EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0120

Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE - Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE (2011/2182(INI))

ĠU C 257E, 6.9.2013, p. 74–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 257/74


Il-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012
Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE - Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

P7_TA(2012)0120

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE (2011/2182(INI))

2013/C 257 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra d-dritt għall-petizzjoni inkluż fl-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 20 TFUE, li jiddefinixxi l-kunċett taċ-ċittadinanza,

wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-TFUE, bl-isem Non-diskriminazzjoni u Ċittadinanza tal-Unjoni, u t-Titolu III u t-Titolu V tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tat-TFUE, skont liema l-moviment liberu ggarantit għall-ħaddiema tal-UE jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 jisimha ‘Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’ (COM(2010)0603),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku, Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (2) (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu’),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (3) (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘d-Direttiva dwar il-Kwalifiki’),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-problemi u l-prospetti taċ-ċittadinanza Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Awwissu 2011 għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) (COM(2011)0489),

wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma, li jpoġġi ċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki Ewropej dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, filwaqt li jkun żgurat ir-rispett għad-diversità u l-protezzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0047/2012),

A.

billi ċ-ċittadini tal-Unjoni – anke irrispettivament mid-diżabbiltajiet tagħhom – għandhom, inter alia, id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet fl-Istat Membru fejn jgħixu, id-dritt għad-dispożizzjoni ta’ protezzjoni konsulari mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ Stat Membru ieħor f’pajjiżi terzi, u d-dritt li jressqu petizzjoni fil-Parlament Ewropew, li jirrikorru għall-Ombudsman, u li jindirizzaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat (6);

B.

billi t-Trattat ta’ Lisbona kabbar u ta d-dettall lill-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE – imdaħħal l-ewwel fit-Trattat ta' Maastricht fl-1992 – u l-jeddijiet ġejjin mill-istess, li wkoll kien immexxi mill-każistika, billi saħħaħ l-istatus u l-immaġni tal-Unjoni Ewropea bħala d-difensur tal-jeddijiet taċ-ċittadini, billi ta l-mezzi leġiżlattivi għall-istimolu tal-involviment attiv taċ-ċittadini tal-UE u billi ħoloq jew rawwem jeddijiet ġodda, bħalma hija l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) u l-jeddijiet individwali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi ċ-ċittadinanza tal-UE għandha tiġi perċepita bħala għajn kemm ta’ jeddijiet kemm ta’ dmirijiet;

C.

billi dan juri l-isforzi tal-UE biex iċ-ċittadini jkunu fil-qalba tal-azzjoni tagħha, u biex taħdem favur żona ta’ libertà, ġustizzja u drittijiet għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

D.

filwaqt li jilqa’ l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li fis-sentenza tal-ERT jenfasizza, li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri huma wkoll marbuta bid-drittijiet fundamentali supremi tal-Unjoni, jekk kemm-il darba permezz ta’ miżuri nazzjonali huma jkollhom il-ħsieb li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali stabbiliti permezz tat-TFUE;

E.

billi l-moviment liberu huwa inerenti fil-kunċetti tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jirrappreżenta wieħed mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni rikonoxxuti mit-Trattati;

F.

billi seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, għad fadal ħafna problemi rigward l-implimentazzjoni tagħha; billi l-maġġoranza tal-ilmenti jikkonċernaw għaċ-ċittadin tal-UE, id-dritt ta’ dħul tiegħu, id-dritt ta’ residenza tiegħu għal aktar minn tliet xhur, il-validità tal-permessi ta’ residenza tiegħu, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu u d-dritt ta’ residenza permanenti tiegħu u d-drittijiet tal-membri tal-familja tiegħu;

G.

billi ħafna ċittadini ma jkollhomx l-informazzjoni relevanti kollha dwar id-drittijiet tagħhom kif stipulati mid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, partikolarment meta jfittxu d-drittijiet għall-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

H.

billi ċ-ċittadini tal-UE li normalment jgħixu fir-Renju Unit u li japplikaw għal ċerti benefiċji tas-sigurtà soċjali huma meħtieġa jagħmlu “t-Test għad-Dritt ta’ Residenza” li jimponi kondizzjonijiet addizzjonali għal dawk li mhumiex ċittadini Brittaniċi;

I.

billi l-kwestjoni tad-deportazzjoni tar-Roma minn Franza fl-2010 kienet kontrovesjali mhux biss mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, iżda anke mill-punt di vista tad-dritt għall-libertà tal-moviment u tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità u tal-oriġini etnika u tar-razza;

J.

billi fil-15 ta’ Diċembru 2011 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, b’enfasi fuq il-jeddijiet tal-ħaddiema Rumeni u Bulgari fis-suq uniku (7); billi diversi Stati Membri ddeċidew li jintroduċu jew ikomplu japplikaw arranġamenti tranżizzjonali li jillimitaw liċ-ċittadini Rumeni u Bulgari milli jkollhom aċċess għas-swieq tax-xogħol; billi tali miżuri jistgħu jwasslu għall-isfruttament tal-ħaddiema, xogħol illegali u nuqqas ta’ aċċess għall-benefiċji tas-sigurtà soċjali;

K.

billi l-eżerċizzju ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet mogħtija liċ-ċittadini mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiddeppendi minn, jew jitħeġġeġ permezz ta', il-moviment liberu jew il-mobbiltà volontarja tal-ħaddiema; billi, għaldaqstant, il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tista’ tagħmilha eħfef għaċ-ċittadini li jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku filwaqt li tkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir;

L.

