Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0448

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, u dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjaġġi ta’ skart Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2007-2009

    /* COM/2012/0448 final */

    52012DC0448

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, u dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjaġġi ta’ skart Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2007-2009 /* COM/2012/0448 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, u dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjaġġi ta’ skart Il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr transkonfinali tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2007-2009

    WERREJ

    1........... Daħla............................................................................................................................. 3

    2........... Rapportar mill-Istati Membri........................................................................................... 4

    3........... Ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż...................................................................................... 5

    4........... Ġarr tal-Iskart 'il barra mill-Istati Membri........................................................................ 6

    5........... Ġarr tal-Iskart lejn l-Istati membri................................................................................... 7

    6........... Ġarr Illegali, spezzjonijiet u miżuri ta’ infurzar................................................................... 8

    7........... Konklużjonijiet ġenerali tal-istat tal-implimentazzjoni........................................................ 9

    8........... Il-passi li jmiss.............................................................................................................. 10

    Żviluppi dwar il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr tal-iskart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-UE, 2007-2009

    1.           Daħla

    Ġarr transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu jiġi rregolat bil-Konvenzjoni ta’ Basilea tat-22 ta’ Marzu 1989 li l-Unjoni Ewropa (UE) hija Parti kontraenti għaliha.

    L-UE stabbilixxiet sistema għas-superviżjoni u l-kontroll tal-ġarr tal-iskart fi ħdan il-konfini tagħha flimkien mal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u pajjiżi terzi oħra li huma Partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjaġġi ta’ skart[1] jittrasponi l-Konvenzjoni fil-liġi tal-Unjoni.

    Kull sena kalendarja, l-Istati Membri jissottomettu rapport lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni għas-sena kalendarja ta’ qabel li jindirizza d-dispożizzjonijiet legali, l-implimentazzjoni u l-miżuri tal-ħarsien tal-ambjent. Ir-rapport jintbagħat ukoll lill-Kummissjoni flimkien ma’ informazzjoni addizzjonali fil-forma ta’ kwestjonarju[2]. Kull tliet snin, il-Kummissjoni tagħmel rapport ibbażat fuq ir-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri[3]. Dan jindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-ġarr, il-monitoraġġ, il-miżuri kontra l-ġarr illegali, u l-kopertura finanzjarja.

    L-ewwel rapport tal-Kummissjoni kien ikopri s-snin 1997-2000 u ġie ppubblikat fl-2006[4]. It-tieni rapport kien ikopri s-snin 2001-2006 u ġie ppubblikat fl-2009[5]. Dan huwa t-tielet rapport ta’ implimentazzjoni u jkopri s-snin 2007-2009. Informazzjoni dettaljata dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri kemm għall-kwestjonarju ta’ Basilea kif ukoll għal dak tal-Kummissjoni għas-snin 2007 – 2009 jinsabu fit-Taqsimiet B u E tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport. Dejta kwantitattiva dwar il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-ġarr tal-iskart hija miġbura fil-qosor fit-tabelli u l-grafiċi tat-Taqsima A tad-dokument ta’ ħidma.

    Wieħed għandu jinnota li l-Konvenzjoni ta’ Basilea tuża t-termini "importazzjoni" u "esportazzjoni" għal kull ġarr lejn jew ’il barra minn pajjiż li huwa Parti kontraenti fil-Konvenzjoni. Skont il-liġi tal-UE dawn it-termini japplikaw biss għall-ġarr lejn jew ’il barra mill-UE kollha kemm hi. Madankollu, għall-finijiet ta’ qari, f’dan ir-rapport it-termini jidhru bejn virgoletti, u xi kultant jintużaw sabiex jirreferu għall-ġarr tal-iskart b'mod ġenerali. Fid-dokument ta’ ħidma, iż-żewġ termini jidhru fis-sens li jintużaw fih fil-Konvenzjoni ta' Basilea.

    Skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, fi żmien ħames snin wara t-12 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12(1)(c) (oġġezzjonijiet għal vjaġġi ta' skart pjanati ddestinati għall-irkupru li mhumiex skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiż tad-dispaċċ), inkluż l-effett tieħu fuq il-ħarsien tal-ambjent u t-tħaddim tas-suq intern. Bi preparazzjoni għal din ir-reviżjoni, fl-2010, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(c). Minbarra każijiet minuri fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ma kinitx rilevanti b’mod ċar, l-Istati Membri b’mod ġenerali wieġbu li ma għamlux użu minn din id-dispożizzjoni.

