Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0248

    Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel (2012/2659(RSP))

    ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 332/49


    L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
    Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel

    P7_TA(2012)0248

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel (2012/2659(RSP))

    2013/C 332 E/08

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tat-2 ta' Mejju 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton li tilqa' r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012;

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2011 dwar is-Sudan, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2011 (1),

    wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar in-Non-Aggressjoni u l-Kooperazzjoni ffirmat fl-10 ta' Frar 2012 bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tat-28 ta' Marzu 2012 u tal-11 ta' April 2012 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, dwar il-konflitti armati fil-fruntieri bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tas-17 ta' April 2012 li appellat lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jaġixxu b'mod responsabbli u jisimgħu l-appelli li saru min-naħa tal-UA u tal-komunità internazzjonali għal tmiem immedjat tal-konflitt li għaddej bħalissa bejn iż-żewġ pajjiżi,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-16 ta’ April 2012 tal-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel fejn ġie espress tħassib serju dwar l-ostilitajiet li għadhom għaddejjin bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż l-impatt tagħhom fuq persuni ċivili innoċenti,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-19 ta' April 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fejn ħeġġeġ lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel itemmu l-ostilitajiet tagħhom, u b’hekk jevitaw li jerġgħu lura għal l-konflitti li fi żmien għoxrin sena diġà swew miljuni ta' ħajjiet,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel tat-23 ta' April 2012 (it-3159 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin) li esprimew it-tħassib serju tal-UE dwar l-eskalazzjoni tal-konflitt bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

    wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel spjegat fil-komunikat uffiċjali maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA fl-24 ta' April 2012, li l-UE tappoġġja għalkollox,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

    wara li kkunsidra l-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza tas-Sigurtà Interim tan-NU għal Abyei (UNISFA),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fit-30 ta' Mejju 2012,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi inċidenti ripetuti ta' vjolenza transkonfinali bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, inklużi l-movimenti tat-truppi, il-ħtif u l-okkupazzjoni ta' Heglig, l-appoġġ għal qawwiet sostituti, l-appoġġ għar-ribelli ta' xulxin, il-ġlied bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA) għamlu l-konflitt bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel konfrontazzjoni vera u proprja;

    B.

    billi l-ġlied bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u l-ġlied kontinwu fl-istat tal-Kordofan tan-Nofsinhar u tan-Nil l-Iżraq ħolqu sitwazzjoni umanitarja serja ġewwa s-Sudan;

    C.

    billi n-nuqqas ta' qbil dwar arranġamenti ekonomiċi transizzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż dwar l-użu taż-żejt, wassal sabiex Kartum jaħtaf lis-Southern Oil (‘Iż-Żejt tan-Nofsinhar’) u għad-deċiżjoni tas-Sudan t'Isfel li jwaqqaf il-produzzjoni taż-żejt, u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-kriżi preżenti;

    D.

    billi fid-29 ta' Ġunju 2011 ġie konkluż il-Ftehim bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel dwar is-Sigurtà tal-Fruntieri u l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, inkluż l-impenn biex tinħoloq żona tal-fruntiera sikura u demilitarizzata (SDBZ), u fit-30 ta' Lulju 2011 ġie konkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel;

    E.

    billi s-Sudan t'Isfel ħabbar l-irtirar immedjat tiegħu miż-żona ta' Abyei skont il-Ftehim bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel tal-20 ta’ Ġunju 2011;

    F.

    billi l-abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà proposti lill-Partijiet mill-Panel Implimentattiv ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana tal-4 ta' April 2012 jipprovdu bażi soda sabiex tiġi stabbilita sigurtà reċiproka tul il-fruntiera komuni bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel;

    G.

    billi r-riżoluzzjoni adottata b'mod unanimu mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-2 ta' Mejju 2012 approvat Pjan Direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel sabiex iwaqqfu l-ostilitajiet u jirriżolvu l-kwestjonijiet li għad fadlilhom wara s-seċessjoni fit-tliet xhur li ġejjin;

    H.

    billi kemm is-Sudan u kemm is-Sudan t'Isfel laqgħu il-Pjan Direzzjonali u kkonfermaw l-impenn tagħhom għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet; billi, madankollu, it-tensjonijiet għadhom kbar;

    I.

    billi fl-4 ta' Ġunju 2012 kemm is-Sudan u kemm is-Sudan t'Isfel bdew l-ewwel taħdidiet ta' livell għoli dwar is-sigurtà tal-fruntieri minħabba li serje ta' konflitti fil-fruntieri heddew li jkaxkru l-gwerra ċivili ta' qabel lura għal kunflitt fuq skala kbira;

