Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0373

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011)

    /* COM/2012/0373 final */

    52012DC0373

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011) /* COM/2012/0373 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011)

    1.           INTRODUZZJONI

    Dan huwa d-dsatax-il rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Huwa hu ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji (minn issa 'l quddiem “il-Protokoll”) mehmuż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Bħal fis-snin preċedenti, ir-rapport jagħti ħarsa lejn kif il-prinċipji jiġu implimentati mill-istituzzjonijiet u l-korpi differenti tal-UE; il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni u jippreżenta f'iktar dettall xi inizjattivi u proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li qajmu kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà matul l-2011. Huwa jeżamina wkoll kif mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, li skont l-Artikolu 12 tat-TUE u l-Protokoll jagħti lill-Parlamenti nazzjonali rwol partikolari fl-iskrutinju tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, żviluppa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn il-mekkaniżmi ta' kontroll tas-sussidjarjetà u d-djalogu politiku bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni, dan ir-rapport għandu jitqies bħala kumplimentari għar-rapport annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2011 dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali[1].

    2.           Kif l-istituzzjonijiet japplikaw il-prinċipji

    Deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tiġi proposta azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà) u, jekk dan isir, il-firxa u l-forma ta’ tali azzjoni (proporzjonalità) huma fundamentali għal regolamentazzjoni intelliġenti[2]. Il-korpi u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jikkonformaw maż-żewġ prinċipji.

    Valutazzjoni bir-reqqa tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità matul il-fażi preleġiżlattiva hija importanti biex ikun żgurat li l-proposti huma adegwatament maħsuba. Fl-istadju postleġiżlattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab sabiex tikkontrolla l-legalità tal-leġiżlazzjoni adottata. S’issa, il-Qorti ma annullatx miżura minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Huwa imperattiv li jsiru trasparenti l-argumenti dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, peress li dan jippermetti li l-atturi istituzzjonali differenti kif ukoll il-pubbliku in ġenerali jiddiskutu l-validità tal-proposta b’mod kostruttiv. Għalhekk, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll u irrispettivament minn fejn toriġina l-inizjattiva, abbozz ta' att leġiżlattiv għandu jinkludi ‘dikjarazzjoni’ dettaljata li tagħmilha possibbli għall-partijiet interessati sabiex jevalwaw il-konformità mal-prinċipju. Għalkemm is-sussidjarjetà ma tistax tiġi evalwata mekkanikament b’referenza għall-kriterji operattivi, il-Kummissjoni qed tkompli tuża t-testijiet ta’ “in-neċessità ” u “l-valur miżjud tal-UE” bħala parti mill-qafas analitiku tagħha u tirrakkomanda li oħrajn jagħmlu l-istess.

    2.1.        Il-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni, bħala l-awtur tal-proposti leġiżlattivi skont id-dritt tagħha ta’ inizjattiva, taħdem biex tiżgura li jsiru l-għażliet it-tajba, dwar jekk issirx proposta ta’ azzjoni fil-livell tal-UE u kif għandha ssir, fi stadju bikri tal-iżvilupp ta’ politika.

    Il-pjanijiet direzzjonali[3], li huma ppubblikati għall-inizjattivi ewlenin kollha, jissottolineaw l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni, inklużi ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità inizjali. Dawn l-ideat jiġu vverifikati aktar tard kemm matul il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati kif ukoll fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt (VI). Id-dikjarazzjoni tas-sussidjarjetà għal kull proposta leġiżlattiva, kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll, hija ppreżentata fil-memorandum ta’ spjegazzjoni u mfakkra fil-premessi tal-proposta. Il-valutazzjonijiet tal-impatt, li jakkumpanjaw il-proposti b’impatti sinifikanti, jagħtu l-analiżi l-aktar dettaljata tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-kwalità ta’ din l-analiżi hija eżaminata bir-reqqa mill-Bord tal-VI.