    Konsegwentement, sal-lum id-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(1)(c) ma kellhiex effett fuq il-ħarsien tal-ambjent u t-tħaddim tas-suq intern. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni u tista’ tieħu miżuri xierqa bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament fil-futur.

    2.           Rapportar mill-Istati Membri

    Fil-waqt tal-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport, bosta Stati Membri kienu wieġbu kemm għal kwestjonarju ta’ Basilea kif ukoll għal dak tal-Kummissjoni għas-snin 2007-2009. Għalkemm ir-rapporti kollha tal-2009 kellhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010, ingħata żmien addizzjonali. Id-data tal-iskadenza għall-analiżi tad-dejta kwantitattiva li kien hemm fir-rapporti ta’ Basilea kienet il-15 ta’ Lulju 2011. Minħabba raġunijiet amministrattivi, ir-rapporti ta’ Basilea mill-Greċja (2009), minn Ċipru (2008 u 2009) u minn Malta (2007) intbagħtu wara d-data tal-iskadenza, u ma setgħux jitqiesu fl-analiżi. Id-data tal-iskadenza għall-inklużjoni tat-tweġibiet tal-Istati Membri fit-Taqsimiet B u E tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal kienet it-30 ta’ Novembru 2011. Sa dik id-data, ir-Repubblika Ċeka kienet għadha ma bagħtitx il-kwestjonarju tal-Kummissjoni għas-sena 2008, u l-Pajjiżi l-Baxxi kienu fl-istess sitwazzjoni għas-sena 2009. Għal Franza, ir-rapporti kollha kienu neqsin għas-snin 2007-2009. Ġabra fil-qosor tad-dejta nieqsa hija ppreżentata fit-Tabella 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Għalkemm sa issa għad ma hemm l-ebda każ ta’ ksur, il-Kummissjoni nediet talbiet EU-Pilot sabiex tinvestiga l-każijiet tar-rapporti nieqsa.

    Dejta amministrattiva u informazzjoni essenzjali dwar dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ġeneralment kienu kompluti u eżatti. Bosta Stati Membri rrapportaw estensivament dwar il-miżuri għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-miżuri meħuda biex inaqqsu vjaġġi ta’ skart kienu rrapportati inqas ta’ spiss. Informazzjoni dwar l-effetti tal-ġenerazzjoni, tat-trasportazzjoni u tar-rimi ta’ skart perikoluż u skart ieħor fuq is-saħħa u l-ambjent kienet inqas estensiva u f’bosta każijiet ma kinitx disponibbli.

    Fir-rigward ta’ dejta dwar ġarr illegali, xi Stati Membri rrapportaw għadd kbir ta’ każijiet, filwaqt li oħrajn irrapportaw biss ftit jew xejn. Kien hemm ftit rapporti dwar rimi li ma sarx kif kien intenzjonat u l-ebda Stat Membru ma rraporta accidenti li seħħew matul il-moviment transkonfinali u r-rimi ta’ skart perikoluż u skart ieħor.

    Il-kwantitajiet totali ta’ skart li nġarr bejn l-Istati Membri, meta mqabblin, urew inkonsistenzi fil-kwantitajiet irrapportati minn Stati Membri differenti għall-istess kwalità ta’ vjaġġi li suppost ikunu l-istess. Għall-iskart perikoluż, l-"esportazzjoni" totali bejn l-Istati Membri hija ogħla mit-total tal-"importazzjoni" (pereżempju fl-2009 d-differenza kienet 27 %). Għal kull skart ieħor notifikat l-"importazzjoni" totali hija ogħla mill-"esportazzjoni" (eżempju fl-2009 d-differenza kienet 36 %). Il-Kummissjoni beħsiebha taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb il-kwalità tad-dejta rrapportata.

    3.           Ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż

    Il-kwestjonarju tal-Konvenzjoni ta’ Basilea jitlob lill-pajjiżi kollha jipprovdu informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ skart perikoluż u "skart ieħor" li jiġi ġġenerat. "Skart ieħor" f'dan il-kuntest tfisser skart domestiku, u residwi ġejjin mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku, żewġ kategoriji ta’ skart li jeħtieġu kunsiderazzjoni speċjali u li huma suġġetti għal kontrolli simili għall-iskart perikoluz skont il-Konvenzjoni ta’ Basilea (entrati Y46 u Y47). Skart perikoluż huwa definit skont lista ta’ flussi ta’ skart u/jew kostitwenti (entrati Y1-18 u Y19-45) u ċerti karatteristiċi perikolużi. Madankollu, jekk l-iskart huwa kkunsidrat bħala perikoluż mil-leġiżlazzjoni domestika, jaqa’ wkoll taħt dik id-definizzjoni għall-finijiet tal-Konvenzjoni.

