Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0781

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011

/* COM/2012/0781 final */

52012DC0781

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 /* COM/2012/0781 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011

1.           Sfond:

1.1.        Introduzzjoni

Skont id-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011[1], dan ir-rapport joffri ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-kisbiet ġenerali tas-Sena Ewropea, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ evalwazzjoni esterna tas-Sena Ewropea[2].

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-direzzjoni futura fil-qasam tal-volontarjat fil-livell Ewropew. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fir-rigward tar-rwol tal-attività ta’ volontarjat fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha ta’ Diċembru 2006 kienet "biex tħabbar Sena tal-Volontarjat, u tippubblika White Paper dwar l-attività tal-volontarjat u ċ-ċittadinanza attiva fl-Ewropa mal-ewwel opportunità li jkollha”.[3]

Twaqqfet alleanza ta’ NGOs li kienu favur l-idea ta’ sena Ewropea tal-volontarjat u tnediet kampanja tas-soċjetà ċivili mmirata lejn in-nomina tal-2011 bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat. Fl-2008, il-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni[4] li tappoġġa l-idea ta’ Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, u b’hekk inħoloq momentum sinifikanti u nibtu aspettattivi kbar.

Fl-2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw il-proposta tal-Kummissjoni biex l-2011 tkun is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet Volontarji li Jippromwovu ċ-Ċittadinanza Attiva (minn hawn ’il quddiem EYV 2011).

Għaxar snin wara s-Sena Internazzjonali tal-Volontarjat tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2001, il-EYV 2011 ġiet fil-mument opportun biex tindirizza l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili u biex timmobilizza lill-partijiet interessati involuti fil-volontarjat fl-Istati Membri, abbażi tat-tema tal-volontarjat bħala espressjoni ta’ parteċipazzjoni ċivika. Din uriet li l-Ewropej għandhom għal qalbhom il-valuri tas-solidarjetà, il-ġustizzja u l-inklużjoni u wriet ukoll li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu l-parti tagħhom biex jippromwovu l-volontarjat.

1.2.        Is-Sena Ewropea 2011 u l-għanijiet tagħha

B’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-EYV 2011 kienet maħsuba biex tinkoraġġixxi l-isforzi li jagħmlu l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex joħolqu kundizzjonijiet aħjar u aktar viżibbiltà għall-attivitajiet volontarji fl-Unjoni Ewropea, billi tpoġġi fil-mira tagħha erba’ għanijiet:

· Li taħdem biex toħloq ambjent li jippermetti li jsir il-volontarjat fl-UE sabiex il-volontarjat jiġi stabbilit bħala parti integrali mill-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika;

· Li tagħti s-setgħa lill-organizzaturi tal-attivitajiet volontarji biex itejbu l-kwalità tal-attivitajiet volontarji;

· Li tirrikonoxxi l-attivitajiet volontarji;

· Li tagħmel lin-nies konxji mill-valur u l-importanza tal-volontarjat.

2.           X’inkiseb permezz tas-Sena Ewropea?

2.1.        Kuntest

Il-EYV 2011 ħabtet f'nofs il-kriżi ekonomika globali. Is-sitwazzjoni pprovdiet xenarju li ġiegħel lin-nies jirrealizzaw l-importanza tas-solidarjetà ankrata fil-komunità u msejsa fuq l-impenn tal-voluntiera individwali, u b'hekk saru aktar miftuħin għall-ideat u l-valuri tal-volontarjat u r-rwol tiegħu fit-trawwim tal-parteċipazzjoni ċivika.

F’dan il-kuntest, il-EYV 2011 enfasizzat il-bżonn biex ikompli jiġi żviluppat volontarjat ta’ kwalità f’qafas legali xieraq. Il-volontarjat ġie rikonoxxut bħala espressjoni ta' solidarjetà fost iċ-ċittadini, li tikkontribwixxi għal soċjetà sana u li tikkontrobilanċja l-esklużjoni soċjali, il-faqar, in-nuqqas ta' tolleranza, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-inġustizzja. F’dan ir-rigward, il-EYV 2011 kienet tkomplija naturali tal-2010, is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

2.2.        Impenn politiku sod

Il-EYV 2011 serviet ta’ katalist għal bidliet politiċi kemm fil-livell Ewropew u kemm fil-livell nazzjonali. Għadd ta’ dokumenti importanti ta’ politika kienu diġà ġew adottati tul is-sena:

Il-Kummissjoni adottat “Komunikazzjoni dwar il-Politika tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali”[5].

Il-Kunsill, taħt il-Presidenza Pollakka, adotta l-Konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-attivitajiet tal-volontarjat fil-politika soċjali[6], kif ukoll dwar ir-rwol tal-attivitajiet tal-volontarjat fl-isport fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva[7].

F’Marzu 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2011[8].

F’Ġunju 2012, il-Parlament Ewropew adotta “Rapport dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE ta’ attivitajiet volontarji transkonfinali"[9].

Fil-livell Ewropew, sett ta' aktar miżuri se jiffaċilita l-volontarjat b'mod ġenerali, u partikolarment il-volontarjat transfruntier:

Is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 (EY 2012) trattat is-suġġett tal-volontarjat permezz tal-promozzjoni tal-volontarjat fost l-anzjani. Waħda mill-azzjonijiet prinċipali tagħha, il-Ġurnata Ewropea tal-Potenzjal tal-Anzjani, stiednet lill-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat biex isibu modi ġodda kif jinvolvu liċ-ċittadini anzjani fl-attivitajiet tal-volontarjat.

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 se tkompli tibni fuq il-kisbiet tal-EYV 2011.

Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin “Żgħażagħ Attivi” u “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi”, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim nonformali u informali[10], biex tingħata importanza lill-ħiliet u l-kompetenzi li ma jinkisbux fl-iskejjel, permezz ta' attivitajiet bħall-volontarjat".

F’livell prattiku, anki l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, jiġifieri folder elettroniku ġdid li bih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jippreżentaw il-profili tagħhom tal-ħiliet u l-kwalifiki, miksubin permezz ta’ tagħlim formali u/jew nonformali, se jkollu dimensjoni ta’ volontarjat.

Il-programmi ta’ finanzjament tal-UE f’oqsma politiki differenti, bħas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) tal-programm Żgħażagħ Attivi[11], il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini[12], u l-programm Grundtvig[13] u l-programm futur Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ u Sport (il-proposta tal-Kummissjoni “Erasmus għal Kulħadd”)[14] se jibqgħu mmirati lejn il-volontiera.

Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (Voluntieri li Jagħtu l-Għajnuna fl-UE) previst fl-Artikolu 214 (5) tat-TFUE, se jitwaqqaf fl-2014 wara tliet snin ta’ miżuri preparatorji[15].

Barra minn hekk, qed jitħejjew inizjattivi biex il-volontarjat jiġi integrat fil-politiki tal-UE, pereżempju l-istrateġija mġedda tal-UE għal bejn l-2011 u l-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva[16].

Fl-istess waqt, il-EYV 2011 irrikonoxxiet il-bżonn ta’ aktar involviment fil-livell nazzjonali. L-ostakoli li jibqgħu għall-volontarjat jistgħu jitneħħew fil-livell tal-Istati Membri. Il-EYV 2011 uriet li, essenzjalment, il-volontarjat huwa fenomenu lokali: ħafna voluntiera huma impenjati f’livell lokali jew reġjonali. Madankollu, waħda mis-sejbiet tal-EYV 2011 hija li l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-volontarjat, bil-ftuħ tal-iskemi nazzjonali tal-volontarjat għall-volontarjat transfruntier.

Il-Korpi ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-EYV 2011 żviluppaw f’netwerk b’saħħtu u, bħala riżultat tal-kooperazzjoni tagħhom, adottaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Varsavja għas-Sostenibbiltà tal-Azzjonijiet dwar l-Azzjonijiet Volontarji u ċ-Ċittadinanza Attiva” fil-konferenza tal-għeluq tas-Sena Ewropea f’Diċembru 2011.

2.3.        Il-ħolqien ta’ ambjent li jiffaċilita l-volontarjat fl-Ewropa

Il-ħolqien ta’ ambjent li jiffaċilita l-volontarjat kien għan partikolarment ambizzjuż tal-EYV 2011. Filwaqt li l-importanza ta’ ambjent li jiffaċilita l-volontarjat kienet rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, kien hemm opinjonijiet differenti dwar kemm ir-regolazzjoni tista’ tipprovdi soluzzjoni għal ambjent imtejjeb. Filwaqt li 12-il pajjiż kellhom qafas legali speċifiku għas-settur tal-volontarjat fis-seħħ fil-bidu tas-Sena Ewropea (BE, CY, CZ, HU, IT, LV, LU, MT, PL, PT, RO, ES), fi 12-il Stat Membru ieħor, is-settur tal-volontarjat kien irregolat permezz ta’ liġijiet ġenerali eżistenti oħra (AT, DK, EE, FI, FR, DE, GR, IE, LT, NL, SE, UK)[17] Tul l-2011 inħoloq għall-ewwel darba qafas legali speċifiku fis-Slovakkja, is-Slovenja u l-Litwanja. Fil-Bulgarija, fl-2011 ġiet elaborata liġi dwar il-volontarjat, li mbagħad ġiet adottata fl-2012. Il-Polonja adottat strateġija ġdida dwar il-volontarjat, l-Awstrija ġeddet il-liġi tagħha dwar il-volontarjat u l-Portugall fassal liġi ġdida biex tiġi adottata fl-2012. Fl-2011 ġiet diskussa l-idea ta’ Karta Ewropea dwar il-Volontarjat, imsejsa fuq approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u mibdija mill-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej.