billi d-dritt li wieħed jiċċaqlaq jew jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma jippermettix fehim aħjar tal-valuri ta’ integrazzjoni Ewropea jekk ikun akkumpanjat minn miżuri konkreti meħuda mill-Unjoni u l-Istati Membri f’termini ta’ informazzjoni, ta’ taħriġ, ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki, ta’ mobbiltà tal-ħaddiema (fost il-ħaddiema staġjonali, tal-fruntieri, il-ħaddiema stazzjonati u l-ħaddiema trasferiti b'riżultat tar-rilokazzjoni tal-kwartieri ġenerali, eċċ.);

M.

billi numru kbir ta’ petizzjonijiet kixfu problemi fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċji soċjali, priniċpalment minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-benefiċċji pagabbli f'diversi Stati Membri (b’mod partikolari dwar il-portabilità tal-pensjonijiet), li ma jingħatax tagħrif korrett dwar ir-regoli applikabbli jew xkiel amministrattiv; billi d-deċiżjoni tal-QEĠ tal-21 ta’ Lulju 2011 (8) jikkonferma jedd iċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor tal-UE u jkunu intitolati għall-kopertura tas-sigurtà soċjali;

N.

billi skont il-Proċess ta’ Bolonja, diplomi aċċettati b'mod ġenerali għat-tlestija tal-istudji universitarji qed jingħataw bħala pass lejn ir-rikonoxximent aktar dirett tal-kwalifiki;

O.

wara li kkunsidra l-problemi marbuta mal-implimentazzjoni mhux korretta tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (miżuri ta’ kumpens, talbiet għal dokumenti addizzjonali, deċiżjonijiet negattivi mhux sostanzjati mill-Istat Membru ospitant, dewmien żejjed fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, impożizzjoni sistematika ta’ testijiet speċifiċi tal-lingwa), li huma ta' xkiel konsiderevoli għall-eżerċitar tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE u li għalhekk, iċaħħdu liċ-ċittadini mill-benefiċċji tal-koeżjoni soċjali;

P.

billi l-petizzjonanti jakkużaw lill-Uffiċċju Ġermaniż għall-Protezzjoni taż-Żgħażagħ (Jugendamt) b'diskriminazzjoni kontra l-konjuġi li mhumiex Ġermaniżi fi żwiġijiet imħallta; billi, minħabba fl-indipendenza operattiva tiegħu, il-Jugendamt jikkontribwixxi f'xi każijiet għad-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġenituri divorzjati barranin li jixtiequ jitilqu mit-territorju Ġermaniż ma’ wliedhom;

Q.

billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni (9) fil-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-integrazzjoni tan-nies b’diżabilitajiet; billi għadd kunsiderevoli ta’ petizzjonijiet ġew intavolati minn nies b’diżabilitajiet, li jiltaqgħu fuq bażi ta’ kuljum ma’ bosta ostakli li ma jħalluhomx igawdu l-jeddijiet ta’ ċittadini tal-UE, bħalma hu l-użu normali tas-sistema edukattiva u l-aċċess għall-assikurazzjoni jew għall-faċilitajiet ta' trasport pubbliku; billi hemm ħtieġa għal sistema koerenti tal-UE għad-determinazzjoni tal-grad ta’ diżabilità, u billi n-nuqqas ta’ tali sistema jista’ jwassal għall-inikwità u saħansitra għall-esklużjoni soċjali;

R.

billi ċ-ċittadini tal-UE kollha li jittellgħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru għandhom id-dritt ta' aċċess, għad-difiża tagħhom, għal dokumenti tradotti fil-lingwa nattiva tagħhom, sabiex tkun evitata kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, u billi, b'mod partikolari, iċ-ċittadini kollha jridu jinżammu infurmati b’kull proċediment fil-qrati kontrihom, il-proċess kollu għandu jsir f'perjodu ta' żmien ġuridikament aċċettabbli;

S.

billi l-akbar ostakli għall-eżerċizzju attiv taċ-ċittadinanza attiva tal-Unjoni huma nuqqas ta' għarfien min-naħa tal-individwi tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni kif ukoll fin-nuqqas ta' servizzi informattivi strutturati b'mod ċar u ppubbliċizzati fuq firxa wiesgħa; billi l-Parlament u l-Kummissjoni, fl-azzjoni tagħhom għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huma tenuti b’konsegwenza jagħmel fokus fuq komunikazzjoni aħjar, adegwatament iffinanzjata diretta lejn iċ-ċittadini u l-Istati Membri, kemm lokalment kemm nazzjonalment, filwaqt li jneħħu kull xkiel ġuridiku u amministrattiv li għad fadal li jipprevjeni liċ-ċittadini tal-UE milli jeżerċitaw jeddijiethom, u fl-istess waqt jiżguraw li jkollhom aċċess ħafif għal pariri ċari u akkurati;

1.

Jilqa’ r-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li jqiegħed l-objettiv tal-iżmantellament tax-xkiel għall-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE, u huwa tal-fehma li l-proposti li fih jirrappreżentaw miżuri tanġibbli għar-riduzzjoni ta’ nfiq bla ħtieġa u b’hekk jikkontribwixxi għall-poter tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE, li hu partikolarment importanti fi żminijiet ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jinsabu fir-rapport jittresqu kemm jista’ jkun malajr u jiġu approvati, ħalli jiġi żgurat li l-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE jsiru effettivi u li l-Istati Membri kollha jġibu fit-tmiem l-ostakoli msemmijin u fl-istess waqt jintroduċu miżuri amministrattivi li jiffaċilitaw it-tgawdija komprensiva ta’ dawk il-jeddijiet, filwaqt li jitneħħew il-kontradizzjonijiet possibbli bejn id-Dritt nazzjonali u dak Ewropew;

2.

