra, li stima li bejn l-10 u l-20 % tal-għajnuna kollha mingħand l-Istati Uniti li ntefqet fl-Iraq u l-Afganistan ġiet moħlija;

    sensiela ta’ sottokuntratturi li twassal għal dewmien u żieda fl-ispejjeż, tillimita l-eżerċizzju ta’ sorveljanza tal-kuntrattur oriġinali, u tillimita wkoll il-proporzjon ta’ Afgani li jgawdu minn dawn il-proġetti;

    finanzjament ta’ proġetti għal tul qasir ta' żmien b'ċans limitat li jkunu sostenibbli għal tul ta' żmien;

    nuqqas ta’ indipendenza totali tal-Uffiċċju ta’ Kontroll u Awditjar tal-Afganistan mill-GIRoA;

    10.

    Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha wkoll tqis in-nuqqasijiet identifikati mill-Istati Uniti u awdituri oħra mhux Ewropej li jindikaw ukoll fatturi ta’ riskju għall-proġetti ffinanzjati mill-UE, minħabba li ħafna minnhom huma l-istess jew tal-anqas simili;

    Nindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati

    11.

    Jagħraf iċ-ċirkostanzi diffiċli li fihom il-Kummissjoni trid twassal l-għajnuna f'pajjiż li ilu għexieren ta’ snin milqut mill-gwerra; jenfasizza li l-kontrolli fil-post ikollhom isiru f’kundizzjonijiet diffiċli mil-lat ta’ sigurtà; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel kontrolli u verifiki alternattivi li xorta jistgħu jsiru fil-post fil-kundizzjonjiet tas-sigurtà attwali; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet identifikati u tiffinanzja l-proġetti jekk jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    sostenibilità finanzjarja u operattiva għal tul ta’ żmien;

    titħeġġeġ is-sjieda Afgana tal-proġett sal-ogħla livell possibbli;

    il-fattur tar-riskju tal-frodi u l-korruzzjoni jkun eliminat sal-ogħla livell possibbli;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-fatturi ta’ riskju involuti rigward il-korruzzjoni, il-frodi, is-sosteniblità tal-proġetti, is-sensiela ta’ sottokuntratturi u mezzi oħra ta’ ħela u ta’ użu ħażin tal-fondi; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tkompli tindirizza dawn il-kriterji adegwatament fil-ftehimiet għall-għotjiet u l-kuntratti kummerċjali u tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli;

    13.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali għad-demokrazija li jkun hemm Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar li tkun indipendenti għalkollox – finanzjarjament u mil-lat operattiv – mill-eżekuttiv u li jkollha biżżejjed kapaċità u finanzi biex twettaq verifiki finanzjarji, tal-ottempranza u tal-prestazzjoni skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar;

    14.

    Jinsab imħasseb dwar rapporti minn diversi għejjun affidabbli u indipendenti li l-awtoritajiet Afgani fl-ogħla livell qed jostakolaw investigazzjonijiet tal-korruzzjoni minn prosekuturi Afgani kontra uffiċjali bħal pereżempju gvernaturi;

    15.

    Jiddeplora l-fatt li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdid dwar l-Uffiċċju ta' Kontroll u Awditjar xorta ma jagħtix lok għal indipendenza totali minħabba li, pereżempju, l-Awditur Ġenerali u d-deputat tiegħu jiġu maħtura mill-eżekuttiv, u mhux mil-leġiżlaturi; jindika li dan mhux konformi mad-Dikjarazzjoni tal-Messiku dwar l-Indipendenza tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tinsisti fuq l-indipendenza finanzjarja u operattiva totali tal-Uffiċċju ta’ Kontroll u Awditjar tal-Afganistan fil-leġiżlazzjoni u fuq it-tisħiħ tal-kapaċità; ifakkar lill-Kummissjoni li l-indipendenza totali, il-kapaċità suffiċjenti u l-finanzjament tal-Uffiċċju ta’ Kontroll u Awditjar għandhom jitqiesu bħala kundizzjonijiet essenzjali għall-introduzzjoni ta’ appoġġ baġitarju dirett;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-idea li twettaq żjarat ta’ kontroll u monitoraġġ b’mod konġunt mal-Uffiċċju ta’ Kontroll u Awditjar tal-Afganistan; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li jiżdiedu l-iskambji reċiproċi tal-għarfien u tal-ħiliet tat-taħriġ tal-awditjar fost l-entitajiet konċernati; jemmen li dan hu ċans sabiex titjieb il-ħila li parti tifhem lill-parti l-oħra u sabiex tinbena l-kapaċità;

    Titjib tar-responsabbilizzazzjoni tal-għajnuna mwassla permezz tal-Aġenziji tan-NU fl-Afganistan

    17.