    Meta dan ir-rapport kien qed jiġi ppreparat, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni totali tal-iskart perikoluż għas-sena 2009 kien għadha mhix kompluta. Kien hemm total ta’ 11-il pajjiż li ma kienux irrapportaw dejta dwar il-ġenerazzjoni totali ta’ skart perikoluż għall-2009. Kien hemm erba’ valuri neqsin għall-2008 (Ċipru, Franza, l-Italja u Spanja) u tlieta għall-2007 (Franza, l-Italja, l-Isvezja). Sabiex timtela l-lakuna eżistenti fid-dejta, twettqu stimi abbażi ta' dejta minn snin preċedenti.

    Fl-2009, madwar 77 miljun tunnellata ta’ skart perikoluż ġew iġġenerati fl-UE-27[6], li minnhom madwar 58 miljun tunnellata kienu fl-UE-15[7]. Mis-sena 2000 sas-sena 2008, il-kwantità totali ta' skart perikoluż iġġenerat mill-UE-27 żdied b'46 %. Fl-istess perjodu, kien hemm żieda ta’ 57 % fil-kwantità ta’ skart perikoluż iġġenerat mill-UE-15. Il-kwantitajiet ta’ skart perikoluż iġġenerati fl-2009 huma ftit inqas minn dawk fl-2008 (8 %, kemm għall-UE-27 kif ukoll għall-UE-15). Fl-2009, il-ġenerazzjoni totali ta’ skart perikoluż per capita kienet 154 kg kull sena għall-Unjoni Ewropea kollha (UE-27) b’medja kemxejn ogħla ta’ 186 kg kull sena fl-UE-12[8]. Il-varjazzjonijiet osservati bejn il-kwantitajiet ta’ skart perikoluż iġġenerat fl-UE jistgħu jkunu marbutin mal-varjazzjonijiet fl-attività ekonomika matul l-istess perjodu.

    B’madwar 19-il miljun tunnellata fis-sena, il-Ġermanja kellha l-ogħla kwantitajiet ta’ skart perikoluż iġġenerat fil-perjodu 2007-2009, u warajha l-Italja[9], l-Estonja[10], Franza, ir-Renju Unit u l-Polonja. Fir-Renju Unit, il-kwantità ta’ skart perikoluż iġġenerat naqset b’mod sinifikanti fl-2009. Il-kwantitajiet żdiedu b’mod sinifikanti fil-Polonja bejn l-2007 u l-2008.

    F’termini ta’ skart perikoluż iġġenerat per capita, l-Estonja, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, il-Portugall u l-Ġermanja kellhom l-ogħla ċifri għall-perjodu 2007-2009. Il-kwantitajiet per capita l-iktar baxxi ġew irreġistrati fil-Latvja, fir-Rumanija, fil-Litwanja u fil-Greċja.

    Il-kodiċijiet-Y għall-iskart skont il-Konvenzjoni ta' Basilea ntużaw b'mod differenti ħafna fl-Istati Membri. Bosta Stati Membri ma rrapportaw l-ebda dettallji dwar il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż fil-livelli tal-kodiċijiet-Y. Xi Stati Membri rrapportaw esklussivament l-iskart domestiku (Y46) u r-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku (Y47).

    4.           Ġarr tal-Iskart 'il barra mill-Istati Membri

    L-Istati Membri kollha għajr Ċipru, Franza, il-Greċja u Malta ressqu tagħrif dwar il-ġarr 'il barra ("esportazzjoni" fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Basilea) tal-iskart notifikat għat-tliet snin kollha fil-perjodu bejn l-2007 u l-2009.

    Fl-2009, l-ammont totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-Istati Membri tal-UE (UE-27), kien madwar 11,4 miljun tunnellata, li minnhom madwar 7,2 miljun tunnellata kienu skart perikoluż. Is-sehem tal-UE-12 tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra kien biss madwar 2 % u s-sehem korrispondenti ta’ skart perikoluż biss kien madwar 3 %.

    Il-ġarr ’il barra ta’ skart notifikat mill-Istati Membri żdied rapidament. Mill-2001 sal-2009, iż-żieda fl-ammont ta’ skart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-Istati Membri kienet 80 %. Għall-ġarr ta’ skart perikoluż biss, jidher li hemm xejra dejjem tiżdied sal-2007. Mill-2001 sal-2007, iż-żieda fl-ammont ta’ skart perikoluż li nġarr 'il barra mill-Istati Membri kienet 150 %. Mill-2007 ’l hawn, il-kwantitajiet ta’ skart perikoluż li nġarru ’l barra mill-Istati Membri naqsu xi ftit (tnaqqis ta’ 9 % mill-2007 sal-2009).

