Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0011

Il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli: struttura u implikazzjonijiet (2011/2114(INI))

ĠU C 227E, 6.8.2013, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 227/3


Il-Ħamis 19 ta’ Jannar 2012
Il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli

P7_TA(2012)0011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli: struttura u implikazzjonijiet (2011/2114(INI))

(2013/C 227 E/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 bl-isem ta’ "Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali" (1),

wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x’soluzzjoni għal problema li ilha teżisti? (4)

wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-OECD ta' Mejju 2011 dwar "Strateġija Ambjentali ta' Tkabbir għall-Ikel u l-Agrikoltura" (5),

wara li kkunsidra d-data tal-Eurostat dwar l-indiċi tal-prezzijiet dwar il-mezzi ta' produzzjoni agrikola (spejjeż tal-fatturi ta’ produzzjoni) u indiċi ta' prezzijiet għall-prodotti agrikoli (prezzijiet tal-produzzjoni) (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 349 TFUE, li jistabbilixxi reġim speċifiku għar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

wara li kkunsidra it-tielet Eżerċizzju ta' Tbassir KPRA tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA) tal-Kummissjoni Ewropea dwar "il-Konsum sostenibbli tal-ikel u l-produzzjoni f'dinja b'riżorsi limitati" (Frar 2011) (7),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-"Rapport Globali – L-Agrikoltura f'Salib it-Toroq" mill-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-JRC dwar "Sistemi ta' biedja b’rata baxxa ta’ fatturi tal-produzzjoni: opportunità għal żvilupp agrikolu sostenibbli" (8)

wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2007 dwar “Il-konsegwenzi, l-opportunitajiet u l-isfidi tal-bijoteknoloġija moderna fl-Ewropa”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2010 dwar ‘Kompendju ta’ metodi ta’ referenza għall-analiżi tal-OĠM’,

wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2010 dwar “L-impatti tal-mira tal-UE għall-bijofjuwils fuq is-swieq agrikoli u l-użu tal-art: valutazzjoni kumparattiva tal-mudelli”,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja għall-ilħiq ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi (9),

wara li kkunsidra l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2011 (COM(2011)0625/3, COM(2011)0627/3, COM(2011)0628/3, COM(2011)0629, COM(2011)0630/3, COM(2011)0631/3) u l-proposta għal Regolament Uniku OKS,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0421/2011),

A.

billi l-volatilità għolja tal-prodotti agrikoli bażiċi u tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja żiedet l-inċertezza fid-dħul mill-biedja u fl-investimenti fit-tul mill-bdiewa, speċjalment għar-reġjuni iżolati, ir-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni gżejjer u l-aktar reġjuni mbiegħda, li għalihom il-fatturi tad-distanza u l-iżolament ifissru spejjeż addizzjonali għolja, li għandhom impatt negattiv fuq id-dħul tal-bdiewa ta’ dawn ir-reġjuni;

B.

billi, skont il-Eurostat, l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni globali għall-bdiewa tal-UE żdiedu b'medja ta' kważi 40 % bejn l-2000 u l-2010, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja żdiedu b'medja ta' anqas minn 25 %; billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni għall-enerġija u l-lubrifikanti tul dak id-deċennju laħqet is-60 %, kważi 80 % għall-fertilizzanti sintetiċi u għas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija, aktar minn 30 % għall-għalf, madwar 36 % għall-makkinarju u tagħmir ieħor, kważi 30 % għaż-żrieragħ u l-friegħi għat-tħawwil u kważi 13 % għal prodotti u pestiċidi għall-protezzjoni tal-pjanti, xi ħaġa li tenfasizza l-ħtieġa li jiġi faċilitat l-aċċess għal fatturi tal-produzzjoni orħos għall-bdiewa, b’mod partikolari mis-suq dinji;

C.

billi prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jirriżultaw fi dħul ogħla għall-bdiewa, primarjament minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż tal-fatturi ta’ produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u minħabba d-diverġenza li dejjem qed tiżdied bejn l-ispejjeż tal-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur;

D.

billi spejjeż ogħla ta’ produzzjoni u diffikultajiet sabiex dawn jgħaddu 'l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel jistgħu fuq perjodu qasir ta’ żmien jipperikolaw is-sopravivenza ta’ ċerti impriżi filwaqt li jdgħajfu l-istruttura produttiva f’ċerti Stati Membri, u b’hekk iġibu għall-agħar il-bilanċ kummerċjali f’termini ta’ importazzjoni u dipendenza fuq swieq esterni volatili;

