Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0409

    Ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Russja wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Russja wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO (2012/2695(RSP))

    ĠU C 72E, 11.3.2014, p. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 72/77


    Il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012
    Ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Russja wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO

    P7_TA(2012)0409

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Russja wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO (2012/2695(RSP))

    2014/C 72 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 (1) dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja tal-15 ta’ Diċembru 2011 u tad-9 ta’ Ġunju 2011 (2) dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) ta’ bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa (3), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-‘Sħubija għall-Modernizzazzjoni’ li nbdiet fl-2010,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Adeżjoni tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (4) u l-Addendum ta’ miegħu (5) tas-17 ta’ Novembru 2011,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fl-istanzi relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO (6),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fir-rigward taż-żamma ta' impenji dwar il-kummerċ fis-servizzi inklużi fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali bejn l-UE u r-Russja (7),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kummerċ ta' partijiet u komponenti ta' vetturi bil-mutur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa (8),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fis-sura ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-introduzzjoni jew iż-żieda mill-Federazzjoni Russa ta' dazji tal-esportazzjoni fuq il-materja prima (9),

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fis-sura ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (10),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu ‘Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2011 – Nimpenjaw lill-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tagħna fuq l-aċċess imtejjeb għas-suq: Prijoritajiet għall-azzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ’ (COM(2011)0114),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-isem ‘Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment’ (COM(2012)0070),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Federazzjoni Russa kkonkludiet in-negozjati multilaterali tagħha dwar l-adeżjoni mad-WTO wara 18-il sena ta’ negozjati fl-10 ta’ Novembru 2011 u ġiet aċċettata uffiċjalment bħala membru fis-16 ta’ Diċembru 2011;

    B.

    billi l-politika estera u ta’ sigurtà komuni u dik tal-enerġija tal-UE li qed jevolvu għandhom, skont il-prinċipju tal-kondizzjonalità, jinkludu r-Russja bħala sieħba importanti kemm-il darba l-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali huma mħaddna u difiżi mir-Russja wkoll;

    C.

    billi l-UE hija sieħba kummerċjali strateġika tar-Russja, ikklassifikata bħala l-għajn ewlenija u li qed tkompli tikber ta’ importazzjonijiet tagħha, id-destinazzjoni prinċipali tagħha tal-esportazzjoni u sieħba ta’ investiment ewlenija (f’dak li huwa investimenti barrani dirett dieħel fil-pajjiż), li jammontaw għal 47.1 % tal-kummerċ totali tar-Russja; billi din ir-relazzjoni għadha qiegħda tikber, filwaqt li r-Russja issa saret ukoll it-tiena għajn ta’ importazzjonijiet tal-UE (EUR 158.6 biljun) u r-raba’ destinazzjoni tal-esportazzjonijiet tagħha (EUR 86.1 biljun) (ċifri tal-2010);

    D.

    billi, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-Russja huma prinċipalment prodotti tal-enerġija u tal-fjuwils minerali (79.5 %), l-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Russja huma diversi, u jkopru kważi l-kategoriji kollha ta’ makkinarju u tagħmir tat-trasport (44.7 %), beni manifatturati, ikel u bhejjem ħajjin (ċifri tal-2010);

    E.

    billi fis-Samit Khanty-Mansyisk li sar fis-26 u s-27 ta’ Ġunju 2008 l-UE u r-Russja varaw in-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Ġdid (FSK), biex jieħdu post dak eżistenti u jipprovdi qafas kuntrattwali aġġornat għar-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE fis-snin li ġejjin, inklużi dispożizzjonijiet sostanzjali u legalment vinkolanti dwar il-kummerċ, l-investiment u l-enerġija;

    F.

    billi l-Unjoni Ewropea qed tkompli tkun impenjata biex tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tagħha ta’ mar-Russja u għall-prinċipji mnaqqxa fis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ibbażati fuq interessi komuni u impenn profond favur il-valuri universali u l-prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

    1.

