Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0252

    Segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2012/2673(RSP))

    ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 63–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 332/63


    L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
    Segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    P7_TA(2012)0252

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2012/2673(RSP))

    2013/C 332 E/11

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ prinċipji għall-osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet, imfakkra min-Nazzjonijiet Uniti f’Ottubru 2005,

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, ratifikata mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) fl-1982,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-missjonijiet ta’ assistenza u ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun,

    wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/769/PESK tad-19 ta' Ottubru 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Kongo),

    wara li kkunsidra l-missjoni għar-riforma tas-settur tas-sigurtà EUSEC RD Kongo, stabbilita f'Ġunju 2005 (Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta' Mejju 2005 dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea biex tipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)),

    wara li kkunsidra l-mandat tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE (MOE UE) għall-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi tat-28 ta’ Novembru 2011 li tagħti evalwazzjoni dettaljata, imparzjali u indipendenti tal-proċess elettorali, skont il-qafas ġuridiku nazzjonali u reġjonali imma wkoll skont l-istandards u t-trattati internazzjonali ffirmati mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra l-mandat tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ngħaqdet mal-MOE UE u approvaw il-konklużjonijiet tagħha,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 2011 tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Komuni tat-2 ta’ Diċembru 2011 tar-Rappreżentant Għoli Ashton u tal-Kummissarju Piebalgs dwar l-elezzjonijiet u d-Dikjrazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-MOE UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti Nazzjonali (INEC), maħruġa f'April 2012,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-MOE UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kkonkludiet fir-rapport finali tagħha li l-proċess elettorali kien karatterizzat min-nuqqas ta' trasparenza u ta’ kredibilità minħabba d-diversi irregolaritajiet u frodi li ġew osservati;

    B.

    billi l-MOE UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo għamlet 22 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi Kongoliżi għal titjib fit-trasparenza u l-kredibilità tal-proċess elettorali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jitpoġġew fil-prattika fil-perspettiva tal-elezzjonijiet provinċjali u lokali li se jsiru fil-futur qarib;

    C.

    billi meta tkellmet f'isem l-UE, il-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tenniet it-tħassib dwar in-nuqqasijiet gravi u n-nuqqas ta' trasparenza fil-ġbir u l-publikazzjoni tar-riżultati elettorali li kienu rrapurtati, fost affarijiet oħra, mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni tal-UE;

    D.

    billi minkejja n-nuqqasijiet identifikati mill-awtoritajiet Kongoliżi nfushom u mill-INEC, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kkonfermat ir-riżultati definittivi taż-żewġ elezzjonijiet u fis-16 ta' Diċembru 2011 ħabbret lill-President fil-kariga, Joseph Kabila, President rielett;

    E.

    billi l-iskadenza għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet provinċjali u lokali tal-25 ta’ Marzu 2012 ma ġietx rispettata, u billi fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-INEC ħabbar kalendarju rivedut għall-elezzjonijiet provinċjali, tal-bliet, muniċipali u lokali li jestendi l-proċess elettorali sal-2014;

    F.

    billi l-prinċipju tal-parteċipazzjoni ndaqs tal-kandidati kollha fil-midja ma setax jiġi garantit mill-Kunsill Superjuri Awdjoviżiv u tal-Komunikazzjoni (CSAC);

    G.

    billi l-impunità għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem qed joħloq klima ta’ nuqqas ta’ sigurtà u billi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo għadha qed tqajjem tħassib, minħabba li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem motivat politikament żdied waqt il-preparazzjoni tal-elezzjoni presidenzjali;

    H.

    billi r-ripressjoni kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fil-Kongo kibret, u dawn qed jiġu arrestati u intimidati b’mod arbitrarju;

    I.

    billi l-qtil ta’ Floribert Chebeya Bahizire, wieħed mill-attivisti Kongoliżi ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, u l-mod ta’ kif ġiet trattata l-kwistjoni mhumiex biss delitti serji fihom infushom iżda wkoll l-agħar messaġġ possibbli għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem Kongoliżi;

    J.

    billi nqalgħu għadd kbir ta’ problemi waqt il-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni, inkluża l-bidla għal sistema ta’ vot wieħed għall-elezzjonijiet presidenzjali, reġistru elettorali mhux validat, nuqqas ta’ leġittimità min-naħa tal-INEC, qafas legali inadegwat u applikat ħażin u l-ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema;

    K.

    billi skont il-pakkett A tal-Għaxar FEŻ, l-UE tappoġġa proġetti tal-governanza tajba, bħst-twettiq ta’ elezzjonijiet demokratiċi u trasparenti;

    L.

    billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal dawn l-elezzjonijiet ammontat għal EUR 47,5 miljun, EUR 2 miljuni addizzjonali għas-sigurtà; japprezza l-involviment personali ta' 147 osservatur fl-operazzjoni ta’ sorveljanza tal-elezzjoni bħala parti mill-EOM UE DRC 2011;

    M.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu 1991 adottata fit-28 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU pprolonga l-mandat tal-30 ta' Ġunju 2012 Missjoni tan-NU għall-Istabilità fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (Monusco);

    N.

    billi ż-żieda fil-qgħad, id-degradazzjoni tal-qagħda soċjali u ż-żieda tal-faqar fost il-popolazzjoni huma wkoll fatturi li jiddeterminaw l-instabilità politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    O.

    billi 1,7 miljun persuna ġew spostati internament, filwaqt li 426,000 persuna ħarbu lejn il-pajjiż ġirien;

    1.

    Jemmen li l-bini ta' soċjetà demokratika jirrikjedi, fuq kollox, rieda politika qawwija u viżjoni ambizzjuża min-naħa tal-mexxejja politiċi, tal-gvernijiet u tal-gruppi tal-oppożizzjoni, bil-għan li jibnu l-istituzzjonijiet politiċi biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem, soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-popolazzjoni;

    2.

    Hu tal-fehma li l-mexxejja politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet reliġjużi u l-assoċjazzjonijiet tan-nisa fir-RDK għandhom jilħqu konsensus nazzjonali fuq istituzzjonijiet adegwati u xierqa, jistabbilixxu u jaqblu dwar proċeduri li permezz tagħhom jistgħu jiġu implimentati prattiki demokratiċi;

    3.

    Iqis li sistemi ġudizzjarji u tal-midja li jkunu indipendenti huma essenzjali fit-tiswir u r-regolamentazzjoni tal-proċess demokratiku bl-għan li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, fil-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi inkluż parlament li jiffunzjona msejjes fuq il-pluraliżmu politiku, u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili;

    4.

    Hu tal-fehma li l-elezzjonijiet huma meħtieġa, iżda minnhom infushom mhumiex biżżejjed biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal proċess tad-demokratizzazzjoni, li jinvolvi aktar minn sempliċi organizzazzjoni ta’ elezzjoni; iqis li biex id-demokratizzazzjoni tkun suċċess, impenn għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż u għar-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet, bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi, hu kriċjali;

    5.

    Isellem lill-poplu Kongoliż li pparteċipa bi ħġaru fl-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi ta' Novembru 2011, u b'hekk wera kemm hi kbira x-xewqa tiegħu għall-bini ta' demokrazija ġenwina fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    6.

    Iħeġġeġ lill-gvern jibda djalogu politiku mal-partijiet kollha, inklużi l-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, biex titwitta t-triq għal demokrazija ġenwina u r-riformi politiċi fil-pajjiż;

    7.

    Jenfasizza l-importanza li titwaqqaf Qorti Kostituzzjonali li tassigura aktar trasparenza fil-proċess elettorali speċjalment fir-rigward tas-soluzzjoni ta’ tilwimiet elettorali;

    8.

    Itenni li osserva li l-INEC ma wettqitx dmirha sewwa u jirrakkomanda riforma mill-qiegħ ta’ diversi aspetti u li l-kompożizzjoni tagħha tiġi riveduta biex issir verament paritarja u aktar rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili Kongoliża;

    9.

    Jilqa' r-rieda tal-INEC li terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja fost l-atturi differenti u li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-EOM tal-UE, jistieden lill-INEC, f'dan ir-rigward, biex tissuġġerixxi linja ta' azzjoni speċifika u xierqa;

    10.

    Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili Kongoliża fil-proċess elettorali f’termini ta’ promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika u osservazzjoni nazzjonali; jitlob għaldaqstant lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jakkumpanjaw lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-isforzi tagħha favur il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-paċi, jappoġġaw lill-NGOs Kongoliżi fil-ħolqien ta’ kuxjenza tal-eletturi u fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet u biex isostnu lill-poplu Kongoliż fir-rieda tiegħu għad-demokrazija u l-ġustizzja soċjali;

    11.

    Iħeġġeġ l-istabbiliment ġenwin u effikaċi tal-CSAC, biex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ parteċipazzjoni ndaqs fuq il-midja tal-kandidati kollha tal-elezzjonijiet;

    12.

    Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta’ vjolenza u l-ksur tad-drittijiet fundamentali waqt l-elezzjonijiet tat-28 ta' Novembru 2011 u jitlob lill-awtoritajiet Kongoliżi jagħmlu l-isforzi kollha biex iwettqu l-inkjesti meħtieġa biex jinstabu l-persuni li wettquhom; ifaħħar ix-xogħol tal-forzi tas-sigurtà u tal-ordni fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu b’mod effettiv il-ksur kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

    13.