Jinnota li, minkejja l-jedd li ċ-ċittadini jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew hemm dispożizzjoni espressa għalih fit-Trattati, xorta ma huwiex magħruf jew eżerċitat biżżejjed, u għaldaqstant jitlob sabiex ikun hemm komunikazzjoni mtejba u attiva diretta lejn iċ-ċittadini – inklużi l-ġustifikazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet – dwar jeddhom għall-petizzjoni f’wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tingħaqad miegħu biex tagħmel aktar ħalli jiġi ppubbliċizzat il-jedd għall-petizzjoni permezz tal-uffiċċji tagħhom fl-Istati Membri, in-netwerks deċentralizzati tagħhom tal-informazzjoni, in-netwerk tal-Ombudsmen nazzjonali, u l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu mal-Kummissjoni u mal-Parlament, ħalli jilħqu kemm jista' jkun ċittadini u jikkondividu l-aqwa prattiki;

3.

Huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li se tibda tapplika fl-1 ta’ April 2012, hija l-ewwel strument ta' demokrazija parteċipatorja transnazzjonali u se tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li jkunu involuti b'mod aktar attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropea; jitlob li jkun hemm implementazzjoni effettiva, trasparenti u b’responsabilità politika tar-Regolament tal-ECI u b’mod partikolari jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-arranġamenti amministrattivi u prattiċi kollha neċessarji fil-ħin propizju, jieħdu rwol attiv u jipparteċipaw b’mod effettiv billi jinformaw liċ-ċittadini dwar dan l-istrument il-ġdid b’mod li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu bis-sħiħ, u, b’mod speċjali, juża s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) ħalli jiżviluppaw il-momentum għat-tqanqil tal-kuxjenza; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba fl-esperjenza tiegħu fil-kuntatt dirett maċ-ċittadini, għandha tingħatalu r-responsabilità li jagħmel smigħ pubbliku għall-organizzaturi ta' inizjattivi Ewropej taċ-ċittadini li jirnexxu, kif hemm dispost fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-ECI; jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta fuq bażi regolari rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni, meta tipprepara r-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, biex tiffoka mhux biss fuq l-applikazzjoni tal-Karta, iżda wkoll fuq l-artikoli kollha tat-Trattati tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dan ir-rapport informazzjoni aktar iddettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-Karta mill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt Ewropew u dwar il-kwistjonijiet imressqa miċ-ċittadini f'dan ir-rigward, il-mod li bihom ġew trattati dawn il-kwistjonijiet kif ukoll il-miżuri konkreti ta’ segwitu li ttieħdu;

5.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sabiex jiżguraw li d-dritt tal-aċċess għal dokumenti stabbilit fir-Regolament (KE) 1049/2001 (10), dritt importanti li jgawdu minnu ċ-ċittadini tal-UE, jiġi ggarantit permezz ta' titjib fit-trasparenza u billi l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni jkun aktar faċli u għall-użu faċli mill-utent u komprensiv – inkluż il-provvediment ta’ teknoloġiji mingħajr ostakoli –, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar mill-qrib fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għas-sinifikat ewlieni tal-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fl-infurzar tad-dritt tal-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

6.

Filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni bħala wieħed mill-pedamenti tad-demokrazija, jenfasizza li l-aċċess għall-informazzjoni ma għandux iwassal għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali oħra bħad-dritt għas-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jisħaq li l-aċċess għall-informazzjoni li għandhom l-istituzzjonjiet tal-UE huwa l-interess primarju taċ-ċittadini li jfittxu li jifhmu d-deliberazzjonijiet politiċi u ekonomiċi wara d-deċiżjonijiet li jittieħdu; huwa tal-fehma li li aċċess akbar għall-informazzjoni dwar il-fajls ta’ investigazzjoni u ta’ ksur jista’ jingħata mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li interess pubbliku prevalenti jista’ jiġġustifika l-aċċess għal dawn il-fajls, partikularment fil-każijiet fejn id-drittijiet fundamentali, is-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent kontra ħsara irreparabbli jew fejn il-proċedimenti jkunu għaddejjin dwar diskriminazzjoni kontra minoranza jew vjolazzjonijiet tad-dinjità tal-bniedem, jistgħu jkunu f’riskju sakemm il-ħarsien ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni sensittiva relatata ma' każijiet fil-qrati, każijiet relatati mal-kompetizzjoni u l-fajls tal-persunal jiġu salvagwardjati;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi attwali tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu bis-sħiħ u b’mod korrett, billi tagħmel użu sħiħ tal-poteri tagħha fit-tnedija ta’ proċediment ta’ ksur; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli legali u prattiċi għall-moviment liberu taċ-ċittadini, ma jintroduċux proċeduri amministrattivi ta’ xkiel u mhux iġġustifikati u ma jittollerawx prattiki mhux aċċettabbli li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn dan, biex iżżid l-isforzi tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar id-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu u sabiex tgħinhom jeżerċitawh, partikolarment meta dan id-dritt jiġi miċħud jew illimitat, jew jekk jiġu implimentati prattiki li jirriżultaw f’diskriminazzjoni diretta jew indiretta; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-politiki tal-moviment liberu fl-2013 u tipproponi mezzi speċifiċi ta' appoġġ għall-applikazzjoni tal-moviment liberu; jirrimarka li, minkejja li l-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa marbut mill-qrib mad-dritt għall-moviment liberu, iċ-ċittadini kollha li ma jħallux l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom ukoll jibbenefikaw mid-drittijiet ta' ċittadinanza tagħhom;

8.

Itenni t-talbiet preċedenti li għamel lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-moviment liberu għaċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-familji tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali jew tan-nazzjonalità; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod sħiħ id-drittijiet mogħtija skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE (11), mhux biss lill-konjuġi ta’ sess differenti, imma wkoll lil sieħeb/sieħba reġistrati, membri li jgħixu fl-istess dar ta' cittadin tal-UE u sieħeb/sieħba li magħha/miegħu ċittadin tal-UE għandu/ha relazzjoni stabbli u attestata b’mod xieraq, inklużi koppji tal-istess sess, fuq il-bażi tal-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-dinjità u r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura li d-Direttiva tiġi strettament applikata;

9.

