EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0196

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi -Rapport Annwali 2010 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Mejju 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2010 (2011/2154(INI))

ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 261/8


Il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2012
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi -Rapport Annwali 2010

P7_TA(2012)0196

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2010 (2011/2154(INI))

2013/C 261 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

wara li kkunsidra r-rapport tad-29 ta’ Settembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu 'Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2010 (COM(2011)0595) u d-dokumenti li jakkumpanjawh (SEC(2011)1107, SEC(2011)1108 u SEC(2011)1109 (1),

wara li kkunsidra l-Ħdax-il Rapport ta’ Attività tal-OLAF - Rapport Annwali 2011 (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011)0376),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, 'Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi - Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti (COM(2011)0293),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni (4), id-Dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni (5), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE (COM(2011)0308),

wara li kkunsidra l-Artikolu 325 (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2009 (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0121/2012),

A.

billi l-UE u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi, u billi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija essenzjali,

B.

billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni ta’ madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-ġbir ta’ riżorsi proprji fil-forma ta’ VAT u dazji doganali,

C.

billi fl-2010 l-impatt finanzjarju globali tal-irregolaritajiet identifikati mis-sistemi ta’ kontroll jammonta għal EUR 2,193 miljun, meta mqabbel ma’ EUR 1,757 miljun fl-2009,

D.

billi skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) il-pagamenti sottostanti l-kontijiet intlaqtu minn żball materjali, b’rata ta’ żbalji stmata ta' 3,7 % għall-baġit tal-UE kollu kemm hu; billi s-sistemi ta’ kontroll instab li huma biss parzjalment effettivi fl-iżgurar tar-regolarità tal-pagamenti, u billi l-għejun prinċipali tal-iżbalji huma marbutin mal-eliġibilità u mal-iżbalji fl-akkwist pubbliku,

E.

billi fil-maġġoranza tal-każijiet, il-QEA tqis li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex isibu u jikkoreġu tal-inqas uħud mill-iżbalji qabel ma saru l-pagamenti, u billi l-QEA tqis li għad hemm lok għal titjib fil-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni u l-attivitajiet ta’ verifika tal-Istati Membri,

Kunsiderazzjonijiet globali

1.

Jenfasizza li l-kriżi globali finanzjarja, u b’mod partikolari l-kriżi taż-żona tal-euro, li bħalissa qegħda tiffaċċja l-UE, titlob li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-UE f’termini ta’ dħul, li huma marbuta direttament mal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; huwa tal-opinjoni li implimentazzjoni iktar rigoruża tal-politika fiskali għandha l-potenzjal li toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi, b’mod partikolari billi tnaqqas id-daqs tal- ekonomija moħbija tal-UE, li hija stmata għal madwar wieħed minn ħamsa tal-PDG uffiċjali (9);

2.

Jenfasizza l-potenzjal għall-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni u b’hekk jissalvagwardja l-fondi pubbliċi; jissottolinja li l-Ewropa għadha lura meta mqabblu mal-imsieħba industrijali tagħha, fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ interoperabilità tas-sistemi (10); jisħaq li, l-aktar fi żmien ta’ kriżi, l-Ewropa għandha żżid l-isforzi tagħha ħalli tikseb ġenerazzjoni ġdida ta’ gvern elettroniku li jagħti aktar trasparenza fil-finanzi pubbliċi;

3.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tranżazzjonijiet elettroniċi, mhux bi flus kontanti jiġu dokumentati u għalhekk jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija moħbija iktar diffiċli u li jidher li teżisti korrelazzjoni qawwija bejn il-proporzjon ta’ pagamenti elettroniċi f’pajjiż u l-ekonomija moħbija tiegħu (11); jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ibaxxu l-limiti stabbiliti tagħhom għal pagamenti obbligatorji mhux bi flus kontanti;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa għal dejta tal-istatistika affidabbli dwar il-portata tal-frodi u l-korruzzjoni, u b’mod partikolari dwar il-portata tal-evażjoni tat-taxxa u tad-dazju doganali u tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE mill-kriminalità organizzata; jiddispjaċih li l-Kummissjoni, ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi din id-dejta, minkejja sejħiet ripetuti mill-Parlament;

Kummenti ġenerali

5.

