Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR2076

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni”

ĠU C 139, 17.5.2013, p. 46–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/46


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni”

2013/C 139/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Ir-reġjuni u l-bliet ilaqqgħu flimkien, fi ħdan it-territorju tagħhom, l-atturi ewlenin tat-trijangolu tal-innovazzjoni, taħlita ta’ akkademiċi, universitajiet, riċerkaturi u diversi komunitajiet ekonomiċi u industrijali matul katini ta’ valur u netwerks ta’ valur differenti fil-kamp tal-innovazzjoni. Huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka fl-innovazzjoni u fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas adatti għal ambjenti innovattivi;

japprezza li l-Komunikazzjoni ssemmi b’mod speċifiku d-dimensjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-istrumenti tal-programm “Kapaċitajiet” tas-Seba’ Programm Qafas (FP7), u jappella għall-viżibilità tal-kollaborazzjoni internazzjonali tar-riċerka fil-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, filwaqt li titqies l-esperjenza pożittiva tal-programm “Reġjuni tal-Għarfien” u din tintrabat mal-inizjattivi futuri taż-ŻER-NET;

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali trid tkun dejjem ibbażata fuq prinċipji komuni dwar l-integrità tar-riċerka, id-dimensjoni tal-ġeneru, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-aċċess miftuħ u l-proprjetà intellettwali. Għandha titqies ukoll id-dimensjoni tal-klima u ambjentali, li hija marbuta mal-“iżvilupp sostenibbli”;

jenfasizza r-rilevanza reġjonali u l-benefiċċji sinifikanti (potenzjali) tal-infrastrutturi tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi. Huma jipprovdu l-faċilitajiet (riżorsi komputazzjonali u ta’ komunikazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, strumenti remoti u ġabriet tad-data) meħtieġa biex titwettaq kollaborazzjoni fir-R&I ta’ livell dinji ikun xi jkun il-pajjiż jew il-post ġeografiku tagħhom.

Relatur

Markku MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku

COM(2012) 497 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rilevanza għal-livell lokali u reġjonali u għall-KtR

1.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Ir-reġjuni u l-bliet ilaqqgħu flimkien, fi ħdan it-territorju tagħhom, l-atturi ewlenin tat-trijangolu tal-innovazzjoni, taħlita ta’ akkademiċi, universitajiet, riċerkaturi u diversi komunitajiet ekonomiċi u industrijali matul katini ta’ valur u netwerks ta’ valur differenti fil-kamp tal-innovazzjoni. Huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka fl-innovazzjoni u fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas adatti għal ambjenti innovattivi. Huma jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta’ ambjent reġjonali li jħeġġeġ l-innovattività u l-iskoperta intraprenditorjali. Barra minn hekk, f’ħafna każi, amministrazzjonijiet lokali u reġjonal għandhom poteri leġislattivi u jiġestixxu r-riżorsi finanzjarji għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni;

2.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partijiet interessati importanti fil-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-politiki tagħhom għandhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka u l-istabbiliment ta’ ambjenti innovattivi (universitajiet, ċentri tat-teknoloġija, inkubaturi tan-negozji, parks tax-xjenza u ambjenti li huma favorevoli għall-kapital tar-riskju) kapaċi jiġbdu lejhom xjentisti u innovaturi u joħolqu l-kundizzjonijiet materjali u operattivi għal tkabbir qawwi tal-kapital intellettwali.

Kummenti ġenerali

3.

jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, meta wieħed iqis li l-objettivi tal-azzjonijiet proposti ma jistgħux jintlaħqu kompletament mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistemi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom filwaqt li l-azzjonijiet fil-livell tal-UE se jġibu magħhom benefiċċju ċar. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu evitati sforzi ta’ frammentazzjoni li jqumu ħafna flus, l-Unjoni trid tikkomplementa l-approċċ miftuħ ta’ Orizzont 2020 b’azzjonijiet immirati sabiex jiġu żgurati skala u ambitu ottimali;

4.

ifakkar li l-għarfien u l-innovazzjoni qed isiru iktar internazzjonali fi ħdan netwerks ta’ valur globali u japprezza l-importanza li jingħaqdu flimkien il-ħsieb fuq livell globali u l-azzjoni lokali;

5.

