Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE2096

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta’ governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/35


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta’ governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2013/C 161/06

    Relatur: is-Sur GREIF

    Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta’ governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Frar 2013.

    Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’85 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Sommarju

    1.1

    Il-kriżi finanzjarja issa laqtet ukoll lill-intrapriżi. L-irkupru minn din il-kriżi huwa fl-interess tal-gruppi kollha li tolqot, l-investituri, min iħaddem, l-impjegati, ir-reġjuni (approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati) u jitlob sforzi komuni u għanijiet kondiviżi (bħal pereżempju l-iżvilupp fit-tul tal-intrapriżi), u djalogu soċjali tajjeb fi klima ta’ fiduċja u attitudni pożittiva. Il-KESE jixtieq jagħti spinta lis-sejba ta’ toroq ġodda fil-qasam, anki b’rabta mal-qafas tal-UE tal-governanza korporattiva.

    1.2

    Il-KESE jinsab konvint li l-ġestjoni korprattiva “tajba” u f’dan is-sens ukoll “sostenibbli” għandha tinbena fuq strutturi legali tas-suq intern li diġà huma stabbiliti u fuq prattiki tal-involviment tal-impjegati bbażati fuq l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u, fejn applikabbli, il-parteċipazzjoni.

    1.3

    Is-sostenibbiltà għandha tkun ibbażata fuq rabta bejn l-effiċjenza ekonomika u l-għanijiet soċjali u ambjentali. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn li intrapriża titqies bħala istituzzjoni fejn id-diversi partijiet interessati jaħdmu flimkien u fejn il-partijiet involuti kollha jimmiraw flimkien lejn perspettiva fit-tul għall-intrapriża tagħhom, ifittxu l-kompetittività ekonomika u l-bilanċ soċjali, u jibbażaw l-attivitajiet kollha tagħhom fuq dawn l-aspetti. Il-KESE qiegħed għalhekk jintroduċi djalogu dwar il-kunċett tal-“kumpanija sostenibbli” li jintuża fil-qasam tal-ġestjoni korporattiva. Dan jinkludi fost aspetti oħra wkoll li l-“vuċi” tal-impjegati tiġi rispettata fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-intrapriża.

    1.4

    Abbażi ta’ dan il-kunċett, l-intrapriżi jistgħu jitmexxew tajjeb, madanakollu l-ġestjoni korporattiva tagħhom trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “relazzjoni ġusta” bejn l-impjegati, min imexxi u l-proprjetarji, biex b’hekk jiġi garantit li l-partijiet interessati kollha jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fit-tfassil tal-bidla b’mod immirat u bil-għan li tinsab soluzzjoni għall-problemi, mingħajr ma jindaħlu fid-dritt tat-tmexxija ta’ min imexxi. Fil-fatt, fil-livell nazzjonali u Ewropew diġà jeżisti għadd ta’ strumenti għall-parteċipazzjoni obbligatorja tar-rappreżentanti tal-impjegati, u dawn għandhom jintużaw b’mod effettiv. B’dan il-mod, ir-ristrutturar tal-intrapriżi jista’ jiġi mmaniġġjat u antiċipat aħjar b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi.

    1.5

    Sabiex dan il-mudell ikun jista’ jitqiegħed fil-prattika u jissaħħaħ, il-KESE jitlob li l-politika Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha li tfassal is-suq intern, toħloq l-inċentivi rilevanti u ttejjeb il-qafas legali Ewropew li hemm bżonn għal dan mingħajr ma tmiss il-kompetenzi nazzjonali. Il-KESE qiegħed għalhekk iressaq proposti biex id-dritt fundamentali Ewropew tal-parteċipazzjoni tal-impjegati jiġi implimentat fil-liġi nazzjonali u jitfassal aħjar fil-liġi Ewropea.