    Jilqa’ l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, kif ġiet irratifikata mid-Duma tal-Istat Russa fl-10 ta’ Lulju 2012; jemmen li l-ankrar tar-Russja mas-sistema ta’ kummerċ multilaterali u r-regoli tagħha jirrappreżenta pass ieħor fit-titjib tar-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u r-Russja;

    2.

    Jinnota bi tħassib, madankollu, li fiż-żmien eżatt qabel ma ġiet kompluta għalkollox l-adeżjoni tagħha fid-WTO ir-Russja ma kenitx qed tissodisfa għalkollox l-obbligi futuri tagħha tad-WTO, peress li introduċiet jew estendiet għadd ta’ miżuri li għandhom il-potenzjal li jirrestrinġu l-kummerċ, inklużi projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin mill-UE, leġiżlazzjoni li tinkludi preferenzi għall-produtturi domestiċi fl-akkwist pubbliku, deċiżjonijiet li jistabbilixxu dazji staġonali tal-importazzjoni fuq ċerti tipi ta’ zokkor, u leġiżlazzjoni ġdida dwar skema ta’ riċiklaġġ għall-vetturi;

    3.

    Jistieden lir-Russja tneħħi l-projbizzjonijiet temporanji mhux ġustifikati, iż-żidiet tariffarji temporanji unilaterali u l-miżuri protezzjonisti u l-ostakoli għall-kummerċ miftuħ u ġust identifikati mir-rapport biennali tal-G-20 dwar Miżuri ta’ Kummerċ u Investiment u mir-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment, li għamlu ħsara kbira lill-esportaturi tal-UE;

    4.

    Jenfasizza li l-UE u r-Russja huma sieħba li jagħmlu kummerċ bejniethom u li huma interdipendenti, speċjalment fir-rigward tal-materja prima u l-għejun vitali tal-enerġija; iqis li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom għandhom potenzjal qawwi li l-adeżjoni mad-WTO se tgħin biex jiġi sfruttat;

    5.

    Iqis li l-iskedi ta’ impenji tad-WTO tar-Russja fihom tnaqqis u konsolidazzjoni sostanzjali tat-tariffi fuq il-beni u s-servizzi; jistieden lir-Russja timplimenta għalkollox mingħajr dewmien l-impenji kollha tagħha bil-għan li tieħu l-benefiċċji disponibbli kollha mis-sħubija tagħha fid-WTO;

    6.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar il-problema li għadha għaddejja tal-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti foloz fir-Russja; jistieden lill-Federazzjoni Russa tieħu miżuri fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), u timplimenta, mill-aktar fis possibbli u kompletament, l-impenji tagħha tad-WTO fil-Ftehim TRIPS;

    7.

    Jemmen li r-Russja tkun b’hekk tagħti evidenza tal-impenn qawwi tagħha għat-tisħiħ tar-rwol tagħha u l-involviment tal-kumpaniji tagħha fis-sistema kummerċjali multilaterali; jara l-ftuħ tal-ekonomija tar-Russja għal aktar kummerċ u investiment internazzjonali bħala inċentiv ieħor biex il-Gvern Russu jsegwi bil-qawwa r-riformi li qed iwettaq bħallissa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-klima tan-negozju;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jappoġġjaw l-isforzi tar-Russja biex tingħaqad mal-OECD, proċess li jinvolvi impenn għal ġabra ta’ linji gwida u prinċipji li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ li jkopru, inter alia, kemm is-suq ikun miftuħ, il-ġlieda kontra t-tixħim, l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjonijiet u l-governanza tal-intrapriżi tal-istat; iħeġġeġ lir-Russja tingħaqad ma’ ftehimiet oħra tad-WTO, b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi, li għalihom diġà jkollha l-istatus ta’ osservatriċi;

    9.

    Iħeġġeġ lir-Russja tikkontribwixxi biex jiġu varati mill-ġdid in-negozjati bilaterali għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni l-Ġdid; jinsisti li tali negozjati għandhom isiru bejn l-UE u r-Russja biss; iqis li jekk jiġu involuti membri oħra tal-Unjoni Doganali li mhumiex fid-WTO in-negozjati jiġu mxekkla;

    10.

