This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0660
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Report assessing the implementation and the impact of the measures taken according to the Directive 2009/16/EC on port State control
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
/* COM/2012/0660 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port /* COM/2012/0660 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni u
l-impatt tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva 2009/16/KE dwar
il-Kontroll tal-Istat tal-Port (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. DAĦLA Wieħed mill-aktar elementi importanti
tas-sikurezza marittima huwa l-Kontroll tal-Istat tal-Port (Port State Control
- PSC) li jista' jiġi ddefinit bħala l-ispezzjoni ta' vapuri barranin
f'portijiet nazzjonali oħra sabiex jiġi vverifikat li l-kompetenza
tal-kaptan u l-uffiċjali abbord, il-kundizzjoni tal-vapur u t-tagħmir
tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet internazzjonali
u li l-bastiment huwa mmaniġġat u mħaddem skont il-liġi
internazzjonali applikabbli. Ir-reġim tal-PSC tal-UE huwa bbażat
fuq id-Direttiva 2009/16/KE[1],
li fasslet mill-ġdid u rinfurzat il-leġiżlazzjoni
preċedenti f’dan il-qasam li ġie introdott fl-1995. Ir-reġim
tal-UE huwa bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel
tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (PMoU).
L-Istati Membri kostali kollha tal-UE kif ukoll il-Kanada, ir-Russja,
il-Kroazja, l-Islanda u n-Norveġja huma membri tal-PMoU. Il-Kummissjoni u
l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) jaħdmu
mill-qrib mal-PMoU. Id-Direttiva 2009/16/KE introduċiet
reġim ġdid ta' spezzjoni (New Inspection Regime - NIR) għall-PSC
mill-1 ta' Jannar 2011. Minbarra l-azzjonijiet meħuda
mill-Istati Membri, id-Direttiva ġiet implimentata fil-livell tal-UE
permezz tat-twaqqif ta' sistema għar-rapportar tar-riżultati ta'
spezzjonijiet tal-PSC (il-bażi tad-dejta THETIS). Is-sistema THETIS
ġiet żviluppata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-EMSA,
l-EMSA tħaddem is-sistema THETIS f’isem il-Kummissjoni. Id-Direttiva 2009/16/KE tipprovdi
għal bosta rekwiżiti ġodda fil-qasam tal-PSC kif ukoll għal
kriterji komuni u proċeduri armonizzati għall-kontroll tal-vapuri u
timmira għall-ispezzjoni tal-vapuri kollha, skont il-profil ta' riskju
tagħhom, sabiex il-vapuri li jirrappreżentaw riskju akbar jiġu
spezzjonati aktar ta' spiss. Fl-Artikolu 35 huwa previst li
l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
sat-30 ta’ Ġunju 2012, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u
b'mod partikolari dwar l-issodisfar tal-impenn ġenerali ta' spezzjoni
tal-Komunità u l-impenn min-naħa ta' kull Stat Membru (l-Artikoli 5,
6, 7 u 8). L-Artikolu 35 jesiġi wkoll li l-Kummissjoni tirrapporta
dwar l-għadd ta' spetturi tal-PSC f'kull Stat Membru, l-għadd ta'
spezzjonijiet imwettqa u jekk jitqies bħala neċessarju, min-naħa
tal-Kummissjoni, li tipproponi Direttiva ta' emendar jew
leġiżlazzjoni ulterjuri f'dan il-qasam. 2. Metodu ta' evalwazzjoni L-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati
Membri tikkonsisti f’implimentazzjoni legali, operazzjonali u teknika. ·
L-implimentazzjoni legali tinkiseb permezz
tat-traspożizzjoni formali tad-Direttiva u tal-infurzar
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta. ·
L-implimentazzjoni operazzjonali tintlaħaq
billi jiġi żgurat li l-vapuri kollha li jżuru l-portijiet u
l-ankraġġi fi ħdan l-UE jkunu spezzjonati regolarment u billi
jiġu segwiti l-proċeduri u r-rekwiżiti tad-Direttiva. ·
L-implimentazzjoni teknika tinvolvi t-twaqqif u
tħaddim tal-bażi tad-dejta THETIS u l-infrastruttura tal-kompjuter
meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar
iż-żjarat tal-vapuri[2]
meħtieġa mill-Artikolu 24 tad-Direttiva. Biex tabbozza dan ir-rapport, il-Kummissjoni
talbet lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar
it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni nkarigat l-EMSA biex twettaq sensiela ta’ spezzjonijiet
fl-Istati Membri sabiex jgħinuha fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni
tad-Direttiva. 3. Tibdiliet introdotti permezz
tad-Direttiva 2009/16/KE. Id-Direttiva 2009/16/KE introduċiet
it-tibdiliet ewlenin li ġejjin fir-reġim tal-PSC tal-UE: 3.1. Kopertura sħiħa ta’
spezzjoni Id-Direttiva 2009/16/KE tistipula li huma
spezzjonati l-bastimenti kollha li jikkwalifikaw li jżuru l-portijiet
tal-UE, dan jitbiegħed mir-rekwiżit preċedenti (skont id-Direttiva 95/21/KE
kif emendata) li kien jesiġi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-PSC
jispezzjonaw 25 % tal-vapuri individwali li jżuru l-portijiet
tagħhom. Taħt l-NIR, l-immirar isir permezz ta' skema elaborata
tal-Profili tar-Riskju ta’ Vapuri individwali (Ship Risk Profiles - SRPs). Kull
vapur huwa deżinjat bħala ta' “riskju għoli”, “riskju baxx” jew