    Fl-2011, il-Bord kompla jivvaluta l-valur miżjud tal-UE meta jiskrutinizza l-kwalità tal-VIs. Għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità naqsu ftit meta mqabbel mal-2010, dawn xorta dehru f'numru sinifikanti ta' opinjonijiet (43%). Il-Bord frekwentement talab għal ġustifikazzjoni aktar soda għall-bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, partikolarment:

    —        il-ħtieġa għal aktar evidenza ta' problemi li jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE. Fir-rigward tal-inizjattiva dwar Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, il-Bord talab dimostrazzjoni aħjar tal-eżistenza u l-kobor tal-falliment tas-suq u r-rilevanza tagħha għall-funzjonament tas-suq intern. Bl-istess mod, fil-każ tal-Istrateġija tal-UE għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, il-Bord talab li l-problemi assoċjati mal-kompetenza tal-UE, bħad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, issir distinta minn dawk il-problemi l-oħrajn fejn azzjoni fil-livell ta' Stat Membru tkun aktar xierqa.

    —        f'xi okkażjonijiet ikkonkluda li l-bażi tal-evidenza li turi l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-UE baqgħet dgħajfa pereżempju fil-każ imsemmi hawn ta’ inizjattiva dwar Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, li stmat li ‘ma kienx hemm biżżejjed ċarezza dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ kopertura sħiħa ta' ADR [ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim] kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Istat Membru’. B’mod simili, dwar l-inizjattiva għal aċċess għal kont bażiku ta' pagament, il-fehma tal-Bord kienet li kien għad hemm ħtieġa li jiġu murija b’mod aktar konvinċenti l-bżonn u l-proporzjonalità ta' strument vinkolanti tal-UE. Is-servizzi introduċew il-Kummenti tal-Bord fir-rapport finali tal-VI.

    2.2.        Parlamenti nazzjonali

    Il-mekkaniżmu għall-kontroll tas-sussidjarjetà jagħti lill-Parlamenti nazzjonali d-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar jekk abbozzi ta' atti leġiżlattivi, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE jikkonformawx mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Skont in-numru ta' opinjonijiet motivati li jikkonkludu li proposta tkun qed tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà[4], jiġifieri, jekk il-limiti minimi msemmija fl-Artikolu 7 tal-Protokoll jiġu konklużi fil-perjodu ta’ tmien ġimgħat, jistgħu jiskattaw l-hekk imsejħa "karta safra" jew "karta oranġjo". Dawn jinvolvu reviżjoni tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni u jistgħu jwasslu sabiex il-proposta leġiżlattiva relevanti tiġi emendata jew irtirata.

    Fl-2011, il-Kummissjoni rċeviet 64 opinjoni motivata mill-Parlamenti nazzjonali, żieda ta' kważi 75% meta mqabbla mal-2010, l-ewwel sena tal-operat tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà. Minkejja din iż-żieda, dawn l-64 opinjoni motivata għadhom jirrappreżentaw biss madwar 10% tan-numru totali ta’ 622 opinjonijiet li waslu għand il-Kummissjoni fl-2011 bħala parti minn djalogu politiku usa' tagħha mal-Parlamenti nazzjonali.

    Bħal fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid ta' kontroll tas-sussidjarjetà, il-punt fokali tal-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali għadu pjuttost differenti: l-64 opinjoni motivata li waslu fl-2011 kienu relatati ma’ 28 proposta differenti tal-Kummissjoni. Il-parti l-kbira tal-opinjonijiet motivati ffukaw fuq proposti leġiżlattivi fl-oqsma tat-tassazzjoni, l-agrikoltura, is-suq intern u l-ġustizzja. Il-proposti li attiraw l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati ikkonċernaw il-Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (disa’ opinjonijiet), l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali (sitta), il-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ (ħamsa) u Regolament dwar l-OKS Uniku (ħamsa). Il-Parlamenti nazzjonali l-iktar attivi fil-ħruġ ta’ opinjonijiet motivati kienu r-Riksdag Svediż, ix-Chambre des Députés Lussemburgiża (il-kamra tad-deputati) s-Sejm u s-Senat Pollakk.