    1.6

    Permezz t’hekk il-possibbiltajiet tal-involviment tal-impjegati fl-orjentazzjoni strateġika tal-intrapriżi għandhom isiru element universali tal-liġi tal-kumpaniji, li skont il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea ser tkompli tiġi żviluppata fil-futur qarib. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-involviment obbligatorju tal-impjegati għandhom jiġu kkonsolidati u applikati b’mod ġenerali fil-liġi tal-UE abbażi ta’ standards li diġà ġew stabbiliti, u għandhom jiġu armonizzati b’mod partikolari d-definizzjonijiet tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni.

    1.7

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2013 tirrappreżenta fażi proviżorja ġdida f’dan id-dibattitu. Fost affarijiet oħra hija titlob, b’maġġoranza kbira, qafas legali bi standards minimi tar-ristrutturar sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi u tiġi appoġġjata l-antiċipazzjoni. Din għandha tinkludi obbligi tal-ippjanar strateġiku kif ukoll miżuri ta’ prevenzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, miżuri orjentati lejn iż-żamma tal-impjiegi u l-forza tax-xogħol f’każ ta’ ristrutturar, u dispożizzjonijiet li jorbtu lill-intrapriżi biex f’każ ta’ ristrutturar jikkooperaw b’mod preventiv mal-awtoritajiet reġjonali (b’mod partikolari l-amministrazzjoni lokali u ċ-ċentri tal-impjieg) u mal-katini tal-provvista lokali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Permezz ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jixtieq jenfasizza kif l-intrapriżi u l-investituri jistgħu jaħdmu mal-impjegati tagħhom biex isibu approċċi bilanċjati u sostenibbli biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-Opinjoni tippreżenta wkoll il-kundizzjonijiet qafas soċjali u legali li jeħtieġu dawn l-atturi u l-punti fejn għandu jsir titjib ukoll fil-qafas legali Ewropew għal dan il-għan, b’rispett għad-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-arranġamenti differenti li jeżistu fuq livell nazzjonali.

    2.2

    Il-governanza korporattiva orjentata lejn l-iżvilupp fit-tul hija bbażata fuq djalogu affidabbli bejn min imexxi u l-impjegati li jkun żgurat f’qafas legali. Il-KESE jemmen għalhekk f’kunsens politiku, ankrat fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea, bejn il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili: il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-impjegati fl-attivitajiet ekonomiċi, hekk kif huwa stabbilit f’bosta direttivi Ewropej, huwa element indispensabbli tat-tmexxija ekonomika soċjalment responsabbli. Eluf ta’ partijiet interessati fl-intrapriżi u n-negozji tal-Ewropa, kif ukoll madwar 17 000 parti interessata f’madwar 1 000 kunsill Ewropew tax-xogħlijiet juru li dan il-prinċipju ta’ governanza korporattiva orjentata lejn il-parteċipazzjoni qed jitpoġġa fil-prattika.

    2.3

    Diversi sorsi legali Ewropej minn fażijiet storiċi differenti jirriflettu dan il-kunsens politiku: skont il-liġi tal-UE, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati mhumiex obbligatorji biss fuq livell nazzjonali (1) inkluż fil-qasam tal-SMEs, iżda wkoll fuq livell transnazzjonali (2) fejn il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fuq livell korporattiv hija n-norma fil-kumpaniji Ewropej (SE) u s-soċjetajiet kooperattivi Ewropej (SCE) (3) . Numru ta’ direttivi oħra tal-UE (4) inkluż fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol kif ukoll fil-liġi Ewropea tal-kumpaniji jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Skont l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt fundamentali individwali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni huwa komponent vinkolanti tal-liġi Komunitarja. Għalhekk, mingħajr dubju ta’ xejn il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-impjegati fl-attivitajiet ekonomiċi tagħmel parti mill-qafas legali tad-demokrazija Ewropea.