    J.

    billi l-UE tagħti importanza partikolari lill-attivazzjoni immedjata tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Verifika u ta' Monitoraġġ tal-Fruntieri billi jiġu mibgħuta osservaturi internazzjonali u persunal ieħor fit-territorju sabiex jimmonitorjaw dak li qed jiġri u jgħinu fl-iżgurar tal-konformità;

    K.

    billi s-Sudan u s-Sudan t'Isfel huma milquta minn nixfa serja u n-nies bdew jiċċaqilqu biex ifittxu l-ikel, u billi, skont l-uffiċjali tan-NU, madwar miljun ruħ jistgħu jkunu fir-riskju li jmutu bil-ġuħ jekk ma taslilhomx għajnuna f’ikel fix-xhur li ġejjin;

    1.

    Jilqa’ l-fatt li s-Sudan u s-Sudan t’Isfel it-tnejn qablu dwar il-Pjan Direzzjonali approvat fir-Riżoluzzjoni 2046(2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012 u kkonfermaw l-impenn tagħhom li jwaqqfu l-ġlied b’effett immedjat; jilqa' t-tkomplija tan-negozjati diretti ġewwa Addis Ababa, kif ukoll ir-rwol tal-Unjoni Afrikana u l-medjazzjoni tas-Sur Thabo Mbeki f'dan il-proċess;

    2.

    Iħeġġeġ lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel juru r-rieda politika u prattika tagħhom li jsegwu t-triq tal-paċi billi jindirizzaw it-tħassib taż-żewġ naħat rigward is-sigurtà permezz ta' negozjati sinifikattivi fil-qafas tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, billi jibdew billi joħolqu żona tal-fruntieri li tkun sikura u demilitarizzata u bl-irtirar mingħajr kundizzjonijiet tal-qawwiet armati tagħhom kollha lejn in-naħa tal-fruntiera tagħhom, skont il-ftehimiet adottati preċedentement, inkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri tat-30 ta' Lulju 2011;

    3.

    Jitlob li l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Verifika u ta' Monitoraġġ tal-Fruntieri (JBVMM) jiġi attivat immedjatament billi jintbagħtu osservaturi internazzjonali u persunal ieħor fit-territorju sabiex jimmonitorjaw u jgħinu fl-iżgurar tal-konformità;

    4.

    Jistieden lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jimplimentaw l-aspetti pendenti tal-Ftehim tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar l-Arranġamenti Temporanji Amministrattivi u ta' Sigurtà għaż- żona ta' Abyei, b'mod partikulari l-iskjerar mill-ġdid tal-qawwiet kollha tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel 'il barra miż-żona ta' Abyei; jilqa’ l-irtirar minn Heglig tal-armata tas-Sudan t'Isfel u jistieden lill-Gvern tas-Sudan jagħmel l-istess; jitlob għall-waqfien immedjat tal-bumbardamenti mill-ajru fuq is-Sudan t'Isfel mill-Qawwiet Armati Sudaniżi;

    5.

    Jistieden lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jieqfu milli jospitaw, u milli jappoġġaw, gruppi ribelli kontra l-istat l-ieħor;

    6.

    Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw għalkollox il-paragrafi 7 u 16 tad-Deċiżjoni tal-24 ta’ April 2012 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li ttenni li l-konfini territorjali tal-istati m’għandhomx jiġu mibdula bil-forza u li kwalunkwe tilwim territorjali għandu jiġi solvut esklussivament permezz ta’ mezzi politiċi, paċifiċi u li jkun hemm qbil dwarhom mill-partijiet kollha u li ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari tal-konflitt fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fin-Nil l-Iżraq;

    7.

    Jistieden lill-UE tkompli taħdem mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha, b'mod partikolari l-UA, u n-NU, biex jiġi żgurat li s-Sudan u Sudan t'Isfel jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012 dwar il-Pjan Direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel;

    8.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba s-sitwazzjoni umanitarja maħluqa mill-ġlied ta’ bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, u l-ġlied li għadu għaddej fl-istati tal-Kordofan tan-Nofsinhar u tan-Nil l-Iżraq fis-Sudan; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza li twettqu kontra l-persuni ċivili bi ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem;

    9.

    Jistieden liż-żewġ partijiet jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tan-nisa u tal-persuni li jappartienu lill-gruppi vulnerabbli, u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, inkluża l-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li dawk responsabbli għall-ksur serju ta' tali liġi, inkluża l-vjolenza sesswali, iwieġbu għal dawn l-atti;

    10.