    Fl-ebda każ tal-2011 ma ġew sodisfatti l-limiti biex jiskattaw il-karta s-safra jew dik oranġjo. Apparti mill-fajls imsemmija hawn fuq, il-maġġoranza l-kbira tat-28 proposta leġiżlattiva li dwarhom il-Parlamenti nazzjonali ħarġu opinjoni motivati fl-2011 siltu mhux aktar minn tliet opinjonijiet motivati. Fir-rigward tal-impenn politiku tagħha lill-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni wieġbet jew hija fil-proċess li tipprepara risposta għal kull opinjoni motivata fil-kuntest tad-djalogu politiku filwaqt li tieħu kont tad-diskussjonijiet u negozjati interistituzzjonali konsegwenti.

    Kull Parlament nazzjonali jagħżel il-proċedura interna tiegħu biex jadotta opinjonijiet motivati u l-format li fih dawn jintbagħtu lill-Kummissjoni. Dan huwa rifless fid-diversità kbira tal-formati, it-tul, u d-dettall u tal-atturi involuti fil-proċess ta’ adozzjoni. Minħabba li d-djalogu politiku u l-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà inevitabbilment jikkoinċidu sa ċertu punt, l-unika talba li l-President Barroso indirizza lill-parlamenti nazzjonali fl-ittra tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2009[5] kienet li "jagħmlu distinzjoni bejn aspetti ta' sussidjarjetà u kummenti dwar is-sustanza tal-proposta, u li jkunu kemm jista' jkun ċari fir-rigward tal-valutazzjoni tagħhom dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà”. Il-Kummissjoni se tkompli tenfasizza dan l-aħħar punt fil-kuntatti tagħha mal-Parlamenti nazzjonali.

    Minbarra l-aspetti aktar formali, il-kontenut u r-raġunament tal-opinjonijiet motivati mibgħuta lill-Kummissjoni fl-2011 ukoll varjaw. F'diversi każijiet, il-Parlamenti nazzjonali użaw argumenti sostantivi biex jiġġustifikaw ksur tas-sussidjarjetà, bħall-effetti negattivi potenzjali ta' proposta ta' miżura fuq is-sitwazzjoni ekonomika globali, waqt li oħrajn ibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq argumenti dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jew fuq allegatament bażi legali inkorretta jew mhux speċifikata. Fl-aħħarnett, il-Parlamenti nazzjonali f'diversi każijiet użaw opinjoni motivata biex jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-użu propost ta' atti delegati f'ċerti oqsma jew għan-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà fil-memorandum ta’ spjegazzjoni (ara l-kapitolu 3.1.). Kif iddikjarat fl-ittra msemmija hawn fuq tal-President Barroso, il-Kummissjoni ser "tqis kull opinjoni motivata li tqajjem oġġezzjonijiet dwar il-konformità ta' proposta leġiżlattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà (…), anke jekk l-opinjonijiet motivati differenti jipprovdu motivazzjonijiet differenti dwar in-nuqqas ta' konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà". F’konformità mal-interpretazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tqis li l-ħruġ ta' opinjoni motivata fuq proposta tal-Kummissjoni u l-argument li fuqu tkun bażata, jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà ta’ kull Parlament nazzjonali.

    Minħabba li xi opinjonijiet motivati li waslu fl-2011 enfasizzaw ġustifikazzjonijiet tas-sussidjarjetà insuffiċjenti jew nieqsa u xi wħud ikkonkludew li dan jikkostitwixxi ksur formali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha biex tiżgura li memoranda ta' spjegazzjoni tal-proposti leġiżlattivi kollha jaqgħu taħt l-ambitu tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà, ikun fihom ġustifikazzjoni xierqa tas-sussidjarjetà.

    2.3.        Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

    Il-leġiżlaturi għandhom ukoll responsabbiltà li jiżguraw il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u li jipprovdu ġustifikazzjoni kulfejn emenda li huma jipproponu taffettwa l-ambitu tal-azzjoni tal-UE.[6]

    Fil-Kunsill, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) jiżgura li l-prinċipji huma mħarsa.[7] Fil-Parlament Ewropew, ir-Regoli tal-Proċedura interni fihom Regola speċifika dwar "Eżami tar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà"[8], li tgħid li l-konformità hija vverifikata mill-kumitati responsabbli tad-dossiers leġiżlattivi speċifiċi, flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u li l-kumitat responsabbli ma jistax jieħu l-vot finali tiegħu qabel jiskadi l-limitu ta' żmien ta’ tmien ġimgħat.