Ifakkar li l-frodi huwa mġiba irregolari volontarja li tikkostitwixxi reat kriminali u li l-irregolarità hija n-nuqqas ta’ konformità mar-regola u jiddispjaċiħ li r-rapport tal-Kumissjoni Ewropea ma jittrattax il-frodi fil-fond u jindirizza b’mod estensiv l-irregolaritajiet; ifakkar li Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa relatat mal-frodi u mhux mal-irregolaritajiet u jitlob li ssir distinzjoni bejn frodi u żbalji; jitlob li l-korruzzjoni tiġi indirizzata flimkien mal-frodi;

6.

Jinnota li fl-2010 l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet fil-qasam tan-nefqa kiber u ammonta għal EUR 1.8 biljun (jew 1,27 % tal-allokazzjonijiet), meta mqabbel mal-EUR 1.4 biljun (jew 1,13 %) tal-2009; l-impatt finanzjarju fil-qasam tad-dħul ukoll huwa ogħla: EUR 393 miljun (jew 1,88 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali kollha miġbura, gross) meta mqabbel ma’ EUR 357 miljun (jew 1,84 %) fl-2009.

7.

Jiddispjaċih li ammonti kbar ta’ fondi tal-UE għadhom qed jintefqu b’mod ħażin u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni deċiżiva sabiex tirkupra aktar pagamenti magħmulin erronjament, biex iżżomm lill-Istati Membri iktar responsabbli għall-ammont f’irregolaritajiet li għad iridu jiġu rkuprati, biex ittejjeb il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet u l-każijiet ta’ frodi, u biex tissospendi l-pagamenti immedjatament u tapplika sanzjonijiet effettivi meta jsir użu ħażin tal-fondi tal-UE;

8.

Jinnota li għall-2010 in-numru ta’ irregolaritajiet iddenunzjati żdied għas-setturi kollha ħlief għall-fondi ta’ qabel l-adeżjoni u r-Riżorsi Proprji Tradizzjonali u li ż-żieda hija relatata mal-għeluq tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2000-2006 tal-Fondi ta’ Koeżjoni u mat-titjib li sar lis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS);

9.

Jenfasizza li għalkemm is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) ġiet modernizzata u mtejba, u għalkemm kien hemm żieda fil-volum ta’ denunzjar mill-maġġoranza tal-Istati Membri, li wasslet għal titjib fil-kwalità u l-affidabilità tad-denunzji, għadhom jeżistu differenzi fl-approċċi tal-Istati Membri għad-denunzji tal-irregolaritajiet u, konsegwentement, hemm dubji dwar l-adegwatezza tas-sistemi nazzjonali ta’ denunzji; jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw fis-sħiħ l-IMS u jtejbu aktar l-ottemperanza tagħhom fir-rapportaġġ, u jtejbu l-ħeffa li biha jiġu rrapportata l-irregolaritajiet;

10.

Jinsab imħasseb ukoll li xi Stati Membri għadhom mhumiex qed jużaw għal kollox is-sistema elettronika għad-denunzja; jitlob lil dawn l-Istati Membri biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni b’urġenza;

11.

Itenni li jiddispjaċih minħabba d-dubji serji dwar il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u jinnota li xi Stati Membri qed ikomplu jiddenunzjaw numru baxx ħafna ta’ irregolaritajiet identifikati u każijiet ta’ frodi, u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew jekk is-sistemi ta’ kontroll nazzjonali f’dawk l-Istati Membri humiex effettivi;

12.

Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiddenunzjaw l-irregolaritajiet kollha mhux aktar tard minn xahrejn wara t-tmiem tat-tliet xhur li fihom irregolarità tkun ġiet suġġetta għal sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja u/jew issir magħrufa informazzjoni ġdida dwar irregolarità ddenunzjata; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa, inkluża l-integrazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi nazzjonali, biex jissodisfaw id-dati tal-iskadenza meħtieġa u jnaqqsu l-perjodu ta’ żmien bejn il-mument meta tiġi identifikata irregolarità u l-mument meta tiġi ddenunzjata; jistieden lill-Istati Membri biex jaġixxu primarjament bħala protettur tal-flus tal-kontribwenti fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-frodi;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa għal data statistika affidabbli dwar l-ammont ta’ frodi u korruzzjoni, partikolarment b’rabta mal-evażjoni tat-taxxa u tad-dwana, u l-attivitajiet organizzati ta’ kriminali li jużaw il-fondi tal-UE b’mod ħażin; jiddispjaċih li minkejja t-talbiet ripetuti mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tipprovdi din id-data;

14.