E.

billi l-konsumatur bħalissa qed jiġi żvantaġġat ukoll fis-sens li l-produtturi ma jistgħux jgħaddu ż-żieda esponenzjali fl-ispiża tal-fatturi tal-produzzjoni lill-bejjiegħa l-kbar bl-imnut, li fil-każ tagħhom jgħaddu dik iż-żieda lill-konsumatur, u b'hekk jiksbu marġni kbar ta’ profitt;

F.

billi l-pressjoni 'l fuq fuq il-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni hi mistennija tiżdied aktar minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, it-talba dejjem akbar f'ekonomiji emerġenti u politiki li jagħmluha aktar diffiċli għall-bdiewa tal-UE li jiksbu aċċess għal għalf orħos disponibbli fis-suq dinji;

G.

billi l-produzzjoni tal-ikel tista’ tiddgħajjef regolarment minħabba firxa ta’ fatturi li jinkludu l-impatt ta’ organiżmi ta’ ħsara u mard, id-disponibilità ta’ riżorsi naturali u d-diżastri naturali;

H.

billi bħalissa l-agrikoltura tal-UE tiddependi b'mod qawwi fuq importazzjonijiet tal-fatturi tal-produzzjoni – b'mod speċjali l-karburanti fossili, iżda ukoll l-għalf u l-iskarsezza ta' minerali għat-titjib tal-ħamrija bħall-fosfat – u għalhekk hi aktar vulnerabbli għal żidiet qawwija fil-prezzijiet; billi dan qajjem tħassib kbir dwar il-kompetittività tal-bdiewa tal-UE, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali;

I.

billi l-volatilità attwali fil-prezzijiet għandha dimensjoni Ewropea u dinjija, u huwa għalhekk neċessarju li tinstab soluzzjoni speċifika fil-livell Komunitarju għall-katina agroalimentari, minħabba r-rwol strateġiku tagħha fl-Unjoni, filwaqt li hija meħtieġa diġà azzjoni miftehma fil-livell tal-G-20;

J.

billi l-UE hija dejjem aktar dipendenti fuq il-fatturi tal-produzzjoni li jinħtieġu sabiex l-agrikoltura tiġi ppreservata fl-Ewropa; billi huwa għalhekk neċessarju li tintalab azzjoni rapida biex titnaqqas dik id-dipendenza, permezz tal-investimenti u deċiżjonijiet f’livell purament politiku, biex tiġi żgurata awtosuffiċjenza akbar fl-ikel għall-UE;

K.

billi l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili: billi ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi hija ċentrali għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi;

L.

billi l-produzzjoni agrikola fl-UE hija fil-parti l-kbira tagħha dipendenti fuq iż-żejt u l-katina tal-provvista tal-ikel tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-prezz tiegħu; billi l-produzzjoni globali taż-żejt hija mistennija tibda tonqos b’medja ta’ 2-3 % fis-sena;

M.

billi ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum huma marbuta b’mod inseparabbli maż-żidiet fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni agrikoli, ħaġa li twassal għal prezzijiet ogħla tal-enerġija, tal-għalf u tal-fertilizzanti, li min-naħa tagħha għandha impatt fuq il-produzzjoni globali tal-ikel;

N.

billi l-manifattura tal-fertilizzanti tal-azjendi tal-biedja hija għalkollox dipendenti fuq il-provvista fil-pront ta’ fosfat naturali; billi l-prezz tiegħu żdied bi 800 % fl-2007/2008 u l-provvista tiegħu tista’ tilħaq l-ogħla livell tagħha sal-2033-2035, filwaqt li wara din id-data jsir dejjem aktar skars;

O.

billi, l-ispejjeż qegħdin jiżdiedu wkoll minħabba rekwiżiti fitosanitarji, iġjeniċi u ta' sikurezza tal-ikel, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali, li minħabba fihom il-kompetittività tal-produtturi Ewropej se tkompli tonqos meta mqabbla ma’ dik ta’ dawk f'pajjiżi terzi, li m’għandhomx għalfejn jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti stretti;

P.

billi l-UE stabbiliet livell għoli ta’ standards fis-sikurezza tal-ikel, fil-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent, ħaġa li tinvolvi konsegwenzi għaż-żmien u għall-kost tal-iżvilupp ta’ prattiki u għodod ġodda upstream u downstream fil-katina tal-ikel;