“riskju standard”. Il-frekwenza tal-ispezzjoni tiddependi fuq
l-SRP: ·
għandhom jitwettqu spezzjonijiet
perjodiċi fuq vapuri ta' “riskju għoli” kull 5-6 xhur, ·
għandhom jitwettqu spezzjonijiet
perjodiċi fuq vapuri ta' “standard riskju” kull 10-12 xhur/-il xahar u ·
għandhom jitwettqu spezzjonijiet
perjodiċi fuq vapuri ta' "riskju baxx" kull 24-36 xahar. Meta vapur partikolari isir eliġibbli
għal spezzjoni (pereżempju fil-każ ta' vapuri ta' riskju
standard, 10 xhur wara l-aħħar spezzjoni) skont il-frekwenzi
stabbiliti hawn fuq, il-vapur jiġi deżinjat bi status ta'
Prijorità II u jista' jiġi spezzjonat. Meta l-limitu ta' żmien
ibbażat fuq l-SRP jiskadi (fil-każ ta' vapuri ta' "riskju
standard", 12-il xahar wara l-aħħar spezzjoni), dan isir vapur
ta’ Prijorità I u għandu jiġi spezzjonat. L-SRP huwa stabbilit billi jitqiesu
7 kriterji, dawn huma (i) it-tip ta’ vapur, (ii) l-età tal-vapur, (iii)
il-bandiera (Lista Sewda, Griża jew Bajda kif iddefiniti fil-PMoU) (iv)
l-organizzazzjoni rikonoxxuta, (v) il-prestazzjoni tal-kumpanija, (vi)
l-għadd ta' nuqqasijiet irreġistrati waqt kull spezzjoni li tinvolvi
l-vapur fis-36 xahar preċedenti u (vii) l-għadd ta’ detenzjonijiet
fis-36 xahar preċedenti. Ikunu jistgħu jitwettqu tliet tipi ta'
spezzjoni, "inizjali", “aktar dettaljata" jew
"estiża". Bħala regola, vapuri b’riskju għoli
jgħaddu minn spezzjoni estiża filwaqt li vapuri ta' riskju standard u
riskju baxx jgħaddu minn spezzjoni inizjali jew aktar dettaljata. 3.2. Prestazzjoni tal-Istat
tal-Bandiera Wieħed mill-kriterji li jiddetermina
l-SRP ta' bastiment huwa l-prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Ir-Regolament
tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010[3]
tat-13 ta’ Settembru 2010 jimplimenta l-Artikolu 10(3)
tad-Direttiva 2009/16/KE fir-rigward tal-kriterji tal-Istat tal-bandiera.
Taħt din is-sistema, l-Istati tal-bandiera jiġu kklassifikati f’listi
suwed, griżi jew bojod, abbażi tal-ispezzjonijiet u detenzjonijiet
totali ta' vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom u li joperaw
fir-reġjun tal-PMoU fuq perjodu ta’ tliet snin. Il-klassifikazzjoni hija
aġġornata kull sena. 3.3. Prestazzjoni tal-Kumpanija Il-parametru tal-prestazzjoni tal-kumpanija
(li ma ġietx ikkunsidrata taħt ir-reġim ta’ spezzjoni
preċedenti) huwa bbażat fuq l-għadd ta' spezzjonijiet,
detenzjonijiet u nuqqasijiet irreġistrati kontra vapuri li jappartjenu
lill-istess kumpanija [responsabbli għall-Ġestjoni Internazzjonali
tas-Sikurezza (International Safety Management - ISM) tal-vapur]. Il-kumpaniji
jistgħu jiġu kklassifikati bħala: “Għolja”, “Medja”,
“Baxxa” u “Baxxa ħafna”. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE)
Nru 802/2010[4]
tat-13 ta' Settembru 2010 ġie adottat sabiex jistabbilixxi
l-kriterji li bihom hija stabblita l-prestazzjoni tal-kumpanija. L-effettività
operazzjonali ta' dan ir-Regolament fil-preżent qiegħda tiġi
vvalutata. 3.4. Informazzjoni dwar
il-ħinijiet attwali tal-wasla u tat-tluq ta’ vapuri li jżuru
l-portijiet u l-ankraġġi tagħhom Id-Direttiva tipprovdi li l-bażi
tad-dejta THETIS tirċievi informazzjoni dwar iż-żjarat ta'
vapuri mis-sistema SafeSeaNet li tippermetti l-ippjanar u l-ipprogrammar ta’
spezzjonijiet tal-PSC. Din il-karatteristika ma ġietx ipprovduta
mill-bażi tad-dejta preċedenti tal-ispezzjonijiet (SIRENAC).
SafeSeaNet ġiet stabbilita[5]
bħala pjattaforma Ewropea ċentralizzata għal skambju ta' dejta
marittima li permezz tagħha l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja u
l-Islanda, ikunu jistgħu jipprovdu u jirċievu l-informazzjoni dwar
il-vapuri, iċ-ċaqliq tal-vapuri, u l-merkanziji perikolużi. L-importanza ta' din il-karatteristika
għar-reġim ġdid tal-PSC hija kritika peress li l-ippjanar
għall-impenn ta' spezzjoni tagħhom u l-konformità miegħu
mill-Istati Membri huma bbażati fuq għarfien immedjat u komplet tal-informazzjoni
tal-SRP ta’ vapuri li jżuru l-portijiet tagħhom. 3.5. Spezzjonijiet fuq
ankraġġi Element ieħor ġdid introdott permezz
tad-Direttiva 2009/16/KE huwa li l-vapuri jistgħu jiġu
spezzjonati f'ankraġġ fejn isseħħ "interfaċċja
vapur/port". Dan jesiġi arranġamenti u riżorsi addizzjonali
għall-ispezzjoni. 3.6. Ċaħda ta'
aċċess Skont id-Direttiva 2009/16/KE ir-regola
taċ-ċaħda ta’ aċċess (projbizzjoni) għal
detenzjonijiet multipli ġiet imwessa' biex tinkludi l-Istati tal-bandiera
fil-lista griża u t-tipi ta' vapuri kollha. L-NIR jipprovdi li jekk vapur
"fil-lista s-sewda" li jtajjar bandiera ikun ġie miżmum
għal aktar minn darbtejn fis-36 xahar preċedenti, dan se jkun
ipprojbit. Fil-każ ta’ vapur "fil-lista l-griża" li jtajjar
bandiera, jekk ikollu aktar minn żewġ detenzjonijiet fl-24 xahar
preċedenti dan se jwassal biex ikun ipprojbit ukoll. Taħt
l-arranġamenti ġodda tal-PSC, huma introdotti termini minimi ta'
projbizzjoni: 3 xhur għall-ewwel projbizzjoni, 12-il xahar
għat-tieni projbizzjoni u 24 xhar għat-tielet projbizzjoni.