Jinsab diżappuntat li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tivvaluta l-livell attwali tal-irregolaritajiet u l-frodi u li konsegwentement mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat il-livell globali ta’ irregolaritajiet u frodi fi Stati Membri individwali, jew li jiġu identifikati u ddixxiplinati dawk l-Istati Membri bl-ogħla livell ta’ irregolaritajiet u frodi kif talab il-Parlament Ewropew fl-2009;

15.

Jindika li matul dawn l-aħħar snin ġew żviluppati tekniki ġodda għall-kejl tal-korruzzjoni u l-frodi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, mingħajr aktar dewmien, biex tibda sforzi biex tapplika dawn l-istrumenti ta’ kejl il-ġodda u tipprovdi valutazzjoni tal-ammont tal-korruzzjoni u l-frodi fl-użu tal-fondi tal-UE u fis-serq tad-dħul tal-UE; dan se jippermetti l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-protezzjoni tal-fondi tal-UE mill-użu ħażin u l-protezzjoni tad-dħul tal-UE mis-serq;

16.

Jitlob li r-responsabbiltà għall-iżvilupp tal-istrumenti ta’ kejl tal-fondi u l-korruzzjoni relatati mal-fondi tal-UE tittieħed mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll korpi ta’ verifika u ta’ kontroll tal-UE;

17.

Jinnota li l-hekk imsejħa regola 50/50 (12), li hija applikabbli fis-settur tal-agrikoltura, hija inċentiv effettiv għall-Istati Membri biex jgħaġġlu u jikkompletaw il-proċeduri ta’ rkupru; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk dan il-mekkaniżmu ta’ rkupru jistax jiġi applikat ukoll f’setturi oħrajn (koeżjoni u ta’ qabel l-adeżjoni), u wkoll jekk skont din ir-regola jkunx xieraq li l-limitu ta’ żmien għall-azzjonijiet ta’ rkupru jitnaqqas bin-nofs, jiġifieri għal sentejn u erba’ snin rispettivament.

18.

Jinnota li r-Rapport Annwali tal-2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ir-rapport QEA) jiddikjara li l-pagamenti indikati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-2010 milqutin minn ammont kbir ta’ żbalji kienu jammontaw għal 3,7 % tan-nefqa baġitarja kollha tal-UE, jiġifieri madwar EUR 4.5 biljun;

19.

Jinnota li r-rapport tal-QEA jiddikjara wkoll li, qabel l-approvazzjoni tal-pagamenti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom biżżejjed informazzjoni biex jindunaw b’xi wħud mill-iżbalji, u biex isewwuhom jew jevitawhom;

Introjtu. Riżorsi proprji

20.

Ifakkar li l-ġbir kif suppost tal-VAT u d-dazji doganali jinfluwenza direttament kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll tal-baġit tal-UE; jissottolinja li t-titjib tas-sistemi tal-ġbir tad-dħul għandu jingħata prijorità kbira għall-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari għal dawk, li jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet fil-klima ekonomika attwali;

21.

Jenfasizza li l-enfasi għandha tmur fuq il-ġbir tad-dħul aktar effiċjenti; jenfasizza li l-frodi tat-taxxa jwassal għal telf eżorbitanti għall-baġit tal-UE u għall-ekonomiji tal-Istati Membri, u għaldaqstant jaggrava l-kriżi tad-dejn; ifakkar li l-ispiża tal-ekonomija moħbija eżistenti titħallas minn dawk iċ-ċittadini li d-dħul tagħhom jiġi dokumentat u traċċat b’mod faċli;

22.