Q.

billi l-konsumaturi, iffaċċjati bi tnaqqis fil-poter tagħhom ta’ akkwist, qegħdin dejjem aktar jagħżlu prodotti li l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza tagħhom huma aktar baxxi minn dawk ta’ prodotti li joriġinaw mill-UE, u li mhumiex traċċabbli, speċjalment fil-każ tal-laħam;

R.

billi medja ta' 42 % tal-provvista totali tal-ilma fl-Ewropa tintuża mill-agrikoltura (88 % fil-Greċja, 72 % fi Spanja, 59 % fil-Portugall) u billi l-ispejjeż ta' irrigazzjoni u drenaġġ żdiedu biex it-teknoloġiji tal-irrigazzjoni jsiru aktar effiċjenti, u billi ftit mill-ilma użat mill-agrikoltura jerġa’ lura fiċ-ċiklu naturali tal-ilma;

S.

billi l-prezz tal-art għall-biedja u l-kost tal-kiri tal-art għandhom impatt dirett fuq il-vijabbiltà tal-biedja u fuq il-kapaċità ta’ dawk iż-żgħażagħ imħajra għall-biedja li jistabbilixxu ruħhom fiha;

T.

billi l-konċentrazzjoni tas-suq tal-fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni tal-biedja hi għolja ħafna, b'sitt kumpaniji jikkontrollaw kważi 75 % tas-suq tal-prodotti agrokimiċi u tliet kumpaniji li jikkontrollaw aktar minn 45 % tas-suq taż-żrieragħ; billi din il-konċentrazzjoni tikkontribwixxi għaż-żamma ta' prezzijiet taż-żrieragħ għolja u għandha impatt negattiv sostanzjali fuq id-diversità tal-koltivazzjoni, u billi l-involviment tal-bdiewa fl-iżvilupp tax-xejriet tal-prezzijiet huwa limitat; billi hemm konċentrazzjoni għolja tas-suq mhux biss upstream iżda wkoll fin-negozju (tal-bejgħ bl-imnut) tal-ikel, ħaġa li tqiegħed lill-biedja taħt pressjoni addizzjonali f’termini ta’ kostijiet;

U.

Billi l-vijabbiltà u l-kompetittività tal-produzzjoni fuq skala żgħira (għelejjel minuri) huma affettwati b’mod sproporzjonat minn tibdiliet leġiżlattivi u strutturali fl-industriji tal-fatturi tal-produzzjoni, u billi jeħtieġ li jkun hemm aktar għarfien dwar l-impatt ta’ dawn it-tibdiliet;

V.

billi żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, tal-fertilizzanti u tal-għalf jirrappreżentaw iż-żieda ewlenija fl-ispejjeż taż-żerriegħa għall-bdiewa;

W.

billi, fid-dawl tal-fluttwazzjonijiet estremi tal-prezzijiet agrikoli tul il-katina alimentari u l-ispekulazzjoni finanzjarja relatata, it-trasparenza tal-industrija 'l fuq mill-katina tal-ikel hi essenzjali ukoll biex titjieb il-kompetizzjoni u r-reżistenza għall-volatilità tal-prezzijiet;

X.

billi jinħtieġu investimenti fit-tul fil-ġestjoni tal-fatturi tal-produzzjoni u fil-ġestjoni tar-riżorsi, inklużi l-enerġija, il-ħamrija u n-nutrijenti, it-teknoloġija tal-ilma, iż-żrieragħ u l-agrokimiki, biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ekonomiċi u ambjentali l-ġodda, inkluż fi ħdan il-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi s-servizzi ta’ estensjoni u t-titjib u l-innovazzjonijiet istituzzjonali li jaffettwaw l-użu tal-fatturi tal-produzzjoni u l-attitudnijiet u l-ħiliet tal-bdiewa huma kritikament importanti biex jiġu adottati sistemi ta' biedja aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar sostenibbli u innovattivi;

Y.

billi l-fermentazzjoni tad-demel likwidu hija ta' benefiċċju f'termini tal-kultivazzjoni tal-pjanti u l-ambjent, filwaqt li huwa neċessarju wkoll li jinħolqu inċentivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa, miżura li se, barra minn hekk, tikkontribwixxi għal biedja sostenibbli.

