Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0002

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ( 8 - 9 ta' Diċembru 2011 ) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta' Jannar 2012 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ( 8 - 9 ta' Diċembru 2011 ) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali ((2011/2546(RSP))

ĠU C 227E, 6.8.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 227E, 6.8.2013, p. 1–1 (HR)

6.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 227/1


L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2012
Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali

P7_TA(2012)0002

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2012 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali ((2011/2546(RSP))

(2013/C 227 E/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro fis-9 ta' Diċembru 2011,

wara li kkunsidra s-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiskali (1),

wara li kkunsidra s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar unjoni ekonomika msaħħa,

wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f’isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu dwar il-grupp ta’ ħidma ad hoc,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jesprimi dubji rigward il-ħtieġa ta’ tali ftehim intergovernattiv, li l-biċċa l-kbira tal-objettivi prinċipali tiegħu jistgħu jintlaħqu aħjar u b'mod aktar effikaċi permezz ta' miżuri skont id-dritt tal-UE, bil-għan li tiġi pprovduta reazzjoni soda, urġenti u sostenibbli għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u l-kriżi soċjali li hemm bħalissa f’ħafna Stati Membri tal-UE; madankollu, jibqa’ lest li jaħdem lejn soluzzjonijiet kostruttivi;

2.

Jafferma l-appoġġ tiegħu għas-sottomissjoni magħmula lill-grupp ta’ ħidma ad hoc mill-Membri maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti biex jirrappreżentaw lill-Parlament; jiddispjaċih mill-fatt li sa issa l-abbozz ta’ ftehim internazzjonali tal-10 ta’ Jannar 2012 ma jirriflettix il-proposti tal-Parlament; jinnota l-appoġġ min-naħa ta' ħafna Stati Membri għal xi wħud mill-proposti li għamel il-Parlament fil-laqgħa tat-12 ta' Jannar 2012; se jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ladarba jkun irċieva l-abbozz finali mistenni fit-18 ta’ Jannar 2012;

3.

Jinsab konvint għalkollox li huwa biss permezz tal-użu tal-metodu tal-Komunità li l-Unjoni Monetarja tista’ tevolvi f’unjoni ekonomika u fiskali ġenwina; ifakkar li l-UE hija proġett politiku ibbażat fuq valuri komuni u istituzzjonijiet komuni b’saħħithom u fuq l-osservanza ta’ regoli komuni;

4.

Jinsisti wkoll, b’mod partikolari, li:

il-ftehim il-ġdid għandu jagħraf b’mod espliċitu l-primat tad-dritt tal-UE fuq id-dispożizzjoni tiegħu;

il-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tal-ftehim għandhom jittieħdu skont il-proċeduri relevanti li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati tal-UE;

il-ftehim irid ikun konformi mat-termini tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċifri li jinsabu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u jekk Partijiet Kontraenti jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal miri li ma jaqblux mad-dritt tal-UE, dan irid isir permezz tal-proċeduri legali applikabbli tal-UE u m’għandhomx jagħtu lok għal standards doppji;

il-partijiet kontraenti kollha tal-ftehim, il-membri attwali u futuri tal-euro, għandu jkollhom l-istess dritt li jipparteċipaw fil-laqgħat għolja dwar l-Euro;

l-obbligu demokratiku tal-għoti ta’ rendikont irid jiġi ggarantit billi jiġi msaħħaħ l-involviment kemm tal-Parlament Ewropew u kemm tal-parlamenti nazzjonali, fil-livelli rispettivi tagħhom, fl-aspetti kollha tal-koordinazzjoni u l-governanza ekonomiċi Ewropej;

il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew trid isseħħ b’mod li jkun konsistenti mat-Trattati tal-UE, skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattati;

il-ftehim il-ġdid irid ikollu mnaqqax fih, f’sura vinkolanti, impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li s-sustanza tal-ftehim jiġi inkorporat fit-Trattati fi żmien ta' mhux aktar minn ħames snin;

5.

Itenni t-talba tiegħu għal Unjoni kemm ta’ stabbiltà u kemm ta’ tkabbir sostenibbli; jemmen li d-dixxiplina fiskali, għalkemm hija l-bażi għat-tkabbir sostenibbli, weħidha mhijiex se ġġib fis-seħħ l-irkupru u li l-ftehim irid jibgħat messaġġ ċar li l-mexxejja Ewropej se jieħdu azzjoni vigoruża bl-istess qawwa fuq iż-żewġ fronti; jinsisti, għalhekk, li l-ftehim irid jinkludi impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti lejn miżuri li jippromwovu konverġenza aktar mill-qrib u kompetittività aktar qawwija, flimkien ma' proposti għal fond ta' redenzjoni, bonds ta' proġetti, Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji skont il-liġi tal-UE u, filwaqt li jiżguraw id-dixxiplina fiskali, pjan direzzjonali għal bonds ta’ stabbiltà;

6.

Jenfasizza li l-istess argumenti istituzzjonali, legali u politiċi japplikaw għal ftehimiet multilaterali oħra li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, bħalma hu l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew; għalhekk jitlob li jkun involut f’dawk in-negozjati bl-istess mod;

7.

Jirriżerva d-dritt li juża l-istrumenti politiċi u legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddefendi d-dritt tal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari jekk elementi tal-ftehim finali ma jkunux kompatibbli mat-termini tad-dritt tal-EU;

8.

Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha d-dmir li teżerċita għalkollox ir-rwol istituzzjonali tagħha bħala gwardjana tat-Trattati;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


(1)  Regolament dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri COM(2011)0819, u Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, COM(2011)0821.


Top