Jinnota li d-data provduta mill-Istati Membri dwar l-irregolaritajiet fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali (TOR) tvarja ħafna, u għalhekk jemmen li l-klassifikazzjoni tal-irregolaritajiet u l-każijiet ta’ frodi fil-bażi tad-data tar-riżorsi proprji OWNRES mhijiex kompletament affidabbli; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif din id-dejtabejż tista’ titjieb biex jiġu żgurati l-affidabilità u l-paragunabilità tad-data rappurtata;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ kontroll tad-dwana tal-Istati Membri, partikolarment fil-qasam ta’ importazzjonijiet assoċjati ma’ riskju għoli, u biex ittejjeb l-attivitajiet li jikkonċernaw l-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet u każijiet ta’ frodi allegata fil-qasam tat-TOR;

24.

Huwa mħasseb li l-kuntrabandu, partikolarment il-kuntrabandu tas-sigaretti, jibqa’ problema ewlenija għall-UE, u tirriżulta fit-telf ta’ riżorsi sinifikattiv mill-baġits nazzjonali u tal-UE; jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni mfassal mill-Kummissjoni biex tiġġieled il-kuntrabandu tas-sigaretti u l-alkoħol mal-fruntiera tal-Lvant tal-UE, kif ukoll it-tiġdid tal-kooperazzjoni doganali maċ-Ċina u r-Russja fl-aħħar tal-2010 u l-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali iffirmat maż-żewġ pajjiżi;

25.

Jilqa’ r-riżultati tal-operazzjoni doganali konġunta tal-Istati Membri “Sirocco” mwettqa f’Ġunju tal-2010, li kienet ikkoordinata mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li matulha nqabdu madwar 40 miljun sigarett, 1.2 tunnellati ta’ tabakk li jinbaram bl-idejn, 7 000 litru ta’ alkoħol u 8 miljun oġġett ieħor iffalsifikat;

26.

Jinnota li proporzjon kbir ta’ introjtu jiġi mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), u l-Kummissjoni u l-Istati Membri għalhekk jeħtieġ li jwettqu monitoraġġ u jwieġbu b’mod effettiv għal tendenzi eżistenti u ġodda fil-frodi; jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT u jitlob li jsiru proposti konkreti dwar ir-riforma tal-VAT;

Telf tal-VAT

27.

Ifakkar li, skont studju mwettaq f’isem il-Kummissjoni Ewropea (13), il-medja stmata tad-distakk tal-VAT tal-UE (14) instabet li hija fil-livell ta’ 12 %; jiġbed attenzjoni speċjali għall-fatt li dan id-distakk tal-VAT tela’ għal livell allarmanti ta’ 30 % u 22 %, fil-Greċja u fl-Italja rispettivament – il-pajjiżi li għaddejjin mill-kriżi tad-dejn l-aktar diffiċli u li s-sitwazzjoni tagħhom thedded l-istabilità ekonomika madwar l-UE-27;

28.

Jenfasizza li minbarra l-evitar tat-taxxa u t-telf minħabba l-fallimenti, id-distakk tal-VAT huwa attribwit ukoll għall-frodi, u li t-telf tal-VAT, li jiġi tradott f’biljuni ta’ EUR, jista’ jiġi kkumpensat l-aktar permezz ta’ miżuri ta’ awsterità li jolqtu lil dawk iċ-ċittadini tal-UE li d-dħul tagħhom jiġi ttraċċat b’mod faċli;

29.

Juri li mill-introduzzjoni tiegħu, il-mudell tal-ġbir tal-VAT baqa’ ma nbidilx; jenfasizza li huwa skadut, minħabba l-ħafna tibdil li seħħ fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku;

Telf tad-dazji doganali

30.

Jissottolinja li l-introjtu mid-dazji doganali huwa parti importanti mir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-UE (TOR) u sors ta’ dħul għall-Istati Membri tal-UE, li jżommu 25 % biex ikopru l-ispiża tal-ġbir; itenni li l-prevenzjoni effiċjenti ta’ irregolaritajiet u frodi f’dan il-qasam tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u għandha konsegwenzi importanti għas-Suq Intern, filwaqt li telimina l-vantaġġ mhux ġust ta’ operaturi ekonomiċi li jevitaw dazji fuq dawk li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward;

31.

Jenfasizza li l-operat korrett tad-dwana għandu impatt dirett fuq il-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud;

32.

Ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2011 (15), sabet li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (16) biss irrappreżentat telf estrapolat fl-2009 ta’ madwar EUR 2 200 miljun (17) fis-seba’ Stati Membri vverifikati mill-Qorti, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT applikabbli teoritikament fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk il-pajjiżi;

33.