Z.

billi l-biedja għandha potenzjal konsiderevoli biex tiffranka l-enerġija u l-ispejjeż permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika li tista’ tittejjeb aktar permezz tal-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli (speċjalment ir-riħ, ix-xemx, il-bijomassa, il-bijogass, il-bijofjuwils, l-użu ta' prodotti tal-iskart eċċ.);

AA.

billi n-newb tal-għelejjel jista’ jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jipprovdi għall-użu sostenibbli ta’ fertilizzanti sintetiċi u pestiċidi;

AB.

billi l-produzzjoni ta' għelejjel ta' proteina leguminuża fl-UE kif ukoll it-titjib ta' sistemi ta' produzzjoni bbażati fuq il-ħaxix għandhom inaqqsu d-defiċit ta' proteini tal-UE u d-dipendenza tal-UE fuq importazzjoni tal-għalf u jistgħu jħallu benefiċċji ekonomiċi ewlenin għall-bdiewa, iżda mhux se jkunu soluzzjoni standard għall-ħafna żbilanċi li jeżistu fil-katina tal-provvista tal-fatturi tal-produzzjoni għall-azjendi tal-biedja u jwasslu ukoll għal tnaqqis fil-produzzjoni ta’ uċuħ oħra tar-raba’ li jużaw ir-riżorsi b’mod aktar effiċjenti;

AC.

billi ż-żrieragħ merfugħa mill-azjendi tal-biedja jistgħu joffru, f’ċerti ċirkostanzi u għal varjetajiet speċifiċi, alternattiva għall- żrieragħ kummerċjali;

AD.

billi kundizzjonijet mhux adattati ta’ ħżin u trasport iwasslu sabiex kwantitajiet sinifikanti ta’ prodotti bażiċi agrikoli jitħassru u jkollhom jintremew u ma jkunux aktar disponibbli bħala ikel jew għalf (FAO, Global Food Losses And Food Waste, 2011);

Soluzzjonijiet ġenerali

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni fil-programm ta' ħidma tagħha sabiex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u tiggarantixxi li r-regoli tal-kompetizzjoni japplikaw u jiġu infurzati fil-katina kollha upstream u downstream tas-suq tal-ikel;

2.

Jitlob li jkun hemm skrutinju akbar u analiżi aħjar fil-livell tal-UE u f’dak globali tal-elementi fundamentali ekonomiċi li jispjegaw iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, l-aktar l-interazzjonijiet bejn il-fluttwazzjonijiet fil-provvista u fid-domanda, kif ukoll iż-żieda fl-interazzjoni bejn il-movimenti fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-fatturi tal-produzzjoni u tal-prodotti bażiċi tal-ikel;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tirfina l-analiżi tagħha dwar il-kawżi tal-fluttwazzjonijiet estremi fis-suq u tikkjarifika aktar l-interazzjonijiet bejn l-ispekulazzjoni u s-swieq agrikoli, kif ukoll is-swieq tal-enerġija u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ikel; jenfasizza li dan għandu jkun parti mill-isforzi biex wieħed jirregola aħjar, biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-informazzjoni dwar is-swieq finanzjarji fil-livell globali u dak tal-UE, inkluż fir-rieżami imminenti tad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (MAD);

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ prattiki agronomiċi aktar efficjenti u ġestjoni tar-riżorsi agrikoli sostenibbli u mtejba, bil-għan li tiġi prodotta agrikoltura stabbli u produttiva, fejn jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni u l-ħela ta' nutrijenti u jiżdiedu l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-effikaċja tar-riżorsi u s-sostenibilità fi ħdan is-sistemi tal-biedja; huwa konvint li dan jista’ jsir fil-qafas tas-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni li tħabbret għall-produttività u s-sostenibilità agrikola; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ integrat għall-bdiewa li jilħaq bilanċ fl-oqsma kollha tal-biedja (produzzjoni, ambjent, profittabilità, dimensjoni soċjali).

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa agrikoltura sostenibbli u produttiva, biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ambjentali u tal-ikel, kif ukoll tiżgura li tibqa’ tagħmel profitt u tibqa’ kompetittiva fis-suq dinji;

6.

Jilqa’ l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel imwaqqaf mill-Eurostat u t-twaqqif tal-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel, li għandhom jinkludu s-settur tal-fatturi tal-produzzjoni li jopera upstream u li għandhom iwettqu trasparenza akbar tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni u jikkontribwixxu għal titjib fil-prezzijiet tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja; Jinsisti li r-rappurtar regolari tal-progress u proposti konkreti għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u diskussi miegħu;

7.