ifakkar li l-istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-twettiq ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Unjoni tal-Innovazzjoni, bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, tenfasizza r-rwol importanti tal-kooperazzjoni internazzjonali fit-twettiq tal-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-Ewropa;

6.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija parti essenzjali fl-istabbiliment taż-ŻER u l-ħames oqsma ewlenin tagħha;

7.

japprezza li l-Komunikazzjoni ssemmi b’mod speċifiku d-dimensjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-istrumenti tal-programm “Kapaċitajiet” tas-Seba’ Programm Qafas (FP7), u jappella għall-viżibilità tal-kollaborazzjoni internazzjonali tar-riċerka fil-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, filwaqt li titqies l-esperjenza pożittiva tal-programm “Reġjuni tal-Għarfien” u din tintrabat mal-inizjattivi futuri taż-ŻER-NET;

8.

jappoġġja baġit ambizzjuż għall-Orizzont 2020 u jfakkar li huma meħtieġa sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra li jindirizzaw l-internazzjonalizzazzjoni. Se jkun importanti l-użu tal-istrumenti adatti tal-Orizzont 2020 għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz kbir li għamlet il-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara qafas ċar, konċiż u komprensiv bħala l-bażi għal approċċ aktar strateġiku li jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

10.

japprova l-ħarsa ġenerali strutturata tajjeb u konċiża fil-Komunikazzjoni tal-istrumenti u l-kontropartijiet (potenzjali) għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka;

11.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali dejjem irid ikollha valur miżjud għall-UE;

12.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali trid tkun dejjem ibbażata fuq prinċipji komuni dwar l-integrità tar-riċerka, id-dimensjoni tal-ġeneru, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-aċċess miftuħ u l-proprjetà intellettwali. Għandha titqies ukoll id-dimensjoni tal-klima u ambjentali, li hija marbuta mal-“iżvilupp sostenibbli”;

13.

jidentifika tliet punti globali ta’ rilevanza reġjonali fil-Komunikazzjoni, li huma d-diplomazija tax-xjenza, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-infrastrutturi tar-riċerka.

Il-ħtieġa għal valur miżjud fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI)

14.

huwa konvint li l-għadd kbir ta’ inizjattivi minn Stati Membri u reġjuni mingħajr koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra jwassal xi kultant għal inizjattivi li ma jkunux konnessi internament u li ma jwasslux għall-massa kritika meħtieġa. Għaldaqstant huwa importanti li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn l-aġenda Ewropea dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali ta’ innovazzjoni;

15.

jirrikonoxxi li hemm bżonn li l-attivitajiet tal-Istati Membri individwali jiġu allinjati iżjed, u f’dan il-kuntest valur miżjud addizzjonali jista’ joriġina mill-kooperazzjoni mar-reġjuni. Huwa fl-interess tar-reġjuni u l-bliet innifishom li jipprovdu appoġġ konkret għaż-ŻER u li, permezz tal-funzjoni federali tagħhom fi struttura tal-ispiral triplu, jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas adatti sabiex jiġu attratti investimenti tar-riċerka internazzjonali u riċerkaturi barranin eċċellenti;

16.

sabiex tkun attur importanti fix-xena dinjija, jeħtieġ li l-Ewropa tikkonċentra fuq soluzzjonijiet innovattivi li jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà. F’dan ir-rigward, il-KtR jinsisti fuq l-importanza ta’ approċċ ibbażat fuq is-suq u ggwidat mid-domanda, u jinsisti wkoll fuq il-missjoni essenzjali tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju biex jittraduċu r-riċerka akkademika (internazzjonali) f’applikazzjonijiet prattiċi u jiżguraw il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

17.

jenfasizza r-rwol li l-gvernijiet nazzjonali Ewropej, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jintalbu jaqdu sabiex jittrasformaw l-Ewropa f’realtà integrata mdaqqsa, kapaċi tikkompeti f’dinja globalizzata u tipparteċipa fi djalogu ma’ pajjiżi iktar industrijalizzati minnha (bħall-Istati Uniti u l-Ġappun), ma’ ekonomiji ġodda emerġenti (bħall-BRICS), u ma’ pajjiżi fil-viċinat u li qed jiżviluppaw;

18.

isejjaħ għal definizzjoni iktar espliċita ta’ “reġjun” fil-Komunikazzjoni, possibiliment bid-deżinjazzjoni ta’ reġjuni supranazzjonali u reġjuni sottonazzjonali;

19.

jemmen li r-reġjuni huma f’pożizzjoni privileġġjata biex jorbtu l-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni ma’ politiki orizzontali u tematiċi: jiġġestixxu t-territorji tagħhom, jieħdu ħsieb kwistjonijiet ambjentali u ta’ sigurtà, jiżviluppaw pjani u jipprovdu servizzi – jista’ jinħoloq valur miżjud fir-rigward ta’ ideat u approċċi ġodda u soluzzjonijiet ta’ teknoloġija innovattiva.