Ifakkar li l-QEA sabet nuqqasijiet serji fil-kontroll ta’ proċeduri doganali simplifikati, li jammontaw għal 70 % tal-proċeduri doganali kollha; jindika li wasslu għal telf mhux iġġustifikat fil-baġit tal-Unjoni u ksur fil-politika tal-kummerċ tal-UE; jenfasizza li n-nuqqasijiet identifikati kkonsistew, fost l-oħrajn, f’verifiki ta’ kwalità fqira jew iddokumentati b’mod fqir u l-użu minimu ta’ tekniki tal-ipproċessar tad-dejta awtomizzati għat-twettiq ta’ kontrolli matul l-ipproċessar ta’ proċeduri ssimplifikati;

Nefqa

Agrikoltura

34.

Jinnota li fl-2010 kien hemm żieda fir-rapporti ta’ irregolaritajiet u każijiet ta’ frodi ssuspettata, filwaqt li l-impatt finanzjarju ta’ dawn żdied minn EUR 13-il miljun fl-2009 għal EUR 69 miljun fl-2010;

35.

Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-fondi globali rkuprati għadha mhux sodisfaċenti: l-Istati Membri rkupraw EUR 175 miljun matul is-sena finanzjarja 2010, li jammontaw għal 42 % tad-djun tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) mill-2007 u wara, filwaqt li l-ammont totali li kien fadal jiġi rkuprat f’għeluq is-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 1.2 biljun, filwaqt li skont ir-regola 50/50 l-Istati Membri ttrasferixxew biss EUR 300 miljun mill-baġits nazzjonali tagħhom għall-Baġit tal-UE; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra t-talba tal-Parlament Ewropew u lill-Parlament ma tatux Ewropew informazzjoni dwar il-progress magħmul f’dan il-qasam fir-Rapport tal-2010 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq fil-prattika sistema effettiva għall-irkupru tal-fondi, u biex iżżomm lill-Parlament Ewropew infurmat;

36.

Jiddispjaċih li fl-2010 xi Stati Membri naqsu milli jirrappurtaw l-irregolaritajiet sad-dati tal-għeluq; jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri kollha għandhom itejbu r-rapporti sottomessi; ifakkar li l-Finlandja, l-Awstrija, u l-Pajjiżi Baxxi impenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ denunzjar, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti informazzjoni fir-Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi, dwar il-progress magħmul minn dawn l-Istati Membri fl-2011;

37.

Jinsab imħasseb li, fl-2010, l-Italja u 12-il Stat Membru tal-UE kkwalifikaw aktar minn 90 % tal-każijiet iddenunzjati ta’ irregolaritajiet bħala “frodi ssuspettati”; jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ istituzzjonijiet Ewropej, biex jindirizzaw il-kawżi kollha li jwasslu għall-frodi relatati mal-fondi tal-UE;

38.

Jinsab imħasseb bir-rati baxxi b’mod suspettuż ta’ frodi ddenunzjati minn Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit, speċjalment meta jiġi meqjus id-daqs tagħhom u l-appoġġ finanzjarju rċevut, kif deskritt mir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li dan iqajjem dubji raġonevoli dwar jekk humiex qed jiġu osservati l-prinċipji ta’ denunzjar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi informazzjoni ddettaljata dwar il-metodoloġija għad-denunzja applikata u l-kapaċità tal-identifikazzjoni tal-frodi f’dawn l-Istati Membri; jerġa’ jitlob lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-effettività ta’ sistemi ta' superviżjoni u kontroll fl-Istati Membri u tiżgura li l-informazzjoni dwar il-livell ta’ irregolaritajiet fl-Istati Membri tkun tirrifletti s-sitwazzjoni reali; jitlob lill-Kummissjoni tagħti informazzjoni fir-Rapport dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE dwar azzjonijiet li ttieħdu f’dan il-qasam fl-2011;

Politika ta’ koeżjoni

39.