    Għandu jiġi nnutat ukoll li fl-2011 il-Kummissjoni rċeviet għadd żgħir ta' mistoqsijiet parlamentari (32 minn aktar minn 12 000) li kkonċernaw kwistjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Huma prinċipalment koprew talbiet biex tiġi ssostanzjata l-konformità ta’ ċerti proposti tal-Kummissjoni ma' dawn il-prinċipji, u parzjalment tennew tħassib imqajjem minn istituzzjonijiet u atturi oħra.

    2.4.        Il-Kumitat tar-Reġjuni

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi l-opinjonijiet tiegħu jew meta jiġi kkonsultat jew fil-forma ta' opinjonijiet fuq inizjattiva proprja. Skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll, għandu wkoll id-dritt li jisfida taħt l-Artikolu 263 tat-TFUE il-validità tal-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda biss jekk ikun ġie kkonsultat bis-saħħa ta’ obbligu taħt it-TFUE.

    Monitoraġġ tas-sussidjarjetà mill-Kumitat huwa espress jew permezz tal-opinjonijiet tiegħu, l-attivitajiet tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (SMN) jew permezz ta' kontribuzzjonijiet li l-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi pprovdew lill-Parlamenti nazzjonali taħt il-qafas tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà. Il-mod li bih il-Parlamenti reġjonali li għandhom setgħat leġiżlattivi huma kkonsultati mill-Parlamenti nazzjonali tagħhom ivarja u f’dan ir-rigward il-limitu ta’ żmien ta' tmien ġimgħat joħloq sfida ewlenija. Ftit Parlamenti reġjonali bdew jibagħtu l-opinjonijiet tas-sussidjarjetà tagħhom direttament lill-Kummissjoni għall-informazzjoni.

    Għalkemm fl-2011 il-Kumitat m’osserva ebda ksur tas-sussidjarjetà, huwa saħħaħ ir-referenzi għall-prinċipju fl-opinjonijiet tiegħu u jippjana li jżid l-għadd ta’ evalwazzjonijiet tas-sussidjarjetà inklużi fl-opinjonijiet finali tiegħu. Huwa jkompli juża t-tabella tiegħu ta’ analiżi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

    In-Netwerk ta’ Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-Kumitat (SMN) sal-aħħar tas-sena 2011 inkluda 134 imsieħba. Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti partikolarment rigward il-parlamenti u l-gvernijiet reġjonali. Fl-2011 l-SMN wettaq konsultazzjonijiet immirati fuq ħames proposti tal-Kummissjoni (Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; Inqas Proċeduri Amministrattivi għaċ-Ċittadini; Ir-Reviżjoni tal-Politika tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja u l-Emissjonijiet; l-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Integrazzjoni tar-Roma[9]). Huwa nieda wkoll it-tieni Pjan ta' Azzjoni ffokat fuq il-politika TEN-T bil-għan li jidentifika l-aħjar prattiċi fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa.

    L-2011 rat ukoll it-tħejjijiet għat-tnedija tal-websajt REGPEX, li hija mfassla biex tgħin lir-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi jagħtu sehemhom fil-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà u biex jipprovdi sors ta’informazzjoni u skambju bejn il-parlamenti u l-gvernijiet reġjonali hekk kif huma jħejju l-analiżi tas-sussidjarjetà tagħhom. Il-websajt tnediet f’Marzu 2012[10].

    Fl-aħħarnett, il-Ftehim rivedut dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni, li dwaru nbdew in-negozjati fl-2011 u li ġie ffirmat fis-16 ta’ Frar 2012[11], jirrifletti r-rieda li tissaħħaħ iktar il-kooperazzjoni u l-iskambji f’termini tal-implimentazzjoni tal-Protokoll.

    2.5.        Il- Qorti tal-Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, hija kompetenti sabiex tirrevedi l-legalità tal-atti leġiżlattivi, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Protokoll jiddikjara li l-Kumitat tar-Reġjuni jew l-Istati Membri, huma nfushom jew f’isem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jressqu kawża quddiem il-Qorti.

    Is-sentenza, il-Lussemburgu vs Il-Parlament u l-Kunsill[12] ikkonfermat dak li diġà kien innotat fis-sentenza fuq ir-Regolament dwar ir-Roaming[13], koperta fir-rapport tal-2009. Fl-eżaminazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, il-Qorti se tħares lejn il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni.