B’kunsiderazzjoni tal-ammissjoni ta’ voluntiera mhux mill-UE fl-Unjoni Ewropea, fl-2011 il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarji[18].

Is-Sena Ewropea serviet ta’ inkoraġġiment għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-Manwal dwar il-Kejl tax-Xogħol Volontarju, li kien approvat uffiċjalment mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tul is-Sena Ewropea.

Il-Manwal tal-ILO dwar il-Kejl tax-Xogħol Volontarju ta’ Marzu 2011 huwa maħsub biex jiggwida lill-pajjiżi biex jiġġeneraw dejta sistematika u li tista’ titqabbel b’mod internazzjonali dwar ix-xogħol tal-volontarjat permezz ta’ supplimenti regolari għall-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol. L-għan huwa li tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar il-volontarjat u li jiġi stabbilit il-valur ekonomiku tiegħu.

Il-Polonja u l-Ungerija kienu l-ewwel pajjiżi Ewropej li implimentaw il-Manwal tal-ILO fl-2011. L-Italja se tadottah fl-2012, u s-Slovakkja użat il-metodoloġija tiegħu għar-riċerka nazzjonali tagħha, filwaqt li Franza, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, il-Portugall, Spanja u l-Montenegro, li huwa kandidat biex jissieħeb mal-UE, kollha huma interessati li jimxu fuq dawn il-passi.

2.4.        L-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat

Il-EYV 2011 serviet ta’ inċentiv sinifikanti għall-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u biex tissaħħaħ is-sħubija bejniethom. B’mod partikolari, l-Alleanza EYV 2011 kellha rwol importanti fl-iffaċilitar tan-netwerking u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tas-Sena Ewropea u rnexxielha ssemma l-vuċi tas-soċjetà ċivili. L-eżistenza ta’ grupp ġenerali uniku li miegħu setgħu jiġu koordinati l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u l-isforzi politiċi, kienet mezz effiċjenti għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u biex jintlaħqu l-eluf ta’ voluntiera u ta’ voluntiera potenzjali.

Fiż-żmien medju u itwal, ix-xogħol tal-gruppi ta’ ħidma tal-Alleanza EYV 2011 li wassal għall-elaborazzjoni ta’ Aġenda Politika dwar il-Volontarjat fl-Ewropa (P.A.V.E.) tas-soċjetà ċivili, jista’ jkun mistenni li jkun effettiv fit-titjib tal-kwalità tal-ġestjoni tal-volontarjat.

L-Alleanza EYV 2011 twaqqfet fl-2007 bħala grupp miftuħ u informali ta’ netwerks Ewropej, attivi fil-volontarjat biex jaħdmu flimkien fuq il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-EYV 2011. Minn 24 netwerk, f'Lulju 2010, in-netwerk żdied għal 39 netwerk f'Diċembru 2011[19], li jirrappreżentaw madwar 2 000 membru dirett u organizzazzjonijiet imsieħba fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha.

L-għanijiet tal-Alleanza EYV 2011 inkludew l-iżvilupp ta’ Aġenda Politika dwar il-Volontarjat fl-Ewropa (P.A.V.E.) li ġiet ippreżentata uffiċjalment lill-Kummissjoni Ewropea fil-konferenza tal-għeluq tal-EYV 2011, f'Diċembru 2011. Il-ħidma preparatorja, b’mod ġenerali, saret fil-qafas ta’ sitt gruppi ta’ ħidma li ltaqgħu ħames darbiet tul l-2011. Il-P.A.V.E. tipprovdi rakkomandazzjonijiet politiċi mill-komunità tal-partijiet interessati fil-volontarjat għal qafas politiku aktar effiċjenti u effettiv fl-Ewropa biex jappoġġa u jippromwovi l-voluntiera.

2.5.        Ir-rikonoxximent tal-attività volontarja

Ir-rikonoxximent tal-attivitajiet volontarji kien meqjus bħala għan importanti tal-EYV 2011. Dan kien rifless f’għadd kbir ta’ skemi u ċeremonji ta' ppremjar li ġew żviluppati fl-UE kollha bħala rikonoxximent u ringrazzjament lill-voluntiera. Pereżempju, il-Pajjiżi l-Baxxi organizzaw “Ġimgħa ta’ Applaws” u r-Rumanija, l-Ungerija, l-Irlanda u s-Slovenja organizzaw ċeremonji nazzjonali ta’ ppremjar tar-rikonoxximent tal-voluntiera.

L-ewwel konferenza tematika tas-Sena Ewropea kienet iddedikata għat-tema tar-rikonoxximent u l-mekkaniżmi eżistenti għall-promozzjoni tal-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi li jistgħu jinkisbu waqt l-attivitajiet tal-volontarjat. Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass u l-Youthpass huma eżempji ta’ strumenti utli fil-livell Ewropew f’dan il-kuntest.

2.6.        Sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat

Is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat kienet rikonoxxuta bħala għan importanti tal-EYV 2011 fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri. Il-kampanja Ewropea ta’ komunikazzjoni u l-kampanji nazzjonali kkontribwixxew biex jintlaħaq dan l-għan. F’ħafna Stati Membri, il-kampanja Ewropea għenet biex tikkumplementa l-attivitajiet eżistenti ta’ sensibilizzazzjoni bl-għoti ta’ riżorsi addizzjonali.

Barra minn hekk, l-EYV 2011 kellha l-attenzjoni kemm mill-midja miktuba u kemm minn dik elettronika.

3.           Is-Sena Ewropea 2011: implimentazzjoni u attivitajiet ewlenin

Fl-2011, baġit totali ta’ EUR 7 700 miljun appoġġa l-attivitajiet fil-livell Ewropew u fis-27 Stat Membru tal-UE.

Fl-2010 kien hemm disponibbli baġit separat ta’ EUR 2 994 miljun għall-azzjonijiet preparatorji biex tiġi ppjanata kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni għall-EYV 2011 u biex tiġi stabbilita l-istruttura ta' koordinazzjoni li tqarreb lill-partijiet interessati prinċipali fil-livell Ewropew.

3.1.        L-implimentazzjoni tal-EYV 2011 fl-Istati Membri

Sabiex jorganizza l-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sena Ewropea, kull Stat Membru ħatar Korp Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCB), li l-firxa tagħhom uriet id-diversità tat-tradizzjonijiet tal-volontarjat fl-Istati Membri.

In-NCBs ingħataw total ta’ EUR 3 549 miljun biex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-EYV 2011 skont programm nazzjonali ta’ ħidma żviluppat minn kull NCB u approvat mill-Kummissjoni Ewropea. F’kull pajjiż, għal kull ammont li ngħata kellu jingħata tal-inqas 20 % ta' kofinanzjament; xi pajjiżi ħarġu iktar mill-minimu mitlub minnhom.

Fl-Istati Membri, saru ħafna attivitajiet f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi:

· Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni (kampanji ta’ komunikazzjoni, avvenimenti ta’ viżibbiltà, kompetizzjonijiet u ċerimonji ta' ppremjazzjoni, websajts, fuljetti, materjal ta’ promozzjoni, xogħol ta’ midja, netwerking soċjali, eċċ.);

· Dibattiti (konferenzi, seminars, laqgħat, eċċ.);

· Attivitajiet relatati mal-għarfien espert (riċerka, studji, pubblikazzjonijiet, eċċ.).

Il-kampanji nazzjonali ta’ komunikazzjoni ħallew impatt siewi billi kienu mfasslin apposta għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-kooperazzjoni mal-Uffiċċji ta' Rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u man-Netwerk Europe Direct, għenet biex jintlaħaq pubbliku aktar ġenerali. Is-Sena kkumplementat il-programmi nazzjonali eżistenti u l-attivitajiet fil-qasam tal-volontarjat, permezz tal-finanzjament u għenet biex tagħtihom dimensjoni Ewropea.

Inġabru ħafna eżempji ta' prattiki tajba u ta' azzjonijiet innovattivi fil-livell nazzjonali u lokali (għal eżempji ta' prattiki tajba fl-Istati Membri rreferi għall-Anness 1).

3.2.        Proġetti Ewlenin Ewropej

F’Ottubru 2010 ħarġet sejħa għall-proposti għal inizjattivi ewlenin u f’Marzu 2011 intgħażel total ta’ 33 proġett biex jippromwovu n-netwerking u l-innovazzjoni fil-qasam tal-volontarjat. Dan jikkorrispondi għal proġett għal kull pajjiż f’14-il Stat Membru, filwaqt li żewġ proġetti ngħataw il-finanzi fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja, f’Malta, fi Spanja, fil-Polonja u fir-Renju Unit u tlieta fil-Portugall.