    Fil-perjodu 2007-2009, l-ikbar "esportatur" ta’ skart perikoluż kienu l-Pajjiżi l-Baxxi (b’2,8 miljun tunnellata fl-2009) u warajh l-Italja, il-Belġju, Franza u l-Irlanda. Waqt li l-ġarr ’il barra ta’ skart perikoluż mill-Pajjiżi l-Baxxi naqas b’14 % mill-2006 sal-2009, l-Italja rraportat żieda ta’ 64 % matul dak il-perjodu. Rigward ġarr ta’ skart perikoluż 'il barra mill-UE f’kg per capita, l-Istati Membri bl-ogħla kwantitajiet fil-perjodu 2007-2009 kienu l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu, u warajhom l-Irlanda u l-Belġju.

    Fil-perjodu 2007-2009, l-Istat Membru bl-ogħla kwantitajiet totali ta’ skart notifikat li nġarru ’l barra mill-UE kien ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi (b’madwar 3 miljun tunnellata fl-2009) u warajhom l-Italja, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Belġju. Rigward ġarr 'il barra mill-UE tal-iskart notifikat kollu f'kg per capita, l-Istati Membru bl-ogħla kwantitajiet kienu l-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, l-Irlanda u l-Belġju.

    Fl-2009, aktar minn 90 % tal-iskart perikoluż tal-UE ġie ttrattat fil-pajjiż tal-oriġini. Il-pajjiżi b’rata ta’ “esportazzjoni” ta’ aktar minn 40 % kienu l-Lussemburgu, is-Slovenja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju u d-Danimarka.

    Il-grupp “Y-1-Y18” jirrappreżenta l-kategorija tal-iskart l-iktar importanti, b’madwar 38 % tal-kwantità totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-UE-27 fl-2009. Is-sehem tal-kategorija "Y19-Y45" kien madwar 13 %, u s-sehem tal-kategorija ta’ skart ieħor (Y46-Y47) (jiġifieri skart domestiku u residwi tal-inċinerazzjoni flimkien) kien madwar 10 %. Kwantitajiet żgħar (madwar 1 %) ġew ikklassifikati f’taħlita ta’ kategoriji Y1-Y45. Madwar 35 % tal-ġarr kien ikklassfikat permezz ta’ klassfikazzjoni nazzjonali jew tal-UE. Din l-istatistika hija simili għas-snin 2007 u 2008.

    Fl-2009, 3 % biss tal-iskart inġarr mingħajr klassfikazzjoni. Fis-snin ta’ qabel (2005-2008) dan is-sehem kien ivarja bejn 7 % u 14 %. Fil-perjodu 2007-2009, l-Istati Membri li ġarru 'l barra l-ikbar kwantitajiet ta’ skart mingħajr klassfikazzjoni kienu l-Ġermanja, Franza, l-Isvezja, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda. Taħlita ta’ kodiċijiet Y intużat biss f’każijiet rari u għal kwantitajiet żgħar. Fl-2008 u l-2009 kwantitajiet kbar (0,6 miljun tunnellata fl-2008 u 1,8 miljun tunnellata fl-2009) ta’ skart mhux perikoluż inġarru ’l barra mill-Awstrija b’notifika. Id-Danimarka, Franza, is-Slovenja u l-Italja rrapportaw ġarr 'il barra ta’ skart li kien ikklassfikat bħala “perikoluż, speċifikat skont il-pajjiż”.

    Il-parti l-kbira tal-iskart perikoluż li nġarr ’il barra mill-Istati Membri[11] ġie ttrattat f'operazzjoni ta' rkupru. Fil-perjodu 2007-2009, is-sehem ta’ rkupru kien ivarja minn 72 % sa 77 % għall-iskart li nġarr ’il barra mill-UE-15 u l-UE-27, rispettivament. Ir-rata ta’ rkupru tal-iskart li nġarr ’il barra mill-UE-12 kienet ukoll ogħla, b’varjazzjoni minn 85 % sa 89 % fil-perjodu 2007-2009.

    Fl-2009, aktar minn 40 % tal-iskart perikoluż li nġarr 'il barra mill-UE-27 għall-irkupru kien ġej mill-Pajjiżi l-Baxxi. Stati Membri oħra b’persentaġġi għoljin u ammonti totali ta’ skart perikolużi li nġarr 'il barra għall-irkupru kienu Franza, il-Belġju, ir-Renju Unit u l-Italja.