Jitlob lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u li jieħdu azzjoni ħalli jiggwidaw u jagħtu parir lill-ħaddiema li jiċċaqilqu dwar l-opportunitajiet ta' impjieg u kondizzjonijiet ta' għixien u xogħol fl-UE, filwaqt ukoll li liċ-ċittadini jagħmluhom konxji mir-riskji inerenti għax-xogħol illegali u għall-vantaġġi assoċjati mal-ksib ta' xogħol legali (taxxi, sigurtà soċjali, il-jedd għat-taħriġ professjonali, il-jedd għaċ-ċittadinanza, il-jedd għall-housing, il-jedd għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-jedd għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ulied), permezz tal-għodod eżistenti (EURES);

10.

Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li jittrattaw mal-problemi bħalma huma t-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni għall-pensjonijiet għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jtejbu u jaġġornaw il-ftehimiet tagħhom ta’ kooperazzjoni bilaterali; jagħti sostenn lill-isforzi tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni ġdida għall-eliminazzjoni tal-ostakli fiskali u huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-taxxi ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi bil-mutur ġa rreġistrati fi Stat Membru ieħor;

11.

Jitlob lil dawk l-Istati Membri li ddeċidew, skont it-Trattat ta’ Adeżjoni għall-UE għar-Rumanija u l-Bulgarija, li jdaħħlu moratorju ta’ seba’ snin, sal-1 ta’ Jannar 2014, dwar il-jedd għall-moviment liberu fl-UE għall-ħaddiema ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi, jew li jibqgħu japplikaw l-arranaġamenti transitorji li jirrestrinġu l-aċċess min-nazzjonali Rumeni u Bulgari għas-swieq tagħhom tax-xogħol (12), li jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom kemm jista' jkun malajr, billi jqisu l-prinċipju tal-ugwaljanza, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, in-natura mhux ġustifikata ta’ dawk id-deċiżjonijiet u l-prinċipju tas-solidarjetà, ħalli l-jeddijiet tal-impjieg marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE ma jibqgħu ristretti għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni u tirrispondi aktar malajr għall-bosta petizzjonijiet riċevuti dwar id-diffikultajiet biċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti dwar l-istat ċivili, u dwar ir-rikonoxximent ta' dawk id-dokumenti u l-effetti tagħhom (13); jaċċentwa l-importanza li jsir progress kemm jista’ jkun malajr lejn rikonoxximent reċiproku u l-iżgurar taċ-ċirkolazzjoni libera tad-dokumenti dwar l-istat ċivili, mingħajr diskriminazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

13.

Jenfasizza l-fatt li t-tkeċċijiet kollettivi jirrappreżentaw ksur tad-Direttiva tal-Moviment Liberu, apparti li dawn jiksur l-valuri u l-prinċipji bażiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea; ifakkar li, skont id-Direttiva għall-Moviment liberu, ir-restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza fuq il-bażi tal-politika pubblika jew tas-sigurtà pubblika jistgħu jiġu imposti esklussivament fuq il-bażi tal-kondotta personali, mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika jew ta’ nazzjonalità, u li nuqqas ta’ mezzi ekonomiċi jew kwalunkwe skop relatat ma’ kumpens, ikkastigar jew tneħħija ta’ drittijiet jew privileġġi ma jistax jintuża bħala ġustifikazzjoni għat-tkeċċija awtomatika ta' ċittadin tal-UE (Premessa 16, Artikolu 14);

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-politiki li jiddiskriminaw u jannullaw u jabrogaw il-liġijiet diskriminanti, kemm b'mod dirett jew indirettament, kontra r-Roma u gruppi ta’ minoranza fuq il-bażi tar-razza u tal-etniċità, u jistedinhom iġibu fit-tmiem kull persekuzzjoni, tkeċċija mill-post fejn ikunu jgħixu u mill-pajjiż, jew kull konfiska tal-beni ta’ kull grupp ta’ minoranza; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-UE sabiex jerfgħu responsabilità konġunta biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-Roma, jagħtuhom l-istess drittijiet u obbligi bħal ta’ ċittadini Ewropej oħra, filwaqt li jżommu mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma (14) u ‘Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020’ (COM(2011)0173), u sabiex jippromwovu u jipproteġu l-jeddijiet fundamentali tagħhom;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni torbot il-prijoritajiet tal-inklużjoni soċjali ma' sett ta’ objettivi ċari li jinkludu l-ħarsien taċ-ċittadini kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali bejn ir-Roma u dawk li mhumiex Roma sabiex jiġu miġġielda r-razziżmu u l-ksenofobija; jistieden lill-Kummisjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni kkonċernata hija implimetata bis-sħiħ u li jiġu imposti penali xierqa għar-reati mmotivati mir-razziżmu (15);

16.