It-tielet projbizzjoni tista' titneħħa biss jekk ikun hemm konformità
ma' ċerti kondizzjonijiet u l-ispezzjoni mill-ġdid titwettaq waqt
il-perjodu ta' projbizzjoni ta' 24 xahar. Kwalunkwe detenzjoni wara t-tielet
projbizzjoni twassal biex il-vapur ikun ipprojbit b'mod permanenti minn
kwalunkwe port fi ħdan l-UE. 4. IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 4.1. Implimentazzjoni legali -
Traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Id-Direttiva 2009/16 daħlet
fis-seħħ fis-17 ta' Ġunju 2009; L-Istati Membri
kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2011. Stati Membri mhux kostali ma kinux obbligati
li jittrasponu d-Direttiva. Is-Slovakkja biss implimentat id-Direttiva[6], erba’ Stati Membri
(l-Ungerija, il-Lussemburgu, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka) ddikjaraw
formalment li ma kinux se jittrasponuha. Fost it-23 Stat Membru, madwar nofshom biss
innotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni kollha tagħhom, bejn
wieħed u ieħor, fil-ħin – jiġifieri fi żmien 3 xhur
mid-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni. Ir-riżultat kien li l-NIR
ma setgħax jipproduċi l-effetti sħaħ tiegħu
mill-1 ta’ Jannar 2011. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta'
ksur kontra l-Istati Membri kollha li ma kinux ikkonformaw mal-iskadenza
tat-traspożizzjoni u issa kważi nkisbet it-traspożizzjoni
sħiħa. Is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa qed
janalizzaw il-miżuri nnotifikati għall-konformità mal-liġi
tal-UE. Barra minn hekk, l-EMSA bdiet twettaq aktar żjarat fl-Istati
Membri biex tivverifika l-implimentazzjoni (madwar 5 żjarat
fis-sena). 4.2. Miżuri ta'
traspożizzjoni, leġiżlazzjoni tal-UE Minbarra r-Regolamenti tal-Kummissjoni[7] adottati fir-rigward
tal-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera u l-kriterji tal-prestazzjoni
tal-kumpaniji tal-Profil tar-Riskju ta’ Vapur, ġie adottat wkoll
ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2010[8] tal-20 ta’ Mejju 2010
li jimplimenta l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/16/KE dwar l-elementi
li għandhom jiġu vverifikati waqt spezzjoni estiża. 4.3. Implimentazzjoni operazzjonali L-NIR għandu l-għan li jelimina
t-tbaħħir substandard billi tiżdied il-frekwenza tal-ispezzjoni
ta’ vapuri substandard, filwaqt li jnaqqas il-frekwenza tal-ispezzjoni ta'
vapuri ta' kwalità. Dan jesiġi sistema ta' appoġġ informattiv
(THETIS) li mhux biss tiġbor u xxerred dejta relatata nal-PSC iżda
tinkludi wkoll il-kapaċità li tikkalkula l-kriterji meħtieġa
biex jiggwidaw l-immirar tal-PSC fl-Istati Membri minn tali dejta. Is-sistema
SafeSeaNet tipprovdi lil THETIS bl-informazzjoni kollha tal-wasla u tat-tluq
tal-vapuri fil-portijiet tal-UE u l-ankraġġi. 4.4. Implimentazzjoni teknika Qabel l-1 ta' Jannar 2011,
l-EMSA organizzat kampanja ta' sensibilizzazzjoni biex tiżdied
il-familjarità mal-obbligi l-ġodda tar-rapportar fi ħdan l-Istati
Membri u fl-industrija. Interfaċċja teknika bejn
iż-żewġ sistemi (THETIS u SafeSeaNet), li ppermettiet
r-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar iż-żjarat tal-vapuri
f'THETIS, kienet fis-seħħ sa Novembru 2010. THETIS kienet operazzjonali
bis-sħiħ fil-15 ta’ Diċembru 2010. Qabel din id-data,
l-EMSA pprovdiet taħriġ għall-utenti THETIS. Wara l-bidu tal-operazzjonijiet THETIS
(l-1 ta' Jannar 2011), ġie stabbilit helpdesk u minn dakinhar
dan qiegħed jipprovdi appoġġ u assistenza teknika
għall-utenti THETIS. Fl-2011, waslu total ta' 2331 talba b'ħin
medju biex tiġi indirizzata talba ta’ 1.3 sigħat. Waqt l-ewwel trimestru tal-2011,
il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew l-implimentazzjoni
nazzjonali tagħhom tas-sistemi ta' żjarat fil-portijiet. Sabiex
tivvaluta l-kompletezza tal-informazzjoni dwar iż-żjarat tal-vapuri
irreġistrata f'THETIS fl-2011, l-EMSA wettqet eżerċizzju ta'
tqabbil taż-żjarat tal-vapuri fejn ġew imqabbla l-għadd ta'
żjarat irreġistrati f'THETIS, fis-SafeSeaNet u fil-Lloyd’s List
Intelligence (fornitur ta' servizz kummerċjali). Ġew innutati