    Fl-2009, il-Greċja, il-Bulgarija, Ċipru, l-Italja u r-Rumanija ġarrew skart perikoluż l-aktar għar-rimi. L-akbar kwantitajiet ta’ skart perikoluż li nġarru għar-rimi ġew mill-Italja u mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    Il-maġġoranza assoluta tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra fil-perjodu 2007-2009 marret fi Stati Membri oħra tal-UE. 99 % tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'l barra mill-UE-27 kienu ddestinati għall-UE-27 u l-pajjiżi tal-EFTA, u aktar minn 87 % baqa’ fit-territorju tal-UE-15. Għalkemm il-maġġoranza tal-iskart li nġarr ’il barra mill-UE-12 marret fi Stati Membri oħra tal-UE, sehem mhux sinifikanti mar ukoll f’pajjiżi li mhumiex tal-OECD (7 % fl-2009, 11 % fl-2008 iżda 0 % fl-2007). 99 % tal-iskart perikoluż li nġarr 'l barra mill-Istati Membri (UE-27) kien ddestinat għall-UE-27 u l-pajjiżi tal-EFTA, u aktar minn 95% baqa’ fit-territorju tal-UE-15.

    5.           Ġarr tal-Iskart lejn l-Istati membri

    Din it-taqsima hija bbażata fuq rapporti pprovduti minn 20 Stat Membru skont liema Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, Malta, il-Portugall u r-Rumanija ma pprovdewx l-informazzjoni għall-perjodu 2007-2009.

    Fl-2009, l-ammont totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-Istati Membri tal-UE kien madwar 12,4 miljun tunnellata, li minnhom madwar 6,7 miljun tunnellata kienu skart perikoluż. Rigward l-evoluzzjoni tal-ammonti ta’ skart perikoluż li nġarru lejn l-Istati Membri, wieħed josserva xejra li żdiedet b’mod sinifikanti sal-2007. Mill-2001 sal-2007, l-ammont ta’ skart perikoluż li nġarr lejn l-Istati Membri żdied b'147 %. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-ammonti tinvolvi ġarr fi ħdan l-UE u ż-żieda osservata aktarx ġejja mill-fatt li xi Stati Membri għandhom stallazzjonijiet sofistikati għat-trattament tal-iskart perikoluż waqt li xi Stati Membri oħra ma għandhomx stallazzjonijiet bħal dawn.

    Fl-2008, l-ammont ta’ skart perikoluż li nġarr lejn l-Istati Membri naqas, iżda reġa’ żdied fl-2009. Il-kwantità għall-2009 hija aktar baxxa mill-kwantità għall-2007, iżda ogħla mill-kwantità għall-2006. Dan l-iżvilupp globali huwa simili għall-iskart notifikat kollu. Mill-2001 sal-2007, il-kwantitajiet ta’ skart notifikat kollu li nġarr lejn l-Istati Membri żdied b'72%.

    Fil-perjodu 2007-2009, l-ikbar "importatur" ta’ skart perikoluż kien il-Ġermanja (bi 2,7 miljun tunnellata fl-2009) u warajha l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, l-Italja, Franza u l-Isvezja. Jidher ċar li l-Ġermanja hija wkoll fl-ewwel pożizzjoni fir-rigward tal-kwantità totali ta’ skart perikoluż u ta’ skart notikat ieħor li nġarru lejn l-Istati Membri tal-UE (b'7,6 miljun tunnellata fl-2009). L-Istati Membri l-oħra bi kwantitajiet totali għoljin ta’ skart perikoluż u ta’ skart notifikat ieħor “importati” fil-perjodu 2007-2009 kienu l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, l-Isvezja u Franza. Bħal fil-każ tal-ġarr 'il barra mill-pajjiż, il-pajjiżi tal-UE-12 għandhom rwol iżgħar. Is-sehem ta’ skart perikoluż u ta’ skart notifikat ieħor li nġarr lejn l-UE-12 kien biss madwar 2 %. Rigward ġarr ta’ skart lejn l-UE f’kg per capita, l-Istati Membri bl-ogħla kwantitajiet fil-perjodu 2007-2009 kienu l-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u l-Ġermanja, kemm għall-iskart perikoluż kif ukoll għall-iskart notifikat kollu.

    Bħal fil-ġarr 'il barra ta’ skart, il-grupp "Y1-Y18" jirrappreżenta l-kategorija l-iktar importanti ta’ skart, b’madwar 29 % tal-kwantità totali ta’ skart notifikat li nġarr lejn l-Istati Membri tal-UE-27 fl-2009. Is-sehem tal-kategorija "Y19-Y45" kien madwar 12 %, u s-sehem tal-kategorija ta’ skart ieħor (Y46-Y47) kien madwar 5 % għall-UE-27 fl-2009. Din id-distribuzzjoni hija simili ħafna għas-snin ta' referenza kollha 2007-2009.