    3.           Każijiet ewlwnin fejn tqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    Din it-taqsima tħares lejn il-proposti tal-Kummissjoni li ġġeneraw l-aktar diskussjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

    3.1.        Segwitu tal-każijiet imsemmija f’rapporti preċedenti

    Għal xi wħud mill-każijiet imsemmija f’rapporti preċedenti, bħad-Direttivi dwar l-Imposti tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni[14], il-Protezzjoni tal-Ħamrija[15], it-Trattament Ugwali barra mill-Impjieg[16] u l-Kultivazzjoni tal-Organiżmi Modifikati Ġenetikament, ma kien hemm l-ebda żviluppi sinifikanti fil-proċeduri leġiżlattivi li hemm għaddejjin matul l-2011. Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali, komplew id-diskussjonijiet fil-PE u l-Kunsill mingħajr ma ġew imqajma kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

    Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità,[17] imsemmija fir-rapport tal-2008, il-leġiżlaturi għadhom ma waslux għal ftehim. Fil-Kunsill ta’ Ġunju 2011, dwar Impjiegi, Politika soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-konsumatur, il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta’ progress li jinnota t-tħassib ta’ ċerti delegazzjonijiet li qed isejħu li tingħata konsiderazzjoni dovuta tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri differenti fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarità u d-diversità. Xi delegazzjonijiet fil-laqgħa fakkru d-dikjarazzjoni mniżżla fil-minuti minn tmien delegazzjonijiet fil-Kunsill ta’ Diċembru 2010, li pproponew li kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jiddeċiedi dwar il-livell ta’ protezzjoni filwaqt li jirrispetta ċerti rekwiżiti minimi, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kien hemm xi ilħna li talbu lill-Kunsill biex ma jkomplix bil-ħidma tiegħu dwar dan is-suġġett.

    Matul id-diskussjonijiet interistituzzjonali f’Diċembru 2011, intlaħaq ftehim dwar il-proposta li tikkonċerna d-Distibuzzjoni tal-Ikel lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, li kienet ġabret 3 opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali fl-2010. Il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-programm lil hinn mill-2013. Il-Kunsill ukoll laħaq ftehim politiku dwar il-kontinwazzjoni tal-iskema sal-2013. Fid-dikjarazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħadet nota tal-opinjoni ta' grupp sinifikanti tal-Istati Membri biex ma jkomplux il-programm lil hinn mill-2013. Madankollu, dan huwa bla preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni skont it-Trattat.

    Is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Frar 2012 adottat rapport dwar il-Proposta ta’ Skema ta' Garanzija tad-Depożiti, fejn ftehim fl-ewwel qari ma kienx possibbli. Din il-proposta ġabret 3 opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali fl-2010. Madankollu, kemm ir-rapporteur, is-Sur Simon (S&D/DE), kif ukoll il-Presidenza Daniża tal-Kunsill esprimew ir-rieda tagħhom li jwettqu negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim bikri fit-tieni qari.

    Fl-aħħarnett, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur ġiet adottata formalment mill-Kunsill f'Ottubru 2011.

    3.2.        Każijiet oħrajn fejn ġiet diskussa s-sussidjarjetà

    Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB[18])

    F’Marzu 2011 il-Kummissjoni proponiet sistema komuni għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa ta' negozji li joperaw fl-UE. L-għan ta' din il-proposta huwa li tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv, titrasferixxi l-ispejjeż tal-konformità tal-prezzijiet, tippermetti solljev transkonfinali tat-telf għat-taxxa u tindirizza inċertezzi legali li l-intrapriżi Ewropej jaffaċċjaw bħalissa billi jkollhom jaffaċċjaw sa 27 sistema nazzjonali differenti għad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tagħhom.

    Din il-proposta attirat l-ogħla numru ta’ opinjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali matul l-2011, fejn b’kollox waslu 17-il opinjoni, disgħa minnhom kienu opinjonijiet motivati skont il-Protokoll, jiġifieri bl-argument li l-proposta kienet bi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minħabba li l-opinjonijiet motivati li waslu rrappreżentaw biss 13-il vot, – l-hekk imsejħa “proċedura tal-karta s-safra", li teħtieġ mill-inqas 18-il vot, ma skattatx.

