Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0264

    Każijiet ta' impunità fil-Filippini Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Ġunju 2012 dwar każijiet ta' impunità fil-Filippini (2012/2681(RSP))

    ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 99–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 332/99


    Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2012
    Każijiet ta' impunità fil-Filippini

    P7_TA(2012)0264

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar każijiet ta' impunità fil-Filippini (2012/2681(RSP))

    2013/C 332 E/20

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Protokoll Addizzjonali li hemm miegħu, li r-Repubblika tal-Filippini hija firmatarja tiegħu,

    wara li kkunsidra id-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż 2007-2013 tal-Kummissjoni għall-Filippini,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Finanzjament għall-Programm ta’ Appoġġ għall-Ġustizzja UE-Filippini, li ġie ffirmat f’Ottubru 2009 u li kien intiż biex iħaffef il-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-perpetraturi tal-qtil extraġudizzjarju, kif ukoll il-programm il-ġdid “Ġustizzja għal Kulħadd”,

    wara li kkunsidra r-ratifika reċenti mill-Filippini tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u l-Prokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (OPCAT),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar ir-Rieżami Universali Perjodiku (UPR) dwar il-Filippini tal-31 ta’ Mejju 2012,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton tal-24 ta’ April 2012,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini, b’mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2010 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi Esmail Amil Enog, impjegat tal-familja Ampatuan ta’ Maguindanao, għeb f’Marzu 2012 wara li kien xehed fil-qorti li kien saq membri ta’ milizja armata sal-post fejn inqatlu 57 vittma fl-2009; billi ġismu mqatta’, b’fuqu traċċi tat-tortura, instab fil-31 ta Mejju 2012;

    B.

    billi, f’mossa bla preċedent, il-mexxejja ewlenin tal-familja Ampatuan akkużati li kienu huma l-imħuħ wara l-massakru ta’ Maguindanao ġew arrestati wara l-ġrajjiet tat-23 ta’ Novembru 2009, filwaqt li l-assi u l-kontijiet bankarji ta’ 28 membru u assoċjat tal-klann ġew iffriżati;

    C.

    billi l-proċess tal-persuni akkużati li wettqu l-massakru ta’ Maguindanao beda fit-8 ta’ Settembru 2010 f’Manila; billi Andal Ampatuan u bosta minn uliedu qed isirilhom proċess minħabba l-massakru, filwaqt li madwar 100 suspettat ieħor għadhom liberi;

    D.

    billi Esmail Enog kien it-tielet xhud li nqatel mindu beda l-proċess fl-2010, filwaqt li ġie rrapurtat li l-qraba ta’ xhied oħra sfaw attakkati, mhedda, iffastidjati, jew sarulhom offerti ta’ tixħim;

    E.

    billi l-mewt brutali tas-Sur Enog hija indikatur ċar tal-fatt li l-klima ta’ impunità li wittiet it-triq għall-massakru ta’ Maguindanao għadha ħajja fil-pajjiż;

    F.

    billu, skont rapporti tal-istampa internazzjonali, erba’ ġurnalisti nqatlu fl-2012 u organizzazzjonjiet tal-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem iqisu l-Filippini bħala pajjiż perikoluż għall-midja;

    G.

    billi l-każijiet ta’ qtil extraġudizzjarju u għibien furzat naqsu b’mod sinifikanti mindu ħa l-poter il-President Aquino, billi, madankollu, il-gvern għad m’għandux biżżejjed kapaċità jiġġieled b’effikaċja l-impunità tal-perpetraturi ta’ atti bħal dawn, u jindirizza l-vjolenza politikament motivata fil-pajjiż;

    H.

    billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, mill-ħafna mijiet ta’ każijiet ta’ qtil extraġudizzjarju fl-aħħar għaxar snin, kienu biss seba' każijiet, li jinvolvu 11-il akkużat, li saritilhom prosekuzzjoni b'suċċess, u l-ebda każ minn mindu tela’ l-President Aquino;

    I.

    billi, wara l-massakru ta’ Maguindanao, il-gvern stabbilixxa Kummissjoni Indipendenti kontra l-Armati Privati biex ixxolji l-milizji privati, imma sal-lum, din baqgħet bla riżultati konkreti;

    J.

    billi, skont ir-rapport ta’ Mejju 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti kontra l-Armati Privati hemm tal-anqas 72 grupp armat privat attiv fil-pajjiż;

    K.

    billi l-aktar UPR reċenti tal-Filippini tenna r-rakkomandazzjonijiet tal-2008, jiġifieri: li tinġieb fi tmiemha l-impunità għall-qtil extraġudizzjajru, l-għibien furzat u t-tortura, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jiġu intensifikati l-isforzi għall-projbizzjoni totali tat-tortura, tal-qtil extraġudizzjarju u tal-għibien furzat; li tinġieb fi tmiemha l-impunità billi l-perpetraturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; u li tkun żgurata protezzjoni adegwata għall-ġurnalisti u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    L.

    billi l-Att dwar l-Għibien Furzat jew Involontarju ġie adottat mis-Senat tal-Filippini f’Ġunju 2011 u mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-pajjiż f’Mejju 2012;

    1.

    Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tat-tielet xhud tal-massakru ta’ Maguindanao u l-assassinju ta’ erba’ ġurnalisti, u jesprimi s-solidarjeta tiegħu mal-familji tal-mejtin;

    2.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-pass kajman tal-kundanni għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u jitlob li minnufih issir investigazzjoni indipendenti ta’ każijiet reċenti ta’ qtil;

    3.

    Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jieħu miżuri ulterjuri biex iġib fi tmiemha l-impunità għall-qtil extraġudizzjajru, l-għibien furzat u t-tortura, u jressaq lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, inklużi l-perpetraturi tal-massakru ta’ Maguindanao li għadhom liberi; jitlob ukoll li jinħelsu l-persuni li għebu li għadhom miżmuma u li jinxteħet id-dawl fuq il-każijiet l-oħra kollha li għadhom mhux solvuti;

    4.

    Jilqa’ x-xili ta’ 196 individwu għall-massakru ta’ Maguindanao, imma jiddeplora l-fatt li sal-lum għadu ma sar l-ebda progress reali fil-proċess;

    5.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini biex jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għibien Furzat u jippromulga l-Att dwar l-Għibien Furzat jew Involontarju;

    6.

    Jistieden lill-Gvern tal-Filippini biex jiżgura l-protezzjoni adegwata tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, trejdjunjonisti u ġurnalisti, jinvestiga u jipprosegwixxi b’mod effikaċi każijiet ta’ attakki fu il-ġurnalisti, u jdaħħal fil-liġijiet tal-pajjiż leġiżlazzjoni qawwija li tipprojbixxi dawn l-atti u timponi pieni kriminali;

    7.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali biex jistabbilixxu, taħt il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, programm speċjalizzat ta’ protezzjoni tax-xhieda u tal-vittmi, inkluża l-protezzjoni tal-familji tal-vittmi, f’każijiet li jinvolvu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment meta jkun maħsub li l-perpetraturi jkunu suldati, pulizija jew uffiċjali statali;

    8.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadhom mifruxa l-użu tat-tortura u l-maltrattament tal-persuni suspettati miżmuma mill-pulizija, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Filippini biex iqawwu l-isforzi tagħhom ħalli jiġġieldu rigorożament kontra l-vjolazzjonijiet tal-Att nazzjonali tal-2009 kontra t-Terroriżmu;

    9.

    Iħeġġeġ lill-gvern jipprojbixxi u jisfaxxa minnufih il-forzi paramilitari (anki f’każijiet fejn l-attività paramilitari tkun taħt is-superviżjoni tal-kmand militari) u l-milizji lokali, u jħeġġu jistabbilixxi kontroll sħiħ militari u tal-pulizija fuq unitajiet armati ċivili, b’mod partikolari l-Unitajiet Ġeografiċi tal-Forzi Armati Ċivili u l-Organizzazzjonijiet ta’ Volontari Ċivili;

    10.

    Jistieden lill-gvern jieħu passi konkreti biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Filippini fil-UPR reċenti; iħeġġu jirrevoka, bla aktar dewmien, l-Ordni Eżekuttiv Nru 546, bil-għan li jipprojbixxi l-armati privati;

    11.

    Jilqa’ r-ratifika reċenti mill-Filippini tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kiriminali Internazzjonali fit-30 ta’ Awwissu 2011 u tal-Prokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (OPCAT) fis-17 ta’ April 2012;

    12.

    Jilqa’ l-passi importanti meħuda mill-Gvern tal-Filippini fit-tentattivi tiegħu biex jipprevjeni l-qtil u jressaq lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, kif ukoll biex ivara Grupp dedikat ta’ prosekuturi li jindirizza l-qtil extraġudizzjarju u l-għibien furzat;

    13.

    Jilqa’ l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm EPJUST u l-Programm il-ġdid ta’ appoġġ għall-ġustizzja UE-Filippini “Ġustizzja għal Kulħadd”, li mhux se jdum ma jiġi varat u li sejjer jalloka EUR 10 miljun tul il-perjodu 2012-2015 biex jippromwovi l-aċċess ekwu għall-ġustizzja u l-infurzar effiċjenti tagħha għaċ-ċittadini kollha inġenerali, u b’mod partikolari għan-nies foqra u żvantaġġati, speċjalment in-nisa, it-tfal, il-minoranzi u l-popli indiġeni, kif ukoll għall-attivisti tad-dritiijiet tal-bniedem u soċjali;

    14.

    Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jippermetti żjara mir-Rapporteur Speċjali tan-NU biex dan jinvestiga s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President u lill-Gvern tal-Filippini, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN.


    (1)  ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 11.


    Top