s-sejbiet li ġejjin: ·
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew
l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-interfaċċja THETIS -
SafeSeaNet waqt l-ewwel trimestru tal-2011. Għalhekk minn April 2011 'il
quddiem, ġiet innutata prestazzjoni aktar konsistenti dwar it-trasferiment
ta' informazzjoni lil THETIS mis-SafeSeaNet għall-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri; ·
Il-Finlandja lestiet l-implimentazzjoni nazzjonali
tal-interfaċċja THETIS-SafeSeaNet f'nofs Ġunju tal-2011; ·
Sa tmiem l-2011, ir-Renju Unit kienu għadu ma
lestiex l-implimentazzjoni nazzjonali tiegħu tal-interfaċċja
THETIS – SafeSeaNet. Konsegwentement, l-informazzjoni tar-Renju Unit dwar
iż-żjarat tal-vapuri li hemm f'THETIS għall-2011 hija limitata
biss għal entrati li ddaħħlu manwalment u ma tirriflettix
is-sitwazzjoni reali. 5. KWISTJONIJIET PRINĊIPALI
FL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA Dan ir-rapport janalizza u jivvaluta
l-kwistjonijiet li ġejjin f'iktar dettall. 5.1. L-impenn kumplessiv ta'
spezzjoni mill-UE Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva
2009/16/KE, kull Stat Membru għandu jikkonforma mal-impenn annwali ta’
spezzjoni billi: (a)
jispezzjona l-vapuri kollha ta’ Prijorità I li
jżuru l-portijiet u l-ankraġġi tiegħu, kif ukoll (b)
iwettaq għadd ta' spezzjonijiet
(Prijorità I u Prijorità II) kull sena, li jikkorrispondu mill-inqas
għas-sehem tiegħu tal-għadd totali ta’ spezzjonijiet li
għandhom jitwettqu annwalment fi ħdan l-UE u r-reġjun tal-PMoU. L-għadd ta' spezzjonijiet li
għandhom jitwettqu minn awtoritajiet nazzjonali (is-sehem ġust)
jinkiseb skont il-mekkaniżmu interim stabbilit mill-PMoU.
Mill-1 ta’ Jannar 2014 din l-informazzjoni se tkun kompletament
bbażata fuq l-informazzjoni fil-bażi tad-dejta THETIS.
It-Tabella 1 fl-Anness tippreżenta s-sehem ta’ spezzjoni ta’ kull Stat
tal-PMoU għall-2011. Abbażi tal-informazzjoni li tinsab
fil-bażi tad-dejta THETIS il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li
kumplessivament intlaħaq l-impenn ta’ spezzjoni. 5.2. Il-konformità ta' Stat Membru
mal-impenn annwali ta’ spezzjoni u analiżi tal-implimentazzjoni
tal-Artikoli 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2009/16/KE Filwaqt li l-Artikolu 5 tad-Direttiva
2009/16/KE jistipula l-impenn ta’ spezzjoni, l-Artikoli 6, 7 u 8 jipprovdu
għal modalitajiet ta' konformità għall-Istati Membri. 5.2.1 Impenn ta' spezzjoni u
spezzjonijiet ta' Prijorità I maqbuża(Artikolu 6) L-Artikolu 6 tad-Direttiva fih
dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri li jonqsu milli
jwettqu l-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(a) (l-ispezzjoni
tal-vapuri kollha ta' Prijorità I li jżuru l-portijiet u
l-ankraġġi tagħhom). Stat Membru f'din is-sitwazzjoni
jikkonforma mal-impenn tiegħu sakemm tali spezzjonijiet maqbuża ma
jissuperawx: (a)
5 % tal-għadd totali ta' spezzjonijiet
ta' Vapuri ta' Riskju Għoli (High Risk Ships - HRS) ta' Prijorità I u (b)
10 % għal vapuri oħra ta'
Prijorità I li jżuru l-portijiet u l-ankraġġi. Fl-2011, 12-il[9]
Stat Membru (minn 22) tal-UE[10]
kienu f'din is-sitwazzjoni. It-Tabella 2 tippreżenta l-impenn u
l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri li għalihom
japplika l-Artikolu 6. Bħala osservazzjoni preliminari l-Kummissjoni
tinnota li filwaqt li ntlaħaq l-impenn kumplessiv ta' spezzjoni, jidher li
jeżistu għadd ta' problemi ta' implimentazzjoni f’xi Stati Membri li
jeħtieġu li jiġu indirizzati. L-għadd ta’ spezzjonijiet ta’
Prijorità I maqbuża f'xi Stati Membri jagħti lok għal
tħassib partikolari. 5.2.2 L-għadd Totali ta'
żjarat ta' Prijorità I jaqbeż is-sehem ta' spezzjoni tal-Istat
Membru (Artikolu 7.1) L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva
jikkonċerna l-hekk imsejħa Stati Membri “mgħobbija
żżejjed”, fejn l-għadd ta' żjarat ta' Prijorità I
jaqbeż is-sehem ta’ spezzjoni. Fl-2011, 5[11]
Stati Membri tal-UE kienu f'din is-sitwazzjoni. F’dan il-każ, fl-Artikolu
huwa previst li Stat Membru jitqies bħala konformi mal-impenn tiegħu