    Barra nuqqasijiet allegati fil-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà, diversi Parlamenti nazzjonali kienu kkonċernati li l-proposta kienet qed tirregola qasam ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Huma qalu li din taffettwa negattivament l-Istati Membri għaliex ma jkunux intitolati li jużaw it-taxxa korporattiva bħala strument sabiex isaħħu l-impjiegi u t-tkabbir. Huma kkunsidraw li hija ċċaħħad l-Istati Membri mill-vantaġġi kompetittivi individwali tagħhom u tiġġenera pressjoni indiretta fuq ir-rati tat-taxxa nazzjonali, li jwassal għal tnaqqis baġitarju u tnaqqis fid-dħul mit-taxxa. Barra minn hekk, żewġ opinjonijiet motivati qajmu l-kwistjoni tal-proporzjonalità fejn qalu li l-proposta kienet tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u twassal għal żewġ sistemi differenti tat-taxxa korporattiva li jirriżultaw f’piż amministrattiv żejjed.

    Fit-tweġibiet tagħha lill-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni rrimarkat li l-qasam preżenti tat-tassazzjoni jaqa’ taħt kompetenza maqsuma u l-Artikolu 115 tat-TFUE jipprovdi bażi legali għal miżuri f'dan il-qasam. Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni adottat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati l-impedimenti fiskali u disparitajiet li jirriżultaw prinċipalment mill-frammentazzjoni tas-suq intern tal-Unjoni f'27 sistemi fiskali distinti. In-negozji qed jiffaċċjaw dawk l-ostakoli meta joperaw fi ħdan is-suq intern. Is-CCCTB hija mistennija li tiġġenera ffrankar għall-kumpaniji u hekk tħeġġeġ l-espansjoni transkonfinali mhux biss ta’ gruppi multinazzjonali eżistenti iżda wkoll għall-kumpaniji purament domestiċi, inklużi l-SMEs li attwalment ma jistgħux jaffordjaw li jistabbilixxu ruħhom in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Għalhekk, is-CCCTB għandha l-għan li tiġġenera effetti pożittivi tal-iskala u li tinkoraġġixxi l-investiment fin-negozju transkonfinali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li l-proposta ma taffettwax is-sovranità tal-Istati Membri biex jistabbilixxu rati tat-taxxa individwalment, minħabba li dan jitħalla jiġi trattat permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Il-proposta, li taqa' taħt proċedura leġiżlattiva speċjali attwalment qed tiġi diskussa fil-Kunsill. Il-Parlament Ewropew ta opinjoni favorevoli għall-proposta fid-19 ta’ April 2012.

    Introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali[19]

    Il-proposta għal regolament adottata f'Settembru 2011, li tibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2011, hija maħsuba biex issaħħaħ il-governanza taż-żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni (iż-żona ta’ Schengen). Hija għandha l-għan li tippermetti li jkun hemm rispons effettiv għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jpoġġu l-funzjonament kumplessiv tal-kooperazzjoni ta’ Schengen f’riskju, mingħajr, madankollu, ma tipperikola l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni.

    Il-Kummissjoni rċeviet 11-il opinjoni mill-Parlamenti nazzjonali dwar din il-proposta, 6 minnhom kienu opinjonijiet motivati. Il-Parlamenti nazzjonali argumentaw li l-proposta tindaħal fuq l-isfera tas-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri, li huma f’qagħda aħjar biex jivvalutaw u jiddeċiedu dwar il-possibbiltà ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri. Barra minn hekk, ċerti Parlamenti nazzjonali kkunsidraw li l-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx ġustifikat kif xieraq. Argumenti mqajma mill-Parlamenti nazzjonali kienu wkoll ripetuti fid-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar din il-proposta.