Il-baġit allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti ewlenin kien ta’ EUR 1 964 miljun. Il-kofinanzjament tal-Kummissjoni kien limitat għal massimu ta’ 60 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta’ proġett.

Ingħatat prijorità lill-proġetti li kienu qed jittestjaw u jiżviluppaw skemi ġodda u innovattivi u li kienu qed jibnu sħubijiet fuq tul ta’ żmien bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi tas-settur pubbliku involuti fil-volontarjat. Barra minn hekk, ċerti temi ngħataw prijorità, jiġifieri l-volontarjat appoġġat minn min iħaddem, l-iskemi tal-mobbiltà fil-volontarjat għal persuni ta’ kull età b’attenzjoni speċjali fuq iż-żgħażagħ, l-esklużjoni soċjali, u l-volontarjat fost l-anzjani (għal eżempji ta’ proġetti ewlenin li rnexxew irreferi għall-Anness 2).

Għadd ta’ approċċi innovattivi lejn il-volontarjat ġew introdotti permezz tal-proġetti ewlenin Ewropej u nfirxu permezz tas-sħubijiet li ġew stabbiliti permezz tas-sejħa għall-proposti. Madankollu, il-potenzjal tal-proġetti ewlenin mhux dejjem ġie sfruttat fir-rigward tat-tixrid tar-riżultati.

3.3.        Sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE

Għadd ta’ azzjonijiet ippromwovew l-għarfien dwar is-Sena fost il-partijiet interessati rilevanti u l-pubbliku ġenerali.

Dawn l-azzjonijiet kienu magħmulin minn erba’ blokok:

It-Tour EYV 2011:

Ġiet organizzata road-show, bl-isem ta’ Tour EYV, li tivvjaġġa minn kapitali għal oħra tal-Istati Membri kollha. Il-Korpi Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni ntalbu jikkoordinaw mal-komunità lokali ta’ voluntiera u jiżviluppaw il-programm tal-attivitajiet għal meta t-tour jieqaf f’pajjiżhom. L-idea wara dan kollu kienet li għal ftit żmien ix-xogħol tal-volontarjat lokali u nazzjonali jkun il-punt fokali, kif ukoll biex ikun hemm pjattaforma għan-netwerking u l-iskambju tal-aqwa prattiki fost il-partijiet interessati nazzjonali.

It-Tour EYV kellu aktar suċċess f'ċerti pajjiżi milli f’pajjiżi oħrajn. Jidher li l-fatturi li kkontribwew biex dan jirnexxi kienu livell għoli ta’ impenn kemm min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u kemm min-naħa tal-awtoritajiet tal-belt, sentiment ta’ setgħa min-naħa tas-settur tal-volontarjat, pożizzjoni ċentrali u attivitajiet fil-miftuħ li jattiraw lit-turisti. Il-kumplimentarjetà mal-esibizzjoni ta’ programmi oħra tal-UE, pereżempju Żgħażagħ Attivi u Grundtvig u l-kooperazzjoni mar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u n-Netwerks Europe Direct enfasizzaw id-dimensjoni Ewropea.

Il-konferenzi EYV 2011:

It-Tnedija fil-Midja tal-EYV 2011 saret fi Brussell, f’Diċembru 2010, u tul l-2011 ġew organizzati erba’ konferenzi tematiċi f’livell tal-UE.

Fit-8 ta’ Jannar 2011, is-Sena Ewropea tnediet uffiċjalment f’Budapest, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Viviane Reding, waqt konferenza ta’ nofstanhar. Il-Konferenza kienet immirata prinċipalment lejn il-fassala tal-politika fir-rigward tat-tema tar-“rikonoxximent tal-volontarjat”. Staffan Nilson, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien preżenti għal dan l-avveniment.

Fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2011, konferenza tematika ta' jumejn ġiet organizzata flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi Brussell, bil-għan li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet relatati mal-volontarjat min-naħa tal-voluntier individwali. Għal din il-konferenza kien hemm preżenti l-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Viviane Reding u Staffan Nilson, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Fit-3 u l-4 ta' Novembru 2011, saret konferenza ta' ġurnata u nofs bit-tema ta' “L-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet volontarji” f’Ateni, bil-parteċipazzjoni tal-Viċi President Viviane Reding u l-Kummissarju Maria Damanaki u li ffukat fuq il-“kwalità tal-volontarjat”.

Il-konferenza tal-għeluq tal-EYV 2011 saret fit-2 u t-3 ta’ Diċembru 2011 f’Varsavja. Din il-konferenza orjentata lejn il-politika, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Kristalina Georgieva, ħejjiet ix-xena għall-iżvilupp tal-politika u azzjoni kontinwa fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali, bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-volontarjat fis-snin li ġejjin.

Dawn il-konferenzi tematiċi ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-parteċipanti. Skont l-istħarriġ li sar wara l-erba’ konferenzi, maġġoranza kbira ta’ parteċipanti ħassew li l-konferenzi Ewropej kienu siewja jew saħansitra siewja ħafna, u ħassew ukoll li l-effett ta’ netwerking tagħhom kien wieħed importanti.

Il-websajt tal-EYV 2011:

Il-websajt uffiċjali tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-EYV 2011 (www.europa.eu/volunteering) kienet imfassla biex tkun interattiva, parteċipattiva u biex trawwem sens ta’ komunità. Il-kontenut kien provdut – u mtella’ – mir-relays (ara isfel), mill-volontiera li kienu qed jaqsmu l-istejjer personali tagħhom u mill-KNK. Fis-sit kien hemm disponibbli ukoll informazzjoni aktar ġenerika dwar il-volontarjat, xi siltiet mill-midja, rapporti u ritratti tat-Tur EYV 2011.

Il-websajt attirat għadd kbir ta’ nies, madankollu l-evalwazzjoni wriet li setgħet tfasslet b’tali mod li tkun aktar faċli biex tintuża.

Ir-rilej EYV 2011:

Voluntier żagħżugħ intgħażel minn kull Stat Membru biex jagħmilha ta’ rapportatur u biex jipproduċi vidjow u test dwar l-implimentazzjoni tal-EYV 2011 fi Stat Membru ieħor. Il-vidjows ittellgħu fil-websajt ta’ EYV 2011, u ġie kkumpilat film qasir ta’ estratti mill-vidjows finali.

Ir-rapporti tar-rilaj EYV 2011 inqraw minn ħafna utenti tal-websajt iżda, skont l-evalwazzjoni, setgħu ġew integrati aktar mill-qrib mal-attivitajiet l-oħra tas-Sena Ewropea.

3.4.        L-Alleanza EYV 2011

Fl-2010, għotja ta’ azzjoni ta’ EUR 400 000 kienet allokata għall-Alleanza EYV 2011, struttura ta’ koordinazzjoni li qarrbet lin-netwerks u l-organizzazzjonijiet Ewropej prinċipali attivi fil-qasam tal-volontarjat. Websajt: www.eyv2011.eu.

Skont pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni, l-Allenaza EYV 2011 ħadet l-impenn li tikkumplementa l-attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-organizzazzjoni ta' attivitajiet immirati speċifikament lejn l-involviment tal-voluntiera u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u bil-koordinazzjoni ta' sitt gruppi ta' ħidma li x-xogħol tagħhom laħaq il-qofol tiegħu bil-produzzjoni ta' “Aġenda Politika dwar il-Volontarjat fl-Ewropa” (P.A.V.E), kontribuzzjoni prinċipali għas-Sena Ewropea mis-soċjetà ċivili.

4.           Konklużjonijiet

Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat kellha impatt pożittiv fuq id-dinja tal-volontarjat, kemm fil-livell Ewropew u kemm fil-livell nazzjonali. L-għanijiet u l-attivitajiet tas-Sena kienu rilevanti u l-approċċ li kien immirat u orjentat lejn ir-riżultati rnexxielu jwassal biex jintlaħqu l-għanijiet fl-Istati Membri kollha, minkejja li l-impatt tiegħu kien varjat skont is-sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi.

Is-Sena Ewropea ħolqot u tat bidu għal bidliet fl-ambjent tal-volontarjat fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali u wasslet għall-adozzjoni jew il-modifika tal-istrateġiji u l-leġiżlazzjoni tal-volontarjat f'ċerti Stati Membri. Din tat is-setgħa lill-organizzaturi biex itejbu l-kwalità, u jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq oqsma bħall-volontarjat korporattiv u l-volontarjat bħala esperjenza ta’ tagħlim nonformali. Din żiedet ir-rikonoxximent tal-volontarjat permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ inizjattivi u ħolqot għarfien tal-volontarjat u l-valur tiegħu fis-soċjetà permezz tal-midja u l-kampanja ta’ komunikazzjoni Ewropea. L-attivitajiet nazzjonali kellhom effett multiplikatur siewi għal dawn l-attivitajiet fil-livell tal-UE.