Il-globalizzazzjoni tal-industrija u tar-RŻI: strumenti u r-rilevanza reġjonali tagħhom

20.

jirrikonoxxi li l-kompetizzjoni globali ma tikkonċernax biss il-pajjiżi iżda wkoll sistemi reġjonali kbar fejn ikun hemm distretti, clusters industrijali mmexxija mir-riċerka, netwerks tan-negozju u parks kummerċjali: id-dimensjoni reġjonali hija msejħa tikkompeti u tikkoopera fil-livell internazzjonali ma’ sistemi simili f’partijiet oħra tad-dinja;

21.

jaħseb li l-Orizzont 2020 jista’ jkun opportunità importanti biex jiġi maħsub mill-ġdid ir-rwol u l-kontribut li jistgħu jkollhom gvernijiet reġjonali għall-kostruzzjoni ta’ sistema Ewropea kapaċi treġġi l-kompetizzjoni globali;

22.

jenfasizza l-ħtieġa għall-appoġġ tal-kunċett tal-governanza f’diversi livelli fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-RŻI li fih ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol ewlieni mal-Istati Membri u l-Unjoni;

23.

jenfasizza l-importanza ta’ netwerks reġjonali għall-kooperazzjoni fir-RŻI interreġjonali u internazzjonali tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Netwerks reġjonali jagħtu lill-atturi reġjonali u lokali l-lok biex jiġbru l-massa kritika meħtieġa ta’ ideat, kompetenzi, mezzi finanzjarji biex jipparteċipaw f’kollaborazzjonijiet tar-RŻI u jissieħbu f’intrapriżi internazzjonali ta’ skala kbira. Netwerks huma modi b’saħħithom ħafna kif jinġabru flimkien riżorsi, għarfien espert u esperjenza u kapaċitajiet differenti. L-operaturi tar-RŻI u l-partijiet interessati tagħhom b’konnessjonijiet tajba joħolqu ekosistemi favorevoli għal kooperazzjoni internazzjonali grazzi għall-ħtieġa li wieħed ikollu dejjem aktar konnessjonijiet globali u minħabba li t-tendenza hija lejn realtajiet territorjali li huma marbuta ma’ post speċifiku.

Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (SFIC)

24.

jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, li jottimizza l-użu ta’ riżorsi nazzjonali, Ewropej u globali, u jevita d-duplikazzjoni ta’ attivitajiet;

25.

japprezza l-isforz tal-SFIC biex jipprovdi ħarsa ġenerali strutturata tajjeb ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali żviluppati mill-Istati Membri, bħala parti mill-politiki u l-programm tagħhom stess;

26.

ifakkar fil-kontribut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu lill-SFIC, meta jkollhom kompetenzi u riżorsi istituzzjonali biex jieħdu l-inizjattiva u jwettqu kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. Diversi reġjuni tal-UE huma pjuttost attivi permezz ta’ ftehimiet, rappreżentazzjonijiet barra mill-pajjiż u attivitajiet kofinanzjati. Ċentri tan-Negozju u tat-Teknoloġija Ewropej stabbiliti barra huma eżempju ta’ inizjattivi barra mill-UE fejn atturi reġjonali huma involuti b’mod attiv;

27.

jaħseb li billi l-kooperazzjoni ta’ reġjuni Ewropej ma’ pajjiżi barra mill-UE ta’ sikwit issir sew jekk huma u sew jekk mhumiex disponibbli l-fondi tal-UE, sabiex ikunu kompatibbli u jaħdmu lejn l-istess miri, għandha tiġi studjata strateġija ta’ koordinazzjoni mal-SFIC;

28.