    Fl-2006, il-kategorija ta’ skart “mhux ikkassifikat" kienet għadha tiddomina fil-klassifikazzjoni tat-tipi tal-iskart, li kienet tirrappreżenta 36 % tal-ġarr kollu lejn l-Unjoni Ewropea. Fl-2007, is-sehem ta’ skart “mhux ikklassifikat” kien 22 % u fl-2009 kien biss 13 %. Fl-2009, l-iskart mingħajr speċifikazzjoni nġarr lejn il-Ġermanja, l-Isvezja, Franza u r-Renju Unit. Kwantitajiet kbar ta’ skart (3,2 Mt fl-2009) nġarru lejn il-Ġermanja bil-klassifikazzjoni "EU-WSR jew skart nazzjonali mhux perikoluż". Għall-2009 u għall-2008, l-Awstrija rrapportat "importazzjonijiet" ta’ skart mhux perikoluż b’notifika (madwar 142 000 tunnellata fl-2009 u 96 000 tunnellata fl-2008). Għall-2007 u għall-2009, l-Italja rrapportat kwantitajiet kbar ta’ "importazzjoni" ta’ skart ikklassfikat bħala "perikoluż, speċifikat skont il-pajjiż" (madwar 295 000 tunnellata fl-2007 u 705 000 tunnellata fl-2009).

    Il-parti l-kbira tal-iskart li nġarr lejn l-Istati Membri ġie ttrattat f'operazzjoni ta' rkupru. Fl-aħħar snin, madankollu, is-sehem ta’ rkupru naqas. Waqt li fl-2004, 84 % tal-iskart li nġarr lejn l-Istati Membri tal-UE-27 għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, fl-2009, is-sehem ta’ rkupru kien 70 %. Din ix-xejra hija simili wkoll għall-UE-15 weħidhom.

    Rigward il-persentaġġ ta’ rkupru meta mqabbel mar-rimi, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-2008 u l-2009, aktar minn 40 % tal-iskart li nġarr lejn l-Istati Membri li ġejjin kien ittrattat f’operazzjoni tar-rimi: l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja u Spanja. Fl-2009, l-ogħla kwantitajiet ta’ skart “importat” għar-rimi kien irrapportat mill-Ġermanja (1,5 Mt), il-Pajjiżi l-Baxxi (135 000 tunnellata) u Franza (102 000 tunnellata).

    Il-biċċa l-kbira tal-iskart perikoluż u l-iskart notifikat ieħor li nġarra lejn l-Istati Membri fil-perjodu 2007-2009 kien ġej minn Stati Membri oħrajn. Aktar minn 97 % tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-Istati Membri kien ġej minn Stati Membri oħra jew mill-pajjiżi tal-EFTA u aktar minn 84 % oriġina mill-UE-15. Għall-iskart perikoluż biss, aktar minn 96 % kien ġej minn Stati Membri oħra jew mill-pajjiżi tal-EFTA u aktar minn 80 % mill-UE-15. Is-sehem tal-iskart li oriġina mill-pajjiżi mhux tal-OECD kien minimu kemm għall-iskart perikoluż, kif ukoll għall-iskart notifikat ieħor.

    6.           Ġarr Illegali, spezzjonijiet u miżuri ta’ infurzar

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri stqarrew li kien hemm każijiet ta’ ġarr illegali ta’ skart fil-perjodu 2007-2009. Waqt li xi Stati Membri rrapportaw għadd kbir ta’ każijiet, oħrajn irrapportaw biss xi ftit jew xejn. Il-pajjiżi li rrapportaw l-ogħla għadd ta’ każijiet kienu l-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, ir-Renju Unit u l-Awstrija (li jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-każijiet irrapportati għall-perjodu 2007-2009).

    Għall-2009, l-Istati Membri rrapportaw madwar 400 każ ta’ ġarr illegali ta’ skart, b’uħud mill-każijiet li probabbilment ġew irrapportati doppji, darba mill-pajjiż tad-destinazzjoni u darba mill-pajjiż tad-dispaċċ. Għall-2009, madwar nofs il-ġarr illegali rrapportat mill-Istati Membri kien ġarr bejn l-Istati Membri filwaqt li n-nofs l-ieħor kien jinvolvi ġarr lejn jew 'il barra mill-UE. Ta' min wieħed ifakkar, madankollu, li l-għadd totali ta’ ġarr illegali huwa konsiderevolment ogħla minn dawk irrapportati uffiċjalment. Pereżempju, wara l-perjodu ta’ rapportar (2007-2009), l-azzjonijiet konġunti ta’ infurzar mill-IMPEL-tfs urew li aktar minn 20 % ta’ ġarr li kien fih skart lejn l-UE ma kienx konformi mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006[12].