    Ifakkar li wħud mill-aktar proġetti importanti ffinanzjati mill-Baġit Ġenerali tal-UE fl-Afganistan huma ġestiti u implimentati mill-Programm għall-Iżvilupp tan-NU (UNDP);

    18.

    Ifakkar li skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha d-dritt, jekk meħtieġ, li twettaq il-awditjar tagħha fil-post fil-bini ta' kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija li jiġġestixxi d-dħul jew l-infiq f’isem l-Unjoni;

    19.

    Ifakkar ukoll li l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni ta’ proġetti ġestiti min-NU, b’mod speċjali l-fondi fiduċjarji ta' ħafna donaturi, pereżempju billi tiġi introdotta Stqarrija ta’ Assigurazzjoni;

    20.

    Jinnota d-deċiżjoni riċenti tal-Bord Eżekuttiv tal-Programm għall-Iżvilupp tan-NU (UNDP), il-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA) u l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU (UNOPS), adottata fis-sessjoni annwali 2011 tiegħu (6 sas-17 ta’ Ġunju 2011), li l-organizzazzjonijiet donaturi intergovernattivi bħall-istituzzjonijiet tal-UE jingħataw drittijiet ta’ aċċess għar-rapporti ta’ awditjar interni simili għad-drittijiet li għandhom l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti; jemmen, madankollu, li jeħtieġ isir aktar progress biex jitjieb ir-rappurtar dwar l-użu tal-fondi tal-UE billi tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati aktar milli dwar l-azzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tistieden aġenziji oħra tan-NU jadottaw l-istess politika bħal tal-UNDP, UNFPA u l-UNOPS; jinnota b’sodisfazzjon li l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) ħa deċiżjoni li jsegwihom;

    21.

    Barra minn hekk, hu tal-fehma li għall-futur jinħtieġ approċċ aktar estiż sabiex ikun konformi għalkollox mat-talbiet ripetuti tal-Parlament għal aktar trasparenza u responsabbilizzazzjoni marbuta mal-effikaċja u l-effiċjenza; jitlob lill-QEA taħdem għal ftehim mal-aġenziji tan-NU biex isir qbil dwar standards tal-awditjar komuni li jirrispettaw għalkollox l-istandards internazzjonali tal-awditjar u li jwasslu għal Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni;

    22.

    Jiġbed l-attenzjoni fuq l-isforzi attwali tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-responsabbilizzazzjoni u l-awditjar ta’ għajnuna mogħtija f’każijiet ta’ diżastri stabbilit fil-kuntest tal-INTOSAI u mmexxi minn Membru tal-QEA (8); jappoġġa ż-żewġ objettivi ewlenin tal-Grupp:

    li jistabbilixxi gwida u prattika tajba fil-qasam tar-responsabbilizzazzjoni billi jipprovdi tagħrif trasparenti u standardizzat lill-partijiet interessati kollha (donaturi, benefiċjarji, organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs) bil-għan li finalment isawru mudell integrat wieħed tar-rappurtar;

    li jistabbilixxi gwida u prattika tajba fil-qasam tal-awditjar bil-għan li finalment jissawwar kunċett tal-awditjar wieħed, u dan ikun ifisser li kull ewro jkun ġie awditjat darba, minn awditur estern li jkun kopra l-ħtiġijiet tal-assigurazzjoni tal-partijiet interessati kollha;

    23.

    Jilqa’ l-isforzi tal-Grupp ta’ Ħidma tal-INTOSAI, u jħeġġeġ lill-Grupp ta’ Ħidma jwettaq il-mandat tiegħu fl-iskadenza stipulata; hu tal-fehma li r-riżultati jistgħu wkoll jiġu applikati f’kuntest aktar ġenerali, minħabba li ħafna mill-isfidi fir-rigward tal-għajnuna relatati mad-diżastri jeżistu wkoll fil-każ tal-għajnuna għall-iżvilupp f’żoni milquta mill-kunflitti;

    24.

