This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0012
Imbalances in the food supply chain European Parliament resolution of 19 January 2012 on the imbalances in the food supply chain
Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
ĠU C 227E, 6.8.2013, p. 11–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 227/11 |
Il-Ħamis 19 ta’ Jannar 2012
Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
P7_TA(2012)0012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
(2013/C 227 E/03)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 (1), tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (2), tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (3), u tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu, 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' (COM(2009)0591), u d-diversi dokumenti ta' ħidma mehmuża magħha, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar Dħul ġust għall-Bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (5) u tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli (6), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (7), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel (8), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009 u l-konklużjonijiet tad-29 ta' Marzu 2010 dwar funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa, |
— |
wara li kkunsidra d-data tal-Eurostat dwar l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-mezzi tal-produzzjoni agrikola (kostijiet tal-inputs) u l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli (prezzijiet tal-outputs) (9), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (10), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (11), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport 2008 taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka bit-titolu 'Sistemi ta' biedja b'rata baxxa ta' fatturi tal-produzzjoni: opportunità għal żvilupp agrikolu sostenibbli' (12), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu 'Agribusiness and the right to food', tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar katina tal-provvista alimentari li taħdem aħjar (COM(2009)0591) identifikat żbilanċi sinifikanti fis-saħħa tan-negozjar, li jissarrfu fi prattiki kummerċjali inġusti bħal ħlasijiet tard, modifiki kuntrattwali unilaterali, termini kuntrattwali inġusti, aċċess ristrett għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet, distribuzzjoni inugwali tal-marġnijiet tal-qligħ fil-katina tal-ikel kollha, abbużi tal-poter tas-suq minn fornituri jew xerrejja, bħal kartelli u ż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, u alleanzi tax-xiri, fost oħrajn; |
B. |
billi l-livell ta' konċentrazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut kbar ħafna fl-Unjoni Ewropea qed jaffettwa ħażin lill-produtturi u lil fornituri oħra, għaliex qed jirriżulta fi żbilanċi li jikbru tal-poter bejn il-partijiet kontraenti; billi l-produtturi u l-proċessuri agrikoli qed iġarrbu telf progressiv tas-saħħa ta' negozjar vis-à-vis l-livelli tal-prezzijiet tul il-katina tal-valur - mill-produzzjoni primarja, għall-ipproċessar sal-konsumatur aħħari; billi konċentrazzjoni eċċessiva qed twassal għal tnaqqis tad-diversità tal-prodotti, tal-wirt kulturali, tal-ħwienet, tal-impjiegi u tal-mezzi tas-sussistenza; |
C. |
billi l-problemi ta' introjtu tal-bdiewa qed jibqgħu jmorru għall-agħar u l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi għall-prodotti mhuwiex rifless fil-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa għall-produzzjoni tagħhom, u dan qed idgħajjef il-kapaċità tal-bdiewa li jinvestu u jiżviluppaw u jista' jwassal biex ħafna minnhom ma jibqgħux jaħdmu f'dan is-settur; |
D. |
billi t-telf tas-saħħa ta' negozjar, iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u l-impossibilità li dawk il-kostijiet jiġu rkuprati tul il-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel jistgħu jipperikolaw is-sopravivenza tal-azjendi agrikoli, u għalhekk potenzjalment idgħajfu l-potenzjal produttiv fit-tul fl-Istati Membri u jkabbru d-dipendenza tagħhom fuq is-swieq esterni; |
E. |
billi relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati mhux biss itejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, imma jkunu wkoll ta' benefiċċju għall-bdiewa, permezz ta’ żieda fil-kompetittività, u fl-aħħar mill-aħħar ikunu wkoll ta’ benefiċċju għall-konsumaturi; |
F. |
billi l-volatilità reċenti tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista tal-ikel Ewropej u dinjija u żiedet l-insigurtà tal-introjtu tal-farms u fl-investimenti fit-tul mill-bdiewa; |
G. |
billi lanqas il-konsumaturi mhuma qed jibbenefikaw minn prezzijiet baxxi mal-ħruġ mill-farms minħabba t-telf progressiv ta' saħħa ta' negozjar tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, partikolarment billi r-rekwiżiti tal-kawlità, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali - li l-bdiewa Ewropej iridu jirrispetaw - spiss mhumiex applikati bl-istess mod għal prodotti agrikoli importati; |
H. |
billi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'għadd ta' Stati Membri sabu li hemm erba' oqsma ewlenin fejn l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel huma partikolarment problematiċi: l-impożizzjoni unilaterali ta' termini kuntrattwali; il-prattiki ta' għoti ta' skont; il-penali; u t-termini ta' ħlas; |