    Ir-raġunijiet l-iktar komuni tal-illegalità kienu li l-ġarr tal-iskart kien twettaq mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew kien kontra projbizzjoni ta’ ġarr skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Miżuri tipiċi ta' reazzjoni kienu jinkludu l-ġarr lura tal-iskart lejn il-pajjiż tal-oriġini u l-istabbiliment ta’ penali.

    Il-miżuri li applikaw l-Istati Membri biex jaqbdu ġarr illegali kienu jinkludu kontrolli regolari fuq il-fruntiera, u monitoraġġ regolari tal-faċilitajiet li jiġġeneraw u/jew jittrattaw l-iskart, kontrolli fuq il-post ta' ġarr transkonfinali u tal-faċilitajiet li jiġġeneraw u/jew jittrattaw l-iskart u kontrolli fuq il-post fuq toroq nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew ukoll dejta dettaljata dwar l-għadd ta’ kontrolli fuq il-ġarr tal-iskart jew dwar l-irkupru jew ir-rimi relatat u dwar l-għadd ta’ ġarr illegali li verament inqabdu matul dawn il-kontrolli. L-għadd ta’ verifiki u kontrolli fuq il-post li twettqu fl-UE ivarja ħafna fost l-Istati Membri. Għall-2009, l-aqwa prassi għall-kontrolli fuq il-post intweriet mill-Polonja bi kważi 40 kontroll fuq il-post għal kull 1000 tunnellata ta’ skart perikoluż li nġarr lejn jew 'il barra mill-pajjiż. Għall-maġġoranza tal-Istati Membri dan il-punt ta’ referenza huwa mill-inqas 10 darbiet iktar baxx.

    7.           Konklużjonijiet ġenerali tal-istat tal-implimentazzjoni

    Rapportar

    Għall-perjodu 2007-2009, ir-rati ta’ tweġibiet kemm għall-kwestjonarju ta’ Basilea u kif ukoll għal dak tal-Kummissjoni kienu kważi 100 %. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri ma ssottomettewx ir-rapporti tagħhom fil-ħin. Xi rapporti ta’ Basilea waslu wara d-data tal-iskadenza tal-15 ta' Lulju 2011 u għalhekk ma setgħux jitqiesu fl-analiżi tad-dejta kwantitattiva. Ġeneralment, l-Istati Membri ssottomettew informazzjoni suffiċjenti dwar il-ġarr tal-iskart u dwar kwistjonijiet amministrattivi rilevanti, u dwar dispożizzjonijiet u politiki nazzjonali.

    Kwalità tad-dejta

    F’għadd kbir ta’ każijiet, id-dejta rrapportata mill-pajjiż tad-dispaċċ tvarja mid-dejta rrapportata mill-pajjiż tad-destinazzjoni. Fl-2009, id-differenza bejn l-"esportazzjoni" u l-"importazzjoni" irrapportati ta’ skart perikoluż bejn l-Istati Membri tal-UE kienet madwar 27 %, bl-"esportazzjoni" ogħla mill-"importazzjoni". Fl-istess sena, id-differenza bejn l-"esportazzjoni" u l-"importazzjoni" irrapportati ta’ skart notifikat ieħor bejn l-Istati Membri tal-UE kienet madwar 36 %, iżda bl-"importazzjoni" ogħla mill-"esportazzjoni".

    Klassifikazzjoni tal-iskart

    In-nuqqas ta’ kodiċijiet xierqa ta’ Basilea għal ċertu skart perikoluż ta’ sikwit ifixkel ir-rapportar trasparenti. Madankollu, is-sitwazzjoni tjiebet minn meta l-pajjiżi issa jistgħu jużaw il-kodiċijiet tal-Lista Ewropea tal-Iskart (European List of WasteELW)[13]. Sabiex ir-rapportar jiġi armonizzat, l-Istati Membri qed jiġu mħejja ħafna biex jinkludu wkoll il-kodiċijiet tal-Lista Ewropea tal-Iskart fir-rapporti tagħhom. Saħansitra, l-użu konsistenti tal-kodiċijiet tal-Lista Ewropea tal-Iskart għandu jgħin biex jintlaħaq rapportar aħjar dwar skart mhux perikoluż li mhumiex kopert mill-kategoriji Y46 u Y47 jew kwalunkwe kodiċi speċifiku ta' Basilea, u li l-esportazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-proċedura ta’ notifka bil-miktub u l-qbil minn qabel skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