Ifisser it-tħassib għall-fatt li, minkejja li l-jedd għall-moviment liberu u għar-residenza huwa stabbilit b’mod sod fid-Dritt primarju tal-UE u żviluppat tajjeb fid-Dritt sekondarju, ir-regoli għadhom ma jiġux applikati b’mod sodisfaċenti; jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f'id biex jitneħħew l-ostakli kollha amministrattivi u ġuridiċi li fadal li jkunu qalulhom dwarhom l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri jiksrux id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-ambitu tat-Trattati u d-Direttiva, u li ma jitfgħux piż mhux iġġustifikat fuq iċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom, u b’hekk jillimitaw indirettament jeddhom għall-moviment liberu;

17.

ifakkar li kważi 80 miljun ruħ b'diżabbiltajiet fl-Unjoni Ewropea għadhom ta' spiss ikkonfrontati b'ostakli li ma jistgħux jingħelbu meta, f'diversi modi, ikunu qed jeżerċitaw jeddhom ta' ċittadini għall-moviment liberu; jitlob, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jidentifikaw u jeliminaw l-ostakli u x-xkiel li jirrestrinġu l-abilità tan-nies b’diżabilitajiet milli jibbenefikaw mill-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE, u li jagħmluha eħfef għan-nies b’diżabilitajiet li jaċċedu għall-mezzi kollha tat-trasport, għall-faċilitajiet kollha tal-infrastruttura, għall-edukazzjonijiet u l-informazzjoni pubbliċi, mingħajr dewmien jew kostijiet żejda, kemm jista’ jkun malajr skont id-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (COM(2010)0636) u r-rapport imsemmi hawn fuq ta’ inizjattiva proprja tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2011 imsejjes fuq dik l-istrateġija; jiġbed l-attenzjoni wkoll għan-numru sproporzjonatament kbir ta' persuni anzjani b'mobilità ridotta; jitlob li jitwaqqaf programm tat-tip Erasmus għan-nies b’diżabilitajiet;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li persuni ssuspettati u akkużati neqsin mis-smigħ, inklużi l-vittmi f’każijiet kriminali, jingħatawlhom, jekk ikunu jeħtieġu, interpreti xierqa tal-lingwa tas-sinjali fl-interess tal-ħarsien ta’ jeddijiethom u l-preservazzjoni tad-dinjità tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa għal faċilitajiet bħal dawn;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti tal-Kummissjoni għall-faċilitizzazzjoni ta’ aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri, u billi jedd il-pazjent għall-informazzjoni huwa fundamentali – jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE b’mod isħaħ dwar jeddijiethom u l-mezzi disponibbli għall-eżekuzzjoni tagħhom, inklużi l-aspetti prattiċi bħalma huwa r-rimborż tal-kostijiet fuq il-bażi tal-karta tal-assikurazzjoni tas-saħħa Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-akbar użu possibbli mill-potenzjal eżistenti għat-telemediċina u s-servizzi tas-saħħa-e sal-2020, filwaqt li jottemperaw ruħhom kompletament mad-dispożizzjonijiet tal-ħarsien tad-data Ewropej; jilqa' bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi żviluppata sistema ġdida ta' skambju elettroniku ta' data tas-sigurtà soċjali u jitlob kooperazzjoni akbar bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jagħti s-sostenn tiegħu, barra minn hekk, għall-proġetti piloti mmirati lejn l-għoti liċ-ċittadini tal-UE għal aċċess sigur onlajn għad-data tagħhom ta’ pazjenti u li jiżguraw l-interoperabilità tar-reġistri tal-pazjenti;

20.

Jinnota li l-akbar ostakli għaċ-ċittadini sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-firxa usa' ta' prodotti u minn prezzijiet kompetittivi fis-suq uniku huma, minn naħa, dovuti għan-nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet tal-konsumaturi f'pajjiżi oħrajn tal-UE, u min-naħa l-oħra, għal nuqqas ta' tagħrif għall-konsumaturi li jkunu qed jixtru onlajn minn Stati Membri oħrajn; jemmen li l-informazzjoni intiżi għall-konsumaturi hi xi kultant kumpless u li hija meħtieġa s-semplifikazzjonijiet, ngħidu aħna fit-tikkettar;

21.

Ifakkar li l-pubblikazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u l-‘20 tħassib prinċipali’, li aċċentwaw il-lakuni fl-informazzjoni, fil-leġiżlazzjoni u fil-implementazzjoni, u li jippersistu fis-suq uniku, ngħidu aħna dwar il-prattiki abużivi minn ċerti servizzi tad-direttorju; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali bħala prijorità; jilqa' l-ħidma u l-impenn tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku; jitlob iktar azzjoni mill-Istati Membri f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni biex jingħelbu l-ostakoli li jżommu liċ-ċittadini milli jkollhom aċċess għas-servizzi onlajn; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti;

22.

Huwa tal-fehma li l-aċċess għas-servizzi bankarji għaċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE għandu jkun iffaċilitat aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji biex jiġi żgurat aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għal kont ta' pagament bażiku; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb it-trasparenza tal-ispejjeż bankarji;

23.

Jinnota l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-telefonija mobbli u l-kontijiet tal-internet; jenfasizza li t-tnaqqis fil-prezzijiet tar-roaming sar biss minħabba l-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob għalhekk biex jiġu ppubblikati l-ispejjeż netti f’kull Stat Membru għall-SMS, l-messaġġi MMS, it-telefonati li jitħallsu bil-minuta u l-konnessjonijiet tal-Internet, sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ rati fissi Ewropej biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-mobilità;

24.

jikkundanna l-prattika tal-bejgħ marbut; jitlob li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tkun ukoll opportunità biex tinġibed l-attenzjoni taċ-ċittadini għall-miżuri li pproteġewhom bħala konsumaturi u għenu biex jinżamm il-poter tal-akkwist tagħhom fi żminijiet ta’ kriżi;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni korretta mill-Istati Membri tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-aspetti l-ġodda introdotti mir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010;

26.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna petizzjonanti ġew mitluba jagħmlu 't-Test għad-Dritt ta' Residenza' mill-awtoritajiet Brittaniċi sabiex jiksbu aċċess għad-djar soċjali u għal benefiċji oħra, bħall-allowance għal dawk li jfittxu xogħol (16); jiġbed attenzjoni partikolari dwar il-fatt li tali rekwiżit jintroduċi diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, filwaqt li jmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; iħeġġeġ lir-Renju Unit sabiex il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi mal-liġi tal-UE;

27.