    2.4

    Fl-interess tas-suċċess ekonomiku iżda anki b’mod partikolari fl-interess tal-koeżjoni soċjali Ewropea, huwa importanti li tissaħħaħ din ir-riżorsa stabbilita u effiċjenti tal-ħajja ekonomika ta’ kuljum bħala mezz biex tingħeleb il-kriżi attwali. L-intrapriżi, li ma jeżistux biss għall-investituri tagħhom iżda għandhom jagħtu kontribut ukoll fis-soċjetà, illum huma esposti għal kundizzjonijiet li saru iktar inċerti:

    Il-ktajjen tal-valur miżjud saru iktar transnazzjonali minħabba s-saħħa kompetittiva neċessarja fis-swieq globali. B’riżultat ta’ dan, it-tmexxija tal-intrapriżi saret iktar diffiċli. Ir-ristrutturar jew ir-rilokazzjonijiet saru iktar diffiċli biex jinftiehmu mill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mill-impjegati.

    Il-finanzjamenti għall-intrapriżi minn investituri purament finanzjarji jsiru l-iktar bil-għan ta’ qligħ fuq perjodu qasir u jillimitaw l-ippjanar fit-tul tal-ġejjieni tal-intrapriżi. Dan jagħmilha diffiċli ħafna għall-mexxejja tal-intrapriżi li jżommu relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u s-sħubija mal-impjegati tagħhom.

    L-għanijiet ambizzjużi relatati mal-klima jeħtieġu innovazzjoni u prodotti u servizzi bażikament ġodda. Dan jitlob ħafna drabi bidla strutturali radikali, li tqiegħed lill-intrapriżi u lill-impjegati kkonċernati f’qagħda stressanti ħafna u tintroduċihom għal kompiti strutturali ġodda.

    Bl-appoġġ tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji u tas-swieq finanzjarji, illum l-intrapriżi jistgħu jiċċaqilqu iktar faċilment lil hinn mill-fruntieri nazzjonali fi ħdan is-suq intern Ewropew. Barra minn hekk, id-drittijiet nazzjonali ta’ parteċipazzjoni fil-korpi tal-intrapriżi u l-prattiki ta’ kooperazzjoni affidabbli jistgħu ma jibqgħux rilevanti jekk ma jkunx hemm impenji simili fuq il-fruntieri nazzjonali.

    2.5

    Dan kollu jenfasizza l-bżonn ta’ azzjoni korrettiva li tmur kontra t-telfa tal-valuri korporattivi minħabba viżjoni fuq perjodu qasir. Hemm bżonn li jiġu identifikati mezzi ta’ kif il-politika Ewropea tkun tista’ tegħleb it-tendenza attwali ta’ trasparenza korporattiva fuq direzzjoni waħda fl-interess tal-azzjonisti permezz ta’ fehim usa’ tal-intrapriża bħala “kumpanija sostenibbli”, li hija fl-interess tal-iżvilupp korporattiv fit-tul (5).

    2.6

    Il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-orjentazzjoni fit-tul, il-governanza korporattiva tajba, il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-kooperazzjoni affidabbli bejn min iħaddem u l-impjegati abbażi tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni obbligatorja, huma parti mill-istess kuntest għall-ġejjieni tal-Ewropa. Il-KESE jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “kumpanija sostenibbli” jiġi stabbilit u msaħħaħ bħala mudell ġdid fil-politika Ewropea. B’hekk għandhom jinfetħu orizzonti ġodda għal-leġislazzjoni, kif ukoll miżuri operattivi u politiċi sabiex il-prattikanti kummerċjali jingħataw il-motivazzjoni u l-orjentazzjoni biex jimplimentaw governanza korporattiva sostenibbli. Għandu jkun hemm ftehim dwar l-elementi tal-“kumpanija sostenibbli”. L-implimentazzjoni konkreta tagħha għandha tikkorrispondi mas-sitwazzjoni rispettiva fl-intrapriża kkonċernata. Din tvarja fil-prattika minn pajjiż għal ieħor.

