Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0154

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni

/* COM/2012/0154 final */

52012DC0154

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni /* COM/2012/0154 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni

INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea hija bbażatata fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt. Is-suċċess tagħha fil-kisba ta’ bosta mill-għanijiet tagħha kif stabbiliti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni jiddependi mill-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri. Bħala l-garanti tat-Trattati, il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol vitali tal-kwerelant biex jgħin lill-Kummissjoni tidentifika ksur tal-liġi tal-Unjoni. Fl-2002 il-Kummissjoni stabbiliet il-proċeduri li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħha ma’ kwerelanti fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni[1]. Minn dakinhar, il-Kummissjoni tejbet u espandiet il-metodi ta’ reġistrar u pproċessar ta’ korrispondenza mingħand kwerelanti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni mill-Istati Membri. Sabiex tirrifletti dawn il-bidliet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi u taġġorna l-Komunikazzjoni tagħha tal-2002.

Iċ-CHAP (Complaint handling/Accueil des plaignants (Servizz għall-kwerelanti)), għodda tal-IT li ġiet introdotta f’Settembru 2009, tippermetti lill-Kummissjoni tirreaġixxi aktar direttament għall-interessi taċ-ċittadini, tan-negozju u tas-soċjetà ċivili. L-ilmenti kollha huma rreġistrati f’din l-applikazzjoni. Tintbagħat konferma tar-riċevuta, li tindika li korrispondenza ġiet irreġistrata bħala lment, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol mill-wasla tal-ilment. Qabel, il-korrispondenza kienet irreġistrata biss wara valutazzjoni tal-kontenut tagħha. Is-segwitu għall-ilment jibqa’ ggwidat min-natura tal-kwistjoni mqajma, ir-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat, l-impatt prevedibbli tiegħu u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” [COM(2007)502 finali].

Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa neċessarju li jiġu aġġornati ċerti termini tal-Komunikazzjoni preċedenti li ġew modifikati mit-Trattat. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu ċċarati d-diverġenzi fost il-verżjonijiet lingwistiċi differenti fil-Komunikazzjoni preċedenti[2].

Il-Kummissjoni tistipula f’din il-Komunikazzjoni l-miżuri amministrattivi għall-benefiċċju tal-kwerelant li hija timpenja ruħha li tirrispetta meta tittratta l-ilment tiegħu u tevalwa l-ksur allegat ikkonċernat.

Dawn il-miżuri għall-benefiċċju tal-kwerelant li huma s-suġġett ta’ din il-Komunikazzjoni ma jbiddlux in-natura bilaterali tal-proċedura ta’ ksur stabbilita mill-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE u l-Artikolu 106a tat-Trattat EURATOM. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali biex tiddeċiedi jekk[3] u meta għandha[4] tibda proċedimenti ta’ ksur u jekk u meta[5] għandha tirreferi każ lill-qorti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni li teskludi d-dritt għal individwi li jeħtiġuha biex jadottaw pożizzjoni speċifika[6].

Kif il-Qorti kellha l-okkażjoni li tispjega, "id-danni kkawżati minn istituzzjonijiet nazzjonali (…) jistgħu biss jagħtu lok għal responsabbiltà min-naħa ta’ dawk l-istituzzjonijiet, u l-qrati nazzjonali jibqgħu l-uniċi kompetenti sabiex jordnaw kumpens għal tali danni"[7]. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li tiġi enfasizzata l-importanza u possibbilment jissaħħu l-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali, li jippermettu lill-kwerelanti biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom b’mod aktar dirett u personali[8].

Fl-aħħarnett, fil-qasam tal-proċedimenti ta’ ksur, il-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti stipulati mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[9], kif implimentat mid-diżpożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2001 li temenda r-regoli ta’ proċedura tagħha[10] u kif interpretat mill-Qorti[11].

1. Definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni

“Ilment” ifisser kwalunkwe approċċ bil-miktub lill-Kummissjoni li jindika miżuri, nuqqas ta’ miżura jew prattiċi ta’ Stat Membru li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni.