Iqis li l-produtturi primarji ma jistgħux jibbenefikaw għalkollox minn żidiet fil-prezzijiet tal-outputs peress li qed "jitgħaffġu" bejn, min-naħa, prezzijiet baxxi tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja minħabba l-pożizzjoni b’saħħitha tal-proċessuri u tal-bejjiegħa bl-imnut u, min-naħa l-oħra, prezzijiet għolja tal-fatturi tal-produzzjoni minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni tal-kumpaniji tal-fatturi tal-produzzjoni;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aħjar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea' jemmen li, b'mod parrtikolari, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ispejjeż biex il-leġiżlazzjoni u l-impatt li għandha fuq id-disponibbiltà tal-fatturi tal-produzzjoni kif ukoll fuq il-prezzijiet ta' dawk l-fatturi tal-produzzjoni;

9.

Jitlob lill-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej jindirizzaw bis-sod l-abbużi tal-pożizzjoni dominanti tal-kummerċjanti agroalimentari u tal-kumpaniji tal-fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari fis-settur tal-fertilizzanti fejn il-bdiewa jaffaċċjaw diffikultajiet tremendi biex jixtru bil-quddiem fertilizzanti essenzjali għall-produzzjoni tagħhom; Iqis li l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni (id-DĠ Kompetizzjoni, eċċ) għandhom għalhekk iwettqu inkjesta bis-sħiħ fuq is-settur li tistfida l-prassi kollha kontra l-kompetizzjoni;

10.

Jenfasizza li l-azzjoni kollha f'dan il-qasam tirrikjedi minn qabel definizzjoni oġġettiva u rigoruża, fil-livell konċettwali, tal-prattiki abużivi, inġusti u li jmorru kontra l-kompetizzjoni, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-forom speċifiċi ta' regolamentazzjoni u monitoraġġ;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod urġenti, sabiex twettaq studju bir-reqqa dwar id-differenzi fl-approċċ bejn is-27 awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u bejn il-politiki nazzjonali f’dan il-qasam u biex tħeġġeġ soluzzjonijiet li jinvolvu lis-sħab kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel li li jipprevjenu pożizzjonijiet dominanti ta' xi parti waħda jew ta' xi ftit partijiet tal-katina tal-fatturi tal-produzzjoni u output, li sikwit iseħħu askapitu tal-produttur agrikolu;

12.

Jemmen li jeħtieġ li tiġi introdotta sistema għall-kontroll effettiv ta' dawn il-prattiki, b'mezzi amministrattivi jew legali, u biex jinħoloq mekkaniżmu biex il-Kummissjoni tivvaluta u timmoniterja l-Istati Membri, filwaqt li jiġu introdotti sanzjonijiet li jkunu ta' natura dissważiva u opportuna biżżejjed;

13.

Jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal sistema mifruxa mal-UE kollha għall-iskambju ta' informazzjoni dwar prattiki tajba fin-nutrijenti, fl-enerġija u fir-riżorsi naturali u fl-immaniġġjar tal-fatturi tal-produzzjoni oħrajn sabiex tinkiseb effettività u effiċjenza akbar tal-fatturi tal-produzzjoni;

14.

Jappella biex il-PAK il-ġdida tinkludi miżuri ta' appoġġ speċifiċi għall-ġestjoni aħjar u aktar effiċjenti tar-riżorsi u għall-prattiki sostenibbli li jnaqqsu l-ispejjeż u l-użu ta' fatturi tal-produzzjoni u jtejbu l-kapaċità tal-bdiewa li jadattaw għall-volatilità tal-prezzijiet, inklużi miżuri ta' appoġġ għall-katini qosra ta' fatturi tal-produzzjoni u tal-ikel;

15.

Jilqa' l-fokus miżjud tal-Kummissjoni fuq il-bijoekonomija Ewropea; jitlob li parti sostanzjali mill-programm qafas ta' riċerka li jmiss tiġi allokata għar-R&Ż fil-ġestjoni tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u għat-titjib tal-effiċjenza agronomika; jenfasizza li r-riżultati tar-riċerka jridu jiġu tradotti fit-titjib prattiku tal-produzzjoni agrikola permezz ta' taħriġ u l-bini ta' kapaċità għall-bdiewa; jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni aħjar bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll bejn l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, f'dan ir-rigward, biex b'hekk ikun hemm applikazzjonijiet aktar prattiċi fir-realtà li jistgħu jtejbu u jimmodernizzaw l-industrija;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw aktar r-rwol li l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi jista' jkollhom fl-organizzazzjoni ta' akkwisti kollettivi tal-fatturi tal-produzzjoni tal-farms, bil-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjati tal-bdiewa vis-à-vis l-industrija fornitriċi;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tinforma aħjar lill-bdiewa u lill-konsumaturi dwar il-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-enerġija, l-ilma, ir-riżorsi naturali tul il-katina tal-ikel, sabiex tnaqqas b'mod sinifikanti l-ħela tar-riżorsi u tal-ikel;

18.

