Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0237

    Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni: lejn ċibersigurtà dinjija Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Ġunju 2012 dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija (2011/2284(INI))

    ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 22–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 332/22


    It-Tlieta 12 ta’ Ġunju 2012
    Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni: lejn ċibersigurtà dinjija

    P7_TA(2012)0237

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija (2011/2284(INI))

    2013/C 332 E/03

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 intitolata ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu’ (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 intitolata ‘governanza tal-Internet: il-passi li jmiss’ (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 intitolata ‘Il-broadband Ewropew investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’ (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0167/2012),

    A.

    billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jistgħu jużaw il-kapaċità sħiħa tagħhom sabiex jitmexxew 'il quddiem l-ekonomija u s-soċjetà biss jekk l-utenti jkollhom il-fiduċja u l-kunfidenza fis-sigurtà u r-reżiljenza tagħhom, u jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar kwistjonijiet bħall-privatezza tad-dejta u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiġi infurzata b’mod effettiv fl-ambjent tal-internet;

    B.

    billi l-impatt tal-internet u tal-ICT fuq aspetti differenti ta’ ħajjiet iċ-ċittadini qiegħed jikber b’mod veloċi, u billi huma muturi kruċjali għall-interazzjoni soċjali, l-arrikkiment kulturali u t-tkabbir ekonomiku;

    C.

    billi s-sikurezza tal-ICT u tal-Internet hija kunċett komprensiv b’impatt globali fl-aspetti ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi u militari li jitlob definizzjoni u distinzjoni ċara tar-responsabilitajiet, u mekkaniżmu robust ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

    D.

    billi l-iskop tal-Aġenda Diġitali tal-UE hu li tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE, abbażi tat-tisħiħ tal-ICT, u li jinħolqu l-kondizzjonijiet għal tkabbir kbir u robust u għal impjiegi bbażati fuq it-teknoloġija;

    E.

    billi s-settur privat jibqa’ fil-pożizzjoni primarja bħala investitur, sid u ġestur tal-prodotti, is-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-infrastruttura tas-sikurezzà tal-informazzjoni, b’investiment ta’ biljuni ta’ ewro matul l-aħħar deċennju; billi dan l-involviment għandu jissaħħaħ permezz ta’ strateġiji xierqa ta’ politika għall-promozzjoni tar-reżiljenza tal-infrastrutturi li huma operati minn entitajiet pubbliċi, privati jew pubbliċi-privati, jew li huma l-proprjetà ta’ entitajiet bħal dawn;

    F.

    billi l-iżvilupp ta’ livell għoli ta’ sigurtà u reżiljenza fin-netwerks, fis-servizzi u t-teknoloġiji tal-ICT għandu jżid il-kompetettività tal-ekonomija tal-UE, kemm bit-titjib tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ċibernetiku kemm bil-għoti lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni isħaħ ħalli jsostnu l-innovazzjoni u t-tkabbir, billi joħolqu l-opportunitajiet għalbiex l-impriżi jsiru aktar produttivi;

    G.

    billi d-data disponibbli dwar l-infurzar tal-liġi għaċ-ċiberkriminalità (li tkopri ċiberattakki, iżda wkoll tipi oħra ta’ kriminalità onlajn) tissuġġerixxi żidiet kbar f’diversi pajjiżi Ewropej; billi madankollu, dejta statistikament rappreżentattiva li tikkonċerna ċ-ċiberattakki mill-infurzar tal-liġi u l-komunità CERT (grupp ta’ reazzjoni f’emerġenzi relatati mal-kompjuters) tibqa’ skarsa u għandha tkun aggregata aħjar fil-futur, biex jiġu permessi reazzjonijiet akbar mill-infurzar tal-liġi madwar l-UE kollha u risponsi leġiżlattivi itjeb għat-theddid ċibernetiku li dejjem qed jevolvi;

    H.

    billi livell xieraq ta’ sigurtà ta’ informazzjoni huwa kruċjali għat-tkabbir robust tas-servizzi bbażati fuq l-Internet;

    I.

