EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0257

Sitwazzjoni fit-Tibet Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Ġunju 2012 dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet (2012/2685(RSP))

ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 332/69


Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2012
Sitwazzjoni fit-Tibet

P7_TA(2012)0257

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet (2012/2685(RSP))

2013/C 332 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tas-27 ta' Ottubru 2011 (1) u tal-25 ta' Novembru 2010 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tas-7 ta' April 2011 tiegħu dwar il-projbizzjoni tal-elezzjonijiet għall-gvern Tibetan f'eżilju fin-Nepal (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-identità, il-kultura u r-reliġjon u l-libertà tal-assoċjazzjoni huma prinċipji fundamentali tal-UE u tal-politika barranija tagħha;

B.

billi l-Ue qajmet il-mistoqsija dwar id-drittijiet tal-minoranzi Tibetani matul il-31 rawnd tad-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussell fid-29 ta' Mejju 2012; billi d-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem ma rriżulta fl-ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bnidem għat-Tibetani;

C.

billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama approċċaw lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet; billi t-taħditiet bejn iż-żewġ partijiet ma wasslu għal ebda riżultat konkret u bħalissa huma ffriżati;

D.

billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina użaw saħħa sproporzjonata biex jiffaċċjaw il-protesti tal-2008 fit-Tibet u, minn dak iż-żmien, imponew miżuri ta' sigurtà restrittivi li jxekklu l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;

E.

billi n-numru ta' vittmi tal-protesti tal-2008 setgħu kienu iktar minn 200 u n-numru ta' ħabsin ivarja bejn 4 434 u iktar minn 6 500, u fi tmiem l-2010, kien hemm 831 priġunier politiku mhux magħruf fit-Tibet, li fosthom 360 ġew ikkundannati ġuridikament u 12 qed jgħixu sentenza ta' għomor il-ħabs;

F.

billi t-tortura, inkluż is-swat, l-użu ta' armi tal-elettroxokk, konfinazzjoni solitarja fit-tul, ġuħ u miżuri oħra simili huma rappurtati li jintużaw biex jingħataw konfessjonijiet fil-ħabsijiet tat-Tibet mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

G.

billi 38 Tibetan, għall-maġġorparti patrijiet u sorijiet, ġew irrappurtati li taw in-nar lilhom infushom sa mill-2009, bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u bħala appoġġ biex id-Dalai Lama jitħalla jirritorna u għad-drittijiet ta' libertà reliġjuża fil-prefettura tal- kontea Aba/Ngaba fil-Provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tat-Tibet;

H.

billi l-istat attwali tal-benessri u ta' fejn jinsabu għadd ta' vittmi ta' ħruq bin-nar għadhom mhux magħrufa jew mhux ċari, partikolarment din ta' Chimey Palden, Tenpa Darjey, Jamyang Palden, Lobsang Gyatso, Sona Rabyang, Dawa Tsering, Kelsang Wangchuck, Lobsang Kelsang, Lobsang Kunchok u Tapey;

I.

billi Gedhun Choekyi Nyima, il-11-il Panchen Lama, inżamm mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ma deherx sa mill-14 ta' Mejju 1995;

J.

billi l-identità, il-lingwa, il-kultura u r-reliġjon Tibetani, ix-xhieda ta' ċivilizzazzjoni storikament għanja, huma pperikolati mit-tpoġġija ta' persuni Han fit-territorju storiku Tibetan u mill-isterminju tal-istil ta' għajxien tradizzjonalment nomadiku tat-Tibetani;

K.

billi l-UE tinsab fil-proċess li taħtar u tistabbilixxi l-mandat u tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

L.

billi t-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni fit-Tibet mal-kontropartijiet Ċiniżi tagħha ma wasslux għar-riżultati mistennija;

1.

Itenni li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u valuri komuni;

2.

Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE iżżid u ssaħħaħ l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-Tibetani fil-kuntest tad-Djalogu bejn l-Ue u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3.

Jiddispjaċih f'dan ir-rigward dwar in-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet Ċiniżi li jkollhom djalogu darbtejn fis-sena u dwar il-pożizzjoni tagħhom rigward il-modalitajiet u l-frekwenza tal-laqgħat, partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tal-parti tas-soċjetà ċivili u l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant għoli tal-Unjoni biex tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex tiżgura li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ikun iktar effikaċi u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati;

4.