    Fit-tweġibiet tagħha lil dawk il-parlamenti nazzjonali li kienu qajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà, il-Kummissjoni ffukat fuq il-fatt li ż-żona Schengen hija assi komuni għall-UE kollha, u għalhekk kull deċiżjoni li taffettwaha għandha tittieħed fil-livell tal-UE u mhux individwalment. Ir-regoli li jirregolaw il-ħolqien u ż-żamma ta’ żona bħal din mingħajr fruntieri interni huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, u kwalunkwe eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu għandha ssir f'dak il-livell. Il-Kummissjoni argumentat ukoll li l-proposta tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà sovrana tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

    Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri[20]

    Il-Kummissjoni rċeviet għaxar opinjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali dwar din il-proposta, il-maġġoranza kkonkludew li l-proposta tal-Kummissjoni kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, ħames kmamar ikkunsidraw il-proposta bħala mhux konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba t-tul sproporzjonat perċepit tal-perjodu taż-żamma tad-dejta proposta.

    4.           Konklużjonijiet

    Bħal fis-snin preċedenti, il-maġġoranza tal-proposti tal-Kummissjoni kienu adottati mill-koleġiżlaturi mingħajr diskussjonijiet sinifikanti dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Fl-2011 il-limiti minimi għall-hekk imsejħa “karta s-safra” u “karta oranġjo” ma ntlaħqux u perċentwal żgħir biss (madwar 10%) tal-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-djalogu politiku kienu opinjonijiet motivati fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll, jiġifieri li ddikjaraw ksur tas-sussidjarjetà. Fl-istess ħin, f’każijiet fejn il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kienet iddubitata, il-fehmiet tal-istituzzjonijiet u atturi oħra involuti xi kultant varjaw ħafna.

    Il-kunċetti ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità huma elementi fundamentali tal-proċess tal-iżvilupp ta’ politiki tal-Istituzzjonijiet tal-UE; u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jibqgħu l-mezz ewlieni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità matul il-fażi preleġiżlattiva; il-Bord tal-VI għandu rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Madankollu, il-prattika istituzzjonali turi li l-mod li bih dawn il-prinċipji huma interpretati u applikati matul il-fażi leġiżlattiva spiss jiddependi fuq il-kuntest politiku, li jenfasizza għalhekk id-dimensjoni politika tagħhom.

    Il-mod li bih il-maġġoranza tal-Parlamenti nazzjonali jimplimentaw il-Protokoll u jużaw il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà enfasizza l-karattru primarjament politiku ta’ din l-għodda l-ġdida, fatt, li l-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat f’ittra tal-President Barroso tal-1 ta’ Diċembru 2009.

    Il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà serva biex il-proċess isir aktar trasparenti u għen biex b'mod ċar il-politiki tal-UE jidħlu fid-dibattitu pubbliku fl-Istati Membri, u hekk jitqajjem għarfien pubbliku dwar dawn il-kwistjonijiet.

    ANNESS

    Lista ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni li dwarhom il-Parlamenti nazzjonali ressqu opinjonijiet motivati dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-2011

    || Titolu || Kmamar nazzjonali li ressqu opinjonijiet motivati

    1. || Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB), COM (2011) 121 || UK House of Commons BG Narodno Sabranie SE Riksdag NL Tweede Kamer PL Sejm ML Kamra tad-Deputati IE Dail Eireann RO Camera Deputaţilor SK Národná Rada

    2. || Introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali, COM(2011)560 || FR Assemblée nationale Iż-żewġ Kmamar NL PO Assembleia da República SE Riksdag RO Senatul SK Národná Rada

    3. || Ir-Regolament waħdieni dwar l-OKS, COM (2010)799 || PL Sejm PL Senat DK Folketing LU Chambre des Députés SE Riksdag

    4. || Il-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ, COM (2011)635 || AT Bundesrat DE Bundestag UK House of Commons BE Sénat BE Chambre des Représentants

    5. || Ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati, COM(2011)127 || PL Senat PL Sejm RO Senatul IT Senato della Repubblica

    6. || Rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-kreditu, COM (2011)452 || UK House of Commons SE Riksdag FR Sénat

    7. || Taxxa fuq it-Tansazzjonijiet Finanzjarji Komuni, COM(2011)594 || CY Vouli ton Antiprosopon SE Riksdag MT Kamra tad-Deputati

    8. || Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020), COM(2011)608 || Iż-żewġ Kmamar NL SE Riksdag DK Folketing

