Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0245

    Perspettivi finanzjarji multiannwali u riżorsi proprji Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar Perspettivi Finanzjarji Multiannwali u riżorsi proprji (2012/2678(RSP))

    ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 332/42


    L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
    Perspettivi finanzjarji multiannwali u riżorsi proprji

    P7_TA(2012)0245

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar Perspettivi Finanzjarji Multiannwali u riżorsi proprji (2012/2678(RSP))

    2013/C 332 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1),

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 311 u 312 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva" (2),

    wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu ‘Baġit għall-Ewropa 2020',

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill huwa meħtieġ jadotta regolament li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM), billi jaġixxi b'mod unanimu, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament;

    B.

    billi, skont l-Artikolu 311 TFUE, l-Unjoni trid tipprovdi lilha nnifisha l-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politika tagħha, u għandha tkun iffinanzjata għal kollox minn riżorsi proprji;

    C.

    billi l-Presidenza Daniża attwalment fil-kariga qed timmira li tippreżenta lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju dik li qed tissejjaħ "kaxxa ta' negozjar" li tippreżenta għażliet għall-aspetti kollha tan-negozjati, anke min-naħa tad-dħul iżda teskludi kwalunkwe ċifra f'dan l-istadju;

    D.

    billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija qabel tat-8 ta' Ġunju 2011, il-Parlament stabbilixxa l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-QFM li jmiss, kemm mil-lat leġiżlattiv kif ukoll mil-lat baġitarju, b'mod li pprovda bażi soda għan-negozjati;

    E.

    billi l-programmi multiannwali relatati mal-QFM li jmiss se jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

    F.

    billi talab ripetutament li jinħolqu riżorsi proprji ġodda u ġenwini;

    1.

    Jisħaq li l-baġit tal-UE hu baġit ta’ investiment b'effett qawwi ta' ingranaġġ, meta jitqies li 94 % tal-approprjazzjonijiet tiegħu huma ddedikati għall-istimular tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u r-rwol tal-Unjoni bħala attur dinji; jenfasizza li minkejja d-daqs limitat tiegħu – 2 % biss tal-infiq pubbliku tal-Unjoni – il-baġit tal-UE jiġbor flimkien ir-riżorsi, jaġixxi ta’ katalist u jipprovdi ekonomiji ta’ skala u effetti transkonfinali biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-UE li jkun sar qbil dwarhom komunement; jinsab konvint b’mod qawwi li l-baġit tal-UE jirrappreżenta għodda b'saħħitha ħafna biex jiżdied l-investiment strateġiku b'valur miżjud Ewropew u biex l-ekonomija Ewropea terġa’ lura fit-triq it-tajba, u b’hekk jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li titrawwem il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni kollha; jenfasizza, għaldaqstant, li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jwettaq rwol strateġiku, b’mod parallel mal-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja li hemm imposti bħalissa fuq il-baġits nazzjonali;

    2.

    Ifakkar li hu kien adotta b’maġġoranza kbira r-rapport tal-kumitat speċjali dwar l-isfidi tal-politika u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni Ewropea sostenibbli wara l-2013 (SURE) fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011, li l-kontenut tagħha għadu validu għal kollox u li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tiegħu tan-negozjar għall-QFM 2014-2020; itenni li mhux se jkun possibbli li jintlaħqu l-għanijiet politiċi kollha tal-Unjoni mingħajr finanzjament adegwat minn baġit tal-UE robust; jisħaq li l-Istrateġija Ewropa 2020, approvata mis-27 Stat Membru kollha, għandha tgħin lill-Unjoni tirkupra mill-kriżi u toħroġ aktar b'saħħitha permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu kontra kwalunkwe proposta li ma tkunx tippermetti lill-Unjoni twettaq ir-rwol tagħha u l-impenji politiċi li diġà tat jew tirrispondi għal responsabilitajiet ġodda;

    3.

    Jinsisti li l-baġit tal-UE għandu juri bilanċ xieraq bejn id-dħul minn riżorsi proprji ġenwini u l-infiq, kif jitlob it-Trattat; jiddikjara li mhux lest jagħti l-kunsens tiegħu għar-regolament tal-QFM li jmiss mingħajr ftehim politiku dwar riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, li ġġib fi tmiemhom ir-ribassi eżistenti u mekkaniżmi oħra ta’ korrezzjoni u li twassal għal aktar trasparenza, ġustizzja u sostenibilità; jilqa’ l-proposti leġiżlattivi magħmula mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, inklużi l-proposti dwar taxxa fuq it-tranzazzjonijiet finanzjarji (FTT) u VAT ġdida tal-UE bħala riżorsi proprji, li huma maħsuba biex inaqqsu s-sehem fil-baġit tal-UE tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id-dħul nazzjonali gross għal 40 % sal-2020, u b’hekk jingħata kontribut għall-isforzi ta’ konsolidazzjoni tal-Istati Membri;

    4.

    Fid-dawl tal-ambjent makroekonomiku u l-isfidi tad-dinja li qed tinbidel u bl-għan li l-fondi tal-UE jintużaw aħjar u b’mod aktar effiċjenti, jisħaq li l-QFM 2014-2020 għandu jipprovdi flessibilità baġitarja mtejba kemm fl-intestaturi u kemm bejniethom, kif ukoll bejn is-snin finanzjarji fi ħdan il-QFM, biex jiġi żgurat li r-riżorsi baġitarji jkunu jistgħu jiġu allinjati kif jixraq ma’ ċirkostanzi u prijoritajiet li qed jevolvu; jinsisti fuq il-prinċipju tal-unità tal-baġit tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-politika u l-programmi kollha tal-UE għandhom jiġu inklużi fil-QFM b'finanzjament xieraq, biex b'hekk jingħata kontribut għat-trasparenza, il-prevedibilità u l-obbligu li jingħata rendikont;

    5.

    Jitlob b’insistenza li l-pożizzjonijiet politiċi li qabel dwarhom il-Kunsill Ewropew jiġu negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill, kif rappreżentat mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali, qabel ma l-Kunsill jippreżenta l-proposti tiegħu formalment bil-għan li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ir-regolament tal-QFM skont l-Artikolu 312 TFUE; jenfasizza li n-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi multiannwali jsiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jiġu finalizzati ġaladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett finanzjarju tagħhom; jinsab determinat li jagħmel użu sħiħ, skont il-każ, tas-setgħat tiegħu ta’ approvazzjoni u s-setgħat leġiżlattivi ordinarji, kif imnaqqxa fit-Trattat;

    6.

    Jenfasizza li l-għanijiet u l-politika tal-QFM għandhom jiġu miftiehma qabel ma tiġi assenjata lilhom xi ċifra, u jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jagħmlu negozjati vera u proprji dwar l-aspetti kollha relatati mal-QFM qabel ma jassenjaw iċ-ċifri u qabel ma jagħmlu l-aġġustamenti aħħarin tal-pakkett tal-QFM kollu kemm hu; jemmen li l-prinċipju li ‘xejn mhu miftiehem qabel ma kollox hu miftiehem’ hu metodu ta’ ħidma xieraq;

    7.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0266.


    Top