    Jenfasizza li ma kienx hemm progress sinifikanti fl-informazzjoni ġudizzjarja aperta dwar il-każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-istupri tal-massa; josserva li l-qrati għadhom, fil-parti l-kbira tagħhom, mhux kapaċi joffru ġustizzja u reparazzjoni lill-vittmi;

    14.

    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-qattiela tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Chebeya, minkejja s-sentenza tal-Qorti, għadhom ħielsa; iħeġġeġ lis-sistema tal-ġustizzja Kongoliża tqis l-appell ppreżentat mill-armla Chebeya kontra din is-sentenza, u tiffissa data għas-smigħ ta’ dan l-appell;

    15.

    Jappella lill-awtoritajiet Kongoliżi, f’isem il-libertà tal-espressjoni, biex ma jostakolawx – direttament jew indirettament – ix-xandir fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tad-dokumentarju tal-produttur Thierry Michel li jitratta l-każ ta’ Chebeya;

    16.

    Jitlob lill-Gvern Kongoliż jimpenja ruħu favur prattika politika li tirrispetta verament id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, ta’ manifestazzjoni u tar-reliġjon, u biex tintemm id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kontroll fuq is-servizzi tas-sigurtà;

    17.

    Jistieden lill-Gvern attwali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex iżid l-isforzi domestiċi tiegħu ħalli jinforza l-istat tad-dritt u jiżgura s-sigurtà għall-poplu Kongoliż fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Prim Ministru, bħala l-membru tal-Gvern li hu responsabbli għall-finanzi pubbliċi, biex jiżgura li l-ogħla standards ta' ġestjoni finanzjarja u ta' proċeduri baġitarji sodi jsiru l-istandard fid-deċiżjonijiet tat-tfassil tal-politiki tal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    18.

    Josserva li d-diskriminazzjoni kontra n-nisa – li xxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħajja politika – għadha qed issir, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tħaddan il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-parità bejniethom f’diversi sitwazzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; jissuġġerixxi li jittieħdu l-miżri kollha meħtieġa biex tkun żgurata l-integrazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u l-emendar tal-liġi elettorali biex ikun żgurat il-prinċipju tal-parità bejn in-nisa u l-irġiel;

    19.

    Jilqa’ t-tħabbira mill-Bureau tal-INEC, magħmula permezz ta’ stqarrija għall-istampa maħruġa fis-6 ta' Ġunju 2012, tad-deċiżjoni tiegħu N 019/CEN/BUR/12 li tiffissa kalendarju rivedut għall-elezzjonijiet provinċjali, tal-bliet, muniċipali u lokali li jestendi l-proċess elettorali sal-2014;

    20.

    Jistieden lill-INEC jippreżenta pjan ta’ organizzazzjoni u pjan baġitarju li juru b’mod ċar kif se jiġu organizzati l-elezzjonijiet li ġejjin; jitlob li dawn il-pjanijet jiġu sottometti lill-partijiet politiċi kollha u lis-soċjetà ċivili għal approvazzjoni;

    21.

    Jappella lill-membri kollha tal-maġġoranza presidenzjali, l-oppożizzjoni u l-administrazzjoni publbika, u lis-soċjetà ċivili u lill-poplu Kongoliż b'mod ġenerali, biex jiżguraw li l-elezzjonijiet inklużi fil-kalendarju relettorali rivedut għall-perjodu 2012-2014 ikunu trasparenti, kredibbli u affidablli u li jkunu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

    22.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-proċess elettorali Kongoliż dipendenti fuq it-twettiq effettiv tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE UE;

    23.

    Jisħaq li l-qagħda tas-sigurtà u dik umanitarja fil-pajjiż għadha theddida għall-istabilità fir-reġjun, u jenfasizza li l-paċi, s-sigurtà, id-demokrazija u l-governanza tajba huma prekundizzjonijiet għall-iżvilupp fit-tul tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    24.

    Jitlob lill-Parlament Kongoliż jinvolvi ruħu fix-xogħol ta’ monitoraġġ tas-settur tal-estrazzjoni u biex titqies il-possibilità ta’ inkjesta indipendenti bl-għan li jkun żgurat li dan is-settur iwettaq l-attivitajiet tiegħu b’mod trasparenti;

    25.

    Jappoġġa l-ħolqien tal-kariga ta’ Rapporteur Speċjali għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll it-tiġdid tal-mandat tal-Monusco biex titħares il-popolazzjoni ċivili;

    26.

    Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza malajr kemm jista' jkun;

    27.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tar-reġjun tal-Għadajjar il-Kbar, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.


    Top