    Ġenerazzjoni tal-iskart

    Fl-2009, madwar 77 miljun tunnellata ta’ skart perikoluż ġie ġġenerat fl-UE-27. Mill-2000 sal-2008, il-kwantià totali ta’ skart perikoluż iġġenerat mill-pajjiżi tal-UE-27 żdied b’46 %. Il-kwantitajiet ta’ skart perikoluż iġġenerat fl-2009 huma kemxejn iktar baxxi minn dawk fl-2008.

    Ġarr tal-iskart

    Fil-perjodu 2007-2009, l-ammont totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-Istati Membri tal-UE, kien madwar 33,1 miljun tunnellata, li minnhom madwar 22,9 miljun tunnellata kienu skart perikoluż. 99 % tal-iskart perikoluż li nġarr 'il barra mill-Istati Membri kienu ddestinati għall-UE-27 u l-pajjiżi tal-EFTA, u aktar minn 95% baqgħu fit-territorju tal-UE-15.

    Fil-perjodu 2007-2009, l-ammont totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-Istati Membri tal-UE, kien madwar 37 miljun tunnellata, li minnhom madwar 20,5 miljun tunnellata kienu skart perikoluż. Aktar minn 96 % tal-iskart perikoluż kien ġej minn Stati Membri oħra jew mill-pajjiżi tal-EFTA u aktar minn 80 % mill-UE-15.

    Ġarr illegali

    Għall-2009, l-Istati Membri rrapportaw madwar 400 każ ta’ ġarr illegali ta’ skart, waqt li l-għadd totali ta’ tali ġarr huwa stmat li huwa konsiderevolment ogħla. Għall-2009, madwar nofs il-ġarr illegali rrapportat kien ġarr bejn l-Istati Membri filwaqt li n-nofs l-ieħor kien jinvolvi ġarr lejn jew 'il barra mill-UE. L-għadd ta’ verifiki u kontrolli fuq il-post li twettqu fl-UE jvarja ħafna fost l-Istati Membri.

    8.           Il-passi li jmiss

    Bejn il-25 ta’ Jannar u t-12 ta’ April 2011, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika ma’ dawk interessati dwar kif jissaħħu l-ispezzjonijiet u l-infurzar tar-Regolament[14]. Il-maġġoranza assoluta (89 %) tal-partijiet interessati kienu favur leġiżlazzjoni ġdida tal-UE li ssaħħaħ ir-rekwiżiti tal-ispezzjonar. Xi wħud mill-għażliet proposti kienu jikkonċernaw l-ippjanar tal-ispezzjoni, spezzjonijiet iktar 'il fuq fil-katina ta' attivitajiet, taħriġ ta' uffiċjali u l-obbligu ta’ operaturi li jipproduċi evidenza f’ċerti każijiet fejn hemm raġunijiet validi għal suspett ta’ ċirkomvenzjoni tar-Regolament. Bħalissa, il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli fil-ġejjieni.

    [1]               ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

    [2]               Id-Deċiżjoni 1999/412/KE (ĠU L 156, 23.6.1999, p. 37) u l-Art. 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

    [3]               L-Art. 41 tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 u l-Art. 51 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

    [4]               Rapport tal-Kummissjoni {SEC(2006) 1053}, 1.8.2006.

    [5]               Rapport tal-Kummissjoni {SEC(2009) 811}, 24.6.2009.

    [6]               L-Istati Membri attwali kollha tal-Unjoni Ewropea.

    [7]               Il-pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea qabel l-2004.

    [8]               Il-pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 jew fl-2007.

    [9]               Il-valuri għall-Italja u għal Franza huma bbażati fuq stimi.

    [10]             Id-dejta mill-Estonja tinkludi skart ta’ skist bituminuż, li jirrappreżenta aktar minn 95 % tal-ammont totali.

    [11]             L-espressjoni "skart li nġarr 'il barra mill-"Istati Membri tinkludi l-ġarr fi ħdan l-UE. Il-maġġoranza assoluta ta’ skart li nġarr transkonfinalment tibqa’ fi ħdan l-UE.

    [12]             Rapport iddettaljat huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://impel.eu/projects/enforcement-actions-ii.

    [13]             Skart elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

    [14]             Is-sit tal-internet "Your Voice in Europe": http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm, http://ec.europa.eu/environment/waste/shipments/news.htm.

    Top