    billi l-inċidenti, t-tfixkil u l-attakki ċibernetiċi riċenti kontra l-infrastruttura tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-industrija u tal-Istati Membri juru l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema robusta, innovattiva u effettiva ta' ħarsien tal-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni (CIIP), abbażi ta’ kooperazzjoni internazzjonali sħiħa u standards minimi ta’ reżiljenza fost l-Istati Membri;

    J.

    billi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ toroq ġodda tal-ICT bħall-Cloud computing, jeħtieġ fokus b’saħħtu fuq is-sigurtà tal-Internet jagħmluha possibbli li l-benefiċċji tal-kisbiet teknoloġiċi jkunu jistgħu jiġu sfruttati b’mod sħiħ;

    K.

    billi l-Parlament Ewropew insista ħafna biex jiġu applikati standards għoljin għall-privatezza tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta, in-newtralità tal-Internet u l-protezzjoni intellettwali tad-drittijiet tal-proprjetà;

    Miżuri għat-tisħiħ tas-CIIP fuq livell nazzjonali u tal-Unjoni

    1.

    Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tal-Programm Ewropew għas-CIIP, inkluż it-twaqqif tan-Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN);

    2.

    Iqis li l-isforzi tas-CIIP mhux biss se jtejbu s-sigurtà ġenerali taċ-ċittadini iżda se jtejbu wkoll il-perċezzjoni ta’ sigurtà taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom f’miżuri adottati mill-Gvern għall-ħarsien tagħhom;

    3.

    Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra r-reviżjoni tad-Direttiva 2008/114/KE (4) tal-Kunsill u jitlob biex tiġi pprovduta l-prova tal-effettività u l-impatt tad-direttiva qabel jittieħdu aktar passi; jitlob li tkun ikkunsidrata l-espansjoni tal-ambitu tagħha, l-aktar bl-inklużjoni tas-settur ICT u tas-servizzi finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, li tingħata kunsiderazzjoni lil oqsma bħalma huma s-saħħa, is-sistemi tal-provvista tal-ikel u tal-ilma, ir-riċerka u l-industrija nukleari (fejn dawn ma jkunux koperti b’dispożizzjonijiet speċifiċi); huwa tal-opinjoni li dawn is-setturi għandhom jibbenefikaw ukoll mill-approċċ transettorjali adottat mis-CIIP (li jikkonsisti minn kooperazzjoni, sistema ta’ twissija u l-iskambju tal-aħjar prattiki);

    4.

    Jenfasizza l-importanza li tkun stabbilita u żgurata l-integrazzjoni dewwiema tar-riċerka Ewropea sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-eċċellenza Ewropea fil-qasam tal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP);

    5.

    Jitlob, invista tan-natura interkonnessa u altament interdipendenti, sensittiva, strateġika u vulnerabbli tal-infrastrutturi kritiċi nazzjonali u Ewropej tal-informazzjoni, u għall-aġġornament regolari tal-istandards minimi tar-reżiljenza għall-qagħda ta’ tħejjija u reazzjoni kontra t-tentattivi jew attakki ta' tħarbit, inċidenti, distruzzjoni, bħalma huma dawk riżultanti minn infrastruttura insuffiċjentement robusta jew end-terminals insuffiċjentement imħarsa;

    6.

    Jenfasizza l-importanza ta’ standards u protokolli ta’ sigurtà tal-informazzjoni u jilqa' l-mandat tal-2011 tas-CEN, is-Cenelec u l-ETSI biex jiġu stabbiliti standards ta’ sigurtà;

    7.

    Jistenna li s-sidien u l-operaturi tal-infrastrutturi tal-informazzjoni kritika għandhom jippermettu, u jekk hemm bżonn, jassistu lill-utenti biex jużaw il-mezzi xierqa li jipproteġuhom minn attakki u/jew tfixkil malizzjuż, permezz ta’ superviżjoni umana u awtomatizzata, fejn meħtieġ;

    8.

    Jappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati fil-livell tal-Unjoni, u jinkoraġġixxi l-isforzi tagħhom biex jittieħdu u jiġu żviluppati standards għas-sigurtà u r-reżiljenza għal infrastruttura ta’ informazzjoni kritika ċivili (pubbliċi, privati jew pubbliċi-privati) nazzjonali u Ewropej;

    9.

    Jenfasizza l-importanza ta’ eżerċizzji pan Ewropej bi tħejjija għal inċidenti ta’ sigurtà fin-netwerk fuq skala kbira, u d-definizzjoni ta’ sett uniku ta’ standards għall-valutazzjoni tat-theddid;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-CIIP; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu CERTs nazzjonali/tal-gvern li jkunu jaħdmu tajjeb, iħeġġiġhom ukoll jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ta’ ċibersigurtà, jorganizzaw eżerċizzji nazzjonali u pan-Ewropej regolari dwar iċ-ċiberinċidenti, jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta’ kontinġenza għaċ-ċiberinċidenti għall-iżvilupp ta’ pjan Ewropew ta’ kontinġenza għaċ-ċiberinċidenti sal-aħħar tal-2012;

    11.

    Jirrakkomanda li jidħlu fis-seħħ pjanijiet ta’ sigurtà għall-operatur jew miżuri ekwivalenti għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej ta’ informazzjoni u li jinħatru uffiċjali ta' kollegament tas-sigurtà;

    12.

    Jilqa’ r-rieżami li għaddej bħalissa tad-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (5) dwar attakki kontra s-sistemi ta’ informazzjoni; jinnota l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki fuq skala kbira, billi jiġu inklużi l-ENISA, il-kompetenzi tas-CERTs tal-Istati Membri u tas-CERT Ewropew tal-futur;

    13.

    Iqis li l-ENISA tista’ taqdi rwol importanti fil-livell Ewropew fil-protezzjoni ta’ infrastruttura ta’ informazzjoni kritika, billi tipprovdi kompetenzi tekniċi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll rapporti u analiżi dwar is-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni fil-livell Ewropew u f'dak globali;

    Attivitajiet ulterjuri tal-UE għas-sikurezza robusta tal-internet

    14.

    Iħeġġeġ lill-ENISA sabiex tkompli tikkoordina u timplimenta, fuq bażi annwali, ix-Xhur ta’ Kuxjenza dwar is-Sigurtà tal-Internet tal-UE, sabiex kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà jingħataw attenzjoni speċjali mill-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE;

    15.

    Jappoġġja lill-ENISA, b’konformità mal-għanijiet tal-Aġenda Diġitali, biex teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni tan-netwerk u b’mod partikolari billi jiġu pprovduti gwida u pariri lill-Istati Membri dwar kif għandhom jissodisfaw il-kapaċitajiet bażiċi għas-CERTs tagħhom, kif ukoll jappoġġja l-iskambju tal-aqwa prattiki permezz tal-iżvilupp ta’ ambjent ta’ fiduċja; jitlob lill-Aġenzija biex tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti biex jiġu stabbilti miżuri simili ta’ ċibersigurtà għas-sidien/operaturi tan-netwerks u tal-infrastrutturi privati, kif ukoll biex tingħata assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-użu ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni għas-sigurtà tal-informazzjoni, regoli ta’ mġiba u prattiki ta’ kooperazzjoni fost is-CERTs nazzjonali u Ewropej u s-sidien/operaturi tal-infrastrutturi, kif u fejn meħtieġ permezz tad-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi komuni tat-teknoloġija newtrali;

    16.

    Jilqa’ l-proposta attwali għall-analiżi tal-mandat tal-ENISA, b'mod partikolari l-estensjoni tagħha u għall-espansjoni tax-xogħlijiet tal-aġenzija; jemmen li flimkien mal-għajnuna tagħha lill-Istati Membri billi tipprovdi kompetenzi u analiżi, l-ENISA għandha tkun intitolata li tmexxi numru ta’ xogħlijiet eżekuttivi f’livell tal-UE, u flimkien mal-kontropartijiet rispettivi tagħha fl-Istati Uniti, relatati mal-prevenzjoni u s-sejba ta’ inċidenti ta’ sigurtà tal-informazzjoni u tan-netwerks, filwaqt li ttejjeb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri; jindika li, skont ir-Regolament ENISA, għandu mnejn li lill-aġenzija jiġulha assenjati responsabilitajiet addizzjonali marbutin mar-rispons għall-attakki mill-internet, sal-punt li żżid il-valur mal-mekkaniżmi nazzjonali ta' rispons;

    17.