    3.   Il-mudell tal-“kumpanija sostenibbli”

    3.1

    Permezz tal-mudell tal-“kumpanija sostenibbli” (6), ir-rekwiżiti tal-politika Ewropea kapaċi jiġu ttrasferiti f’metodu komprensiv ta’ governanza korporattiva, fejn il-miri ta’ effiċjenza ekonomika jintrabtu mal-għanijiet soċjali u ambjentali biex jinħoloq kunċett koerenti. Il-mudell tal-“kumpanija sostenibbli” huwa bbażat fuq il-kunċett li l-intrapriżi huma “organizzazzjonijiet soċjali” fejn għandha tiġi rispettata l-“vuċi” tal-impjegati. Id-deċiżjonijiet tal-intrapriżi huma, għaldaqstant, prevedibbli għaż-żewġ naħat, u anke għall-klijenti. Hemm inqas ċans li jiġu affettwati minn interventi esterni mmirati biss lejn stennijiet ta’ qligħ fuq perjodu qasir.

    3.2

    Il-“kumpanija sostenibbli” tista’ tiġi deskritta permezz ta’ dawn l-elementi prinċipali li ġejjin (7):

    1)

    Il-kunċett huwa bbażat fuq approċċ ta’ diversi partijiet interessati: is-sidien ta’ intrapriża jaħdmu ma’ atturi importanti bħall-impjegati jew atturi oħra tar-reġjun li fih topera l-intrapriża.

    2)

    Id-deskrizzjoni tal-għanijiet korporattivi u l-implimentazzjoni tagħhom huma r-riżultat ta’ sforzi konġunti bejn l-impjegati u min imexxi, mingħajr interferenza fid-dritt ġestjonali tat-tmexxija; għalhekk jeżistu forom differenti ta’ involviment li fil-prattika kienu ta’ suċċess.

    3)

    Il-governanza korporattiva hija orjentata lejn perjodu twil. L-għan tal-intrapriża huwa koerenti mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tagħha.

    4)

    Sabiex imexxu “kumpanija sostenibbli”, il-maniġers jeħtieġu stampa sħiħa tal-intrapriża. Ir-rekwiżiti għas-sistema ta’ rappurtar għandhom jinkludu b’mod vinkolanti d-diversi aspetti tal-governanza korporattiva sostenibbli (8).

    5)

    Ir-rimunerazzjoni ta’ min imexxi u tal-eżekuttivi għandha tkun marbuta mal-objettiv li jitwettqu b’suċċess il-miri ta’ sostenibbiltà. Għalhekk, huma inklużi wkoll l-isforzi soċjali, pereżempju l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jew l-opportunitajiet indaqs.

    6)

    Il-“kumpanija sostenibbli” teħtieġ investituri li huma iktar interessati fil-miri ta’ qligħ fuq perjodu twil.

    3.3

    Il-“kumpanija sostenibbli” tista’ topera b’suċċess biss jekk issegwi prinċipju governattiv speċifiku, jiġifieri r-“relazzjoni ġusta”: il-partijiet kollha involuti (min imexxi, ir-rappreżentanti tal-impjegati, l-investituri u r-reġjuni kkonċernati) ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fit-tfassil tal-bidla b’mod immirat u bil-għan li tinsab soluzzjoni għall-problemi mingħajr ma jindaħlu fid-dritt tat-tmexxija ta’ min imexxi. Ir-ristrutturar jista’ b’dan il-mod jiġi mmaniġġjat u antiċipat aħjar b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi.

    3.4

    F’każ ta’ bejgħ u akkwist tal-intrapriżi, dan il-kunċett ta’ “relazzjoni ġusta” jissejjes fuq ftehimiet vinkolanti bejn il-partijiet ikkonċernati dwar prospetti fit-tul tan-negozju kif ukoll id-dimensjoni soċjali li kemm jista’ jkun tiżgura ż-żamma tas-siti u l-impjiegi. F’każ li l-intrapriżi jew biċċiet mill-intrapriżi jinxtraw u jinbiegħu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u fil-każ ta’ ristrutturar, il-punti li ġejjin għandhom iservu bħala bażi:

    kunċett ta’ tmexxija tal-intrapriża u industrijali ċar u bbażat fuq perjodu twil,

    garanziji vinkolanti dwar l-investimenti, iż-żamma tas-siti u l-impjieg,

    fil-każ ta’ ristrutturar, eżaminazzjoni tal-alternattivi kollha sabiex jiġu evitati s-sensji,

    iż-żamma tal-kisbiet soċjali u l-ftehimiet kollettivi li jkunu diġà ntlaħqu,

    il-possibbiltà tal-eżaminazzjoni ta’ jekk il-ftehimiet u l-impenji hux qed jinżammu.