jekk: (a)
l-għadd ta' spezzjonijiet ta' Prijorità I
imwettqa minn dak l-Istat Membru jikkorrispondi mill-inqas għas-sehem ta’
spezzjoni, u; (b)
l-Istat Membru ma jaqbiżx aktar minn 30 %
tal-għadd totali ta’ vapuri ta’ Prijorità I li jżuru l-portijiet
u l-ankraġġi tiegħu. It-Tabella 3 tippreżenta l-impenn u
l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa minn dawn l-Istati Membri
"mgħobbija żżejjed". F'dan ir-rigward il-Kummissjoni
tinnota mill-ġdid l-għadd ta' spezzjonijiet ta' Prijorità I
maqbuża. 5.2.3 L-għadd totali ta'
żjarat ta’ Prijorità I u ta’ Prijorità II huwa inqas mis-sehem
ta' spezzjoni tal-Istat Membru (Artikolu 7.2) L-Artikolu 7(2) jikkonċerna l-hekk
imsejħa Stati Membri "mhux mgħobbija biżżejjed",
fejn l-għadd totali ta' żjarat ta' Prijorità I u
Prijorità II huwa inqas mis-sehem ta’ spezzjoni. Fl-2011, 5[12] Stati Membri tal-UE kienu
f'din is-sitwazzjoni. F'dan il-każ l-Istat Membru għandu jitqies
bħala konformi mal-impenn tiegħu meta: (a)
jispezzjona l-vapuri kollha ta’ Prijorità I, u
(b)
jispezzjona mill-inqas 85 % tal-vapuri ta'
Prijorità II. It-Tabella 4 tippreżenta l-impenn u
l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa minn dawn l-Istati Membri "mhux
mgħobbija biżżejjed". F'dan ir-rigward il-Kummissjoni
tinnota li dawn l-Istati Membri wettqu l-impenn meħtieġ ta'
spezzjonijiet ta' Prijorità I u li kważi kollha wettqu l-għadd
meħtieġ ta' spezzjonijiet ta' Prijorità II. Fir-rigward tal-ispezzjonijiet ta'
Prijorità I maqbuża identifikati hawn fuq, il-Kummissjoni/l-EMSA se
jaħdmu mal-Istati Membri kkonċernati biex janalizzaw
ir-raġunijiet għal dawn il-problemi billi jitqies l-addattament
għall-NIR. Kull Stat Membru irid iwettaq l-għadd ta’ spezzjonijiet
assenjati lilu, inkella jkun mhedded il-prinċipju ta' sehem ġust. 5.2.4 Posponiment ta’ spezzjonijiet
u cirkostanzi eċċezzjonali (Artikolu 8) Fl-Artikolu 8(1) huwa previst li l-Istati
Membri jitħallew jipposponu t-twettiq ta' spezzjoni ta' Prijorità I
jew sal-wasla li jmiss tal-vapur fl-istess Stat Membru (sakemm
iż-żjara tkun fi żmien 15-il jum u dak il-vapur ma jżurx
kwalunkwe port ieħor fl-UE) jew sa port ieħor tal-UE (sakemm
iż-żjara tkun fi żmien 15-il jum, u dak l-Istat fejn jinsab
il-port li jmiss ikun aċċetta li jwettaq l-ispezzjoni). Fl-2011, 190 talba bħal din ġew
irreġistrati f'THETIS minn 18-il Stat Membru. 153 (80.5 %) minn
fost dawn it-talbiet kienu aċċettati mill-Istati Membri
riċeventi u tlestiet l-ispezzjoni. Barra minn hekk, fl-Artikolu 8(2) huma
previsti ċirkostanzi eċċezzjonali fejn spezzjonijiet ta' Prijorità I
maqbuża jistgħu jkunu ġġustifikati. Dawn
iċ-ċirkostanzi jseħħu meta, fil-fehma tal-awtorita
kompetenti, it-twettiq tal-ispezzjoni tista' toħloq riskju
għas-sikurezza tal-ispetturi, tal-vapur, tal-ekwipaġġ, tal-port
u l-ambjent tal-baħar, u meta ż-żjara tal-vapur issir biss matul
il-lejl. Mill-1614-il spezzjoni ta' Prijorità I
maqbuża ġġustifikati rreġistrati f'THETIS fl-2011
mill-Istati Membri tal-PMoU, 121 (7.5 %) kienu attribwiti
għar-riskju, 582 (36 %) kienu relatati ma' żjarat tal-vapuri bil-lejl,
799 (49,5 %) kienu attribwiti għal żjarat ta' żmien qasir
f'ankraġġ u 112 (7.0 %) minħabba “inkorrettezza teknika ”.
L-"inkorrettezza teknika" ġiet introdotta fil-fażi inizjali
tat-tħaddim tat-THETIS għal problemi relatati mal-introduzzjoni
gradwali tas-sistema u/jew raġunijiet oħra mhux stabbiliti. Din
l-opzjoni ma teżistix iżjed. 5.3. L-għadd u t-tip ta'
spezzjonijiet li għandhom jitwettqu It-Tabella 5 tipprovdi
rappreżentazzjoni grafika tax-xejriet fuq it-tipi ta' spezzjonijiet
(Inizjali – Aktar Dettaljata – Estiża) fir-reġjun tal-PMoU tul
il-perjodu 2009-2011. L-għadd ogħla ta' spezzjonijiet estiżi
jissuġġerixxi li taħt l-NIR jitwettqu kontrolli aktar fil-fond. 5.4. L-għadd ta' Spetturi
tal-PSC f'kull Stat Membru L-Artikolu 4 tad-Direttiva jesiġi li
l-Istati Membri ikollhom awtoritajiet kompetenti xierqa bl-għadd
meħtieġ ta’ spetturi kkwalifikati għall-ispezzjoni ta' vapuri.
It-Tabella 6 turi l-għadd ta' spetturi tal-PSC f'kull Stat Membru.