    Jemmen li dan hu mod xieraq ta’ kif jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi tar-responsabbilizzazzjoni bħal dawk li esperjenzaw l-aġenziji tan-NU;

    25.

    Jistieden lill-QEA u lill-uffiċċji relevanti tan-NU, għaldaqstant, biex jibdew djalogu bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet pendenti; jenfasizza l-benefiċċji ta’ reġim tal-awditjar wieħed f’dan il-kuntest, għax dan iżid l-effiċjenza tax-xogħol ta’ awditjar; jemmen li x-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma tal-INTOSAI huwa relevanti ħafna f’dan il-kuntest u jistieden lill-QEA taħdem għal ftehim mal-uffiċċji tan-NU fuq din il-bażi;

    26.

    Ifakkar f’dan il-kuntest li l-Parlament ilu jitlob li jinħoloq fond fiduċjarju Ewropew b’diversi donaturi, u jiġbed l-attenzjoni fuq il-proposta tal-Kummissjoni li r-Regolament Finanzjarju rivedut (COM(2010)0815) għandu jipprovdu bażi legali li fuq din tkun tista’ toħloq il-fond benefiċjarju b’diversi donaturi tagħha stess; iqis li dan huwa mezz biex ikun żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ responsabbilizzazzjoni dment li l-aġenzija tan-NU li jiġġestixxu fondi benefiċjarji b’diversi donaturi mhux kollha jikkonformaw mal-istandards tal-UE għat-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni;

    Koordinament tal-isforzi tal-għajnuna tal-komunità tad-donaturi

    27.

    Jinnota li l-effikaċja u l-koordinament tal-għajnuna tal-azzjoni tad-donaturi fl-Afganistan huma mfixkla sturtturalment mill-fatt li ħafna donaturi għandhom tendenza li jimmiraw għal riżultati għal żmien qasir mingħajr allinjament suffiċjenti mal-ħtiġijiet tal-GIRoA u tal-poplu tal-Afganistan; jinnota li l-preferenza ġeografika stretta marbuta mal-preżenza tat-truppi u mad-diviżjoni reġjonali min-naħa tal-pajjiżi donaturi ma jgħinux il-koordinament tad-donaturi, u jżidu r-riskju ta’ duplikazzjonijiet u ta’ ineffiċjenti tal-assistenza finanzjarja;

    28.

    Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE fl-Afganistan u l-Pakistan, ir-rappurtar semestrali relatat, il-Blue Book 2009 tal-Kummissjoni Ewropea, li jinkludi l-għajnuna kollha mill-Baġit Ġenerali tal-UE u mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, u l-ħatra riċenti – b’kariga doppja – tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE/Rappreżentant Speċjali tal-UE; jemmen li dawn huma passi tajba għal koordinament aħjar tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

    29.

    Jantiċipa li l-ħolqien tal-SEAE (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna) se jwassal għal koordinazzjoni u interazzjoni aħjar, kif ukoll trasparenza akbar fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-UE u użu aktar sostenibbli u effikaċi tal-fondi tal-UE fl-Afganistan; jistenna wkoll li r-responsabilitajiet fi ħdan id-Delegazzjoni tal-UE jkunu stabbiliti b’mod ċar;

    30.

    Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi biex tikkoordina l-għajnuna mhux biss mal-Istati Membri iżda wkoll mad-donaturi internazzjonali l-oħra, pereżempju billi jadottaw approċċi settorjali (SWAps) konġunti biex jikkumplimentaw l-approċċ ġeografiku; jenfasizza r-rwol importanti tal-Missjoni ta’ Assistenza fl-Afganistan tan-Nazzjonijiet Uniti (UNAMA) u tal-Ministeru tal-Finanzi Afgan f’dan il-kuntest;

    31.

    Jenfasizza l-fatt li l-investimenti tal-komunità internazzjonali fl-Afganistan iridu jkunu allinjati mal-ħtiġijiet tal-GIRoA u tal-poplu tal-Afganistan;

    Titjib fir-rappurtar

    32.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament talab lill-Kummissjoni (9) tissottomettilu rapport annwali dwar l-Afganistan li jkun jinkludi evalwazzjoni dettaljata tal-effikaċja u l-impatt tal-għajnuna, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li tidentifika b’mod ċar il-proporzjon ta’ għajnuna mmonitorjata, in-nuqqasijiet identifikati u l-miżuri meħuda; itenni din it-talba u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament li tippreżentalu rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna u l-kontroll tagħha fl-Afganistan;

    33.