    3.5

    Il-ħolqien tal-“kumpanija sostenibbli” u l-involviment obbligatorju tal-impjegati permezz tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u, fejn applikabbli, il-parteċipazzjoni fil-korpi amministrattivi tal-intrapriża fuq livell nazzjonali u transnazzjonali jmorru id f’id. L-esperjenza f’dan ir-rigward turi wkoll li l-pajjiżi b’ħafna drittijiet ta’ involviment tal-impjegati u relazzjonijiet effettivi bejn l-imsieħba soċjali ħarġu aħjar mill-kriżi reċenti minn pajjiżi oħra. Biex dan il-proċess jintuża għall-iżvilupp korporattiv fuq perjodu twil, hemm bżonn li l-politika Ewropea, fil-qafas tal-kompetenza tagħha li tinfluwenza s-suq intern, toħloq inċentivi xierqa u obbligi legali fil-qafas tal-governanza korporattiva.

    4.   Il-ħtieġa għal azzjoni fuq livell Ewropew – rakkomandazzjonijiet ta’ politika

    4.1   It-tisħiħ tal-qafas legali fil-kuntest ta’ governenza korporattiva sostenibbli

    4.1.1

    Ix-xogħol, l-investimenti u l-intraprenditorija għandhom irendu xieraq fl-Ewropa. Il-“kumpanija sostenibbli” toffri mudell xieraq għal dan. Din issegwi bl-istess mod l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq perjodu twil. Intrapriża bħal din hija mmexxija skont il-prinċipju ta’ “relazzjoni ġusta” fejn il-bidla titqies bħala kompitu korporattiv li jservi ta’ sfida u li jagħti sodisfazzjon u konsegwentement, il-kisbiet soċjali u d-drittijiet tal-impjegati ma jiġux kompromessi.

    4.1.2

    Il-KESE jqis li l-politika Ewropea għandha tkompli ssaħħaħ is-sisien tal-kooperazzjoni bejn l-iktar gruppi importanti tal-ekonomija, u jilqa’ azzjoni ġdida min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tkompli tibni fuq l-istandards li nkisbu sa issa fl-Ewropa fil-qasam tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, id-drittijiet tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom filwaqt li tadattahom għall-kundizzjonijiet attwali tas-suq intern tal-Ewropa. Dan jinkludi wkoll l-inizjattivi leġislattivi għat-titjib tal-bażi tal-implimentazzjoni tal-mudell il-ġdid.

    4.1.3

    L-intrapriżi li jipprattikaw il-prinċipju tar-“relazzjoni ġusta” jistgħu partikolarment jantiċipaw u jfasslu tajjeb il-bidla strutturali. Ekonomikament, għalhekk, jagħmel sens li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-tfassil u l-antiċipazzjoni tal-bidla. Il-qafas legali Ewropew għandu għalhekk jitjieb. B’konformità mal-għan ta’ sostenibbiltà tal-Istrateġija Ewropa 2020, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni bejn il-gruppi l-aktar importanti tal-ekonomija fl-interess tad-demokrazija Ewropea u l-kompetittività effettiva tal-ekonomija Ewropea.