Iċ-ċifri jvarjaw bejn l-Istati Membri billi mhux kollha huma karigi
bl-ekwivalenti ta' waħda full time. Il-Kummissjoni tinnota li, b'mod
ġenerali, l-Istati Membri għandhom għadd xieraq ta’ spetturi
biex iwettqu l-ispezzjonijiet meħtieġa. 5.5. Ċaħda ta'
aċċess Matul l-2011, 18-il ordni ta' ċaħda
ta' aċċess kienu imposti mill-Istati Membri tal-UE. Minn 18, 16 kienu
imposti għal detenzjonijiet multipli, 1 għal nuqqas ta' żjara
fit-tarzni indikati għat-tiswija, u 1 minħabba detenzjoni mhux
rispettata[13]. 5.6. Spezzjonijiet
fl-ankraġġi Fid-Direttiva 2009/16/KE huwa previst li
vapur jista' jiġi spezzjonat f'ankraġġ fi ħdan
il-ġurisdizzjoni tal-port. It-Tabella 7 fl-Anness tipprovdi
informazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit fl-2011. Ta'
tħassib partikolari f'ċerti Stati huwa l-livell għoli ta'
spezzjonijiet ta' Prijorità I maqbuża fl-ankraġġi. Din
il-kwistjoni trid tiġi ċċarata mal-Istati Membri. 5.7. Problemi/kwistjonijiet li
tqajmu mill-Istati Membri Bħala parti mill-evalwazzjoni
tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri fejn
stiednet lill-awtoritajiet nazzjonali biex jindikaw nuqqasijiet jew titjib
possibbli fid-Direttiva. Bosti Stati Membri użaw din il-possibbiltà. Il-punti ewlenin li tqajmu kienu: ·
Id-Direttiva tippermetti li spezzjonijiet ta'
Prijorità I ikunu posposti f'ċirkostanzi eċċezzjonali; din
il-possibilità ma teżistix għal spezzjonijiet ta' Prijorità II
li mhumiex obbligatorji. Madankollu jekk Stat Membru "mhuwiex mgħobbi
biżżejjed" fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jkollu
(fil-fatt) jittratta spezzjonijiet ta' Prijorità II bħala
obbligatorji. Bosta Stati Membri qed jitolbu li l-possibbiltà li jiġu
posposti l-ispezzjonijiet tkun applikata wkoll għall-ispezzjonijiet
"obbligatorji" ta' Prijorità II. ·
L-Artikolu 8(3)(b) jippermetti li
tinqabeż spezzjoni f'ankraġġ jekk iż-żjara tal-vapur
hija "qasira wisq". L-Istati Membri talbu li din il-possibbiltà
tiġi estiża għall-portijiet. ·
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/59/KE
jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw servizzi skedati li jsiru bejn
portijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom mir-rekwiżit li
jinnotifikaw l-oġġetti perikolużi jew li jniġġsu li
jinġarru abbord, l-Istati Membri ssuġġerew li din
l-eżenzjoni tkun estiża għall-PSC. ·
L-Istati Membri indikaw li r-rekwiżiti
tad-Direttivi 2002/59/KE u 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien
tal-vapuri għal pretensjonijiet marittimi ma jkunux inklużi fi
ħdan it-THETIS u li dan ikun ikkunsidrat. ·
Fis-sitwazzjoni fejn l-istatus prijoritarju
tal-bastimenti jinbidel waqt li jkunu fil-port, l-Istati Membri pproponew li
THETIS javża lill-Istat ikkonċernat u l-Istat ikollu perjodu ta'
konċessjoni sabiex l-ispezzjoni maqbuża ma tingħaddx kontra
tiegħu. ·
L-Anness III tad-Direttiva jinkludi lista ta'
informazzjoni li għandha tkun ipprovduta fin-notifika tal-wasla ta' vapur.
L-Istati Membri pproponew li r-rekwiżit (f) "data tal-aħħar
spezzjoni estiża fir-reġjun tal-MOU ta’ Pariġi"
jitħassar billi din l-informazzjoni diġà hija inkluża
fit-THETIS. Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina
l-problemi identifikati waqt l-implimentazzjoni kif ukoll kwistjonijiet
enfasizzati mill-Istati Membri u jekk l-emendi
għad-Direttiva 2009/16/KE humiex meħtieġa. B'mod
partikolari, il-Kummissjoni (mal-EMSA) se tara jekk dawn humiex anomaliji
statistiċi relatati mal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni jew huma inerenti
għas-sistema u jekk dawn se jkollhom impatt fuq l-istess Stati Membri kull
sena. 6. KONKLUŻJONIJIET 6.1. L-eżitu tal-azzjonijiet
ta’ implimentazzjoni L-implimentazzjoni tad-Direttiva kienet
tesiġi ħidma u riżorsi finanzjarji sostanzjali mill-Istat Membru
u fil-livell tal-UE. B'riżultat ta' din il-ħidma, id-Direttiva,
fil-biċċa l-kbira, ġiet implimentata kmieni fl-2011.