    9. || Rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-verifika statutorja ta' entitajiet ta' interess pubbliku - COM(2011)779 || BE Chambre des Représentants SK Národná Rada SE Riksdag

    10. || L-istandards tal-marketing, COM(2010)738 || LU Chambre des Députés PL Senat

    11. || Ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, COM(2011)169 || BG Narodno Sabranie Iż-żewġ Kmamar ES

    12. || Koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ privattiva unitarja tal-protezzjoni, COM(2011)215 u fil-qasam tal-ħolqien ta’ privattiva unitarja tal-protezzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, COM(2011)216 || IT Camera dei Deputati Both ES Chambers

    13. || Id-Direttiva dwar l-effiċjenza tal-Enerġija, COM(2011)370 || FI Eduskunta SE Riksdag

    14. || L-aċċess għall-attività u s-superviżjoni supplementari tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, ditti tal-assigurazzjoni f'konglomerat finanzjarju, COM(2011)453 || SE Riksdag RO Camera Deputaţilor

    15. || Ir-regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, COM(2011)625 || DE Bundesrat LU Chambre des Députés

    16. || L-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), COM(2011)627 || DE Bundesrat (joint with the reasoned opinion on COM(2011)625) LU Chambre des Députés

    17. || Ir-Regolament dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lil persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni, COM(2011)634 || SE Riksdag UK House of Lords

    18. || Relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, COM(2010)728 || PL Sejm

    19. || L-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni, COM(2010)745 || PL Senat

    20. || Ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, COM(2010)748 || Both NL Chambers

    21. || Interkonnessjoni ta’ reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji, COM(2011)79 || PL Sejm

    22. || Il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, COM(2011)126 || IT Senato della Repubblica

    23. || Ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, COM(2011)353 || IT Senato della Repubblica

    24. || Id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta'                prodotti tal-inbid aromatizzat, COM(2011)530 || LU Chambre des Députés

    25. || Mekkaniżmu għall-iskambju tat-tagħrif rigward ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-Enerġija, COM(2011)540 || LU Chambre des Députés

    26. || Il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni, COM(2011)609 || SE Riksdag

    27. || Dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006, COM(2011)614 || LU Chambre des Députés

    28. || Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006, COM(2011)615 || IT Camera dei Deputati

    [1]               COM (2012) 375

    [2]               Kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni intelliġenti usa' kienu indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)543

    [3]               L-aċċess għall-pjanijiet direzzjonali huwa permezz tal-Websajt tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt (VI): http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm.

    [4]               Opinjoni motivata hija definita bħala opinjoni mibgħuta minn Parlament nazzjonali lill-Kummissjoni (jew il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment – skont liema istituzzjoni tkun proponiet il-leġiżlazzjoni rispettiva) fi żmien il-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fil-Protokoll u jiddikjaraw ksur tas-sussidjarjetà.

    [5]               http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/index_fr.htm

    [6]               Ara l-Ftehim Interistituzzjonali dwar is-sussidjarjetà (ĠU C 329, 6.12.1993, p. 132).

    [7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35.

    [8]               Regola 38a

    [9]               COM(2011)665, COM(2010)747, SEC(2011)342, COM(2011)370 u 173 rispettivament

    [10]             http://extranet.cor.europa.eu/subsidiarity/regpex/Pages/default.aspx

    [11]             http://cor.europa.eu/en/about/interinstitutional/Documents/EN.pdf

    [12]             Il-Kawża C-176/09,

    [13]             Kawża C-58/8 Vodafone Ltd, Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG, Orange Personal Communications Services Ltd vs is-Segretarju tal-Istat għan-Negozju, Intrapriża u Riforma Regolatorja dwar ir-Regolament tal-KE Nru. 717/2007.

    [14]             COM(2009) 217. Minn hemm ‘il quddiem, id-dettalji dwar diskussjonijiet interistituzzjonali jistgħu jinsabu fid-database tal-PreLex: http://ec.europa.eu/prelex/apcnet.cfm.

    [15]             COM(2006) 232.

    [16]             COM(2008) 426.

    [17]             COM(2008) 637.

    [18]             COM(2011)121

    [19]             COM(2011)560

    [20]             COM(2011)32

    Top