"Kwerelant" ifisser kull persuna jew korp li jressaq ilment mal-Kummissjoni.

“Proċedimenti ta’ ksur” jfisser il-fażi prekontenzjuża tal-proċeduri għal nonkonformità li tinbeda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom).

L-approċċ deskritt hawnhekk għandu japplika għar-relazzjonijiet bejn il-kwerelanti u l-Kummissjoni f’konnessjoni mal-miżuri jew prattiċi li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 258 tat-TFUE. M’għandux japplika għal ilmenti relatati ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, partikolarment l-ilmenti li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat koperta bl-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jew mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999[12].

2. Prinċipji Ġenerali

Kulħadd jista’ jressaq ilment mal-Kummissjoni mingħajr ħlas kontra xi Stat Membru dwar kwalunkwe miżura (liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva), nuqqas ta’ miżura jew prattika minn Stat Membru li jqisu inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

Il-kwerelanti m’għandhomx għalfejn juru interess formali biex iressqu il-proċedimenti; lanqas ma jridu jagħtu prova li huma prinċipalment u direttament ikkonċernati mill-miżura, in-nuqqas ta’ miżura jew il-prattika li dwarha jkun sar l-ilment.

Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet elenkati taħt il-punt 3, il-Kummissjoni se tirreġistra korrispondenza bħala lment skont l-indikazzjonijiet tal-awtur tagħha kif jirriżultaw mill-korrispondenza.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk għandhiex tieħu azzjoni ulterjuri dwar l-ilment.

3. Reġistrazzjoni tal-ilmenti

Kwalunkwe lment dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru għandu jiġi rreġistrat fl-applikazzjoni ċentrali għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-applikazzjoni").

Il-korrispondenza m’għandhiex tkun investigabbli bħala lment mill-Kummissjoni, u għalhekk m’għandhiex tkun irreġistrata fl-applikazzjoni, jekk:

–          tkun anonima, ma jkunx fiha l-indirizz ta’ min ikun bagħtha jew ikun fiha indirizz inkomplet;

–          ma tkunx tirreferi, b’mod espliċitu jew impliċitu, għal Stat Membru li għalih il-miżuri jew il-prattika kontra l-liġi tal-Unjoni jistgħu jiġu attribwiti;

–          tiddenunzja l-atti jew l-omissjonijiet ta’ persuna privata jew korp privat, sakemm il-miżura jew l-ilment ma jkunux jiżvelaw l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew jallegaw in-nuqqas tagħhom li jaġixxu b’reazzjoni għal dawk l-atti jew l-omissjonijiet. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni għandha tivverifika il-korrispondenza tiżvelax imġiba li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni (l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE);

–          ma tkunx tispeċifika lment;

–          tistipula lment li fir-rigward tiegħu il-Kummissjoni tkun adottat pożizzjoni ċara, pubblika u konsistenti, li għandha tiġi kkomunikata lill-kwerelant;

–          tistipula lment li jaqa b’mod ċar barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

4. Konferma tar-riċevuta

Il-Kummissjoni għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-ilmenti kollha fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn meta jaslulha. Din il-konferma tar-riċevuta għandha tinkludi n-numru tar-reġistrazzjoni, li għandu jiġi kkwotat f’kull korrispondenza.

Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti fir-rigward tal-istess ksur, il-konfermi tar-riċevuta individwali jistgħu jiġu ssostitwiti b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server Europa tal-Unjoni.

Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tirreġistrax il-korrispondenza fl-applikazzjoni, hija għandha tinnotifika lill-awtur b’dan b’ittra ordinarja li tistipula raġuni waħda jew diversi raġunijiet minn fost dawk elenkati fit-tieni paragrafu tal-punt 3.

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant bi kwalunkwe forma alternattiva possibbli ta’ rimedju, bħal rikors lill-qrati nazzjonali, lill-Ombudsman Ewropew, l-Ombudsman nazzjonali jew kwalunkwe proċedura oħra għall-ilmenti nazzjonali jew internazzjonali.