Fuq il-bażi ta’ data mogħtija fir-Rapport Annwali tal-2010 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, madwar 70 % tal-każijiet u r-rapporti kollha dwar l-irregolaritajiet kienu marbutin mal-politika ta’ koeżjoni, u fl-2010, il-qasam ta’ politika ta’ koeżjoni kellu l-ogħla rata ta’ rkupru tan-nefqa (’il fuq minn 60 %); jenfasizza li skont id-data mogħtija huwa impossibbli li jiġi vvalutat b’mod oġġettiv in-numru attwali ta’ irregolaritajiet u każijiet ta’ frodi f’dan il-qasam minħabba li n-numru għoli ta’ irregolaritajiet u (jew) każijiet ta’ frodi ddenunzjati jistgħu jkunu marbutin mal-introduzzjoni tal-IMS fl-2009;

40.

Jilqa’ l-progress li sar fl-2010 b’rabta mal-ammonti rkuprati mill-perjodu ta’ programmar 2000-2006, li kienu jammontaw għal 70 % jew EUR 2.9 biljun tal-fondi mħallsa bi żball, meta mqabbel mar-rata tal-2009 ta’ 50 %.

41.

Jinnota li fl-2010, id-Danimarka, Franza, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u s-Slovenja ma ddenunzjaw l-ebda każ ta’ irregolaritajiet f’dan il-qasam, u dan qajjem dubji dwar jekk l-IMS hix qed tiġi applikata b’mod xieraq; jinsab imħasseb minħabba r-rata baxxa ta’ rkupru fl-Ungerija, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovenja (madwar 20 % u inqas); jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, tinvestiga r-raġunijiet u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li sar fir-Rapport tas-sena d-dieħla dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE;

42.

Jenfasizza li, kif turi d-data mogħtija fir-Rapport tal-2010 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, l-analiżi ta’ dawk il-kategoriji ta’ irregolarità li jiġu ddenunzjati l-aktar, turi li l-irregolaritajiet li jiġu identifika l-aktar ta’ spiss huwa fil-fażi ta’ implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-proġett, u li l-akbar impatt finanzjarju jseħħ fil-fażijiet ta’ għażla u akkwist; jenfasizza li sistema ta’ akkwist pubbliku trasparenti, ċara u flessibbli, b’użu aktar attiv tas-Sistema Elettronika għall-Akkwist Pubbliku, u l-istabbiliment ta’ prinċipji ġenerali tal-akkwist fil-livell tal-UE jagħmluha possibbli li jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tal-fondi tal-Istati Membri u tal-UE; jistenna li l-Kummissjoni timplimenta r-riforma tas-sistema tal-akkwist pubbliku b’mod effettiv;

Fondi ta' qabel l-adeżjoni

43.

Jinsab imħasseb li l-fondi ta’ qabel l-adeżjoni juru l-aktar rati baxxi ta’ rkupru għan-nefqa: fl-2010, din ir-rata bilkemm laħqet l-10 %, meta mqabbla mas-27 %; jinnota bi tħassib li r-rata ta’ rkupru għall-perjodu 2002-2006 tibqa’ baxxa (madwar 30 %), b'mod partikolari fil-Bulgarija, it-Turkija, il-Litwanja u l-Latvja, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li l-pajjiżi benefiċjarji jispjegaw ir-raġunijiet għar-rati ta’ rkupru baxxi, itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jaġġornaw l-informazzjoni nieqsa dwar il-proċeduri ta’ rkupru kkompletati;

44.

Jinnota li, bħal fl-2009, l-ogħla numru ta’ irregolaritajiet u każijiet ta’ frodi huma marbutin mal-użu tar-riżorsi tal-fond SAPARD fir-Rumanija u fil-Bulgarija; jilqa’ l-fatt li l-Bulgarija kisbet progress kbir fit-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali, kif muri mill-fatt li fl-2010 proporzjon kbir ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi ssuspettati ġew identifikati minn kontrolluri u spetturi li mhumiex esterni, iżda minn dawk domestiċi jew nazzjonali; jiddispjaċih li fir-Rumanija, il-maġġoranza tal-irregolaritajiet u l-każijiet ta’ frodi ssuspettati wkoll għadhom qed jiġu identifikati wara spezzjonijiet mis-servizzi tal-UE jew spezzjonijiet imwettqa fuq talba tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet Rumeni biex titjieb is-sitwazzjoni;

45.

Jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tappoġġja l-pajjiżi benefiċjarji l-ġodda (it-Turkija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro) fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-IMS;

OLAF

46.