    4.2   Il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet Ewropej tal-parteċipazzjoni tal-impjegati

    4.2.1

    Il-liġi Ewropea tal-kumpaniji qed tkompli tiżviluppa sabiex tkompli ttejjeb il-libertà tal-istabbiliment u l-mobilità tal-intrapriżi fis-suq intern. Kulma jmur, ir-regoli għall-governanza korporattiva qed jitfasslu fil-livell Ewropew. Fil-fehma tal-KESE l-politika Ewropea għandha tagħti l-istess status lill-atturi ekonomiċi rilevanti kollha (l-intrapriżi, l-investituri u l-impjegati) għall-attivitajiet tagħhom fuq livell nazzjonali u transnazzjonali (9). Il-“kontrolli” mħabbra mill-Kummissjoni tad-direttivi Ewropej fil-qasam tal-parteċipazzjoni obbligatorja tal-impjegati m’għandhomx ikunu skuża sabiex ma jitwettqux l-inizjattivi politiċi prinċipali. F’dan il-kuntest, il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Parlament Ewropew li hemm bżonn sforzi politiċi ġodda bil-għan li jissaħħu l-opportunitajiet tal-impjegati li jinvolvu ruħhomfil-post tax-xogħol u fl-intrapriża fuq livell transnazzjonali.

    4.2.2

    F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li hemm bżonn li d-dritt fundamentali Ewropew tal-parteċipazzjoni tal-impjegati jiġi implimentat b’mod iktar effettiv fil-liġi nazzjonali u jitfassal aħjar fil-liġi Ewropea, u li b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-involviment obbligatorju tal-impjegati jiġu kkonsolidati fil-leġislazzjoni Ewropea abbażi ta’ dak kollu li nkiseb diġà (10).

    Il-Parlament Ewropew reċentement ikkummissjona studju li jipproponi li tiġi estiża b’mod ġenerali d-Direttiva qafas tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni (2002/14/KE) biex tinkludi l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati fil-korpi amministrattivi tal-intrapriżi.

    Id-direttivi eżistenti dwar l-involviment tal-impjegati f’każ ta’ trasferiment u akkwist ta’ intrapriżi (11), l-istandards għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (12), dwar it-twaqqif ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (13) u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpaniji Ewropej/s-soċjetà kooperattiva Ewropea (SE/CE) (14) ġew ippublikati f’perjodi ta’ żmien differenti. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi evalwat b’mod serju kemm il-konsolidazzjoni ta’ dawn id-direttivi f’direttiva qafas Ewropea waħda jista’ tal-anqas jiżgura progress lejn standardizzazzjoni tad-diversi definizzjonijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u, fejn applikabbli, tal-parteċipazzjoni fil-korpi amministrattivi tal-intrapriża.

    4.2.3

    Miżuri bħal dawn jistgħu jtejbu l-qafas legali Ewropew. L-investiment, il-produzzjoni u x-xogħol fl-Ewropa jsiru eħfef. Il-KESE jilqa’ għalhekk ferm dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jistenna azzjoni rapida mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġu implimentati dawn il-proposti.

    B’dan il-mod id-drittijiet eżistenti tal-involviment obbligatorju jiġu applikati awtomatikament ukoll b’mod ġenerali fil-qafas tal-leġislazzjoni futura u jkunu jridu jiġu applikati wkoll fil-liġi nazzjonali (15). Dan joħloq iżjed ċertezza legali għall-intrapriżi.

    B’dan il-mod ukoll tista’ tinkiseb il-konsistenza neċessarja fil-liġi Ewropea. Dan minħabba li l-prinċipju tal-involviment tal-impjegati ġie espress f’diversi direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dawn tfasslu f’perjodi differenti u jinkludu definizzjonijiet li jvarjaw minn xulxin ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u, fejn applikabbli, parteċipazzjoni tal-impjegati fil-korpi amministrattivi tal-intrapriżi.

    4.2.4

    Il-KESE huwa favur il-konsolidazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-involviment tal-impjegati fil-leġislazzjoni kollha tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet differenti involuti. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-drittijiet, l-atti legali li ġejjin għandhom jintużaw bħala referenza: id-Direttiva riveduta 2009/38/KE dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u t-tibdil strutturali) u d-Direttiva 2002/14/KE dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpanija Ewropea (b’rabta mal-parteċipazzjoni fil-korpi amministrattivi tal-intrapriżi).