Fuq kollox, is-Sena Ewropea kkontribwixxiet għall-iżvilupp ta' netwerks u inizjattivi ġodda. Hija kkumplementat l-attivitajiet eżistenti u enfasizzat id-dimensjoni Ewropea tal-volontarjat.

Il-EYV 2011 ħalliet legat fit-tkomplija tal-attivitajiet u l-istrutturi, li tqiegħdu fis-seħħ fl-2011 u fl-adozzjoni ta’ prattiki tajba li se jġibu bidliet fis-snin li ġejjin.

IL-EYV 2011 instigat l-adozzjoni ta’ ħames dokumenti politiki tal-UE li jittrattaw is-suġġett tal-volontarjat fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, żewġ settijiet ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Rapport mill-Parlament Ewropew[20].

Is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv 2012 żgurat li jkun hemm ċertu segwitu tal-EYV 2011 permezz ta’ xi azzjonijiet speċifiċi. Is-sostenibbiltà se tkun żgurata permezz ta’ sinerġiji mas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013. Bl-organizzazzjoni ta’ serje ta’ snin Ewropej dwar temi relatati maċ-ċittadinanza li jiffukaw fuq diversi aspetti (is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010, is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, is-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 u s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013) il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-kunċett tal-involviment ċiviku fid-dimensjonijiet differenti tiegħu.

ANNESS

ANNESS 1: Il-EYV 2011 f’ċifri

· 27 Stat Membru involut;

· 4 avvenimenti tal-UE ta’ viżibbiltà għolja (Budapest, Brussell, Ateni u Varsavja);

· Għadd kbir ta’ avvenimenti ta’ viżibbiltà organizzati mill-istituzzjonijiet Ewropej, bħat-Tieni Konvenzjoni tal-Volontarjat u l-konferenza tal-partijiet interessati organizzata mill-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament Ewropew u l-Forum “Awtoritajiet reġjonali u lokali fl-azzjoni tul il-EYV 2011” organizzat mill-Kumitat tar-Reġjuni;

· Erba’ seduti ta’ smigħ pubbliċi dwar il-volontarjat organizzati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

· Ħafna attivitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali promossi minn korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni jew mis-soċjetà ċivili fis-27 Stat Membru;

· Baġit totali ta’ EUR 6 021 miljun għall-attivitajiet implimentati fl-Istati Membri;

· Rata medja ta’ kofinanzjament nazzjonali ta’ 41,04 % għall-attivitajiet nazzjonali tas-Sena Ewropea permezz tal-baġits nazzjonali;

· Baġit totali ta’ EUR 3 274 miljun għall-Proġetti Ewlenin Ewropej;

· Rata medja ta’ kofinanzjament ta’ 40,99 % għall-Proġetti Ewlenin Ewropej;

· Baġit totali ta’ EUR 10,694 miljun (baġit tal-UE) + EUR 2 471 miljun (baġit nazzjonali) + EUR 1 342 miljun (kofinanzjament tal-proġetti ewlenin), jiġifieri baġit totali ta’ EUR 14,507 miljun;

· Aktar minn 56 000 viżitatur tul it-Tur EYV 2011;

· 950 workshop u dibattitu dwar il-kwistjonijiet tal-volontarjat u 261 spettaklu kulturali organizzati waqt it-Tur EYV 2011;

· 1 660 organizzazzjoni li pparteċipaw fit-Tur EYV 2011;

· Eluf ta’ artikli stampati/onlajn dwar is-Sena Ewropea u t-Tur EYV 2011;

· 366 172 viżitatur uniku li daħlu fil-websajt tal-EYV 2011, u aċċess ta’ 1 556 miljun paġna;

· Aktar minn 3 880 stampa mtellgħa fuq il-websajt tal-EYV 2011;

· Aktar minn 420 vidjow imtella’ fuq il-websajt tal-EYV 2011;

· Il-vidjows tal-EYV 2011 aċċessati aktar minn 26 000 darba;

· 27 rapport miktub + kronaka ta’ kuljum, stampi u vidjows mir-rapportaturi tar-rilaj tal-EYV 2011 fl-Istati Membri kollha;

· Aktar minn 1,2 miljun viżitatur onlajn tar-rapporti tar-rilaj.

· 2 175 527 siegħa ta’ volontarjat irreġistrati fuq il-websajt tal-Alleanza tal-EYV 2011 www.eyv2011.eu.

Anness 2:       Attivitajiet fl-Istati Membri: eżempji ta' prattika tajba

L-Awstrija

Fis-17 u t-18 ta’ Ġunju, l-organizzazzjonijiet volontarji fl-Awstrija organizzaw għall-ewwel darba Ġurnata Nazzjonali tal-Volontarjat bl-isem ta’ “Tag der freiwilligen Überraschungen”. L-idea kienet li jkun hemm ġurnata ta’ bibien miftuħin biex in-nies jaraw l-attivitajiet volontarji li jsiru fl-Awstrija u biex iċ-ċittadini interessati jitħajru jingħaqdu mal-isforzi u jimpenjaw ruħhom. Ġiet stabbilita bażi ta’ dejta li tippermetti liċ-ċittadini interessati jsibu opportunità biex jagħmlu l-volontarjat skont l-interessi speċifiċi tagħhom jew fil-viċinat tagħhom. Saru aktar minn 600 avveniment fil-pajjiż u aktar minn 10 000 ċittadin ipparteċipaw fl-attivitajiet.

Il-Belġju

Fil-15 ta’ Novembru 2011, voluntiera minn tliet komunitajiet tal-Belġju ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Familja Rjali Belġjana. Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied tal-2011, ir-Re rringrazzja lill-voluntiera tal-involviment tagħhom. Wirja li tesebixxi 52 voluntier daret minn komunità għal oħra fil-Belġju, fejn in-nies jitkellmu bil-Franċiż u tħawlu 76 000 siġra (waħda għal kull abitant) mill-voluntiera fil-komunitajiet li jikellmu bil-Ġermaniż.

Il-Bulgarija

Il-ministeru tal-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport u l-Aġenzija tal-Istat għall-Bulgari li Jgħixu Barra minn Pajjiżhom, organizzaw konferenza f’Bansko bil-parteċipazzjoni ta’ 250 tifel u tifla mill-komunitajiet Bulgari fil-Maċedonja, is-Serbja, l-Albanija, ir-Rumanija, il-Moldova u l-Ukraina. F’din l-okkażjoni tħawlet Foresta ta’ Volontarjat f’Bansko.

Ċipru

Il-waqfa tat-Tour EYV f’Nikosija bejn l-4 u s-6 ta’ April 2011 infetħet mis-Sinjorina Elsie Christofia, il-Mara tal-President tar-Repubblika ta’ Ċipru. L-organizzazzjonijiet tal-voluntiera ppreżentaw l-esperjenza u l-attivitajiet tagħhom f’oqsma bħall-isport, iż-żgħażagħ, il-prevenzjoni tal-abbuż mid-drogi, is-sigurtà fit-toroq u l-għajnuna liċ-ċittadini akbar fl-età. Il-muniċipalitajiet urew eżempji ta’ kif tista’ tgħin lill-oħrajn u x’esperjenza fantastika jista’ joffri l-volontarjat. Il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jagħmlu kors tal-ewwel għajnuna jew li jitgħallmu li jissinjalaw affarijiet bażiċi bil-lingwa tas-sinjali.

ir-Repubblika Ċeka

Fir-Repubblika Ċeka, f’Jannar 2011 tnediet websajt ġdida ddedikata għall-volontarjat u din saret il-websajt nazzjonali għall-organizzazzjonijiet volontarji kollha. F’Novembru 2011, bażi ta’ dejta li telenka l-opportunitajiet tal-volontarjat żdiedet ma’ din il-websajt biex tippermetti lill-organizzazzjonijiet jippubblikaw ir-reklami u lill-voluntiera jfittxu l-organizzazzjonijiet volontarji. Il-EYV 2011 provdiet ukoll l-okkażjoni biex tiġi ppreżentata pubblikazzjoni bi 22 ritratt ta' voluntiera individwali: żgħażagħ, anzjani, irġiel, nisa, gradwati mill-università jew minn edukazzjoni sekondarja, persuni minn bliet kbar jew mill-irħula. Il-pubblikazzjoni kienet biċ-Ċek u bl-Ingliż.

Id-Danimarka

It-Tour EYV fid-Danimarka sar bejn l-1 u t-3 ta’ Awwissu f’tinda fil-pjazza Axel Torv f’Kopenħagen bil-motto “Il-ħafna wċuħ tal-volontarjat” bil-għan li tintwera d-diversità tal-volontarjat fid-Danimarka. L-organizzazzjonijiet tal-volontarjat kellhom l-opportunità jippreżentaw il-proġetti u l-attivitajiet tagħhom. Ipparteċipaw aktar minn 28 organizzazzjoni. Kien hemm wirja ta’ ritratti, spettakli mużikali, kompetizzjoni tal-futbol, xow tal-moda u dimostrazzjonijiet tal-ewwel għajnuna biex jattiraw lill-viżitaturi, u nbena suq fit-tinda għall-organizzazzjonijiet.