Jaqbel mal-proċess ta' demokratizzazzjoni ferm importanti u ta' suċċess fil-governanza tat-Tibetani fl-eżilju mill-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama u t-trasferiment reċenti min-naħa tiegħu tal-poteri u r-responsabilitajiet politiċi lid-demokratikament elett Kalon Tripa tal-Amministrazzjoni Ċentrali Tibetana, li jirrappreżenta x-xewqiet tal-poplu Tibetan;

5.

Jappoġġa d-deċiżjoni tat-tmexxija politika Tibetana l-ġdida, li ġiet eletta demokratikament, li tkompli żżomm mal-Politika tal-Moderazzjoni tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama, li tfittex awtonomija ġenwina għat-Tibetani fi ħdan ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fil-kuntest tal-Kostituzzjoni Ċiniża;

6.

Jappoġġa l-prinċipji stabbiliti fil-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-poplu Tibetan, propost mill-emissarji tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama lill-kontropartijiet Ċiniżi tagħhom fl-2008, li jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni politika realistika u sostenibbli għall-kwistjoni tat-Tibet;

7.

Jirrifjuta l-argument tal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li l-impenn tal-gvernijiet mal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama u l-membri tat-tmexxija Tibetana eletta demokratikament u l-espressjoni ta' appoġġ mill-gvernijiet għal sejba ta' soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni tat-Tibet permezz ta' djalogu u negozjati jikkostitwixxu ksur tal-Politika ta' Ċina Waħda;

8.

Jitlob biex l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jagħtu awtonomija sinifikanti lit-territorju storiku tat-Tibet;

9.

Jesprimi d-diżappunt li l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kienx lest jissokta bid-djalogu mal-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama sa minn Jannar 2010 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jibdew diskussjonijiet sinifikanti mar-rappreżentanti tal-Amministrazzjoni Ċentrali Tibetana dwar il-ġejjieni tat-Tibet;

10.

Jinsisti li l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina tirrispetta l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin tat-Tibetani;

11.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jippermettu stħarriġ internazzjonali indipendenti, li għandu jitwettaq fir-rigward tal-protesti tal-2008 u l-konsegwenzi ta' dawn, u jitlob għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

12.

Jikkundanna kwalunkwe forma ta' tortura ta' persuni ħabsin u jistieden u jitlob lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina bie jippermettu spezzjoni internazzjonali indipendenti tal-ħabsijiet u taċ-ċentri ta' detenzjoni fit-Tibet;

13.

Itenni l-kundanna tiegħu tal-attakki kontinwi min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq il-monasteri Tibetani u jitlob lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi l-libertà tat-twemmin reliġjuż lill-poplu tat-Tibet kif ukoll liċ-ċittadini kollha tiegħu;

14.

Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar mill-vittmi kollha li taw in-nar lilhom infushom fit-Tibet;

15.

Itenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar minn Chedun Choekyi Nyima, il-11il Panchen Lama;

16.

Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi jħarsu l-libertajiet fundamentali lingwistiċi, kulturali, reliġjużi u libertajiet oħra tat-Tibetani u biex jevitaw politiki ta' ċaqliq favur il-persuni Han u għaż-żvantaġġ tat-Tibetani f'territorji storiċi tat-Tibet kif ukoll jisfurzaw nomadi Tibetani jabbandunaw l-sitil ta' għajxien tradizzjonali tagħhom;

17.

Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha u jippermettu aċċess mingħajr ostakli u libertà tal-moviment madwar it-Tibet lill-midja indipendenti, lill-ġurnalisti u lis-sorveljanti tad-drittijiet tal-bniedem;

18.

Jitlob li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, ladarba jinħatar, jirrapporta regolarment dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, b'mod partikolari ir-rigward tat-Tibet;

19.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex taħtar koordinatur speċjali b'mandat li jirrapporta b'mod regolari dwar it-Tibet sabiex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Tibetan, inkluż id-dritt tagħhom li jippreservaw u jiżviluppaw l-identità distintiva u t-turija reliġjuża, kulturali u lingwistika ta' din l-identità, biex jingħata appoġġ lil djalogu kostruttiv u negozjati bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama u biex tingħata għajnuna lir-refuġjati Tibetani, b'mod partikolari fin-Nepal u fl-Indja;

20.

Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet f'kull laqgħa mar-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvern Tibetan f'eżilju, lill-parlament Tibetan f'eżilju u lill-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0474.

(2)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 118.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0158.


Top