Jagħraf li t-tkabbir sostenibbli huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili tesponina għal xokkijiet f'dawn is-swieq; itenni l-ħtieġa li din id-dipendenza fuq riżorsi li jispiċċaw tiġi sostitwita b'alternattivi robusti biżżejjed, filwaqt li jżomm f'moħħu l-bilanċ bejn iż-żamma tal-produzzjoni tal-ikel u l-promozzjoni tal-ħolqien tal-enerġija;

Enerġija

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu investimenti fl-iffrankar tal-enerġija u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-farms jew fi proġetti ta' sħubija lokali (riħ, xemx, bijogass, ġeotermiku eċċ.) b'enfasi speċjali fuq l-użu tal-iskart u tal-prodotti sekondarji;

20.

Jenfasizza l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, li mhux biss jipprovdi enerġija li tiġġedded iżda jnaqqas ukoll il-pressjoni fuq l-ambjent u huwa sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fil-forma ta' konċentrati minerali; jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li d-demel jiġi kkunsidrat bħala sors tal-enerġija, tirrikonoxxi d-demel proċessat bħala sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fid-Direttiva dwar in-Nitrati;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' appoġġ pubbliku għall-bijomassa u l-agrofjuwils – inkluż il-bijogass – ma jikkontribwixxux għall-kompetizzjoni mhux sostenibbli għar-riżorsi bejn il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija, li għandha tiġi organizzata b'mod sostenibbli;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu fil-ħolqien ta' dħul ġdid għall-bdiewa billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-enerġija u tas-sħana prodotti minn sorsi rinnovabbli tal-biedja fis-sistemi u n-netwerks tal-enerġija privati u pubbliċi;

23.

Iqis li l-miżuri effikaċi għall-iffrankar u l-ġestjoni tal-enerġija fil-farms u dik lokali għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha permezz tal-programmi ta' żvilupp rurali u l-miżuri fakultattivi ta' 'tħaddir' tal-futur tal-PAK;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-ispejjeż tal-enerġija f'sistemi differenti tal-biedja attwali u l-fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni assoċjati, l-industrija tal-ipproċessar u s-sistemi ta' distribuzzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-produttività u mal-output, b'kunsiderazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta' sorsi sostenibbli tal-enerġija biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda;

Prodotti għat-titjib tal-ħamrija u għall-protezzjoni tal-pjanti

25.

Jitlob għal miżuri effiċjenti u inċentivi bħad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba, inklużi tħawwil ta' legumi u newba tal-uċuħ adattati għall-kundizzjonijiet lokali, fir-riforma tal-PAK wara l-2013, minħabba l-effett pożittiv li għandhom fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-ħamrija u l-ilma u l-kapaċità tal-bdiewa li jnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni tagħhom;

26.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu l-investimenti f'biedja ta' preċiżjoni f'lista fakultattiva mifruxa mal-UE kollha ta' miżuri ta' "tħaddir" li għandhom jiġu ppremjati fi ħdan il-PAK peress li dawn il-prattiki innovattivi (bħas-sorveljanza tal-ħamrija bbażata fuq il-GPS) għandhom effetti pożittivi simili fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fuq il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma u fuq il-finanzi tal-bdiewa (bi tnaqqis sinifikanti fl-użu ta' fertilizzanti, prodotti għat-titjib tal-ħamrija, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-pestiċidi li għandhom inaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni għall-bdiewa);

27.