L-Estonja

Fl-Estonja, ġie mfassal programm bi prova mifrux fuq xahrejn għall-volontarjat tal-impjegati fis-settur korporattiv u pubbliku biex jintbagħtu voluntiera minn ħames kumpaniji u ħames ministeri ma’ 20 organizzazzjoni mhux governattiva. Il-programm kellu l-għan li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn tliet setturi: voluntiera, NGOs u s-settur pubbliku. B’riżultat ta’ dan, 28 voluntier għamlu madwar 160 u 226 siegħa ta' xogħol ta’ volontarjat. Barra minn hekk, l-NGOs tgħallmu kif jinvolvu lill-professjonisti u l-impjegati saru aktar konxji mill-volontarjat u l-benefiċċji tiegħu. NENO (Network of Estonian Non-profit Organisations – in-Netwerk tal-Organizzazzjonijiet Estonjani li ma Jagħmlux Qligħ) se jikkoordina programm ta' segwitu f'forma xi daqsxejn differenti u ffinanzjat mill-Ministeru Estonjan tal-Intern.

Il-Finlandja

Il-websajt tal-EYV 2011 www.tuntitili.fi tinkludi magna tat-tfittxija biex wieħed isib l-opportunitajiet tal-volontarjat. Aktar minn 120 organizzazzjoni minn setturi differenti taw sehemhom fil-ħolqien tal-bażi tad-dejta tal-magna, li tagħti l-opportunità lill-viżitaturi li jħallu l-informazzjoni personali tagħhom biex jiġu kkuntattjati u jniżżlu wkoll kemm ħin huma lesta li jagħtu fi proġett partikolari. Sa Diċembru 2011, tniżżlu aktar minn 99 000 siegħa. Il-magna tat-tfittxija ġiet irreklamata fir-rivisti, il-libreriji u l-midja soċjali.

Franza

Fi Franza, il-proġett "Action de sensibilisation des jeunes" ġie żviluppat biex iż-żgħażagħ isiru jafu bit-tema tal-volontarjat u biex jiġu mobilizzati. Il-proġett kien ikkoordinat minn grupp ta’ assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta’ ministri Franċiżi. Grupp ta’ ambaxxaturi żgħażagħ, li huma voluntiera, ġie mħarreġ biex jiddiskuti l-volontarjat mal-istudenti. Il-ministri bagħtu ittra lid-diretturi tal-iskejjel, fejn talbuhom jistiednu lil dawn l-ambaxxaturu fl-iskejjel tagħhom. Fl-iskejjel tqassmu gwida għall-istudenti u għad-diretturi tal-iskejjel, kif ukoll fuljett għall-gruppi ta' etajiet differenti. Dan il-proġett laħaq lil madwar 10 000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Il-Ġermanja

Il-proġett internazzjonali "Sieben Brücken, die verbinden" sar f’ħames pajjiżi Ewropej (id-Danimarka, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u l-Ġermanja) b’definizzjonijiet u tradizzjonijiet tassew differenti tal-volontarjat. Dan tfassal mill-Akkademja Soċjali ta’ Potsdam AW SANO, b’kooperazzjoni mal-Ministeru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ. Min-naħa tal-Ġermaniżi, il-proġett involva partijiet interessati fil-volontarjat minn Mecklenburg-Western Pomerania, Brandenburg, Saxony u Bavaria. L-għan ta’ dan il-proġett kien li l-parteċipanti jkunu jistgħu jiltaqgħu f’kuntest Ewropew, li jitgħallmu minn xulxin u jiddiskutu r-rwol li l-involviment ċiviku għandu f’kull pajjiż parteċipanti.

Il-Greċja

Fil-Greċja, ġie deċiż li l-edukazzjoni mhux formali tiġi kkumbinata mas-sistema tal-edukazzjoni formali, billi jinħareġ manwal edukattiv dwar il-volontarjat adattat għall-istudenti fl-iskejjel sekondarji. L-idea wara dan kienet li titrawwem kultura ġdida ta' volontarjat minn stadju bikri fl-iżvilupp taż-żgħażagħ. Il-manwal se jkun disponibbli onlajn u se jitqassam fl-iskejjel. Se jinkludi informazzjoni ġenerali dwar il-volontarjat, in-natura tiegħu, x’inhu l-volontarjat u x’mhux, il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tiegħu, il-motivi għall-volontarjat, l-istorja tal-volontarjat, l-istejjer tal-volontarjat, il-programmi eżistenti tal-volontarjat u spjegazzjonijiet konkreti dwar kif tista’ tippjana u torganizza attività ta’ volontarjat fil-klassi. Dan se jkollu r-ritratti u cartoon.

L-Ungerija

L-inizjattiva fuq skala kbira ta’ ġbir tal-iskart “TeSzedd! Volontarjat għal Ungerija Nadifa", kienet waħda mill-attivitajiet l-aktar viżibbli tal-EYV 2011 fl-Ungerija u kienet organizzata mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali. Aktar minn 160 000 parteċipant irreġistraw fuq il-paġna web. Fil-21 ta' Mejju 2011, diversi gruppi ta' voluntiera lokali naddfu l-ambjent tagħhom bl-għajnuna ta' netwerk ta' koordinaturi fil-kontej. L-individwi, l-organizzazzjonijiet ċivili, il-kumpaniji, il-ministeri, il-gvernijiet lokali u l-istituzzjonijiet ingħaqdu f'madwar 1 500 post fl-Ungerija kollha. B’riżultat ta’ dan inġabru tunnellati sħaħ ta’ skart. Ġiet organizzata kampanja mifruxa mal-pajjiż fuq it-TV, ir-radju, il-gazzetti u l-midja soċjali biex jitħabbar l-avveniment tal-ġbir ta’ skart “TeSzedd!”.

l-Irlanda

L-NCB tal-Irlanda u aktar minn 20 Ċentru tal-Volontarjat flimkien ikkoordinaw in-National Day of Volunteering fit-30 ta' Settembru 2011. L-avveniment ewlieni għal din il-ġurnata kien “knit-a-thon” nazzjonali, fejn eluf ta' voluntiera fil-pajjiż kollu ħadmu xlapi, kpiepel u ingwanti tas-suf għal organizzazzjonijiet tal-karità. L-iskejjel fil-pajjiż involvew ruħhom permezz ta' ġbir ta' fondi u proġetti ta' volontarjat prattiċi. Aktar minn 10 000 voluntier ħadu sehem fil-proġett fil-pajjiż kollu. Il-persunal ta’ negozji fl-Irlanda kollha ddedika l-ħin u l-enerġija fi proġetti ta' volontarjat fin-nazzjon kollu. Ħames kandidati Presidenzjali pparteċipaw f’avveniment f’Dublin. Il-Ġurnata Nazzjonali tal-volontarjat ingħatat ħafna importanza fil-midja stampata, f’dik onlajn u fix-xandir.

L-Italja

Fil-qafas tal-EYV 2011 u ċ-ċelebrazzjoni tal-150 Anniversarju mill-Unifikazzjoni l-Italja, il-proġett CSVnet immira lejn il-koordinazzjoni nazzjonali taċ-ċentri tas-servizzi għall-volontarjat bl-iżvilupp ta' proċess ta' parteċipazzjoni li wassal għall-ħolqien ta' Manifest għall-promozzjoni tal-volontarjat fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjoni ta’ avveniment ta’ viżibbiltà taż-żgħażagħ. Il-proġett u l-istudju “Meta jipparteċipaw iż-żgħażagħ” promossi minn CSVnet u l-Forum Nazzjonali taż-Żgħażagħ, urew li l-mod kif iż-żgħażagħ jirrelataw mal-iskola, ix-xogħol u l-volontarjat għadda minn bidla kostanti u li għalhekk huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ volontarjat għaż-żgħażagħ.

Il-Latvja

Waħda mill-inizjattivi li rnexxew fil-Latvja, bħala parti minn EYV 2011, kienet it-twaqqif ta' “pjattaformi ta' tqarrib” virtwali li jippromwovu l-volontarjat biex irawwem il-kooperazzjoni fost il-voluntiera u “min jipprovdi x-xogħol volontarju”. Wara li ħarġet sejħa miftuħa għal proposti ta’ proġetti, erba’ proġetti ta’ NGOs ġew appoġġati bil-għan li jiġu żviluppati u promossi pjattaformi ta’ komunikazzjoni li jinkoraġġixxu l-volontarjat u jimmotivaw lil diversi gruppi tas-soċjetà, partikolarment liż-żgħażagħ biex jagħmlu l-volontarjat. Il-proġett ipprovda l-opportunità lill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali biex jagħżlu l-voluntiera, kif ukoll lill-voluntiera biex isibu post fejn jagħmlu l-volontarjat. Il-bażi ta’ dejta virtwali ta' postijiet fejn wieħed jista' jagħmel il-volontarjat se tkun disponibbli anki wara l-2011.