    4.2.5

    Permezz ta’ dawn il-miżuri kollha, il-KESE jħoss li l-liġi Ewropea għandha tiżgura u tikkonsolida d-drittijiet nazzjonali ta’ involviment u d-dispożizzjonijiet Ewropej eżistenti. Dan jikkonċerna partikolarment il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-korpi amministrattivi tal-intrapriżi. Madanakollu, minħabba s-sitwazzjonijiet u l-arranġamenti differenti li jeżistu fuq livell nazzjonali, mhux rakkomandabbli u jista’ jkun kontroproduċenti li jiġi impost mudell Ewropew uniku għall-parteċipazzjoni tal-impjegati.

    Il-liġi Ewropea li tirregola t-trasferiment transkonfinali ta’ uffiċċju reġistrat jew il-fużjonijiet kif ukoll li toħloq tipi ta’ kumpaniji Ewropej, m’għandhiex twassal biex jiġi evitat l-involviment tal-impjegati.

    Jeżistu raġunijiet tajbin għall-introduzzjoni ġenerali tal-parteċipazzjoni obbligatorja tal-impjegati bħala element standard tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji, għalkemm id-diversità tal-liġijiet nazzjonali dwar il-kumpaniji għandha tiġi rispettata.

    4.3   It-twaqqif ta’ standards minimi vinkolanti għar-ristrutturar

    4.3.1

    Fl-isfond tal-pass mgħaġġel tar-ristrutturar (16) u tal-ambjent tal-finanzjament korporattiv li sar aktar aggressiv, il-KESE jemmen li hemm bżonn mezzi innovattivi fil-livell nazzjonali u Ewropew li minn naħa juru li l-Ewropa hija miftuħa u attraenti għall-investituri u min-naħa l-oħra, hekk kif enfasizza l-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar ir-“Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?”, iħejju lill-kumpaniji u lill-impjegati biex jegħlbu l-isfidi ġodda sabiex b’hekk nimminimizzaw il-konsegwenzi soċjali negattivi tal-bidla u nimmassimizzaw il-possibbiltajiet ta’ ristrutturar b’suċċess (17).

    4.3.2

    Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm bżonn ta’ approċċ ġdid sabiex fin-negozji, l-għan tal-ħolqien sostenibbli tal-valur jingħata preċedenza fuq l-għan tal-profitt f’qasir żmien. Sabiex ikun hemm rispons politiku effettiv għall-isfidi tar-ristrutturar hemm bżonn ta’ approċċ integrat li jinvolvi diversi oqsma ta’ politika (pereżempju l-impjieg, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-politika industrijali). Dan għandu jqis l-interessi tal-impjegati fejn dawn jintlaqtu mid-deċiżjonijiet tal-intrapriża. Il-kunċett tal-“kumpanija sostenibbli” huwa bbażat fuq viżjoni fit-tul u jipprovdi l-possibbiltà ta’ risposta prattika għar-rekwiżit li l-politika Ewropea tappoġġja l-intrapriżi fil-ħolqien tat-“tkabbir sostenibbli”.

    4.3.3

    Fil-fehma tal-KESE, l-antiċipazzjoni tal-bidla tista’ sseħħ biss jekk jinħoloq ambjent ta’ fiduċja reċiproka u jekk l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jkunu involuti kif għandu jkun (18). Dan ifisser ukoll li l-impjegati jistgħu jagħtu sehemhom qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-intrapriża billi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u billi jużawhom sabiex jinstabu soluzzjonijiet effettivi għall-problemi fil-kuntest lokali (19). B’rabta ma’ dan, id-Direttiva tal-2009 dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew tippermetti wkoll l-involviment fil-ħin fil-kwistjonijiet transkonfinali.

    4.3.4

    L-approċċ adatt lejn ir-ristrutturar ilu fil-qalba tad-dibattitu fil-livell Ewropew, li fih jipparteċipaw b’mod intensiv, flimkien mal-Kummissjoni, l-imsieħba soċjali Ewropej, il-Parlament Ewropew u l-KESE.