1. |
Jenfasizza li l-problema tal-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel għandha dimensjoni Ewropea ċara, li teħtieġ soluzzjoni Ewropea speċifika, minħabba l-importanza strateġika tal-katina agroalimentari għall-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-katina tal-provvista tal-ikel, l-agrikoltura, l-industrija agroalimentari u d-distribuzzjoni tal-ikel jirrappreżentaw 7% tal-impjieg totali fl-UE b'valur ta' EUR 1 400 biljun fis-sena - ċifra akbar minn dik fi kwalunkwe settur ieħor tal-manifattura fl-UE - u li s-sehem tal-valur miżjud agrikolu mill-katina tal-provvista tal-ikel naqas minn 31% fl-1995 għal 24% fl-2005 fl-UE-25; |
2. |
Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħidma li qed issir fil-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel, b'mod partikolari l-pjattaforma tiegħu Minn Negozju Għal Negozju; jitlob li jiġi infurmat formalment u regolarment dwar il-progress tal-ħidma u d-deċiżjonijiet meħuda; |
3. |
Jappoġġja l-ħidma tajba tal-Pjattaforma tal-Esperti dwar il-prattiki kuntrattwali B2B tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel, b'mod partikolari fid-definizzjoni, l-elenkar u l-valutazzjoni ta' x'jikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta, abbażi ta' data u eżempji konkreti; jitlob appoġġ qawwi għal inizjattivi biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-partijiet dwar din il-kwistjoni; jilqa' favorevolment il-fatt li l-partijiet interessati ftiehmu dwar prinċipji li jirregolaw il-prattiki tajbin, kif ippreżentati lill-Forum ta' Livell Għoli fid-29 ta' Novembru 2011, u jħeġġiġhom jieħdu miżuri implimentattivi; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE robusta - meta jkun meħtieġ u mingħajr distorsjoni tal-funzjonament xieraq tas-swieq - biex tiggarantixxi relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-produtturi, il-fornituri u d-distributuri ta' prodotti tal-ikel, u biex timplimenta b'mod xieraq ir-regoli diġà fis-seħħ, anke għaliex l-aħħar ċifri dwar l-introjtu agrikolu mill-Eurostat juru li, mill-2009, kien hemm tnaqqis ta' 11,6% fl-introjtu tal-bdiewa fil-livell tal-UE, filwaqt li l-kostijiet totali tal-inputs għall-bdiewa tal-UE żdiedu b’medja ta’ kważi 40% bejn l-2000 u l-2010; |
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jittrattaw il-problema tad-distribuzzjoni inġusta tal-profitti fil-katina tal-ikel b'urġenza, speċjalment fir-rigward tal-introjtu adegwat għall-bdiewa; jirrikonoxxi l-fatt li sabiex jiġu stimulati sistemi ta' produzzjoni sostenibbli l-bdiewa jeħtieġ li jkunu kkumpensati għall-investimenti u l-impenji tagħhom f'dawn l-oqsma; jenfasizza li l-ġlieda għall-poter għandha tkun sostitwita b'relazzjonijiet ta' kooperazzjoni; |
6 |
Jirrimarka li l-politika agrikola trid tippermetti lill-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, fosthom dawk li jitmexxew minn familji, ikollhom introjtu raġonevoli, jipproduċu biżżejjed ikel ta' kwalità tajba bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd, joħolqu l-impjiegi, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jiżguraw il-ħarsien u s-sostenibbiltà ambjentali; |
7. |
Jinsisti li l-Istati Membri għandu jkollhom rwol attiv fl-appoġġ ta' fora ta' konsultazzjoni eżistenti u fl-istabbiliment ta' fora ta' konsultazzjoni ġodda, b'rappreżentanza xierqa tal-atturi tul il-katina tal-ikel, sabiex jippromwovu d-djalogu u jistabbilixxu linji gwida favur relazzjonijiet aktar ġusti u bilanċati; jirrimarka li konsultazzjonijiet uffiċjali bħal dawn jgħinu biex il-produtturi u l-fornituri jiġu protetti u biex jiġu evitati miżuri ta' ritaljazzjoni mis-settur tad-distribuzzjoni; |
8. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej u lil awtoritajiet regolatorji oħra involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ biex jieħdu azzjoni kontra prattiki abużivi tax-xerrejja min-naħa ta' bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut dominanti li sistematikament iqiegħdu lill-bdiewa f'pożizzjoni ta' negozjar estremament inugwali; |
9. |
Jitlob li tiġi stabbilita definizzjoni ċara, rigoruża u oġġettiva ta' prattiki abużivi u inġusti, inklużi definizzjonijiet aktar stretti ta' kunċetti u delimitazzjoni aktar ċara, skont il-mandat maħruġ lill-Kummissjoni mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust, sabiex tali prattiki jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni speċifika, superviżjoni u sanzjonijiet oġġettivi; |
10. |
Jenfasizza l-lista li ġejja bħala lista mhux eżawrjenti ta' prattiki li dwarhom il-produtturi wrew tħassib fir-rigward tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel:
|
11. |
Jitlob l-istabbiliment ta' qafas biex dawn il-prattiki jiġu kkontrollati b'mod effikaċi, l-ewwel bit-tnedija ta' inkjesta fis-settur kollu, permezz ta' mezzi amministrattivi jew ġuridiċi, imbagħad bl-introduzzjoni ta' sistema ta' evalwazzjoni u monitoraġġ imħaddma mill-Istati Membri u kkoordinata mill-Kummissjoni, b'sanzjonijiet dissważivi applikati b'mod effikaċi u fi żmien xieraq; |
12. |