    Iqis il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni tal-użu tal-fondi tal-UE u li l-Istati Membri tal-UE u donaturi oħra jiġu megħjuna jevitaw żbalji komuni; jitlob, għaldaqstant lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli pubblikament ir-rapporti tal-Missjonijiet ta’ Monitoraġġ Orjentat fuq ir-Riżultati (ROM) tagħha, missjonijiet ta' awditjar mwettqa fuq fondi tal-UE mgħoddija permezz tal-aġenziji tan-NU u rapporti oħra ta' awditjar u ta’ evalwazzjoni;

    Sfidi għall-ġejjieni

    34.

    Jinnota l-istqarrija riċenti tal-President tal-Istati Uniti li sas-sajf tal-2012 se jirtira madwar terz tat-truppi Amerikani u li sal-2014 se jgħaddi r-responsabilità lill-forzi tas-sigurtà Afgani; ifakkar l-importanza ta’ sitwazzjoni tas-sigurtà stabbli għal monitoraġġ tajjeb tal-fondi tal-UE, u li l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan ħżienet diġà għamilha diffiċli għall-Kummissjoni u għall-organizzazzjonijiet l-oħra biex jagħmlu żjarat ta’ kontroll għall-għarrieda fl-Afganistan;

    35.

    Jenfasizza l-fatt li l-irtirar ta’ truppi jista’ jkollu effett negattiv fuq l-ekonomija tal-Afganistan; ifakkar li l-parti l-kbira tal-baġit Afgan u tal-PDG tal-Afganistan hija derivata minn għajnuna barranija; jinnota li l-irkupru ekonomiku huwa kruċjali għall-iżvilupp ġenerali tal-Afganistan; iqis li l-għajnuna ċivili għall-Afganistan se ssir iktar importanti b’riżultat tat-tnaqqis fl-għajnuna militari;

    36.

    Hu tal-fehma li dan jista’ wkoll jipprovdi opportunità biex ir-riżorsi skarsi disponibbli jiġu allokati lil dawk il-proġetti li għandhom l-akbar ċans li jiksbu riżultati għal żmien twil; itenni l-ħtieġa ta’ aktar sostenibilità ekonomika għall-proġetti, u jemmen li dan jevita l-pressjoni fuq id-donaturi biex iqassmu l-fondi disponibbli bħalissa u li dawk li jirċievu l-għajnuna jimplimentaw proġetti li ma jkollhomx perspettiva għal żmien twil;

    37.

    Hu tal-fehma li s-soċjetà ċivili u d-deputati parlamentari jeħtieġ li jkunu involuti f'kull stadju tal-implimentazzjoni, tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tar-riżultati, u li dan ir-rekwiżit għandu jkun kriterju deċiżiv ta' eliġibiltà għall-appoġġ baġitarju;

    38.

    Iqis li sforz kontinwu u ikbar mill-komunità internazzjonali biex titjieb il-kapaċità u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali għall-futur tal-Afganistan; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward u jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv u sod mal-GIRaA sabiex ikun żgurat li ġudikatura effiċjenti u indipendenti tibqa’ objettiv komuni għall-atturi kollha involuti fl-iżvilupp tal-Afganistan;

    39.

    Jenfasizza li l-miżuri tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma parti importanti ħafna mill-proċess tal-paċi fl-Afganistan, meta wieħed jikkunsidra li l-korruzzjoni twassal biex jintilfu l-fondi, tillimita l-aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi bħas-saħħa jew l-edukazzjoni u toħloq ostaklu enormi għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż; barra minn hekk il-korruzzjoni tnaqqas il-kunfidenza fis-settur pubbliku u l-gvern kif ukoll tipperikola b’mod serju l-istabilità nazzjonali; iħeġġeġ lill-UE biex tagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni fit-twassil tal-għajnuna lill-Afganistan;

    40.

    Imħasseb ħafna dwar il-proporzjon kbir ta’ għajnuna internazzjonali mitlufa matul il-proċess ta’ distribuzzjoni u jinnota li hemm erba' kawżi għal dan: il-ħela, l-ispejjeż intermedjarji u ta’ sigurtà eċċessivi, il-kontijiet esaġerati u l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja l-ispejjeż u l-effikaċja tal-għajnuna kollha tal-UE lill-Afganistan, bil-għan li jkun żgurat li din tintuża b'mod aktar effiċjenti;

    41.