    Iqis il-konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO u l-implimentazzjoni gradwali tal-impenji tagħha min-naħa tar-Russja bħala prekundizzjoni meħtieġa biex jiġu sostnuti aktar negozjati bħal dawn immirati biex jistabbilixxu regoli komuni fi tnax-il aspett regolatorju maġġuri, inklużi l-impenji mhux preferenzjali reċiproċi fil-kummerċ ta’ beni u servizzi, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (miżuri SPS), id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI), l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni, l-enerġija u l-investiment;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiddefendi bħala elementi essenzjali f’dawn in-negozjati:

    l-użu ta’ regolamenti tekniċi, standards u proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità Ewropej; jitlob li jsir ftehim bejn il-korpi Ewropej u Russi li jistabbilixxu l-istandards u li tiġi stabbilita malajr sistema unifikata ta’ akkreditazzjoni tal-ivvalutar tal-konformità fir-Russja;

    kapitolu sostanzjali u legalment vinkolanti dwar l-enerġija, li jkun jibni fuq ir-rieda tajba murija fl-iffirmar tal-Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija fl-2011 u bbażat fuq prinċipji ċari ta’ trasparenza, kompetizzjoni ġusta, reċiproċità u nondiskriminazzjoni; jafferma li l-objettiv għandu jibqa’ dak ta’ suq tal-enerġija miftuħ u trasparenti bejn l-UE u r-Russja;

    l-eliminazzjoni min-naħa tar-Russja tal-iffissar doppju tal-prezzijiet tal-beni, u l-iċċarar u l-istabilizzazzjoni tat-termini għall-istabbiliment ta’ kumpaniji ta’ servizzi, bil-għan li jissaħħaħ l-investiment minn tali kumpaniji tal-UE fir-Russja;

    is-suq kbir mhux sfruttat għall-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura regoli u proċeduri reċiproċi ġusti għall-attribuzzjoni tal-offerti pubbliċi fiż-żewġ swieq fil-livell kemm nazzjonali u kemm subnazzjonali;

    ir-riforma tal-proċeduri tad-dwana Russi fid-dawl tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

    kapitolu fuq il-miżuri SPS, biex jiġi żgurat li kull parti tkun tista’ tapplika biss projbizzjonijiet temporanji ġustifikati, b’mod partikolari għall-prodotti agrikoli, bhejjem tat-trobbija u prodotti tal-ikel, b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità, it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustifikazzjoni xjentifika;

    kapitolu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ibbażat fuq id-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet ewlenin relevanti tal-ILO, biex tiġi enfasizzata l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem u l-jeddijiet tal-ħaddiem jiġu rrispettati u infurzati għalkollox, kif ukoll impenn għall-implimentazzjoni tal-istandards ambjentali internazzjonali relevanti; jitlob, għal dan il-għan, li jiġi stabbilit djalogu mal-partijiet interessati relevanti u mas-soċjetà ċivili;

    kapitolu komprensiv fuq il-ħarsien tas-suriet kollha tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs); jitlob li dan il-Kapitolu jkun jinkludi prinċipji għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u lista ta’ IĠ protetti;

    titjib tar-reġim li hemm bħalissa għas-soluzzjoni ta’ tilwim, biex jiġu żgurati trasparenza nondiskriminazzjoni akbar fil-klima tal-investiment fir-Russja;

    kapitolu komprensiv u ambizzjuż dwar l-investiment, inklużi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-liberalizzazzjoni, kif ukoll miżuri għall-protezzjoni tal-investimenti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għall-kompetenza l-ġdida rigward l-investimenti fl-UE kollha (Riżoluzzjoni tas-6 ta’ April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali (11);

    12.