Il-Litwanja

Eżempju Litwan li esebixxa l-promozzjoni tal-attivitajiet volontarji f’livell reġjonali kien il-kompetizzjoni l-“Kapitali tal-attivitajiet volontarji”. Ħamest ibliet (Birzai, Alytus, Kedainiai, Siauliai u Palanga) intgħażlu biex ikunu l-Kapitali tal-attivitajiet volontarji għal xahar. Tul il-proġett, ġew organizzati mijiet ta’ avvenimenti li fihom ħadu sehem eluf ta’ nies. L-attivitajiet varjaw minn belt għal oħra u ħadu xejra ta’ azzjonijiet ta’ karità u kunċerti u avvenimenti sportivi, azzjonijiet ta’ ħarsien tal-ambjent, kompetizzjonijiet tal-arti, ħarsien tad-drittijiet tal-annimali u qari ta’ stejjer għat-tfal fil-ġonna pubbliċi u t-twaqqif ta' ċentri lokali tal-volontarjat. L-attivitajiet laqqgħu flimkien lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali, in-negozji u n-nies tal-lokal b’tema komuni fil-fowkus.

Il-Lussemburgu

Fil-Lussemburgu l-"Fête du Bénévolat" li saret f'Schengen, kienet avveniment transfruntier li rnexxa tassew. Bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tas-sħab Franċiżi u Ġermaniżi, l-avveniment irrifletta l-karattru Ewropew tas-sena. L-għan kien li l-voluntiera jiġu rringrazzjati tal-impenn tagħhom għas-soċjetà. Il-qofol tal-ġurnata kien il-preżentazzjonijiet minn timijiet tat-tifi tan-nar u ħaddiema tas-salvataġġ, l-ispettakli mużikali u l-logħob għat-tfal.

Malta

L-aħħar waqfa tat-Tour Ewropew EYV 2011, kienet f’Malta mit-28 ta’ Novembru sal-5 ta’ Diċembru. Għal dan il-għan, ittellgħet tinda fil-Venda l-Qadima fil-Belt Valletta. Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat waqqaf 15-il stand għall-organizzazzjonijiet lokali tal-volontarjat biex ikunu jistgħu jesebixxu l-attivitajiet tagħhom. Kull ġurnata tat-Tour kienet marbuta ma’ tema partikolari, jiġifieri l-ambjent, is-saħħa tal-annimali, l-arti u l-kultura, iż-żgħażagħ, l-isport, l-għajnuna soċjali u umanitarja u s-saħħa.

Il-Pajjiżi l-baxxi

Il-muniċipalitajiet Olandiżi kienu mistiedna jagħtu premju għal attivitajiet volontarji eċċellenti f’erba’ kategoriji, jiġifieri l-Premju tal-Passjoni għall-individwu jew l-organizzazzjoni li l-aktar daħlu b’ruħhom u ġisimhom fix-xogħol tal-volontarjat, il-Premju tal-Innovazzjoni għall-aktar individwu jew organizzazzjoni innovattiva, il-Premju tal-Involviment għall-individwu jew l-organizzazzjoni li rnexxielhom jinvolvu l-aktar nies fil-volontarjat u l-Premju tal-Kompetenza għall-individwu jew l-organizzazzjoni li ħadmu l-aktar fir-rigward tal-iżvilupp tat-talenti. Abbażi tal-għażla fil-livell lokali u reġjonali, ġiet organizzata ċerimonja ta' għoti ta’ premji fl-avveniment tal-għeluq tal-EYV 2011 fis-7 ta’ Diċembru f’Amsterdam, fil-preżenza tal-Prinċipessa Margriet tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-Polonja

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-Proġett Ewropew tal-Kejl tal-Volontarjat u l-Ministeru Pollakk tax-Xogħol u l-Politika Soċjali organizzaw workshop għall-uffiċjali tal-istatistika tax-xogħol u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru f’Varsavja. L-għan tal-workshop kien li l-uffiċjali tal-istatistika jibnu relazzjoni mal-gruppi tas-soċjetà ċivili, biex jitħarrġu fir-rigward tal-metodoloġija fil-Manwal il-ġdid tal-ILO dwar il-Kejl tal-Volontarjat, biex jiddiskutu l-possibbiltà li jiġi implimentat il-Manwal tal-ILO fl-Istati Membri tal-UE u biex tinqasam il-prattika fost il-pajjiżi li bdew jimplimentaw il-Manwal jew li qed jikkunsidraw li jimplimentawh. L-Uffiċċju tal-Istatistika Ċentrali tal-Polonja diġà implimenta l-Manwal tal-ILO.

il-Portugall

Fit-23 u l-24 ta’ Mejju, il-Korp ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali Portugiż għall-EYV 2011 organizza Seminar bit-tema l-“Volontarjat fil-Mediterran – Identità Kulturali” bil-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja, li rrappreżentaw universitajiet differenti u li kienu inkarigati wkoll mill-infrastrutturi tal-volontarjat u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat. L-għan tas-seminar kien li jkun hemm fowkus fuq l-identità kulturali tal-voluntiera (valuri u kunċetti) u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat f’kull pajjiż, kif ukoll l-iskambju ta’ prattiki tajba. Fis-sessjoni tal-għeluq ġie propost dibattitu dwar il-“Volontarjat fiż-żminijiet ta’ kriżi: impatti u sfidi”, mill-Professur Rogério Roque Amaro.

Is-Slovakkja

Ir-road show Slovakk “Caravana” estenda l-idea tat-Tour EYV 2011 għal ħames muniċipalitajiet ta’ reġjuni Slovakki: Košice, Prešov, Žilina, Nitra u Komárno u b’hekk tat liċ-ċittadini fl-ibliet barra Bratislava l-opportunità li jiskopru s-Sena Ewropea u l-għanijiet tagħha, kif ukoll l-opportunitajiet tal-volontarjat fir-reġjun tagħhom. Ħafna NGOs lokali u reġjonali ppreżentaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ stands, stampi, ritratti u vidjows u ddiskutew l-opportunitajiet tal-volontarjat maċ-ċittadini. Ġew organizzati spettakli ta’ żfin u mużika minn gruppi lokali tal-kultura u tal-arti u logħob u ngħataw rigali lit-tfal, saru kwiżżijiet dwar l-UE u l-EYV, u tqassmet informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet, il-programmi, l-inizjattivi u l-punti ta' kuntatt tal-UE. Caravana kkontribwixxa għan-netwerking bejn l-NGOs, min ifassal il-politiki, l-awtoritajiet lokali u l-popolazzjoni u għat-tqarrib tal-kapitali u ż-żoni mbiegħda.

is-Slovenja

Fis-Slovenja, ġie deċiż li t-Tour EYV ma jkunx limitat għall-kapitali, iżda li jsir Tour Sloven taL-Volontarjat f'20 belt differenti tal-pajjiż sabiex il-volontarjat jiġi promoss b'mod wiesa' u biex jiġi inkoraġġut l-involviment fl-attivitajiet volontarji. Ġew organizzati fieri tal-volontarjat biex l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat jingħataw l-opportunità li jippreżentaw ix-xogħol tagħhom. Waqt il-konferenzi, id-diskussjonijiet tal-panil u d-dibattiti ġew koperti temi differenti, partikolarment il-volontarjat taż-żgħażagħ, il-volontarjat korporattiv u s-sensibilizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika dwar l-importanza tal-volontarjat. B’kollox, ipparteċipaw madwar 400 organizzazzjoni tal-volontarjat fl-avvenimenti. It-Tour Sloven ingħata importanza kbira fil-midja nazzjonali u reġjonali u kellu rispons pożittiv mill-pubbliku ġenerali.

Spanja

Fil-kuntest tal-waqfa tat-Tour EYV 2011 f’Madrid, ġiet organizzata l-logħba interġenerazzjonali "Dale color al mundo" bejn il-Kulleġġi u l-Iskejjel Sekondarji u ċ-ċentri għall-anzjani fil-komunità awtonoma ta’ Madrid. L-idea ta' dan kollu kienet li tiżviluppa metodoloġija li tqarreb liż-żgħażagħ u lill-anzjani, biex flimkien jiskopru l-valuri soċjali tal-volontarjat. Fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni, ġie organizzat logħob b’mod parallel għal gruppi ta’ żgħażagħ u għal gruppi ta’ anzjani. Fit-tieni fażi, il-konklużjonijiet taż-żgħażagħ u tal-anzjani nġabru flimkien u wasslu għal konklużjonijiet komuni. Il-proġett ġie żviluppat b’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fi Spanja. Dan ingħata importanza fil-midja Spanjola, inkluż fuq it-televiżjoni nazzjonali.