    Jilqa’ r-riżultati tal-eżerċizzji taċ-Ċibersigurtà Pan-Ewropea tal-2010 u l-2011, li saru madwar l-Unjoni u li ġew immonitorjati mill-ENISA, li l-għan tagħhom kien li jassistu lill-Istati Membri fl-iddisinjar, iż-żamma u l-ittestjar ta’ pjan ta’ kontinġenza pan-Ewropew; jitlob lill-ENISA żżomm eżerċizzji bħal dan fuq l-aġenda tagħha u progressivament tinvolvi lill-operaturi privati rilevanti bħala xierqa ħalli jkabbru l-kapaċitajiet ta’ sigurtà globali tal-Ewropa; jistenna b’ħerqa li jkun hemm aktar espansjoni internazzjonali ma' sħab li għandhom l-istess mod kif jaraw l-affarijiet;

    18.

    Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali taċ-ċibersigurtà, li għandhom jinkludu elementi prinċipali bħal punti ta’ kuntatt rilevanti u dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna, it-trażżin u t-tiswija fil-każ ta’ tfixkil jew ċiberattakki b’rilevanza reġjonali, nazzjonali jew transkonfinali; jinnota li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ ukoll mekkaniżmi u strutturi xierqa ta' koordinazzjoni f’livell nazzjonali, li jgħinu sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar fost awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jagħmlu l-azzjonijiet tagħhom aktar koerenti;

    19.

    Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproponi miżuri vinkolanti permezz tal-pjan ta' kontinġenza tal-UE għaċ-ċiberinċidenti għal koordinament aħjar f'livell tal-UE tal-funzjonijiet tekniċi u ta’ kontroll fost is-CERTs nazzjonali u governattivi;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-infrastruttura kritika miċ-ċiberattakki u biex jipprovdu mezzi biex iwaqqfu l-aċċess għal infrastrutturi kritiċi f’każ li l-funzjonament tagħha jiġi mhedded b’mod serju minn ċiberattakk dirett;

    21.

    Jistenna b’ħerqa l-implimentazzjoni sħiħa bejn is-CERT u l-UE li se tkun fattur ewlieni fil-prevenzjoni, is-sejba, ir-respons u l-irkupru miċ-ċiberattakki intenzjonati u malizzjużi mmirati lejn l-istituzzjonijiet tal-UE;

    22.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipproponi miżuri vinkolanti ddisinjati sabiex jiġu imposti standards minimi dwar is-sigurtà u r-reżiljenza u tittejjeb il-koordinazzjoni fost is-CERTs nazzjonali;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw l-eżistenza ta’ CERTs li jiffunzjonaw tajjeb, u li jkollhom kapaċitajiet minimi ta’ sigurtà u reżiljenza abbażi tal-aqwa prattiki miftiehma; jindika li s-CERTs nazzjonali għandhom ikunu parti minn netwerk effettiv li fih, l-informazzjoni rilevanti tiġi skambjata skont l-istandards neċessarji ta’ kunfidenzjalità; jitlob li tiġi stabbilita kontinwità 24/7 tas-servizz tas-CIIP għal kull Stat Membru, kif ukoll li jiġi stabbilit protokoll Ewropew komuni ta’ emerġenza li għandu jkun applikabbli bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali;

    24.