Iħeġġeġ lir-Renju Unit jimxi fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-esportabilità tal-benefiċji tal-mard fi flus kontanti (17) u sabiex ma japplikax l-hekk imsejjaħ ‘it-Test ta’ Preżenza fil-Passat’ meta elementi rappreżentattivi oħrajn jistgħu jintużaw biex jistabbilixxu rabta ġenwina mas-sistema tas-sigurtà soċjali ar-Renju Unit;

28.

Huwa tal-fehma li Direttiva aġġornata dwar il-Kwalifiki għandha tiffoka fuq l-eliminazzjoni ta' ostakli għall-mobilità edukattiva, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, u simultanjament ir-riorganizzazzjoni tal-għejun ta’ informazzjoni li attwalment jinsabu disponibbli għall-professjonisti u sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mal-portal tal-‘Ewropa Tiegħek’; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriorganizza l-għoti ta’ tagħrif dwar il-mobilità għall-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi tal-UE bit-twaqqif ta’ sistema ta' one-stop-shop; jaqbel li karta professjonali Ewropea volontarja tista' sservi bħala għodda biex tiffaċilita aħjar il-mobilità tal-Ewropej u tiswa ta’ mudell għal ‘Ewropa taċ-ċittadini’;

29.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu, f’każ li għandhom ma għamlux dan, is-sistema ta' miżuri ta' kumpens meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki, fil-qafas tas-Sistema Ġenerali, minħabba li n-nuqqas ta' tali sistema jista’ joħloq diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità; jindika f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u fl-2007, partikolarment il-professjonisti tal-kura tas-saħħa (it-tobba, il-qwiebel u l-infermiera), irrappurtaw li kellhom problemi rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom jew tad-drittijiet miksubatagħhom fi Stat Membru ieħor li mhuwiex tagħhom (18);

30.

Ifakkar li waħda mill-petizzjonijiet pendenti l-aktar antiki rigward it-trattament diskriminatorju ilhom isofru l-lekċerers li jgħallmu lingwa barranija (‘lettori’) f’diversi universitajiet Taljani (19); jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga aktar l-hekk-imsejħa riforma ‘Gelmini’, li daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2010; jistieden lill-awtoritajiet Taljani u l-universitajiet rispettivi biex isolvu dan il-każ b’mod urġenti; huwa tal-fehma madanakollu li dan mhuwiex każ iżolat u li għalhekk, il-mejdaturi tal-Istati Membri jistgħu jiltaqgħu għal skambju ta' fehmiet dwar is-soluzzjonijiet li għandhom jiġu introdotti fl-Ewropa;

31.

Jipproponi l-ħolqien ta’ portal web speċifiku u aġġornat regolarment, li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jaġġornaw dwar oqsma tal-ekonomija li jkunu qed ifittxu l-ħaddiema, biex tiġi ffaċilitata l-mobilità volontarja;

32.

Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (20) jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li t-tfal għandhom ikunu jistgħu iżommu r-relazzjoni tagħhom maż-żewġ ġenituri wara li dawn ikunu sseparaw, anke jekk il-ġenituri jkunu jgħixu fi Stati Membri differenti; jinnota li, minkejja li l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli sostantivi dwar id-drittijiet tal-aċċess hija kwistjoni tal-Istat Membru, l-Istat Membru għandu jirrispetta l-liġi tal-UE meta jeżerċita l-poteri tiegħu, partikolarment id-dispożizzjonijet tat-Trattat rigward il-libertà taċ-ċittadini kollha tal-UE li jsiefru u joqogħdu fi Stat Membru ieħor (21) kif ukoll jippreservaw ir-rabtiet bejn il-ġenituri u t-tfal, in-nanniet u n-neputijiet, u l-aħwa; Iżid li kultant id-dewmien twil u n-numru ta’ proċeduri li jirrestrinġu lill-ġenituri li jixtiequ jmorru lura f'pajjiżhom ma' uliedhom huma ostaklu għall-moviment liberu taċ-ċittadini atl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga d-diskriminazzjoni allegata kontra l-konjugi mhux Ġermaniż fi żwiġijiet imħallta fil-każ tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benessri tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Jugendamt);

33.

Jindika l-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva fi kwestjoni ta’ stat ċivili; jinnota, ngħidu aħna, li kull stat li jixtieq bidla fid-dokumenti ta' stat ċivili ta’ wild rikonoxxut fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni marbut jinforma lill-Istat Membru inkwestjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li ssir din il-bidla, sabiex id-dokumenti bħaċ-ċertifikati tat-twelid ma jkunux jistgħu jiġu modifikati b’mod li jħassar l-oriġini tal-identità tal-wild;

34.

jirrimarka li kull ċittadin tal-Unjoni rikonoxxut bħala ġenitur ta’ wild imwieled barra ż-żwieġ jew fiż-żwieġ, għandu jkun informat bid-dritt tiegħu ta’ appell fil-każ ta’ separazzjoni, sabiex ikollu drittijiet ta’ żjara, ħlief f’każijiet fejn b'deċiżjoni konġunta mill-pajjiżi kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-wild, ikun ġie stabbilit periklu ġenwin għall-wild;

35.

jitlob għall-ħatra ta’ medjatur, jew mill-inqas ta' medjatur għat-tfal, f’kull Stat Membru, b’poteri suffiċjenti biex ikollu aċċess għal kull dokument u jirrevedi kull deċiżjoni ta qorti, bl-għan li jikkoordina l-ilmenti u d-diffikultajiet legali ta' ġenituri li jkunu qed jisseparaw, sabiex dawn ma jitħallewx jagħżlu imġieba illegali biex jinfurzaw dak li huma jqisu bħala jeddhom u dak ta' wliedhom; iżid jgħid li kull ċittadin jista’ jirreferi għall-medjatur fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jinsab li d-drittijiet tiegħu ikunu ġew miksura;

36.

Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-Dritt applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali biex, fl-interess tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-UE fil-qasam tal-għażla ta' Dritt dwar id-divorzju, jirratifikawha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-istrument ġdid matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza, peress li huwa inevitabbli li jiżdied in-numru ta’ divorzji transnazzjonali, peress li qed jiżdied anke n-numru ta' żwiġijiet transnazzjonali;

37.

Huwa tal-fehma li kwalunkwe ċittadin li jemmen li d-drittijiet tiegħu ġew miksura, għandu jkollu rimedju għall-anqas fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew biex jiddefendihom;

38.

Jiġbed l-attenzjoni għal darb’oħra dwar il-problemi li qed jaffaċjaw dawk iċ-ċittadini tal-UE li ddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 tat-TFUE u li straw propertajiet legalment fi Spanja, li eventwalment jew illegalizzati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Spanjoli biex jirrevedu b’mod komplet il-mod li bih il-liġi Ley de Costas (il-Liġi Kostali) hija implimentata sabiex jevitaw li jaffettwaw id-drittijiet individwali tas-sidien tal-proprjetà, billi jitqies il-fatt li dik il-liġi dwar il-proprjetà ma taqax taħt il-kompetenzi tal-UE u hija soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà li jinsab fit-Trattati;

39.

Jisħaq mill-ġdid dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet: li tinstab soluzzjoni għall-kwestjonijiet dejjiema rigward il-beni; jinnota li ċ-ċittadini tal-UE, kemm nazzjonali u non-nazzjonali, kellhom numru ta’ problemi serji bit-tranżizzjonijiet tal-proprjetà u l-garanziji bankarji u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà, li kkontribwew għal nuqqas ta’ fiduċja fis-suq tal-proprjetà transkonfinali u għall-problemi ekonomiċi Ewropej; jitlob sabiex il-prinċipji tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE u tal-libertà tal-moviment jiġu estiżi biex ikopru l-proprjetà, u jtenni t-talba tiegħu għad-dritt għall-proprjetà miksuba b’mod leġittimu biex jiġi rrispettat bis-sħiħ;

40.

Jirrikonoxxi li hemm għadd ta’ ostakli li jipprevjenu t-tgawdija sħiħa min-naħa taċ-ċittadini tal-UE tal-jeddijiet elettorali tagħhom meta jkunu jirrisjedu f'pajjiż li ma jkunx dak tagħhom, filwaqt li dan hu l-aktar jedd politikament tanġibbli taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-eżerċizzju tiegħu għandu jkun liberu minn kull formalità diskriminatorja u ostruttiva; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jippropagaw b'mod aktar effettiv l-għarfien ġenerali ta' dan id-dritt fost iċ-ċittadini permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati fit-tħejjija ta’ elezzjoni rispettiva; jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-proċedura li tippermetti liċ-ċittadini tal-UE li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u li tħejji l-ħidma teknika biex jittejbu l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni ta’ votazzjoni doppja jew ta’ telf tal-jedd għall-vot; għal dan jipproponi l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew għall-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej; jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni bl-għan li jiġu ppubblikati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-istess ħin f’kull Stat Membru; jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet aħjar għat-titjib tar-regoli li jiggvernaw l-elezzjonijiet u jippromwovu l-aqwa prattiki; jisħaq li, inter alia, parteċipazzjoni aktar diretti miċ-ċittadini permezz tal-partiti politiċi Ewropej tkun pass deċiżiv lejn il-ksib ta’ ‘aktar’ Ewropa u demokrazija aktar awtentika;

41.

Jipproponi li s-sħubija f'partit politiku Ewropew tista’ tkun aktar komunement issuġġerita lill-membri ta’ partit nazzjonali, sabiex jiġi promoss l-involviment politiku taċ-ċittadini fl-Ewropa;

42.

Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ one-stop shop fiżiku u onlajn għaċ-ċittadini, 'L-Ewropa Tiegħek', huwa ta' siwi kbir għall-individwi li jkunu qed ifittxu parir jew rimedju, kemm jekk ikunu residenti fit-tul kemm jekk ġodda; jirrikonoxxi fl-istess ħin li n-netwerks għas-soluzzjoni tal-problemi u għall-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni (bħalma huma Europe Direct, ‘Solvit’, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, eċċ.) huma msieħba importanti għas-soluzzjonijiet ta' lmenti rigward in-nuqqas ta' funzjoni fis-suq intern jew resitrizzjonijeit fuq jeddijiet iċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi dawn is-servizzi disponibbli online b’mod aktar attiv mhux biss billi tinvolvi l-għajnuna eżistenti fil-livell tal-UE u s-servizzi għas-soluzzjoni tal-problemi, iżda wkoll billi b'mod partikolari jittieħed approċċ iktar komprensiv u attiv aktar biex dawn jitwasslu liċ-ċittadini;

43.

Iqis li l-ħaddiema transfronterjali, li jgħaddu minn ħafna burokrazija amministrattiva fl-Istati Membri, billi jeħtieġu informazzjoni aħjar u mmirati aktar għal jeddijiethom soċjali u professjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi materjal informattiv li jiddelinea f’termini ċari u sempliċi l-jeddijiet gawduti miċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu qed jittraslokaw, jaħdmu, jistudjaw, jixtru, jivvjaġġaw u jeżerċitaw il-jeddijiet politiċi tagħhom bejn il-fruntieri; huwa tal-fehma li sistema ġdida tal-ADR (riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim) ibbażata fuq iċ-ċittadini mibnija fuq korpi konsultattivi u strutturi amministrattivi eżistenti tkun ta' għajnuna kbira fil-provvediment ta' proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qrati li jkunu espedjenti, aċċessibbli u li jaffordjaw il-konsumaturi;

44.