L-impressjoni ġenerali tal-Kummissjoni hija li d-Direttiva qed tiġi
sostanzjalment implimentata. Kwalunkwe nuqqasijiet legali, tekniċi u
operazzjonali identifikati se jkunu indirizzati mill-Kummissjoni meta jasal
il-waqt. 6.2. L-impatt fuq is-sikurezza
marittima, fuq l-effiċjenza tat-trasport marittimu u fuq il-prevenzjoni
tat-tniġġis L-NIR jistabbilixxi kopertura sħiħa
ta’ spezzjoni fuq vapuri li jżuru l-portijiet u l-ankraġġi
tal-UE u sistema bbażata aktar fuq ir-riskju tal-immirar tal-vapuri
għal spezzjoni filwaqt li informazzjoni fil-ħin reali dwar
iż-żjarat tal-vapuri tipprovdi kapaċitajiet imtejba
għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-vapuri li
għandhom jiġu spezzjonati. Kumplessivament, l-impenn ta’ spezzjoni
għall-Istati Membri tal-UE ġie milħuq. Fl-2011, meta mqabbel
mas-snin ta’ qabel, l-għadd totali ta' spezzjonijiet li għandhom
jitwettqu naqas. Bħala riżultat, saru spezzjonijiet ta' kwalità
ogħla, ikkonċentrati fuq vapuri substandard. Dan ifisser li
r-riżorsi tal-PSC huma kkonċentrati fuq l-ispezzjonijiet fuq
bastimenti ta' kwalità aktar baxxa u li l-ispezzjonijiet imwettqa jkunu aktar
fil-fond. 6.3. Żviluppi fil-futur Kif imsemmi qabel, fid-dawl tal-kwistjonijiet
identifikati matul l-implimentazzjoni u kkomunikati lill-Kummissjoni
mill-Istati Membri, il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa jekk humiex
meħtieġa tibdiliet għad-Direttiva. Fis-snin li ġejjin huwa mistenni li
r-reġim tal-PSC tal-UE ikun adattat għal rekwiżiti futuri li
jistgħu jinqalgħu inter alia minn konvenzjonijiet
internazzjonali meta dawn jidħlu fis-seħħ u jsiru strumenti
rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva 2009/16/KE. Id-dħul fis-seħħ li ġej
tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006) u
d-Direttiva 2009/13/KE[14]
relatata se jkollhom ikunu appoġġati mit-THETIS. Proposta
tal-Kummissjoni biex timmodifika d-Direttiva 2009/16/KE f’dan ir-rigward
bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill[15]. Barra minn hekk, bid-dħul
fis-seħħ tal-Konvenzjoni Konvenzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Ilma
tas-Saborra tal-IMO (BWM 2004) huwa mistenni li l-infurzar jitwettaq
fil-kuntest tad-Direttiva 2009/16/KE u t-THETIS. Anness It-tabelli msemmija fir-rapport* Billi d-Direttiva tirreferi
għar-reġjun tal-PMoU, id-dettalji relatati mal-Istati li mhumiex
Membri tal-UE huma inklużi f'din it-tabella kif xieraq. Tabella 1 – Impenji ta' spezzjoni tal-Istati Membri
tal-PMoU || Żjarat totali ta' vapuri fit-THETIS għall-2011 || Vapuri Individwali fit-THETIS għall-2011 2011 || Proporzjon 2011 || Impenn għall-2011 skont l-Art 5.2b Il-Belġju || 23233 || 5255 || 6.30% || 1168 Il-Bulgarija || 2909 || 1277 || 1.69% || 313 Il-Kanada || 913 || 872 || 3.48% || 645 Il-Kroazja || 1927 || 624 || 1.10% || 203 Ċipru || 2410 || 800 || 1.20% || 223 Id-Danimarka || 8387 || 2053 || 3.18% || 588 L-Estonja || 5096 || 1507 || 1.77% || 328 Il-Finlandja || 12727 || 1170 || 1.75% || 324 Franza || 27654 || 5447 || 7.04% || 1305 Il-Ġermanja || 27503 || 4941 || 6.35% || 1177 Il-Greċja || 20314 || 3295 || 3.18% || 590 L-Islanda || 1935 || 322 || 0.31% || 58 L-Irlanda || 9528 || 1139 || 1.45% || 268 L-Italja || 31810 || 5049 || 6.49% || 1203 Il-Latvja || 7149 || 1965 || 2.32% || 430 Il-Litwanja || 4080 || 1605 || 1.87% || 347 Malta || 2607 || 819 || 1.80% || 333 Il-Pajjiżi l-Baxxi || 42686 || 7235 || 8.24% || 1527 In-Norveġja || 14391 || 1514 || 3.08% || 570 Il-Polonja || 11034 || 2380 || 2.86% || 531 Il-Portugall || 3683 || 1536 || 3.10% || 574 Ir-Rumanija || 4087 || 1703 || 2.32% || 430 Il-Federazzjoni Russa || 16728 || 3403 || 3.34% || 618 Is-Slovenja || 1417 || 612 || 0.88% || 163 Spanja || 31865 || 6234 || 10.58% || 1960 l-Isvezja || 24680 || 2567 || 3.28% || 608 Ir-Renju Unit || 4266 || 2231 || 11.04% || 2046 Total || 345019 || 67555 || 100% || 18530 *(Sors it-tabelli kollha EMSA) Tabella 2 Impenn u spezzjonijiet skont
l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/16/KE || Impenn għall-2011 || Żjarat ta' PI || Spezzjonijiet ta' PII || Żjarat ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PI u PII || Il-Belġju || 1168 || 521 || 475 || 1082 || 496 || 971 || Il-Bulgarija || 313 || 290 || 273 || 310 || 255 || 528 || Ċipru || 223 || 207 || 52 || 232 || 73 || 125 || Il-Finlandja || 324 || 94 || 78 || 527 || 238 || 316 || Il-Ġermanja || 1177 || 559 || 517 || 964 || 887 || 1404 || L-Islanda || 58 || 22 || 19 || 55 || 43 || 62 || Malta || 333 || 194 || 185 || 303 || 45 || 230 || Il-Pajjiżi l-Baxxi || 1527 || 1456 || 1026 || 1964 || 557 || 1583 || In-Norveġja || 570 || 374 || 234 || 811 || 360 || 594 || Il-Portugall || 574 || 263 || 239 || 397 || 206 || 445 || Ir-Rumanija || 430 || 374 || 339 || 467 || 437 || 776 || Is-Slovenja || 163 || 98 || 97 || 149 || 143 || 240 || l-Isvezja || 608 || 166 || 130 || 650 || 226 || 356 || Ir-Renju Unit || 2046 || 1634 || 765 || 1773 || 776 || 1541 || Total || 9514 || 6252 || 4429 || 9684 || 4742 || 9171 || Tabella 3 Impenn u spezzjonijiet skont