5. Metodi ta’ kif jiġi ppreżentat ilment

Sabiex jiġu reġistrati fl-applikazzjoni, l-ilmenti għandhom jintbagħtu bil-miktub, permezz ta’ ittra, faks jew email.

Għandhom jiġu miktubin f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Sabiex jiħaffef l-ipproċessar tal-ilmenti, huwa rrakkomandat li tintuża formola standard għall-ilmenti, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[13] u disponibbli mill-Kummissjoni fuq talba jew fuq is-sit tal-Kummissjoni, fuq is-server tal-Unjoni Ewropea (EUROPA) fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/eu_law/your_rights/your_rights_forms_mt.htm

Hemm anness mal-formola li jistipula l-prinċipji ġenerali tal-proċedimenti ta’ ksur u jenfasizza li kwalunkwe sejba ta’ infrazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda effett fuq id-drittijiet tal-kwerelant. Il-kwerelanti huma mistiedna wkoll, fl-anness, biex jużaw il-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali.

L-ilmenti bil-miktub dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru jistgħu jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni bil-posta fl-indirizz "1049 Brussell, il-Belġju" jew bl-email lil SG-PLAINTES@ec.europa.eu, jew jiġu ppreżentati f’wieħed mill-uffiċċji tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.

6. Protezzjoni tal-kwerelant u d-dejta personali

L-iżvelar tal-identitajiet tal-kwerelanti u l-informazzjoni mressqa minnhom lill-Istat Membru kkonċernat huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tagħhom minn qabel u jrid jikkonforma, fost affarijiet oħra, mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[14].

7. Komunikazzjoni mal-kwerelanti

Wara li jiġi rreġistrat, ilment jista’ jiġi eżaminat ulterjorment b’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant b’dan bil-miktub.

Jekk sussegwentement jitniedu l-proċedimenti ta’ ksur abbażi ta’ lment, il-Kummissjoni tikkuntattja lill-kwerelanti u tinfurmahom bil-miktub, dwar kull pass proċedurali (avviż formali, opinjoni motivata, referenza lill-Qorti jew l-għeluq tal-każ).

Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server Europa tal-Unjoni Ewropea.

Fi kwalunkwe punt matul il-proċedura l-kwerelanti jistgħu jitolbu biex jispjegaw jew jiċċaraw lill-Kummissjoni, immedjatament u bi spejjeż tagħhom, ir-raġunijiet għall-ilment tagħhom.

8. Limitu taż-żmien għall-investigazzjoni tal-ilmenti

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tinvestiga l-ilmenti bil-ħsieb li tieħu deċiżjoni biex jew toħroġ avviż formali jew inkella tagħlaq il-każ, fi żmien mhux aktar minn sena mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-ilment.

Fejn dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż, il-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant bil-miktub fuq talba tiegħu.

9. Eżitu tal-investigazzjoni ta’ lmenti

Wara l-investigazzjoni tal-ilment, il-Kummissjoni tista’ jew toħroġ avviż formali li jtiftaħ il-proċeduri kontra l-Istat Membru inkwistjoni, jew tagħlaq il-każ definittivament.

Il-Kummissjoni se tiddeċiedi fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fuq il-ftuħ jew it-tmiem ta’ proċedura ta’ ksur.

Il-kwerelanti se jiġu mgħarrfa bil-miktub bid-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni b’konnessjoni mal-ilment tagħhom u kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni.

Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server Europa tal-Unjoni Ewropea.

10. L-għeluq tal-każ

Sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu miżuri urgenti, fejn huwa previst li ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni oħra fuq ilment, il-Kummissjoni tagħti lill-kwerelant avviż bil-quddiem dwar dan f’ittra li tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom qed tipproponi li l-każ jingħalaq u tistieden lill-kwerelant biex iressaq il-kummenti tiegħu fi żmien erba’ ġimgħat.

Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server Europa tal-Unjoni Ewropea.

Fejn il-kwerelant ma jweġibx, jew fejn il-kwerelant ma jistax jiġi kkuntattjat għal raġunijiet li għalihom huwa responsabbli, jew fejn il-kummenti tal-kwerelant ma jikkonvinċux lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha, il-każ jingħalaq.