    Iqis li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan hu sfida ġejjiena kbira għar-rikostruzzjoni tal-Afganistan u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-komunità internazzjonali, strateġija li tiżgura s-sigurtà għall-Afganistan u li tistimula ekonomija awtosostenibbli, inter alia bl-għan li jkun possibbli kontrol xieraq fuq l-għajnuna;

    42.

    Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa huma meqjusa bħala kwistjonijiet kruċjali kemm fl-istrateġija tal-iżvilupp nazzjonali u fid-dokument dwar l-istrateġija nazzjonali 2007-2013 tal-Gvern Afgan, li jirreferu għall-integrazzjoni tal-ġeneru tal-ġejjieni;

    Fehma mill-perspettiva tal-politika tal-affarijiet barranin

    43.

    Itenni l-impenn tal-UE li tkompli tappoġġa l-Afganistan; jenfasizza li l-għan ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE lill-Afganistan għandu jkun li jgħin fl-iżvilupp sostenibbli fit-tul tal-pajjiż, inkluż titjib fl-istandards soċjoekonomiċi, jiffaċilita l-ħolqien tal-impjiegi u l-proliferazzjoni tal-SMEs, isaħħaħ il-qasam edukattiv, u jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-fatt li l-għajnuna għandha tiffaċilita aktar il-bini tal-kapaċità fl-amministrazzjoni pubblika, isaħħaħ l-istat tad-dritt u tnaqqas il-korruzzjoni, biex b'hekk tiffaċilita t-trasferiment tal-qasam tas-sigurtà lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan (GIRoA); jirrakkomanda li parti mill-għajnuna finanzjarja lill-Afganistan tkun allokata għall-pjan ta' ħames snin għat-tneħħija gradwali tal-kultivazzjoni tal-oppju billi tkun sostitwita minn uċuħ alternattivi; jenfasizza l-ħtieġa li tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni subreġjonali permezz ta’ assistenza fi kwistjonijiet ta' natura transkonfinali;

    44.

    Itenni l-ħtieġa urġenti li tiżdied l-effiċjenza tal-għajnuna, minħabba li ħafna indikaturi tal-iżvilupp għadhom mhumiex qed juru titjib sinifikanti, u l-korruzzjoni u l-katina twila tad-distribuzzjoni tal-għajnuna internazzjonali għadhom ostakoli ewlenin għall-forniment ta' servizzi essenzjali lill-poplu; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti finanzjarji disponibbli, inkluż l-istrument futur tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE meta dan jiġi stabbilit, b’mod effiċjenti li jiggarantixxi l-forniment ta’ servizzi essenzjali lill-popolazzjoni;

    45.

    Jinnota li l-maġġoranza tar-riżorsi għall-iżvilupp soċjoekonomiku fl-Afganistan tgħaddi mill-mekkaniżmu internazzjonali, iżda li proporzjon sinifikanti ta' din l-għajnuna ma tasalx għand dawk li għandhom jibbenefikaw minnha, in-nies tal-Afganistan; jirrimarka li l-UE, u b'mod partikulari l-Kummissjoni / is-SEAE għandu jkollhom rwol ewlieni fit-titjib tal-koordinazzjoni tad-donaturi f'kooperazzjoni mill-qrib ma' donaturi ewlenin oħra bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, u jitlob li jsiru evalwazzjonijiet dettaljati tal-effiċjenza tal-għajnuna sabiex jitjiebu t-trasparenza u r-responsabilzzazzjoni tad-donaturi fl-għoti tal-għajnuna;

    46.

    Hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea, li hi waħda mid-donaturi ewlenin ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u umanitarja lill-Afganistan (aktar minn EUR 2 biljun bejn l-2002 u tmiem l-2010) għandha responsabilità partikolari biex tevalwa jekk dawk il-fondi hux qed jilħqu d-destinatarji li huma intenzjonati għalihom u jekk hux qed itejbulhom il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;

    47.

    Jinsisti li, meta jintużaw l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala mezz tal-għoti tal-għajnuna, is-SEAE u l-Kummissjoni jagħtu ħafna attenzjoni għall-eliminazzjoni tal-ħela, l-ispejjeż intermedjarji eċċessivi, l-ineffiċjenza, il-kontijiet esaġerati u l-korruzzjoni, u għandhom jinsistu fuq informazzjoni f'waqtha u adegwata dwar ir-riżultati u l-użu tal-fondi;

    48.