    4.3.5

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2013 tirrappreżenta fażi proviżorja ġdida f’dan id-dibattitu. Fost affarijiet oħra hija titlob, b’maġġoranza kbira, qafas legali bi standards minimi tar-ristrutturar sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi u tiġi appoġġjata l-antiċipazzjoni (20). Din għandha tinkludi obbligi tal-ippjanar strateġiku kif ukoll miżuri ta’ prevenzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, miżuri orjentati lejn iż-żamma tal-impjiegi u l-forza tax-xogħol f’każ ta’ ristrutturar, u dispożizzjonijiet li jorbtu lill-intrapriżi biex f’każ ta’ ristrutturar jikkooperaw b’mod preventiv mal-awtoritajiet reġjonali (b’mod partikolari l-amministrazzjoni lokali u ċ-ċentri tal-impjieg) u mal-katini tal-provvista lokali.

    Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Direttiva 2002/14/KE.

    (2)  Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew.

    (3)  Direttiva 2001/86/KE u Direttiva 2003/72/KE (dwar l-involviment tal-impjegati fil-kumpanija Ewropea u s-soċjetà kooperattiva Ewropea).

    (4)  Fost oħrajn, id-Direttiva 77/187/KEE (sensji tal-massa) u d-Direttiva 2001/23/KE (trasferiment ta’ impriżi).

    (5)  Ara wkoll Barnier, Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi: “Jeħtieġ li nnaqqsu t-tendenzi fuq perjodu qasir li huma ta’ ħsara. Il-governanza korporattiva tajba tista’ tgħin biex jinkiseb dan.” Diskors ta’ merħba fil-11-il Konferenza Ewropea dwar il-Governanza Korporattiva, Varsavja,15.11.2011.

    (6)  Vitols, Sigurt /Norbert Kluge (edituri) (2011), The Sustainable Company: a new approach to corporate governance (“Il-kumpanija sostenibbli: approċċ ġdid lejn il-governanza korporattiva”). Brussell: ETUI.

    (7)  Ara wkoll Vitols, S. (2011): “What is the Sustainable Company?” (“X’inhi l-kumpanija sostenibbli?”), f’Vitols, S. u N. Kluge (edituri): The Sustainable Company: a new approach to corporate governance (“Il-kumpanija sostenibbli: approċċ ġdid lejn il-governanza korporattiva”). Brussell, p. 15-37.

    (8)  Eżempju ambizzjuż huwa r-rapport tal-2011 dwar is-sostenibbiltà ppubblikat minn Volkswagen AG; http://www.volkswagen.de/de/Volkswagen/nachhaltigkeit.html.

    (9)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-futur tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji.

    (10)  Ara wkoll PE (2012) 2061.

    (11)  (Direttiva 2001/23/KE).

    (12)  (Direttiva 2002/14/KE).

    (13)  (Direttiva 2009/38/KE).

    (14)  (Direttiva 2001/86/KE u Direttiva 2003/72/KE).

    (15)  Ara wkoll l-istudju: Relations between company supervisory bodies and the management. National systems and proposed instruments at the EU level with a view to improving legal efficiency. (“Relazzjonijiet bejn il-korpi superviżorji tal-kumpaniji u min imexxi. Is-sistemi nazzjonali u l-istrumenti proposti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza legali”). (Parlament Ewropew (2012) PE 462.454), http://www.europarl.europa.eu/committees/en/juri/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75509.

    (16)  Eurofound 2012 Report from the European Restructuring Monitor (ERM): After restructuring: labour markets, working conditions and life satisfaction (Eurofund 2012 Rapport tal-Immonitorjar tar-Ristrutturar Ewropew: Wara r-ristrutturar: is-swieq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sodisfazzjoni tal-ħajja).

    (17)  Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2012 dwar it-tema “Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?”, (ĠU C 299, 4.10.2012) Punt 1.3.

    (18)  Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2012 dwar it-tema “Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?”, (ĠU C 299, 4.10.2012) Punt 1.3.

    (19)  “European social partners: orientations for reference in managing change and its social consequences” (L-imsieħba soċjali Ewropej: Linji Gwida ta’ referenza għall-ġestjoni tal-bidla u tal-konsegwenzi soċjali tagħha), adottata fis-16 ta’ Ottubru 2003

    http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=2750&langId=en.

    (20)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2013 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, P7_TA-PROV(2013)005.


    Top