ifakkar li, mil-lat tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi li huma l-eqreb biex jagħrfu atturi fir-riċerka u kumpaniji innovattivi li – b’loġika minn isfel għal fuq – jiddeċiedu jekk huwa utli li jkunu preżenti f’ċerti pajjiżi jew reġjuni u jikkooperaw mal-atturi lokali;

29.

jemmen li hija importanti l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali/federali/reġjonali/lokali f’attivitajiet internazzjonali iżda l-Istati Membri (jew ir-reġjuni li jistabbilixxu u jwettqu l-politika) għandhom jibqgħu l-atturi responsabbli ewlenin f’dan il-qasam; fejn jiġu identifikati prijoritajiet komuni fir-rigward ta’ pajjiżi/reġjuni terzi, huwa evidenti l-valur miżjud ta’ inizjattivi konġunti Ewropej ikkoordinati;

30.

jaħseb li huwa importanti approċċ strateġiku, bi pjan direzzjonali pluriennali, iżda ma jridx ikun riġidu żżejjed: hija meħtieġa l-flessibilità sabiex l-Istati Membri jew ir-reġjuni jkunu jistgħu jagħmlu adattamenti ġustifikati fl-allokazzjoni ta’ mezzi nazzjonali/federali/reġjonali.

Sistemi għall-ġbir tal-informazzjoni

31.

jitlob li jibqa’ infurmat dwar, u possibilment involut fis-sistema proposta għall-ġbir tal-informazzjoni, li tista’ tintuża bħala sors wieħed ta’ kontribuzzjoni għar-riċerka strateġika u l-aġendas tal-innovazzjoni fil-qafas tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

32.

jirrikonoxxi li l-ispeċjalizzazzjoni xjentifika dinjija u l-kwalità relattiva joħolqu opportunitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali abbażi ta’ komplementaritajiet, u jirrakkomanda l-isforzi ppreżentati fil-Komunikazzjoni għall-immappjar tal-punti b’saħħithom fix-xjenza u dawk dgħajfa fuq livell supranazzjonali;

33.

isejjaħ biex dan l-eżerċizzju ta’ mappjar jiġi estiż għal-livell sottonazzjonali wkoll, possibbilment li jsiru żviluppi fuq is-sistemi ta’ informazzjoni li diġà jeżistu; jinnota l-importanza ta’ skambji mal-imsieħba globali fir-rigward tal-konfigurazzjoni u l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni bħal pereżempju l-European ERA-watch u l-bażijiet tad-data tal-Amerika ta’ Fuq bħal STAR metrics, COMETS u ORCID;

34.

jirrikonoxxi l-potenzjal ta’ dawn is-sistemi ta’ informazzjoni fir-rigward tal-identifikar ta’ vantaġġi (teknoloġiċi) komparattivi, u fil-għoti ta’ kontribut dwar id-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fir-rigward ta’ sinerġiji, komplementaritajiet u sħubijiet; għar-reġjuni interessati f’kooperazzjoni ma’ reġjuni jew pajjiżi mhux fl-UE, din l-informazzjoni tista’ tagħti kontribut rilevanti għad-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

35.

ifakkar li netwerks Ewropej interkonnessi, li jaġixxu bħala komunità, il-ħin kollu jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom permezz ta’ valutazzjonijiet minn pari, tagħlim komparattiv, valutazzjonijiet komparattivi u l-immappjar ġeografiku tal-innovazzjoni Ewropea, u jistgħu jagħtu kontribut rilevanti.

Punti ġenerali oħrajn ta’ rilevanza reġjonali

36.

jirrikonoxxi li hija pożittiva l-idea li wieħed jiffoka fuq temi fejn il-kooperazzjoni internazzjonali tagħmel differenza, b’mod partikolari fi ħdan l-infrastruttura globali tar-riċerka. Id-diplomazija tax-xjenza u l-ispeċjalizzazzjonijiet huma kwistjonijiet oħra rilevanti għall-attivitajiet internazzjonali tar-R&I tal-UE;

37.

ifakkar li mudelli globali kollaborattivi bbażati fuq l-innovazzjoni miftuħa, l-Internet u netwerks soċjali onlajn, clusters, attivitajiet internazzjonali konġunti, pjattaformi tat-teknoloġia maqsuma, Living labs u inizjattivi kollaborattivi bejn komunitajiet huma għodod fantastiċi għal attivitajiet internazzjonali miftuħa u msejsa fuq il-kollaborazzjoni.