Itenni li huwa meħtieġ li jkomplu jissaħħu l-indipendenza, l-effettività u l-effiċjenza tal-OLAF;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tar-rakkomandazzjonijiet magħmula ladarba l-każijiet ikunu ġew investigati mill-OLAF;

48.

Iqis li l-Istati Membri jmisshom ikunu obbligati jirrapportaw, fuq bażi annwali, dwar is-segwitu tal-każijiet mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom mill-OLAF, inkluż dwar is-sanzjonijiet penali u finanzjarji imposti f’tali każijiet;

L-Akkwist Pubbliku, it-trasparenza miżjuda u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

49.

Jitlob lill-Kummissjoni, l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri u jipprovdu riżorsi biex jiżguraw li l-fondi tal-UE mhumiex suġġetti għall-korruzzjoni, biex jadottaw sanzjonijiet dissważivi fejn jinstabu l-korruzzjoni u l-frodi, u biex jintensifikaw il-konfiska ta’ assi kriminali involuti fil-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u reati rrelatati mal-ħasil tal-flus;

50.

Jissottolinja li l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2011 jisimha “Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE” tistma li jintilfu EUR 120 biljun fis-sena għall-korruzzjoni fl-UE, u dan jirriżulta f’danni finanzjarji, tnaqqis ta’ finanzi pubbliċi u tiġi mminata l-fiduċja f’istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza barra minn hekk li r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2011 dwar l-isforzi tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni tiddikjara li l-korruzzjoni twassal għall-użu ħażin tal-finanzi pubbliċi inġenerali u tal-fondi tal-UE pprovduti mill-kontribwent u twassal għat-tfixkil fis-suq u tistieden – flimkien mad-Dikjarazzjoni hawn fuq imsemmija – lill-Kummissjoni u l-korpi tal-Unjoni rilevanti biex jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jiġux suġġetti għall-korruzzjoni;

51.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jitwaqqaf kumitat speċjali għall-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

52.

Jilqa’ l-fatt li fl-20 ta’ Jannar 2011, Malta rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jiddispjaċih li l-Konvenzjoni għadha ma ġietx irratifikata mir-Repubblika Ċeka u jistieden lill-Istat Membru biex jirrimedja s-sitwazzjoni kemm jista’ jkun malajr; jistieden ukoll lill-Estonja biex tirratifika l-Protokoll tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-interpretazzjoni permezz ta’ deċiżjonijiet preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-Konvenzjoni;

53.

Ifakkar li l-programm Hercule II huwa l-istrument finanzjarju ġestit mill-Kummissjoni (OLAF) fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-prevenzjoni ta’ attivitajiet kriminali relatati, inkluż il-kuntrabandu tas-sigaretti; jinnota li l-valutazzjoni f’nofs it-terminu tal-programm Hercule II ikkonfermat il-valur miżjud tiegħu; huwa tal-opinjoni li s-suċċessur ta’ dan l-istrument – il-programm Hercule III – għandu jkompli jtejjeb it-tagħmir tekniku fl-Istati Membri, jiffinanzja l-aċċess għall-bażi tad-dejta essenzjali għal investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-OLAF u jiġġieled kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni f’konformità mal-ftehimiet legalment vinkolanti mal-manifatturi tat-tabakk;

54.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiddisinjaw, jimplimentaw u jevalwaw perjodikament sistemi uniformi ta’ akkwist biex jevitaw il-frodi u l-korruzzjoni, biex jiddefinixxu u jimplimentaw kondizzjonijiet ċari għall-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku, u kriterji li fuqhom isiru d-deċizjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, u anke biex jadottaw u jimplimentaw sistemi għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku fil-livell nazzjonali, biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kontabbiltà fil-finanzi pubbliċi, u biex jadottaw u jimplimentaw sistemi tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kontroll intern;

55.