    Jenfasizza li t-tkattir tal-fiduċja u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma kruċjali għall-protezzjoni tad-dejta u tal-infrastrutturi u n-netwerks nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tissuġġerixxi proċedura komuni għall-identifikazzjoni u l-għażla ta’ approċċ komuni biex ikun ittrattat it-theddid transfrontaljier tal-ICT, filwaqt li l-Istati Membri jiġi mistenni minnhom li jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni ġenerika dwar ir-riskji u t-theddid għall-infrastruttura tagħhom ta' informazzjoni kritika, u l-vulnerabilitajiet tal-istess;

    25.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi żviluppata Sistema Ewropea ta’ Qsim ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija sal-2013;

    26.

    Jilqa’ l-konsultazzjonijiet varji mal-partijiet interessati dwar is-sigurtà tal-internet u s-CIIP mibdija mill-Kummissjoni, bħala s-Sħubija Pubblika Privata Ewropea għar-Reżiljenza; jagħraf l-involviment diġà sinifikanti u l-impenn tal-bejjiegħa fil-qasam tal-ICT f’dan l-isforz, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aktar sforzi sabiex tinkoraġġixxi lill-assoċjazzjonijiet tal-akkademja u tal-utenti tal-ICT sabiex ikollhom rwol aktar attiv, u sabiex jitrawwem djalogu kostruttiv u bejn bosta partijiet interessati dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà; jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-Assemblea Diġitali bħala qafas għall-governanza tas-CIIP;

    27.

    Jilqa' x-xogħol imwettaq s’issa mill-Forum Ewropew tal-Istati Membri f’termini ta’ stabbiliment ta’ kriterji speċifiċi għas-settur biex jiġu identifikati infrastrutturi kritiċi Ewropej b’fokus fuq komunikazzjonijiet fissi u mobbli, kif ukoll id-diskussjoni dwar il-prinċipji u l-linji gwida tal-UE għar-reżiljenza u l-istabilità fl-Internet; jistenna bil-ħerqa li jitkompla l-bini ta’ kunsens fost l-Istati Membri, u f’dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lill-Forum biex jikkumplimenta l-approċċ attwali ffukat fuq l-assi fiżiċi bi sforzi biex jiġu koperti wkoll l-assi loġiċi tal-infrastrutturi li, waqt li jiżviluppaw it-teknoloġiji cloud u dawk tal-virtwalizzazzjoni, se jsiru aktar rilevanti għall-effettività tas-CIIP;

    28.

    Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tniedi inizjattiva pubblika dwar l-edukazzjoni fl-Ewropa kollha, li l-għan tagħha jkun li jkun hemm edukazzjoni u tqajjim ta’ kuxjenza fost l-utenti finali privati u tan-negozju dwar it-theddid potenzjali fuq l-Internet, kif ukoll fl-apparat fiss u mobbli tal-ICT f’kull livell tal-katina ta’ utilità, u biex tiġi promossa mġiba individwali aktar sikura onlajn; ifakkar, f’dan ir-rigward, dwar ir-riskji assoċjati mal-apparat u s-softwer mhux aġġornat tal-IT;

    29.

    Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex isaħħu l-programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, li huma mmirati lejn l-infurzar tal-liġi nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji u lejn l-aġenziji rilevanti tal-UE;

    30.

    Jappoġġja l-ħolqien ta’ kurrikulu tal-UE għall-esperti akkademiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni, minħabba li dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-kompetenza u t-tħejjija tal-UE fir-rigward taċ-ċiberspazju li dejjem qiegħed jevolvi u tat-theddid tiegħu;

    31.

    Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċibersigurtà (apprendistati għall-istudenti fil-livell ta’ PhD, korsijiet fl-università, workshops, taħriġ għall-istudenti, eċċ.) u eżerċizzji ta’ taħriġ speċjalizzati fil-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, sal-aħħar tal-2012, strateġija komprensiva tas-sigurtà tal-internet għall-Unjoni, abbażi ta’ terminoloġija ċara; huwa tal-fehma li l-istrateġija tas-sigurtà tal-internet għandha l-għan li toħloq ċiberspazju (sostnut minn infrastruttura sikura u reżiljenti u standards miftuħin) li jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-prosperità permezz tal-fluss ħieles tal-informazzjoni waqt li tiġi żgurata protezzjoni robusta tal-privatezza u libertajiet ċivili oħra; isostni li l-istrateġija għandha tiddeskrivi l-prinċipji, l-għanijiet, il-metodi, l-istrumenti u l-politiki (kemm interni kif ukoll esterni) meħtieġa sabiex jiġu mtejba l-isforzi nazzjonali u tal-UE, u biex jiġu stabbiliti standards minimi ta’ reżiljenza fost l-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat servizz sikur, kontinwu, robust u reżiljenti, kemm f’konnessjoni mal-infrastruttura kritika kif ukoll mal-użu ġenerali tal-internet;

    33.