l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2009/16/KE || Impennn għall-2011 || Żjarat ta' PI || Spezzjonijiet imwettqa ta' PI || Żjarat ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PI+PII || Franza || 1305 || 1314 || 492 || 2300 || 733 || 1225 || Il-Greċja || 590 || 1469 || 656 || 2836 || 334 || 990 || L-Irlanda || 268 || 562 || 81 || 475 || 153 || 234 || L-Italja || 1203 || 1464 || 1084 || 3440 || 622 || 1706 || Spanja || 1960 || 2513 || 1216 || 3537 || 511 || 1727 || Totali || 5326 || 7322 || 3529 || 12588 || 2353 || 5882 || Tabella 4 Impenn u spezzjonijiet skont
l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2009/16/KE || Impenn għall-2011 || Żjarat ta' PI || Spezzjonijiet imwettqa ta' PI || Żjarat ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PII || Spezzjonijiet imwettqa ta' PI+PII || Id-Danimarka || 588 || 196 || 173 || 320 || 209 || 382 || L-Estonja || 328 || 68 || 65 || 134 || 120 || 185 || Il-Latvja || 430 || 71 || 66 || 187 || 180 || 246 || Il-Litwanja || 347 || 66 || 62 || 125 || 120 || 182 || Il-Polonja || 531 || 156 || 139 || 324 || 293 || 432 || Total || 2224 || 557 || 505 || 1090 || 713 || 1427 || Tabella 5 Xejra ġenerali tal-ispezzjonijiet
u t-tibdiliet fit-tipi ta’ spezzjonijiet f’reġjun tal-PMoU Tabella 6 – Għadd ta' spetturi tal-PSC
f'kull Stat || Għadd ta' spetturi tal-PSC Il-Belġju || 9 Il-Bulgarija || 14 Ċipru || 11 Id-Danimarka || 27 L-Estonja || 9 Il-Finlandja || 23 Franza || 84 Il-Ġermanja || 40 Il-Greċja || 51 L-Islanda || 2 L-Irlanda || 22 L-Italja || 111 Il-Latvja || 9 Il-Litwanja || 12 Malta || 3 Il-Pajjiżi l-Baxxi || 29 In-Norveġja || 79 Il-Polonja || 16 Il-Portugall || 11 Ir-Rumanija || 13 Is-Slovenja || 4 Spanja || 96 l-Isvezja || 44 Ir-Renju Unit || 113 Total || 832 Tabella 7 - Żjarat u spezzjonijiet
fl-ankraġġi || Żjarat totali || Żjarat fl-ankraġġi || Spezzjonijiet fl-ankraġġi || Żjarat ta' PI fl-ankraġġi || Spezzjonijiet ta' PI fl-ankraġġi || Detenzjonijiet ta' PI fl-ankraġġi Il-Belġju || 18649 || - || || - || - || - Il-Bulgarija || 2633 || 283 || 62 || 18 || 13 || - Ċipru || 2304 || 147 || 3 || 25 || - || Id-Danimarka || 8920 || 1 || 1 || 1 || 1 || - L-Estonja || 3754 || - || || - || - || - Il-Finlandja || 18229 || 17 || 1 || 1 || - || - Franza || 29204 || 148 || 10 || 14 || - || - Il-Ġermanja || 23330 || - || || - || - || - Il-Greċja || 18080 || 2446 || 210 || 294 || 47 || - L-Islanda || 1567 || 3 || || - || - || - L-Irlanda || 7450 || 5 || || - || - || - L-Italja || 73290 || 15541 || 421 || 5682 || 53 || - Il-Latvja || 5318 || - || || - || - || - Il-Litwanja || 3439 || 22 || || - || - || - Malta || 2942 || - || || - || - || - Il-Pajjiżi l-Baxxi || 47686 || 382 || 17 || 26 || 2 || - In-Norveġja || 14201 || 130 || 82 || 12 || 11 || - Il-Polonja || 8570 || 294 || 23 || 3 || 1 || - Il-Portugall || 3189 || 7 || 4 || 3 || 1 || - Ir-Rumanija || 3886 || 829 || 113 || 15 || 4 || - Is-Slovenja || 1248 || 22 || 11 || - || - || - Spanja || 38490 || 1916 || 113 || 363 || 29 || 1 L-Isvezja || 30168 || 2 || || - || - || - Ir-Renju Unit || 3851 || 245 || 36 || 182 || 13 || - [1] Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
(ĠU L 136, 28.05.2009, p. 57). [2] L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2009/16/KE jipprovdi
li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni dwar
iż-żjarat fil-port tiġi trasferita fi żmien raġonevoli
lil-bażi tad-dejta THETIS permezz tas-sistema Komunitarja għall-iskambju
ta' tagħrif marittimu “SafeSeaNet” msemmija fl-Artikolu 3(s)
tad-Direttiva 2002/59/KE sabiex tippermetti l-awtorità tal-PSC li
tagħżel il-vapuri għal spezzjoni. [3] ĠU L 241, 14.09.2010, p. 1 [4] ĠU L 241, 14.09.2010, p. 4 [5] Permezz tad-Direttiva 2002/59/KE tas-27.06.2002,
kif emendata [6] Għalkemm is-Slovakkja ttrasponiet id-Direttiva,
billi ma għandhiex portijiet marittimi ma hemm l-ebda informazzjoni dwar
l-implimentazzjoni. Dan ir-rapport għalhekk jirreferi
għall-implementazzjoni mit-22 Stat Membru kostali tal-UE u/jew (fejn
xieraq) għas-27 Stat tal-PMoU. [7] Ir-Regolamenti (UE) 801/2010 u
802/2010 [8] ĠU L 125
tal-21.05.2010, p.2 [9] Il-Belġju, il-Bulgarija,
Ċipru, il-Finlandja, il-Ġermanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi,
il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit. [10] Japplika wkoll għall-Kroazja,
l-Islanda, in-Norveġja u l-Federazzjoni Russa [11] Franza, il-Greċja, l-Irlanda,
l-Italja u Spanja [12] Id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja,
il-Litwanja u l-Polonja. [13] L-Artikolu 21(4) tad-Direttiva. [14] ĠU L 124, 20.05.2009, p. 30 [15] COM (2012) 129 tat-23.3.2012.