Jilqa’ t-tnedija f’Jannar 2011 tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jismu “Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti”; jinnota li r-rapport ta’ valutazzjoni dwar din il-konsultazzjoni ġie adottat fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u li f’Diċembru 2011 il-Kummissjoni adottat il-proposti tagħha biex tirriforma r-regoli bażiċi tal-akkwist pubbliku tal-UE (Id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE);

Segwitu

56.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar liema indikaturi, sorsi jew metodi oħra, minbarra l-informazzjoni pprovduta minn denunzjaturi jew informaturi, jista’ juża biex jiddetermina f’liema oqsma tal-finanzjament tal-UE jew dħul tal-UE hemm livelli miżjuda ta’ frodi;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi u tippromwovi l-ġurnaliżmu investigattiv u indipendenti li huwa element essenzjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità, il-frodi u l-korruzzjoni bil-fondi Ewropej;

58.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-każijiet investigati tal-frodi, li jirriżultaw minn denunzjaturi jew informaturi, jikkorrispondux għall-oqsma fejn huwa stmat li hemm possibbiltà ta’ livell għoli ta’ frodi abbażi ta’ kriterji jew indikaturi indipendenti; jekk dan mhuwiex il-każ, biex tivvaluta metodi oħra biex jingħata bidu għal investigazzjonijiet f’oqsma fejn il-frodi ssuspettata hija moħbija taħt il-’liġijiet ta’ silenzju kriminali’, li jevitaw li l-informazzjoni tiffiltra lid-denunzjaturi jew l-informaturi;

59.

Minħabba fis-sitwazzjoni li ilha tirrepeti ruħha għal bosta snin, jiġifieri l-fatt li l-Istati Membri mhumiex qed jagħtu data fil-ħin jew id-data li jagħtu mhijiex preċiża u ma tistax tiġi paragunata, għalhekk huwa impossibbli li wieħed jivvaluta b’mod oġġettiv l-ammont reali ta' frodi fl-Istati Membri, u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-OLAF ma jistgħux iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u s-sottomissjoni ta’ proposti oħrajn, jenfasizza li sitwazzjoni bħal din m'għandhiex tiġi ttollerata u jitlob lill-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà sħiħa ħalli tistabbilixxi d-data komparabbli u omoġenja meħtieġa u l-prinċipji ta' denunzjar mal-Istati Membri kollha;

*

* *

60.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.


(1)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-commission/2010_en.pdf

(2)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-commission/2010_en.pdf

(3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0388.

(5)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 62.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0142.

(9)  1 Id-Daqs u l-Iżvilupp tal-Ekonomija Moħbija ta’ 31 Pajjiż Ewropew u 5 Pajjiżi oħra tal-OECD mill-2003 sal-2011 minn Friedrich Schneider, fuq http://www.econ.jku.at/members/Schneider/files/publications/2011/ShadEcon31.pdf

(10)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Aġenda Diġitali għall-Ewropa, (COM (2010)0245).

(11)  L-Ekonomija Moħbija fl-Ewropa, 2010: L-Użu ta’ Sistemi ta’ Pagamenti Elettroniċi fil-Ġlieda kontra l-Ekonomija Moħbija/Friedrich Schneider, A.T. Kearney, 2010.

(12)  Fuq il-bażi ta’ din ir-regola, il-Kummissjoni tista’ tirkupra 50 % tal-pagamenti irregolari mill-baġits tal-Istati Membri li ma ġewx irkuprati f’perjodu ta' erba' snin jew, jekk ikun hemm proċedimenti legali rigward l-irkuprar ta’ pagamenti, f’perjodu ta’ tmien snin. Din ir-regola hija applikata biex tiżgura l-irkuprar aċċellerat ta’ fondi mħallsa li ma kellhomx jitħallsu.

(13)  Studju li jikkwantifika u janalizza d-distakk tal-VAT fil-25 pajjiż tal-UE, imwettaq minn Reckon LLP f’isem il-Kummissjoni.

(14)  Id-differenza bejn id-dħul attwali tal-VAT u dak li teoritikament għandhom jirċievu l-Istati Membri abbażi tal-ekonomiji tagħhom.

(15)  Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-QEA “Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jimpedixxi u jsib l-evażjoni tal-VAT?”.

(16)  Ir-Reġim użat minn importatur biex jikseb eżenzjoni tal-VAT meta l-oġġetti importati jiġu trasportati lejn Stat Membru ieħor u fejn il-VAT huwa dovut fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(17)  Li minnhom EUR 1 800 miljun intefqu fis-seba’ Stati Membri magħżula u 400 miljun fil-21 Stat Membru tad-destinazzjoni tal-oġġetti importati fil-kampjun.


Top