Jenfasizza li l-produzzjoni agrikola tal-UE tiddependi fuq l-importazzjoni tal-fosforit għall-manifattura tal-fertilizzanti, li, fil-parti l-kbira tiegħu, jiġi mill-minjieri ta' ħames pajjiżi madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu – soġġett għal investigazzjoni bir-reqqa tal-użu possibbli tagħhom, it-trattament adegwat ta' sustanzi potenzjalment ta' ħsara u kontrolli stretti - ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti (speċjalment il-fosfat u n-nitroġenu) mill-flussi tal-iskart u, b'mod partikolari, ir-riċiklaġġ tal-iskart bħala parti minn proċess kaskata wara li jintuża għall-produzzjoni ta' enerġija termika; jenfasizza li d-demel likwidu li jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalità imposti bil-liġi fuq il-fertilizzanti u li jkun maħsub għall-ipproċessar għal dak il-fini mhuwiex prodott ta' skart, anki jekk qabel kien ġie ffermentat f'impjant tal-bijogass agrikolu;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aħjar l-impatt tat-telf tal-prodtti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-kompetittività u s-sostenibilità tal-agrikultura Ewropea, b'kunsiderazzjoni partikulari fuq l-adegwatezza tal-prodotti li għadhom disponibbli u l-impatt fuq il-prezzijiet minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta' prodotti li jikkompetu fis-suq;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi biex tiggarantixxi l-vijabbiltà fil-ġejjieni tal-għelejjel minuri tar-raba' u ta' użu minuri, filwaqt li tiżgura l-kompatibbiltà u l-koerenza totali mal-politika agrikola komuni u bl-involviment ta' dawk kollha li għandhom x'jaqsmu mal-katina tal-provvista tal-ikel;

Għalf

31.

Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tressaq minnufih rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-possibilitajiet u l-għażliet għaż-żieda fil-produzzjoni interna ta' għelejjel ta' proteina fl-UE; jenfasizza li filwaqt li ż-żieda tal-produzzjoni interna tal-għelejjel tal-proteina jkollha xi benefiċċji, x'aktarx ma jkollhiex impatt sinifikanti fuq l-importazzjoni tal-għalf minn barra l-UE; jemmen, għaldaqstant, li għandhom jiġu studjati toroq oħra fiż-żmien qasir biex jiġi indirizzat id-defiċit ta' proteina fl-UE, u jirrimarka speċifikament ir-rwol fundamentali tal-importazzjonijiet tas-soja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel żgur li dawn il-miżuri ma jipperikolawx l-għan ewlieni tal-UE tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel f'termini tal-livelli tal-produttività u tal-outputs;

32.

Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri u strumenti adatti fil-PAK il-ġdida biex tingħata għajnuna lil dawk il-bdiewa li jikkoltivaw għelejjel ta' proteina, biex b'hekk jitnaqqas potenzjalment id-defiċit ta' għelejjel ta' proteina tal-UE u l-volatilità tal-prezzijiet filwaqt li jitjiebu wkoll il-prattiki agrikoli u l-fertilità tal-ħamrija;

Żrieragħ

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tar-reviżjoni li ġejja tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji għall-varjetajiet tal-pjanti, iżommu l-possibbiltà għall-bdiewa li jużaw żerriegħa pproċessata u prodotta fl-irziezet kif stipulat fl-Artikolu 14(1) u (2) ta' dan ir-Regolament, minħabba l-benefiċċji ekonomiċi, kulturali u ambjentali u l-kontribut għall-agro-bijodiversità li din il-prattika tista' ġġib; jitlob f'dan il-kuntest għal eżami ġust u bilanċjat kemm tad-drittijiet għat-tkabbir tal-pjanti kif ukoll tar-restrizzjonijiet attwali dwar l-użu taż-żrieragħ miġbura mill-irziezet bl-għan li jittejjeb u jiġi simplifikat il-qafas legali u biex jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-ħtieġa għall-innovazzjoni u l-preservazzjoni u t-tisħiħ tad-diversità tal-ħsad kif ukoll it-titjib tal-għajxien tal-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju;

34.

Jinnota l-importanza ta' proġetti tar-riċerka li jistudjaw it-trobbija tal-varjetajiet tal-pjanti li jżommu l-karatteristiċi tagħhom fit-tul u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw proġetti bħal dawn u jippromwovu miżuri li jħeggu t-tkabbir ta' għelejjel ta' għalf lokali, bħall-qanneb, it-tritkali u s-spring vetch (Vicia Lathyroides), eċċ;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra twaqqaf bank Ewropew għaż-żerriegħa sabiex taħżen u tippreserva l-varjetà ġenetika tal-pjanti, tiġġieled it-telf tal-bijodiversità, u torbot id-diversità tal-għelejjel mal-wirt kulturali tal-Istati Membri;

36.