    Jenfasizza li l-“Istrateġija għas-Sigurtà tal-Internet” li ġejja tal-Kummissjoni għandha tqis ix-xogħol fuq il-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni bħala punt ċentrali ta’ referenza u timmira għal approċċ olistiku u sistematiku lejn iċ-ċibersigurtà billi tinkludi kemm miżuri proattivi, bħall-introduzzjoni ta’ standards minimi għal miżuri ta’ sigurtà jew it-tagħlim ta’ utenti individwali, negozji u istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll miżuri reattivi, bħal sanzjonijiet fid-dritt kriminali, fid-dritt ċivili kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi;

    34.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu robust biex jiġu kkoordinati l-implimentazzjoni u l-aġġornament b’mod regolari tal-istrateġija ta’ sigurtà tal-Internet; huwa tal-fehma li dan il-mekkaniżmu għandu jkun appoġġjat b’riżorsi amministrattivi, esperti u finanzjarji biżżejjed u li l-kamp ta’ azzjoni tiegħu għandu jinkludi l-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta’ pożizzjonijiet tal-UE fir-relazzjoni kemm mal-partijiet interessati interni kemm dawk internazzjonali f’materji marbutin mas-sigurtà tal-internet;

    35.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas tal-UE għan-notifika tal-vjolazzjonijiet tas-sigurtà f’oqsma kritiċi bħalma huma l-enerġija, it-trasport, il-provvista tal-ilma u tal-ikel, kif ukoll is-settur tal-ICT u tas-servizzi finanzjarji, ħalli jkun żgurat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u l-utenti jkunu nnotifikati dwar iċ-ċiberinċidenti, l-attakki u t-tħarbit;

    36.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb id-disponibilità tad-dejta statikament rappreżentattiva rigward l-ispejjeż taċ-ċiberattakki fl-UE, fl-Istati Membri u fl-industrija (partikolarment is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-ICT) billi jiġu mtejba l-kapaċitajiet tal-ġbir tad-dejta taċ-Ċentru Ewropew għaċ-Ċiberkriminalità previst, li għandu jiġi mwaqqaf sal-2013, is-CERTs u inizjattivi oħra tal-Kummissjoni, fosthom is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija (EISAS), sabiex jiġi żgurat rappurtar sistematiku u skambju ta’ dejta dwar iċ-ċiberattakki u dwar forom oħra ta’ ċiberkriminalità fuq l-industrija Ewropea u l-Istati Membri;

    37.

    Jirrakkomanda relazzjoni u interazzjoni mill-qrib bejn is-setturi privati nazzjonali u l-ENISA sabiex jgħaqqad is-CERTs Nazzjonali/Governattivi mal-iżvilupp tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija (EISAS),

    38.

    Ifakkar li l-mutur primarju li jixpruna l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji ddisinjati sabiex iżidu s-sigurtà tal-internet huwa l-industrija tal-ICT; ifakkar li l-politiki tal-UE għandhom jevitaw milli jimpedixxu t-tkabbir tal-ekonomija Ewropea tal-Internet u jinkludu l-inċentivi meħtieġa sabiex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tan-negozju u ta’ sħubiji pubbliċi privati; jirrakkomanda l-investigazzjoni ta’ aktar inċentivi ħalli l-industrija tiżviluppa pjanijiet aktar robusti ta’ sigurtà operattiva inlinja mad-Direttiva 2008/114/KE;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex iċ-ċiberattakki ((jiġifieri spear-phishing, frodi onlajn, eċċ.) jiġu kriminalizzati aktar;

    Kooperazzjoni Internazzjonali

    40.