    Iħeġġeġ bil-qawwi lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel sabiex jikkonċedu l-aċċess umanitarju għall-popolazzjoni milquta fiż-żoni tal-konflitt, b’mod partikolari fil-Kordofan t’Isfel u fin-Nil l-Iżraq, filwaqt li jiġi żgurat, skont il-liġi internazzjonali u l-liġi internazzjonali umanitarja, l-aċċess sikur, mhux ostakolat u immedjat tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' persunal umanitarju ieħor, kif ukoll il-forniment ta' provvisti u tagħmir, sabiex il-persunal ikun jista' jwettaq b'mod effiċjenti l-kompitu tiegħu li jassisti l-popolazzjoni ċivili milquta mill-konflitt;

    11.

    Iħeġġeġ liż-żewġ naħat iwaqqfu r-retorika xewwiexa u l-propoganda ostili, li jwasslu għal demonizzazzjoni reċiproka, ksenofobija u theddid ta' vjolenza; jistieden liż-żewġ gvernijiet jieħdu responsabilità sħiħa għall-ħarsien taċ-ċittadini taż-żewġ naħat skont il-prinċipji internazzjonali, b'konsistenza mal-Ftehim Qafas dwar l-Istatus ta' Ċittadini tal-Istat l-Ieħor u Kwestjonijiet Relatati li inbeda f'Marzu 2012;

    12.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jestendi l-mandat tal-UNMIS u li jibgħat forzi addizzjonali għaż-żamma tal-paċi fis-Sudan; iqis li preżenza kontinwa tan-NU hija siewja ferm għall-iżvilupp paċifiku ta' żewġ stati vijabbli; jistieden kemm lis-Sudan kif ukoll lis-Sudan t'Isfel jilqgħu l-preżenza tan-NU u jiżguraw is-sikurezza tagħha;

    13.

    Iħeġġeġ bil-qawwa lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti politiċi u ekonomiċi transizzjonali li għad mhumiex solvuti, inkluż dwar l-użu taż-żejt; itenni li prekundizzjoni biex jinkisbu l-paċi u l-istabilità fir-reġjun hi li jiġu solvuti l-kwestjonijiet tad-demarkazzjoni tal-fruntieri;

    14.

    Jistieden lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jużaw is-servizzi tal-Programm tal-Fruntieri tal-UA, li jistgħu jgħinu lill-partijiet fir-riżoluzzjoni tal-preokkupazzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-delinjament, id-demarkazzjoni u r-riżoluzzjoni taż-żoni li hemm tilwim dwarhom abbażi tal-aħjar prattiki Afrikani u l-prinċipji internazzjonali;

    15.

    Jinsab konvint li l-istabilità fit-tul fir-reġjun teħtieġ strateġija internazzjonali ġdida, magħquda u komprensiva, li fiha l-UE tkun twettaq rwol flimkien ma' atturi globali u reġjonali oħra, li tkun tiffoka mhux biss fuq il-kwestjonijiet Tramuntana-Nofsinhar u fuq is-sitwazzjoni fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fin-Nil l-Iżraq, iżda wkoll fuq il-proċess ta' riforma li ilu li messu sar ġewwa s-Sudan u l-approfondiment tar-riformi demokratiċi fis-Sudan t'Isfel; jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni jkunu lesti joffru l-assistenza neċessarja jekk il-Partit tal-Kungress Nazzjonali tas-Sudan (NCP) li qed jiggverna jaċċetta djalogu nazzjonali liberu u mingħajr ostakli immirat biex jistabbilixxi arranġamenti kostituzzjonali inklużivi aċċettati minn kulħadd u jieħu passi ġenwini sabiex tinġieb fi tmiemha l-impunità ġewwa d-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u n-Nil l-Iżraq;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali jonoraw l-impenji tagħhom ta' ffinanzjar għar-reġjun, u b’mod partikolari biex jindirizzaw l-iskarsezzi severi li hemm tal-għajnuna f’ikel, tar-rifuġju ta' emerġenza u tal-protezzjoni; jitlob li tingħata attenzjoni mill-qrib lis-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel u li jiġu stabbiliti miżuri kemm-il darba s-sitwazzjoni tmur għall-agħar;

    17.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-President tal-Panel ta' Livell Għoli dwar is-Sudan tal-Unjoni Afrikana, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.


    (1)  ĠU L 142, 28.5.2011, p. 61.


    Top