    Jitlob, barra minn hekk, li l-kapital jiċċirkola b’mod aktar faċli bejn il-partijiet, abbażi tar-rispett għall-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-ħasil tal-flus; jappoġġja n-negozjati għal Trattat ta' Investiment Bilaterali bejn l-UE u r-Russja, inklużi dispożizzjonijiet dwar tilwim bejn l-istat u l-investitur u, fejn xieraq, bejn l-investitur u l-istat, u b’hekk jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd bejn l-investituri tal-UE u jittejjeb u jiġi stabbilizzat il-qafas ġuridiku għall-investimenti Ewropej fir-Russja;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-diversi pjanijiet fir-Russja li huma speċifiċi għal setturi partikolari biex jiġi identifikat fihomx possibilment dispożizzjonijiet li jgħawġu l-kummerċ u li huma diskriminatorji, bħalma huma elementi ta’ ssussidjar u rekwiżiti ta’ kontenut lokali fl-akkwist pubbliku u fl-investiment, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod attiv mar-Russja biex tiżgura li verament tinforza għalkollox l-impenji tagħha tad-WTO wara li saret membru sħiħ; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha terġa’ lura għall-istrumenti ta’ difiża tal-kummerċ (SDK) li jkunu kompatibbli mad-WTO fejn dan ikun xieraq;

    14.

    Huwa tal-fehma li s-Sħubija ta’ Modernizzazzjoni (StM) bejn l-UE u r-Russja hija inizjattiva utli biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali l-ġodda ta’ bejn iż-żewġ partijiet kemm fid-WTO u kemm bilateralment; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Russu jiżguraw użu effiċjenti tal-finanzjament tal-proġetti implimentat taħt is-StM; hu tal-fehma li bit-trawwim tas-sinerġiji bejn l-istrateġiji tal-kummerċ u tal-investiment taż-żewġ partijiet, il-potenzjal sħiħ tal-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ekonomiċi tar-Russja jkun jista' jiġi rrealizzat b'mod aktar effettiv;

    15.

    iħeġġeġ lill-gvern Russu biex jikkummissjona investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar il-każ Yukos

    16.

    Iqis l-implimentazzjoni tal-‘Passi Komuni lejn vjaġġar mingħajr viża’ bħala element tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u r-Russja u jinnota l-aħħar żviluppi fin-negozjati dwar Ftehim ta’ Eżenzjoni mill-Viża bejn l-UE u r-Russja;

    17.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Unjoni Doganali bejn ir-Russja, il-Kazakistan u l-Bjelorussja se timponi ostakoli addizzjonali għall-kummerċ mar-Russja, u b’hekk tmur kontra r-regoli tad-WTO u l-impenji tar-Russja fir-rigward tad-WTO;

    18.

    Jistieden lir-Russja tikkapitalizza mis-sħubija tagħha fid-WTO biex tingħaqad mal-UE u pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Lvant li huma parteċipanti f'din l-organizzazzjoni kummerċjali multilaterali fil-għajnuna lill-Bjelorussja biex timplimenta r-regoli u l-prattiki kompatibbli mad-WTO bil-għan li tingħaqad fiha mal-ewwel opportunità possibbli;

    19.

    Hu tal-fehma li l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO tista’ tiffaċilita l-flussi tal-kummerċ bejn l-UE u r-Russja, filwaqt li tistimula t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fuq iż-żewġ naħat; jara l-possibilità li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Ġdid bħala opportunità ulterjuri biex jingħata kontribut għal sħubija msaħħa bejn iż-żewġ partijiet, filwaqt li jiġi inkuraġġit l-iżvilupp sostenibbli fil-viċinanzi komuni tagħhom;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0575.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0268.

    (3)  ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

    (4)  WT/ACC/RUS/70; WT/MIN(11)/2.

    (5)  WT/ACC/RUS/70/Add.1; WT/MIN(11)/2/Add.1.

    (6)  ĠU L 6, 10.1.2012, p. 6.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0284.

    (8)  Texts adottati, P7_TA(2012)0285.

    (9)  Testi adottati, P7_TA(2012)0286.

    (10)  (ara rapport A7-0177/2012 - 16775/2011 – C7-0515/2011 – 2011/0322(NLE).

    (11)  Testi adottati, P7_TA(2011)0141.


    Top