Jappella, fid-dawl tal-konferenza globali Rio+20 li jmiss, għal inizjattiva ġdida tal-UE dwar il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-kummerċjalizzazzjoni ta' kwalità għall-agrobijodiversità, sabiex jiżdied il-valur miżjud għall-biedja;

Prezzijiet tal-art u kera tal-art

37.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt li l-kera tal-art u ż-żieda fl-ispejjeż għall-akkwist u l-kera tal-art qed ikollhom fuq is-setturi tal-biedja fl-Istati Membri tal-UE;

38.

Jenfasizza li d-drittijiet għall-Ħlas Uniku lill-Impriżi Agrikoli, meta dawn ikunu bbażati fuq valuri storiċi jew meta jkunu kummerċjalizzati mingħajr art, jistgħu jinxtraw bi prezzijiet għoljin minn investituri jew spekulaturi għall-finijiet ta' introjtu kostanti minflok għall-biedja attiva; jinnota li t-tgħawwiġ maħluq jaġixxi bħala spiża sostanzjali tal-fatturi tal-produzzjoni u jservi bħala barriera għad-dħul ta' bdiewa ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri u r-reġjuni jiżguraw li r-riforma tal-PAK tindirizza kif xieraq dawn il-problemi, u li d-drittijiet għall-ħlas ikunu disponibbli għall-bdiewa kollha għall-finijiet tal-produzzjoni attiva;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-impatt tal-użu tal-art għall-iżvilupp tal-infrastruttura, djar u żoni ta' lqugħ fuq l-ispejjeż tal-impriżi agrikoli;

Ilma

40.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem, bħala parti mir-riforma tal-PAK u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, lejn sistemi tal-irrigazzjoni u tal-iskular u tal-ħżin tal-ilma għall-agrikoltura li jużaw l-ilma b'mod aktar effiċjenti u li jinkludu titjib fil-kapaċitajiet ta' ħżin tal-ilma fil-ħamrija, il-ġbir tal-ilma f'żoni nexfin u skular tal-ilma f'inħawi mxarrba, bħala mezz biex jitnaqqas l-użu tal-ilma ħelu kif ukoll bħala prekawzjoni kontra l-bidliet fit-tendenzi ta' xita minħabba t-tibdil fil-klima;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur soluzzjonijiet għall-problemi tal-iskular tal-ilma li jqisu fatturi bħal xita qawwija, art baxxa u ilma qiegħed;

42.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, għall-effett pożittiv li l-biedja ta' preċiżjoni għandha fuq l-użu tal-ilma (permezz tal-monitoraġġ tal-istat tal-ħamrija permezz tal-GPS u tat-tbassir tat-temp) u jitlob li l-investimenti f'dawn is-soluzzjonijiet u f'soluzzjonijiet innovattivi oħra li jnaqqsu l-użu ta' fatturi tal-produzzjoni bħall-ilma, il-fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkunu jistgħu jiġu koperti bl-alternattivi ta' "Tħaddir" tal-PAK futura;

43.

Jistieden lill-Kummissjon u lill-Istati Membri jtejbu l-ġestjoni u l-allokazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-ilma u biex isaħħu l-agroekosistemi u l-agroforesti multifunzjonali;

44.

Jitlob għal appoġġ akbar għat-taħriġ tal-bdiewa fil-ġestjoni effiċjenti tal-ilma u l-irrigazzjoni, inkluż strumenti prattiċi għall-ħżin tal-ilma u miżuri għall-prevenzjoni tat-telf ta' nutrijenti jew tas-salinizzazzjoni, kif ukoll titjib fl-ipprezzar tal-ilma u fl-iskemi ta' amministrazzjoni tal-ilma fil-livell lokali u reġjonali sabiex tingħata għajnuna biex jiġi evitat li jinħela l-ilma u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni fit-tul, il-verifika tal-pajpijiet tal-ilma għandu wkoll ikun inkoraġġit biex jiżgura li l-tnixxija tal-ilma ma jkollux impatt sinifikanti fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni u kwalità tal-prodott;

*

*           *

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0297.

(2)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0006.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0084.

(5)  http://www.oecd.org/dataoecd/38/10/48224529.pdf.

(6)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database.

(7)  http://ec.europa.eu/research/agriculture/conference/pdf/feg3-report-web-version.pdf.

(8)  http://agrienv.jrc.ec.europa.eu/publications/pdfs/LIFS_final.pdf.

(9)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.


Top