Ir-Rumanija

Il-Gala Nazzjonali fir-Rumanija għar-Rikonoxximent tal-Voluntiera u l-Proġetti tal-Volontarjat saret fit-12 ta’ Diċembru 2011 fil-Howard Johnson Grand Plaza Hotel f’Bucharest L-avveniment ġie organizzat mill-NCB, il-Volum Federation u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Programmi tal-Komunità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-proċess tal-għoti kien strutturat fi 22 kategorija, abbażi ta' sistema trasparenti tan-nomini tal-voluntiera u l-proġetti tal-voluntiera għal attivitajiet implimentati tul l-2011. L-organizzaturi rċevew aktar minn 200 proposta u nofshom intgħażlu minn qabel u ġew mistednin għaċ-ċerimonja. Ġiet maħtura ġurija indipendenti biex tagħżel lir-rebbieħ. Il-fuljett “Stampa ta’ Voluntier” ġie ppubblikat, fejn kien hemm deskrizzjoni tal-finalisti u l-attivitajiet tagħhom li ġew premjati. L-avveniment ingħata importanza mill-midja.

L-Isvezja

Madwar 100 000 ruħ żaru l-Fiera tal-Ktieb Annwali ta’ Göteborg (bejn it-22 u l-25 ta’ Settembru), fejn l-NCB tal-Isvezja kellu stand tal-wirjiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Madwar 250 ruħ baqgħu biex jisimgħu xi intervisti ma’ seba’ awturi Svediżi famużi li qasmu l-esperjenza tagħhom dwar dak li mmotivahom meta kienu qed jagħmlu l-volontarjat. Il-Fiera tal-Ktieb swiet ta’ opportunità biex tingħata perspettiva differenti ta’ dawn l-awturi. Din tat l-opportunità lill-Bord Nazzjonali għall-Affarijiet taż-Żgħażagħ biex jingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex il-pubbliku ġenerali jagħti kas is-Sena Ewropea tal-Volontarjat.

Ir-Renju Unit

Bħala parti mill-programm ta’ ħidma nazzjonali tar-Renju Unit għall-EYV 11, Volunteering England (VE) kienet ikkummissjonata biex tidentifika, tiżviluppa u taqsam il-prattiki tajba fil-Volontarjat Appoġġat Minn Min Iħaddem (ESV). F’dan il-kuntest, VE waqqfet “hub” onlajn li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-ESV, pereżempju studju ta’ każijiet, riċerka reċenti u lista komprensiva ta’ konsulenti u sensara tal-ESV, kemm stabbiliti u kemm anqas magħrufin. VE talbet lil tliet Ċentri tal-Voluntiera (organizzazzjonijiet lokali li jipprovdu appoġġ għall-infrastruttura tal-volontarjat) jippruvaw sitt metodi ġodda biex iżidu l-volontarjat appoġġat minn min iħaddem. VE rnexxielha tilħaq aktar minn 500 000 ruħ fis-setturi kollha filwaqt li użat iċ-Ċentri tal-Voluntiera individwali biex jippruvaw skemi u ideat ġodda b'aktar reqqa. Ġew organizzati 23 avveniment għal total ta’ 1 700 delegat.

Anness 3:       Proġetti ewlenin Ewropej Eżempji ta’ prattiki tajba

Il-EUR 1 964 miljun alllokati għat-33 proġett ewlieni biex ikopru sa 60 % tal-kostijiet eliġibbli totali fi 23 Stat Membru, trattaw diversi oqsma tas-settur tal-volontarjat. L-attivitajiet ikkonċernaw sitt temi differenti, maqsumin kif ġej:

· 11-il proġett li żviluppaw l-informazzjoni, il-promozzjoni u r-riċerka (stħarriġ, twaqqif ta’ standards tal-kwalità, kompetizzjonijiet kreattivi għall-produzzjoni ta’ materjal awdjoviżiv) dwar il-volontarjat biex jixterrdu l-aħjar prattiki, jiġi ġġenerat aktar interess min-naħa tal-pubbliku u jiżdied l-għarfien dwar il-kwistjoni.

· sitt proġetti ffukati fuq iż-żgħażagħ (sabiex jintbagħtu barra jagħmlu l-volontarjat, biex jissudaw l-għarfien tagħhom u l-motivazzjoni biex jinvolvu ruħhom soċjalment u jipparteċipaw fl-attivitajiet volontarji) jew biex jipperswadu lil persuni aktar anzjani biex iqattgħu aktar ħin ma' ġenerazzjonijiet iżgħar.

· ħames proġetti dwar il-promozzjoni tal-“komunitajiet dinamiċi permezz tal-involviment taċ-ċittadini”, li jappoġġaw l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni żvantaġġati fil-komunitajiet lokali u li jitfgħu dawl fuq ir-rwol soċjali tal-volontarjat, kemm għall-komunità u kemm għall-ambjent;

· erba’ proġetti ffukati fuq is-servizzi soċjali (prevenzjoni ta’ “imġiba perikoluża” u appoġġ tal-volontarjat għal finijiet ta’ integrazzjoni soċjali) u l-volontarjat fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

· erba’ proġetti ffukati fuq ir-riċerka, l-iskambju u t-tixrid tat-teknoloġija, b’fowkus fuq it-tixrid tal-użu tagħha fost il-voluntiera;

· tliet proġetti ffukati fuq il-volontarjat tal-impjegati.

EŻEMPJI TA’ INIZJATTIVI MILL-PROĠETTI EWLENIN

Lelja Ewropea mingħajr aċċidenti – il-15 ta’ Ottubru 2011 Il-voluntiera huma involuti sew fl-attivitajiet soċjali mmirati lejn il-prevenzjoni tal-imġiba perikoluża: il-“Lejla Ewropea mingħajr Aċċidenti” kienet proġett ewlieni kkoordinat mill-Fondazzjoni tas-Sewwieqa Żgħażagħ Responsabbli, tal-Belġju, fis-27 Stat Membru tal-UE tul il-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru 2011. Elf voluntier fl-età ta’ bejn it-18 u d-29 sena ħadu l-impenn li jħeġġu lis-sewwieqa żgħażagħ sħabhom biex isuqu bil-galbu, billi ma jiħdux drogi u alkoħol. L-elf voluntier kienu preżenti f'200 disko madwar l-UE u użaw approċċ rilassat, informali u maħsub għall-pari. Huma ppustjaw l-hekk imsejħa “booths informattivi” fid-daħla tad-disko u talbu liż-żgħażagħ li kienu ħarġu klabbing biex jidħlu għall-isfida: stednuhom jonfħu fil-breathalayzer qabel jitilqu għal għonq it-triq u li jibqgħu f’sensihom tul il-lejla sħiħa bħala sinjal tal-impenn tagħhom. Qabel telqu mid-disko, is-sewwieqa magħżula tħeġġu jagħmlu test tal-alkoħol u/jew tad-drogi ieħor biex jiġi aċċertat li kienu se jsuqu bil-galbu lura lejn id-dar, filwaqt li jkunu ta’ eżempju għal sħabhom u l-persuni tamparhom.

“It-teknoloġija diġitali, għodda utli għall-volontarjat u l-inklużjoni soċjali" Dan il-proġett ewlieni kkoordinat mill-“Banco Informatico, Tecnoloġico e Biomedico” u li sar bi sħubija ma’ erba’ assoċjazzjonijiet u istituzzjoni provinċjali fl-Italja, ikkontribwixxa biex iwessa’ l-aċċess diġitali għal ammont kunsiderevoli ta’ proġetti soċjali. L-imsieħba għamlu sforzi konġunti biex jiġbru t-tagħmir teknoloġiku “li għadda żmienu”, prinċipalment kompjuters u għodod mediċi li għadda żmienhom u li jkunu jridu jintremew, u biex jintużaw biex jiġi aġġornat l-għarfien diġitali f’organizzazzjonijiet volontarji u fost il-persuni żvantaġġati. Din l-inizjattiva ggarantixxiet strumenti diġitali aħjar għal ammont kundsiderevoli ta’ assoċjazzjonijiet u t-titjib tal-“ħiliet diġitali” permezz ta’ taħriġ speċifiku lil persuni li ma tantx jafdaw il-kompjuters jew li rarament jaħdmu bihom, u din iffavorixxiet it-tixrid ġenerali tat-teknoloġija diġitali fis-“settur ta’ bla qligħ”.

Il-moviment tal-voluntiera għall-parks Dan il-proġett li kien ikkoordinat miċ-Ċellola tal-Attivitajiet Alternattivi taż-Żgħażagħ u li involva erba’ organizzazzjonijiet imsieħba mill-Greċja u Ċipru inkluż Ministeru, immotiva lil persuni ta’ kull età li potenzjalment huma interessati li jiġu involuti soċjalment u li jappoġġaw il-volontarjat għal żoni aktar ekoloġiċi. L-inizjattivi, jiġifieri l-konferenzi, il-workshops u r-riċerka kellhom il-għan li jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-azzjonijiet tal-voluntiera għall-parks urbani u l-kwalità tal-ambjent. Il-proġett provda ċertu għarfien xjentifiku ġdid ta' sfond fil-qasam tal-volontarjat għall-parks u l-ispazji ekoloġiċi urbani u suburbani, li żied il-kontribut tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, speċjalment fir-rigward tal-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.