Jipproponi li l-Kummissjoni twettaq inkjesta sabiex tiskopri kif iċ-ċittadini tal-UE iridu jkunu informati dwar l-attivitajiet tal-Unjoni, biex l-aspettattivi tagħhom jiġu ssodisfati b'mod iktar dirett;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-għoti fl-UE tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Unjoni billi żżid il-għadd ta’ ċentri lokali ta’ informazzjoni;

46.

Jitlob li l-volum ta’ dokumenti li jkunu jeħtieġu traduzzjoni ċċertifikata għal proċedimenti ġudizzjarji jitnaqqas għall-minimu assolut, ħalli jkun evitat dewmien fid-difiża taċ-ċittadini u ma jkunux iġġenerati kostijiet legali eċċessivi;

47.

Jitlob li jkun faċli għal kull ċittadin Ewropew li jallega li jkun vittma ta’ trattament eċċessivament zelanti jew ta’ abbuż ta’ pożizzjoni ta' poter mill-awtoritajiet amministrattivi jew tal-pulizija ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ japproċa l-awtorità nazzjonali jew lokali responsabbli mill-ilmenti kontra dawn l-entitajiet;

48.

Jitlob lill-Kummissjoni, li tappoġġja l-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-irħula Ewropej, li ma tiffokax biss fuq l-għoti tal-assistenza lill-iskemi ta’ ġemellaġġ li jinvolvu Stati Membri ġodda jew pajjiżi non-UE, imma jixtieq jara li arranġamenti ta’ ġemellaġġ ta’ durata itwal jibqgħu jirċievu l-assistenza tal-UE ħalli jiġi żgurat li jibqgħu jeżistu fit-tul, li bħalissa qed jiġi mhedded;

49.

Jemmen li kull ċittadin tal-UE għandu jedd għall-aċċess liberu għall-informazzjoni newtrali u ta’ kwalità għolja; jikkunsidra bi tħassib kbir il-ħolqien ta’ awtoritajiet regolaturi tal-midja li jkunu qrib wisq tal-gvernijiet;

50.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika b'mod iktar regolari permezz tat-televixin, li huwa għajn importanti ta’ għoti ta’ informazzjoni; għalhekk jilqa’ riżorsi baġitarji addizzjonali allokati għall-Euronews;

51.

Jilqa’ l-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-ħarsien taċ-ċittadini tal-UE mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, partikolarment billi jiġi ċċarat meta ċittadin huwa kkunsidrat bħala mhux irrappreżentat u jiġi speċifikat it-tip ta' għajnuna li normalment jipprovdu l-Istati Membri f’każijiet ta’ bżonn;

52.

Jifraħ lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-portal ta’ Ġustizzja Elettronika, li jipprovdi kompendju tal-proċeduri u l-arranġamenti legali fl-Istati Membri;

53.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-abbozzar ta’ rapport ġdid dwar iċ-ċittadinanza fl-2013; jiċċara f'dan ir-rigward li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-petizzjonijiet li jirċievi, se jeżamina bir-reqqa r-riżultati miksuba f'termini ta' tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport li jmiss), u se jitlob li tittieħed azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni jekk dan ikun meħtieġ;

54.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiddikjara l-2013 ‘Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini’, li għandha tqanqal u tkattar il-kuxjenza dwar il-jeddijiet u l-vantaġġi marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni – b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili – tuża din l-opportunità biex iżżid l-isforzi tagħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jeddijiet taċ-ċittadini, u għalhekk isaħħaħ l-istatus u l-immaġni tal-UE bħala d-difensur u l-faċilitatur ta’ jeddijiet iċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza tal-użu tal-potenzjal strateġiku tas-sena 2013 għall-aċċellerament tal-bidliet soċjopolitiċi meħtieġ ħalli jintgħeleb in-nuqqas ta’ fiduċja min-naħa taċ-ċittadini li kompla żdied minħabba l-kriżijiet ekonomiċi; jitlob biex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddaħħal bħala prijorità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss; ifisser it-tama li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 tindirizza l-problemi soċjo-ekonomiċi u taħdem favur suq li jibbenefika liċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess waqt tkattar b’mod sinifikattiv il-kuxjenza ġenerali tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE;

55.

Jipproponi li l-Kummissjoni tniedi fis-sena 2012 kompetizzjoni madwar l-Unjoni bil-għan li jinħoloq logo għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini;

56.

Jitlob lill-Parlament u lill-Kunsill jiżguraw li l-Istati Membri jkollhom riżorsi baġitarji biżżejjed biex jiżguraw li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 u l-attivitajiet marbutin minnha, partikolarment dawk li jinvolvu l-mezzi tax-xandir, jimxu ħarir, sabiex jintlaħqu l-objettivi prefissati;

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.

(2)  GU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(3)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(4)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(5)  ĠU C 137E, 27.5.2010, p. 14.

(6)  L-Artikolu 20(2) TFUE.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0587.

(8)  Ara Lucy Stewart v Secretary of State for Work and Pensions, Kawża C-503/09.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2011)0453.

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(12)  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 0810/2011 u 0900/2011.

(13)  Ara, inter alia, Petizzjoni 0632/2008.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2011)0092.

(15)  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 1351/2008, 0945/2010 u 1300/2010.

(16)  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 0401/2009 and 1119/2009.

(17)  Kawża C-299/05 tat-18 ta’ Ottubru 2007 u, aktar reċenti, Kawża C-503/09 tal-21 ta' Lulju 2011.

(18)  Ara, inter alia, Petizzjoni 0112/2009.

(19)  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 0511/1998 u 0689/1998.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

(21)  Ara, inter alia, Petizzjoni 1614/2009.


Top