Infrastrutturi tar-riċerka

38.

jaqbel li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka strateġiċi għandu dimensjoni internazzjonali ta’ kollaborazzjoni inerenti Huwa kruċjali t-twaqqif ta’ infrastrutturi koerenti (fiżiċi u mhux fiżiċi) għat-tisħiħ tal-potenzjal tal-innovazzjoni ta’ territorji f’dimensjoni globali;

39.

jenfasizza r-rilevanza reġjonali u l-benefiċċji sinifikanti (potenzjali) tal-infrastrutturi tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi. Huma jipprovdu l-faċilitajiet (riżorsi komputazzjonali u ta’ komunikazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, strumenti remoti u ġabriet tad-data) meħtieġa biex titwettaq kollaborazzjoni fir-R&I ta’ livell dinji ikun xi jkun il-pajjiż jew il-post ġeografiku tagħhom;

40.

ifakkar li l-infrastrutturi elettroniċi globali jikkostitwixxu element ewlieni ta’ żona diġitali tar-riċerka Ewropea miftuħa għall-bqija tad-dinja: jistgħu jagħtu kontribut għall-indirizzar tal-isfidi globali tar-riċerka;

41.

jirrakkomanda l-konsultazzjoni ta’ reġjuni u awtoritajiet lokali fit-tfassil tal-pjan direzzjonali ESFRI (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka).

Id-diplomazija tax-xjenza

42.

jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija strument importanti ta’ “poter tal-persważjoni” (soft power) u mekkaniżmu għat-titjib tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin;

43.

jenfasizza r-rwol tad-diplomazija tax-xjenza, b’mod partikolari iżda mhux neċessarjament limitat għall-iżgurar tad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-politika Ewropea tal-viċinat il-ġdida. Sħubijiet ta’ S&T bireġjonali ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jikkomplementaw il-politiki u l-istrumenti esterni tal-Unjoni billi jinbnew sħubijiet għall-iżvilupp sostenibbli kapaċi jindirizzaw sfidi globali;

44.

ifakkar li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni ma’ pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji emerġenti jistgħu joħolqu opportunitajiet ta’ negozju u jiftħu swieq ġodda għall-atturi tan-negozju lokali u reġjonali. Il-bażi tad-data ERA-Watch, bl-informazzjoni tagħha skont il-pajjiż dwar l-internazzjonalizzaazzjoni tal-kooperazzjoni S&T, tista’ tgħin lir-reġjuni jidentifikaw suġġetti għal kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll ma’ reġjuni li mhumiex fl-UE fejn kollaborazzjonijiet f’dan il-qasam jistgħu jkunu ta’ benefiċċji reċiproku.

Speċjalizzazzjoni

45.

ifakkar fil-potenzjal tal-ispeċjalizzazzjoni xjentifika li kapaċi tiftaħ opportunitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali abbażi tal-komplementaritajiet;

46.

jirrimarka dwar l-importanza kruċjali tad-dimensjoni internazzjonali tal-Istrateġiji tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3), bħala xprun importanti għal aktar investimenti u opportunitajiet kemm għar-reġjuni Ewropej kif ukoll għal pajjiżi terzi;

Sfidi soċjetali globali

47.

jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni globali fix-xjenza u l-innovazzjoni hija importanti u li l-Orizzont 2020 jista’ jippermetti rispons xjentifiku effettiv għall-isfidi globali;

48.

jenfasizza l-kontribut importanti li r-reġjuni jistgħu jagħtu fl-indirizzar ta’ sfidi soċjetali, permezz tal-politika, programmi koordinati u attivitajiet konġunti maħsuba f’qafas sinerġetiku mal-istrumenti esterni nazzjonali u tal-UE;

49.

ifakkar fl-importanza tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali bħala atturi kruċjali għal ekosistemi effettivi u effiċjenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fejn clusters u l-aqwa għarfien espert Ewropew (universitajiet lokali, l-industrija, l-SMEs, aġenziji reġjonali tar-riċerka/żvilupp...) jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni msejsa fuq id-domanda u l-opportunitajiet, jiġu riżolti problemi mid-dinja reali u jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali internazzjonali ewlenin.

Brussell, 12 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top