“Aqdi l-belt” “Aqdi l-belt” huwa proġett Portugiż immirat lejn il-persuni bla saqaf u l-gruppi marġinalizzati soċjalment: ħames assoċjazzjonijiet ħadmu tul is-sena biex “jilħqu” lill-gruppi żvantaġġati f'Lisbona billi offrew ħinhom. Il-voluntiera organizzaw diversi ikliet komunitarji, fejn bis-saħħa tax-xenarju informali, innovattiv u akkoljenti offrew l-opportunità unika lil dawn il-persuni li jiżviluppaw relazzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien, inkluż appoġġ emozzjonali, psikoloġiku, spiritwali u prattiku. B’differenza mill-ikliet offruti mill-knejjes u minn assoċjazzjonijiet oħra, fejn in-nies jistgħu jħossuhom imbarazzati jew mhux involuti fuq livell uman, “Aqdi l-belt” ipprovda ikliet komunitarji lill-persuni marġinalizzati u bla saqaf, li jinġabru kull filgħaxija f’postijiet pubbliċi u jistennew l-ikel mogħti mill-organizzazzjonijiet differenti. Għaldaqstant, it-titjib potenzjali min-naħa tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat tal-ħiliet ta’ komunikazzjoni u dawk organizzazzjonali ġew ikkumbinati b’valur miżjud għall-ħajjiet tal-grupp fil-mira.

Ix-xandir u r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-volontarjat Tliet assoċjazzjonijiet (mir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi) immexxijin mill-British CSV (Community Service Volunteers) issieħbu mal-BBC, ix-xandar magħruf internazzjonalment, biex jattiraw imsieħba ġodda u joħolqu netwerk aktar sod ta’ voluntiera, biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi dwar kif jistgħu jilħqu lill-pubbliku permezz tax-xandir. L-aktar kontribut oriġinali tal-proġett irriżulta minn attentat biex il-volontarjat jiġi promoss permezz tax-xandir fuq skala Ewropea. F’konferenza ta' jumejn organizzata f’Settembru 2011, delegati minn ħafna pajjiżi tal-UE ddiskutew kif jistgħu jpoġġu fil-prattika l-aħjar strateġiji biex jiżdiedu l-isforzi biex tiżdied il-viżibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva ġenerali tal-voluntiera potenzjali. Fiċ-ċentru tad-dibattitu kien hemm strateġiji li jippermettu lill-pajjiżi, fejn hemm ftit jew l-ebda tradizzjoni ta’ xandir ta’ azzjonijiet soċjali u/jew ta’ volontarjat, jegħlbu l-akbar ostakoli biex in-nies isiru konxji mill-volontarjat u fl-aħħar mill-aħħar jimmotivawhom biex jinvolvu ruħhom soċjalment. Biex dan il-proċess jitħaffef, is-sejbiet tal-konferenza ntwerew fl-20 Konferenza Annwali Volonteurope, li saret f'Edinburgħ bejn l-20 u t-23 ta' Ottubru 2011.

"Kun volontier …permezz tas-sigurtà fit-toroq Il-mira tal-proġett “Kun volontier! …permezz tas-sigurtà fit-toroq”, li twettaq mill-“Open Youth”, fil-Bulgarija flimkien ma’ żewġ assoċjazzjonijiet Belġjani, muniċipalità Bulgara u l-Ministeru Bulgaru tas-Saħħa, kien li jittestja approċċ lejn l-iżvilupp ta’ mudell Ewropew biex issir għażla infurmata dwar jekk għandhiex tiġi organizzata azzjoni volontarja ta’ darba jew kampanja ta’ volontarjat sħiħa, skont iċ-ċirkostanzi differenti u l-effett mixtieq, abbażi ta’ komunikazzjoni bejn il-pari u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika. Ir-riżultat tal-proġett huwa metodoloġija unika li tista’ tiġi trasferita faċilment fuq livell Ewropew, abbażi ta’ sejbiet reali. Il-proġett ma jindirizzax biss il-mistoqsija “Xi jfisser li tkun voluntier?”, iżda jagħti wkoll tweġibiet konkreti għall-mistoqsijiet aktar importanti. “Għaliex għandek tkun voluntier?” u “Kif tista’ tkun voluntier?” Fost l-oħrajn, il-proġett ipproduċa tliet films qosra animati (li jdumu 29, 51 u 50 sekonda rispettivament, bit-temi: Xiex? Għaliex? Kif?) biex il-messaġġ tal-volontarjat jingħadda b’mod komiku u mhux tas-soltu. Wieħed jista' jarahom fuq il-websajt tal-proġett: http://roadsafetyvolunteers.open-youth.org/index.php?lang=en

Il-valuri u l-attivitajiet tal-volontarjat u l-volontarjat elettroniku Il-proġett tal-“Fondazzjoni ta’ Newerks Tajbin”, li hi Pollakka, flimkien ma' tliet assoċjazzjonijiet Pollakki u istituzzjoni muniċipali, huwa magħmul minn żewġ attivitajiet kumplementari: a) il-kampanja tal-“Valuri prinċipali tal-volontarjat” li tippromwovi diversi forom ta’ volontarjat u li toħloq kuxjenza dwar il-valur tal-volontarjat sabiex tinqered l-idea limitata u negattiva tal-volontarjat fil-Polonja. b) kompetizzjoni Ewropea “Skopri l-volontarjat elettroniku” organizzata fuq skala Ewropea u ffukata fuq il-promozzjoni ta' forma speċifika ta' volontarjat, jiġifieri l-volontarjat elettroniku (volontarjat permezz tal-Internet). Il-proġett jimmira li joħloq kuxjenza dwar il-valur tal-volontarjat, billi jippromwovi l-varjetà tal-attivitajiet tal-volontarjat u jinkoraġġixxi lis-soċjetà ċivili biex tibbenefika mit-tipi ġodda ta' volontarjat (speċjalment il-volontarjat elettroniku) sabiex dawn jingħataw is-setgħa, jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u jtejb’ l-kwalità tal-volontarjat innifsu. Il-proġett jinkludi wkoll riċerka dwar diversi formon u valuri tal-volontarjat u ġabra ta’ stejjer reali minn volontiera bħa;a mod interattiv u innovattiv ta’ ffilmjar u promozzjoni tal-istejjer dwar il-volontarjat: l-utenti tal-websajt tal-proġett (www.tojestwolontariat.pl) jistgħu jtellgħu l-films qosra tagħhom.

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 37/2010/KE dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011) tas-27 ta’ Novembru 2009, ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43-49.

[2]               Evalwazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, Deloitte, Ġunju 2012.

[3]               L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-attività ta’ Volontarjat: ir-rwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha; SOC/243-EESC 1575/2006.

[4]               Dikjarazzjoni bil-Miktub fl-okkażjoni tan-nomina tal-2011 bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat, tad-9.4.2008.

[5]               Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali”, COM(2011) 568 finali tal-20.09.2011.

[6]               Council Conclusions on the role of voluntary activities in social policy of 3 October 2011;

[7]               Council Conclusions on the role of voluntary activities in sport in promoting active citizenship of 28 and 29.11.2011;

[8]               Opinion of the European Economic and Social Committee on the "Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions – Communication on EU Policies and Volunteering: Recognising and Promoting Cross-Border voluntary activities in the EU" of 28 March 2012, SOC 431-CESE 824/2012;

[9]               Rapport dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE ta’ attivitajiet ta’ volontarjat transkonfinali” tat-12 ta’ Ġunju 2012, il-Parlament Ewropew, A7-0166/2012/P7_TA(2°12)0236;

[10]             COM(2012) 485 tal-5.9.2012.

[11]             Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.11.2006, ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30-44;

[12]             Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12.12.2006, ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32-40;

[13]             Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.11.2006, ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45ff.

[14]             Erasmus għal Kulħadd Il-Programm tal-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport, COM (2011) 787 finali tat-23.11.2011.

[15]             COM(2012) 514 tad-19.09.2012.

[16]             Strateġija mġedda tal-UE għal bejn l-2011 u l-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, COM(2011) 681 finali tal-25.10.2011.

[17]             Volunteering in the European Union, Studju tal-Kummissjoni Ewropea - DG EAC, GHK, 2010.

[18]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarji, COM (2011) 587 finali tat-28.09.2011.

[19]             AGE, AEVSO, AVSO, Caritas Europe, COFACE, CVA, CSR Europe, ENGAGE, in-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus, in-Netwerk Euclid, Eurodiaconia, EAPN, CEDAG, ENGSO, iż-Żgħażagħ ENGSO, ESAN, AEGEE, CEV, YFJ, ICYE, ISGF, Johanniter International, MHE, is-Salib l-Aħmar, il-Pjattaforma Soċjali, SOLIDAR, ALDA, CESES, EUCIS-LLL, EFIL, FEBA, EURAG, EJJO, ENNA, IPPF EN, ISCA, WAGGS, WOSM, Volonteurope.

[20]             Għar-referenzi ara n-noti f’qiegħ il-paġna 5-9.

Top