Jitlob, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali abużivi, li jiddaħħlu mezzi aħjar biex ikun żgurat li l-iskadenzi għall-ħlasijiet jiġu rispettati, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, u li jitqiegħdu fis-seħħ strumenti ġodda biex jitnaqqas kemm jista' jkun u biex jiġi armonizzat fuq livell Ewropew it-tul ta' żmien bejn il-konsenja u meta l-ħlas fil-fatt jasal għand il-fornituri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jinħtieġu urġentement soluzzjonijiet għall-problemi speċifiċi li jaffaċċjaw il-produtturi ta' prodotti li jiħżienu, bi żminijiet qosra li matulhom jistgħu jibqgħu fil-ħwienet, li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar ta' likwidità; |
13. |
Jinnota l-miżuri fl-abbozz ta' proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAKli l-għan tagħhom huwa li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-organizzazzjonijiet intersettorjali u billi jippromwovu katini qosra bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħas-swieq għall-prodotti lokali; jemmen li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa permezz ta' organizzazzjoni interna aħjar u approċċ aktar professjonali jgħin biex ikun żgurat li jirċievu sehem aktar ġust tal-valur miżjud; |
14. |
Jilqa' favorevolment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri rigward skambji tal-aħjar prattiki dwar in-notifika ta' prattiki kuntrattwali, u t-tħejjija ta' kuntratti standard; |
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-Istrument Ewropew ta' Monitoraġġ tal-Prezzijiet u tiżviluppa interfaċċja trasparenti, multilingwi u faċli biex tintuża li tippemetti lill-konsumaturi u lill-partijiet interessati jqabblu l-prezzijiet ta' prodotti tal-ikel bażiċi fi Stat Membru partikolari u bejn Stati Membri differenti f'kull stadju fil-katina tal-provvista tal-ikel u li tqis ukoll id-differenzi fl-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri; |
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-agrikoltura, bil-għan li lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet intersettorjali tagħhom jingħatawlhom l-għodod li jippermettulhom itejbu l-pożizzjoni ta' negozjar tagħhom; jitlob li ssir valutazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u li jsir tibdil fiha, bil-għan li jkun żgurat li jitqiesu aktar l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni vertikali fuq il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, minflok ma ssir enfasi limitata fuq il-pożizzjonijiet relattivi ta' diversi kumpaniji fis-suq u minflok ma d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jitqiesu biss abbażi tal-effett negattiv tagħhom fuq il-konsumaturi; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar il-ħidma tad-diversi servizzi tagħha, sabiex ikun jista' jkollha rwol aktar effikaċi fil-monitoraġġ tal-prezzijiet fil-katina tal-ikel kollha u fil-monitoraġġ tad-dinamika tal-provvista bl-imnut u tal-ishma tas-suq relattivi fl-UE kollha; jitlob li jinħoloq Ombudsman għall-Kummerċ tal-Ikel biex jikkomunika mal-awtoritajiet kummerċjali u tal-kompetizzjoni rilevanti u ma' Ombudsmen nazzjonali għall-kummerċ tal-ikel f'kull Stat Membru, sabiex jikkoordinaw u jaqsmu informazzjoni; iqis, barra minn hekk, li l-Ombudsman Ewropew u d-diversi Ombudsmen nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u biex jirrakkomandaw sanzjonijiet xierqa u f'waqthom; |
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju profond tad-differenzi fl-approċċ bejn is-27 awtorità u politika nazzjonali tal-kompetizzjoni u tħeġġeġ soluzzjonijiet li jinvolvu l-imsieħba kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel u li jipprevjenu abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti f'parti waħda jew f'għadd limitat ta’ partijiet tal-katina tal-inputs jew tal-outputs, li spiss iseħħu askapitu tal-produttur agrikolu; |
19. |
Jemmen li għandha tingħata prijorità lil kampanja ta' informazzjoni fl-UE kollha li tinforma lill-bdiewa dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom u dwar il-prattiki kuntrattwali u kummerċjali illegali, inġusti u abużivi l-aktar komuni, kif ukoll dwar il-mezzi disponibbli biex jirrapportaw l-abbużi; |
20. |
Iqis li s-soluzzjoni biex jiġu ttrattati l-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel tinkludi l-awtoregolamentazzjoni iżda teħtieġ ukoll regolamentazzjoni u aġġustamenti tal-liġi tal-kompetizzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iżvilupp tal-aħjar prattiki u/jew kodiċijiet tal-imġiba fi sħubija mal-partijiet interessati kollha, bl-involviment tal-produtturi, l-industrija, il-fornituri, il-bejjiegħa bl-imnut u r-rappreżentanti tal-konsumatur, u filwaqt li s-sinerġiji eżistenti jintużaw bl-aħjar mod possibbli; |
21. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 103.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0006.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0307.
(5) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0011.
(9) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database.
(10) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23..
(11) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 180.
(12) http://agrienv.jrc.ec.europa.eu/publications/pdfs/LIFS_final.pdf