    Ifakkar li l-kooperazzjoni internazzjonali hija l-istrument prinċipali għall-introduzzjoni ta' miżuri effettivi ta' ċibersigurtà; jirrikonoxxi li, fil-preżent, l-UE mhijiex involuta b’mod attiv fuq bażi kontinwa fi proċessi u djalogi internazzjonali ta’ kooperazzjoni relatati maċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jibdew djalogu kostruttiv mal-pajjiżi kollha tal-istess fehma bil-għan li jiġu żviluppati fehim u politiki komuni bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tal-internet u tal-infrastruttura kritika; isostni li, fl-istess ħin, l-UE għandha, fuq bażi permanenti, tinkludi kwistjonijiet tas-sigurtà tal-internet fl-ambitu tar-relazzjonijiet esterni tagħha, fost affarijiet oħra, meta tfassal strumenti varji ta’ finanzjament jew meta timpenja ruħha lejn ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-iskambju u l-ħżin ta’ dejta sensittiva;

    41.

    Jinnota l-kisbiet pożittivi tal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2001 dwar iċ-ċiberkriminalità; jindika, iżda, li waqt li jinkoraġġixxi aktar pajjiżi jiffirmaw u jirrattifikaw il-Konvenzjoni, l-SEAE għandu jibni wkoll ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-Internet ma’ msieħba internazzjonali tal-istess fehma;

    42.

    Jindika li l-parti l-kbira tal-attivitajiet kurrenti mwettqa minn diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji internazzjonali u tal-UE kif ukoll minn Stati Membri jeħtieġu koordinament sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u għal dan l-iskop hemm lok fejn wieħed iqis il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli għall-koordinazzjoni, possibilment permezz tal-ħatra ta' koordinatur taċ-ċibersigurtà tal-UE;

    43.

    Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu strutturat bejn l-atturi ewlenin u l-leġiżlaturi fl-UE u fl-Istati Uniti involuti fis-CIIP għal fehim komuni u interpretazzjonijiet u pożizzjonijiet komuni fir-rigward ta' oqfsa legali u ta' governanza;

    44.

    Jilqa’ l-ħolqien, fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti ta’ Novembru 2010, tal-Grupp ta’ Ħidma bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità, u jsostni l-isforzi tiegħu sabiex jinkludi l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-Internet fid-djalogu dwar il-politika transatlantika; jilqa’ t-twaqqif konġunt mill-Kummissjoni u mill-Gvern tal-Istati Uniti, taħt il-kappa tal-Grupp ta' Ħidma UE-Stati Uniti, ta' programm komuni u ta' pjan dwar iċ-ċibereżerċizzji transkontinentali konġunti/sinkronizzati fl-2012/2013;

    45.

    Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn il-leġiżlaturi tal-UE u tal-Istati Uniti sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-internet bħala parti mit-tfittxija għal fehim, interpretazzjoni u pożizzjonijiet komuni;

    46.

    Iħeġġeġ lill-SEAE u lill-Kummissjoni, abbażi tax-xogħol imwettaq mill-Forum Ewropew tal-Istati Membri, sabiex jiżguraw pożizzjoni attiva fi ħdan il-fora internazzjonali rilevanti, fost affarijiet oħra, billi jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jippromwovu l-valuri, l-għanijiet u l-politiki prinċipali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-internet; jinnota li dawn il-fora jinkludu n-NATO, in-NU (partikolarment permezz tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni u l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet), il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati, l-Awtorità tan-Numri Assenjati tal-Internet, l-OSKE, l-OKŻE u l-Bank Dinji;

    47.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ENISA biex jipparteċipaw fid-djalogi tal-partijiet interessati ewlenin sabiex jiġu ddefiniti l-istandards tekniċi u legali fiċ-ċiberspazju fuq livell internazzjonali;

    *

    * *

    48.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 45.

    (2)  ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 33.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0322.

    (4)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75

    (5)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.


    Top