    Itenni t-talba tiegħu lill-UE biex twaqqaf bażi tad-data ċentralizzata, u tanalizza l-ispejjeż u l-impatt tal-għajnuna kollha tal-UE lill-Afganistan, billi n-nuqqas ta’ data aġġornata u affidabbli ddgħajjef l-effiċjenza tal-għajnuna u t-trasparenza;

    49.

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tintroduċi appoġġ baġitarju settorjali; jenfasizza, madankollu, li tali għajnuna għandha tkun strettament kundizzjonali, b'indikaturi tal-impatt li jistgħu jitkejlu, u tista' tintuża biss flimkien ma' miżuri għall-bini tal-kapaċità u f'amministrazzjonijiet li l-istrutturi organizzattivi u l-kapaċitajiet ta' ġestjoni finanzjarja tagħhom kienu evalwati kif suppost u meqjusa adegwati u trasparenti;

    Fehma mill-perspettiva tal-politika tal-iżvilupp

    50.

    Jenfasizza li l-għoti ta’ għajnuna lil pajjiżi affettwati mill-kunflitti timplika li jkun ġie aċċettat livell sostanzjali ta’ riskju inerenti rigward ir-riżultati; jissottolinja li l-kooperazzjoni man-NU għamlitha possibbli li jinkisbu riżultati f’termini ta' żvilupp f’ambjent operattiv estremament diffiċli; jenfasizza, madankollu, li hemm bżonn ta’ aktar progress fit-tisħiħ tar-responsabbilizzazzjoni u t-trasparenza fil-konfront tal-UE bħala donatur ewlieni fis-sistema tan-NU;

    51.

    Jenfasizza li l-effikaċja tal-għajnuna lill-Afganistan tista' tittejjeb biss jekk issir bidla radikali fl-approċċ għall-problema tal-korruzzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, li ilha tifni l-pajjiż mill-2001; jenfasizza li l-korruzzjoni fl-ogħla livell, li ġiet aċċettata impliċitament fl-ewwel snin wara l-2001, f'għajnejn in-nies Afgani issa qiegħda ddgħajjef b'mod kważi irriversibbli l-awtorità tal-istituzzjonijiet stabbiliti mill-kostituzzjoni Afgana; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti u assoluta li tinqata' din l-aċċettazzjoni tal-korruzzjoni u li jittieħdu passi biex ikun żgurat li s-sistema ġudizzjarja Afgana u l-Qorti tal-Awdituri Afgana jkunu jistgħu jindirizzaw bil-qawwa din il-problema maġġuri u jserrħu fuq l-Unjoni Ewropea bħala alleat b'saħħtu, kredibbli u sod li se jkun minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra din l-isfida li hija kruċjali għall-futur tal-pajjiż;

    52.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiddefinixxu strateġija ċara għall-għoti ta’ għajnuna f’kuntest daqstant fraġli u ta' riskju kbir; jinnota li l-prinċipju ta' gwida tal-politika tal-iżvilupp tal-UE huwa li l-għajnuna trid tkun effikaċi; jenfasizza li ġestjoni tar-riskju adegwata hi essenzjali, u li dan ifisser li għandu jkun żgurat li biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani jkunu disponibbli sabiex jiggarantixxu monitoraġġ bir-reqqa tal-flussi ta’ għajnuna u valutazzjoni tar-riżultati;

    53.

    Jinnota l-impenn tad-donaturi li jgħaddu tal-anqas 50 % mill-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-baġit ewlieni tal-Gvern Afgan fi żmien sentejn; jenfasizza, madankollu, li l-appoġġ baġitarju jrid ikun akkumpanjat b'titjib tanġibbli tas-sitwazzjoni tal-governanza fil-pajjiż u iżjed fiduċja mid-donaturi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika (PFM) Afgana, u jeħtieġ riformi urġenti u l-bini tal-kapaċità biex jissaħħu s-sistemi tal-PFM, titnaqqas il-korruzzjoni u tittejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta – filwaqt li tqis il-kapaċità finanzjarja tal-istituzzjonijiet Afgani u r-rata ta' progress fir-riformi ewlenin tal-PFM – jekk ministeri Afgani speċifiċi jew istituzzjonijiet oħra, inklużi dawk fil-livell deċentralizzat, jistgħux 'il quddiem isiru eliġibbli bħala riċevituri ta’ appoġġ baġitarju settorjali, u jekk iva, b’liema kundizzjonijiet;

    54.

    Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet Afgani fir-rigward tal-iżvilupp strutturali u fit-tul; iħeġġeġ lill-gvern biex ikun involut aktar fir-rikostruzzjoni, fid-demokratizzazzjoni u fl-isforzi biex jittaffa l-faqar u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinkoraġġixxi lid-donaturi tal-UE joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibilità fit-tul tal-interventi tagħhom, billi jippromwovu s-sjieda Afgana, jinvestu b’mod sistematiku fil-bini tal-kapaċità u jevitaw proġetti individwali li jimmiraw għal riżultati fil-qasir biss; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar tas-sjieda tal-proċess ta' rikostruzzjoni u s-sorveljanza kontra r-riskju ta' korruzzjoni;

    55.

    Jistieden, b’mod partikolari, lill-Gvern Afgan biex jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali fis-settur pubbliku u jiżviluppa programm nazzjonali uniku għal riforma tal-amministrazzjoni pubblika (PAR); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu kollettivament favur il-PAR fid-djalogu tagħhom mal-gvern dwar il-politiki, u biex jappoġġjaw l-objettivi tal-gvern rigward il-PAR b’mod koordinat;

    56.

    Iħeġġeġ lill-UE tibqa’ impenjata għall-iżvilupp sostenibbli u fit-tul tal-Afganistan u biex tkompli tagħmel disponibbli riżorsi xierqa wara l-2014, meta r-responsabilità għas-sigurtà se tkun kollha kemm hi f’idejn l-awtoritajiet Afgani u donaturi oħra jistgħu jibdew inaqqsu l-fondi; f'dan il-kuntest, jitlob offerta b'saħħitha tal-UE li tenfasizza l-impenn tal-Unjoni għall-iżvilupp ta' sħubija fit-tul mal-Afganistan bil-ħsieb tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Afganistan f'Bonn fil-5 ta' Diċembru 2011; jitlob lill-UE tfittex sħab u donaturi barranin ġodda mis-soċjetà ċivili;

    57.

    Jissottolinja t-tnaqqis modest fl-imwiet fost iċ-ċivili mill-2010; jargumenta li mingħajr sigurtà domestika, reġjonali u ċivili msaħħa, l-iżvilupp se jkompli jinħonoq u n-nies se jibqgħu jmutu; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu s-sigurtà msaħħa bħala prerekwiżit għall-iżvilupp u jifformulaw il-politiki tagħhom tal-għajnuna skont din il-premessa;

    58.

    Jirrimarka li l-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE għenet it-tisħiħ tal-mezzi ta’ azzjoni tan-nisa fl-Afganistan; jargumenta li żieda fil-parteċipazzjoni politika u ekonomika tan-nisa se ttejbilhom ħajjithom u tgħin biex tnaqqas ir-riskju li l-Afganistan jibqa' mgħaddas fil-kunflitt;

    59.

    Jargumenta li l-frammentazzjoni attwali tal-assistenza tad-donaturi qed ikollha impatt negattiv fuq l-effikaċja tal-għajnuna u qed tirriżulta fi strateġiji duplikati; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom ta' għajnuna;

    60.

    Jargumenta li waħda mill-kwistjonijiet l-aktar importanti li qed jaffaċċja l-Afganistan hija r-riforma tal-Armata Nazzjonali Afgana (ANA) u tal-Pulizija Nazzjonali Afgana (ANP); jindika li r-rati ta' prestazzjoni kemm tal-ANA kif ukoll tal-ANP mhumiex jilħqu l-miri miftiehma; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-assistenza tagħhom f'dan il-qasam billi jipprovdu uffiċjali tat-taħriġ u permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

    *

    * *

    61.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Gvern u l-Parlamenti tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.


    (1)  ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 11.

    (2)  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 87.

    (3)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 57.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0490.

    (5)  ĠU L 255, 26.9.2009.

    (6)  ĠU L 252, 25.9.2010.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0317.

    (8)  http://eca.europa.eu/portal/page/portal/intosai-aada/home

    (9)  Paragrafu 40 tar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-15 ta' Jannar 2009 (ĠU C 46E, 24.2.2010, p. 93).


    Top