Fejn il-kummenti tal-kwerelant jikkonvinċu lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha, l-investigazzjoni tal-ilment titkompla.

Il-kwerelant jiġi infurmat bil-miktub dwar id-deċiżjoni tal-għeluq meħuda mill-Kummissjoni.

11. Pubbliċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ksur

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każijiet ta’ ksur huma ppublikati fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom fuq is-sit tal-internet tas-Segretarjat Ġenerali, f'dan l-indirizz:       

http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_decisions_mt.htm

Id-deċiżjonijiet li tingħata opinjoni motivata lil Stat Membru jew li każ jiġi riferut lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu ppublikati wkoll permezz ta’ stqarrija għall-istampa, sakemm il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni mod ieħor.

12. Aċċess għal dokumenti dwar każijiet ta’ ksur

L-aċċess għal dokumenti dwar każijiet ta’ ksur huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif implimentat mid-diżpożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom[15].

13. Ilment lill-Ombudsman Ewropew

Fejn kwerelant iqis li, fit-trattament tal-ilment tiegħu jew tagħha, il-Kummissjoni kienet ħatja ta’ amministrazzjoni ħażina għaliex naqset milli ssegwi kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija hawn fuq, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman Ewropew skont l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE.

[1]               COM (2002) 141 finali tal-20.3.2002.

[2]               Fit-test emendat, il-kliem "le cas échéant" fil-punt 4 li kienu skorrettement tradotti bil-kliem "where necessary" fil-verżjoni EN, huma mibdula bil-kliem "in such cases". Il-kliem "upon his request" fil-punt 8 li ma ġewx tradotti fil-verżjonijiet EN u SE reġgħu ġew inseriti fit-test.

[3]               Ara b’mod partikulari: is-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1989 fil-Kawża C-329/88, il-Kummissjoni vs il-Greċja [1989] Ġabra p. 4159; is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1990 fil-Kawża C-200/88, il-Kummissjoni vs il-Greċja [1990] Ġabra p. I 4299; is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999 fil-Kawża C-207/97, il-Kummissjoni vs il-Belġju [1999] Ġabra p. I 275; is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1999 fil-Kawża C 212/98 il-Kummissjoni vs l-Irlanda [1999] Ġabra p. I 8571; is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000 fil-Kawża C-236/99, il-Kummissjoni vs ir-Renju tal-Belġju, [2000] Ġabra p. I-05657. is-Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2002 fil-Kawża C-383/00, il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, [2002] Ġabra p. I-04219.

[4]               Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994 fil-Kawża C-317/92, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1994] Ġabra I 2039; is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 fil-Kawża C-422/92, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1995] Ġabra I 1097.

[5]               Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża c-562/07, il-Kummissjoni vs Spanja [2009] Ġabra I-9553.

[6]               Ara s-sentenza tal-14 ta' Settembru 1995 fil-Kawża T-571/93; Lefebvre et vs il-Kummissjoni [1995] Ġabra p. II 2379.

[7]               Ara s-sentenza tas-26 ta' Frar 1986 fil-Kawża 175/84, Krohn & Co. Import – Export Gmbh & Co. KG vs il-Kummissjoni [1986] Ġabra p, 753.

[8]               Ara wkoll aktar proposti f’dan il-kuntest fil-Komunikazzjoni “Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar,"[COM (2012)95 finali] tas-7.3.2012.

[9]               ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

[10]             ĠU L 345, 29.12.2001, p. 94.

[11]             Ara f’dan ir-rigward: is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1997 fil-Kawża T-105/95, il-Kummissjoni vs WWF UK,[1997] Ġabra p. II–313; is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2001 fil-Kawża T-191/99, il-Kummissjoni vs Petrie et [2001] Ġabra p. II-3677; is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et / API u l-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P).

[12]             ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

[13]             ĠU C 119, 30.4.1999, p. 5.

[14]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[15]             ĠU L 345, 29.12.2001, p. 94.

Top