EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0628

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir- “Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istima tal-impatt fuq l-ambjent (EIA)”

ĠU C 218, 30.7.2013, p. 42–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/42


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-“Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istima tal-impatt fuq l-ambjent (EIA)”

2013/C 218/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob li l-proċedura koordinata u l-proċedura konġunta għandhom ikunu ta’ natura volontarja u mhux obbligatorja kif propost mill-Kummissjoni Ewropea; jappella biex ikun hemm iktar ċarezza legali, l-Artikolu 2(3) jindika b’mod ċar liema testi oħra tal-liġi tal-UE jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni;

l-introduzzjoni ta’ obbligu mingħajr eċċezzjoni li jiġi implimentat il-proċess ta' definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ġiet rifjutata. Ir-responsabbiltà li jiġu żgurati kamp ta’ applikazzjoni u livell ta’ dettall adatti fir-rapport ambjentali hija f’idejn l-iżviluppatur;

iqis li d-Direttiva dwar l-EIA għandha takkomoda diversi sistemi ta’ verifika tar-rapporti ambjentali stabbiliti fl-Istati Membri, inkluż dawk fejn il-verifika tar-rapporti ssir internament mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-awtoritajiet tal-ambjent;

jilqa' l-introduzzjoni ta' skadenza minima għall-konsultazzjoni ta' 30 jum skont l-Artikolu 6(7). Madankollu, l-introduzzjoni ta' skadenzi, li jmorru lil hinn minn dan il-perjodu minimu, għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri;

jitlob li tiġi modifikata l-proposta taħt l-Artikolu 8(1) dwar id-deċiżjoni tal-għoti tal-permessi għall-iżvilupp biex takkomoda is-sistemi differenti li jeżistu fl-Istati Membri u jirrakkomanda li, bħala miżura li tikkontribwixxi għall-kwalità tal-EIA u b’hekk l-effikaċja tagħha, id-Direttiva tispeċifika l-perjodu li matulu tkun valida l-EIA;

jikkritika t-twaqqif ta’ perjodi ta’ żmien vinkolanti għad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għall-proġetti (Artikolu 8(3)). It-tħaffif tal-proċess permezz tal-istabbiliment tal-qafas ta' żmien ippjanat jista' jinkiseb aħjar mis-sistemi nazzjonali divrenzjati tal-Istati Membri;

jitlob li r-regoli tranżizzjonali jiġu stabbiliti b'tali mod li, għal proġetti fi stadju avvanzat tal-proċeduri, l-EIA ssir skont ir-regoli tad-Direttiva attwali dwar l-EIA.

Relatur

Is-Sur SOWA (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun amministrattiv ta’ Małopolska

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

COM(2012) 628 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.    Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza li f’ħafna aspetti, l-emendi proposti għall-qafas legali tal-istimi tal-impatt fuq l-ambjent huma neċessarji u mixtieqa. Madankollu, jenfasizza li kwalunkwe bidla għandha ssib bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku. Proċeduri eċċessivament twal għal deċiżjoni dwar il-kunsens għall-iżvilupp jistgħu jheddu l-interessi ekonomiċi u soċjali u jistgħu jfixklu l-kompetittività tal-UE kollha kemm hi; f’ħafna każijiet ma jkunux favorevoli għall-ħarsien ambjentali u għal saħħet in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-bidliet biex jiżguraw il-kwalità u proċeduri u dokumenti konsistenti għandhom jiġu implimentati b’mod li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod effiċjenti u effettiv;

2.

madankollu, jinnota li hemm dubji serji dwar xi bidliet li jtawlu l-perjodu tal-istadji ewlenin tal-proċess;

3.

ifakkar li r-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-EIA ser ikollha impatt konsiderevoli fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ser ikollhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-miżuri proposti. Għall-kuntrarju tal-istennija tal-Kummissjoni Ewropea, il-KtR jemmen li ħafna mill-bidliet proposti fid-Direttiva dwar l-EIA jistgħu jżidu l-piż amministrattiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali mil-lat tal-organizzazzjoni, tal-ġestjoni u tal-infiq. F’dan il-kuntest, il-KtR iħeġġeġ li jiġi evitat kwalunkwe trasferiment ta’ responsabbiltà mill-iżviluppaturi għall-awtorità kompetenti;

4.

jisħaq li kwalunkwe żieda fl-ispejjeż jew fil-piż amministrattiv tal-awtoritajiet pubbliċi għandha titqabbel mal-benefiċċji soċjoekonomiċi u ambjentali tal-bidliet proposti, sabiex fil-perjodu t-twil il-benefiċċji jkunu ikbar mill-ispejjeż;

5.

jenfasizza li d-Direttiva tista’ tagħti l-frott biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali jistabbilixxu strutturi istituzzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u li jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa b’tali mod li d-dipartimenti kollha responsabbli, b’mod partikolari dawk ambjentali, ikunu jistgħu jiġu involuti b’mod attiv. Huwa jenfasizza l-bżonn persistenti li jkomplu jiġu żviluppati l-kapaċitajiet fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fejn għandha tiġi inkluża kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn iċ-ċentri nazzjonali eżistenti tal-EIA;

6.

jappella għal iktar konsistenza fit-terminoloġija fit-test kollu tal-abbozz ta' Direttiva u fl-annessi tagħha, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali;

7.

jappoġġja l-intenzjoni li tiżdied il-kwalità tar-rapporti ambjentali; iżda d-Direttiva dwar l-EIA għandha takkomoda s-sistemi differenti ta’ verifika tar-rapporti ambjentali stabbiliti fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

8.

jemmen li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ma jakkomodawx biżżejjed is-sistemi differenti tal-EIA li jeżistu fl-Istati Membri, pereżempju l-proċedura tal-EIA integrata jew separata mill-proċedura għall-kunsens tal-iżvilupp;

B.    Kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 1)

9.

jitlob kjarifika dwar it-twessigħ tad-definizzjoni ta’ proġett fl-Artikolu 1(2) biex din tkun tinkludi l-proġetti ta’ demolizzjoni. Il-KtR huwa tal-fehma li jekk l-intenzjoni tad-dispożizzjoni hi li tintroduċi EIA potenzjali għax-xogħlijiet ta’ demolizzjoni f’kull proġett elenkat fl-Anness I jew II, dan jista’ jwassal għal żieda sostanzjali fil-piż amministrattiv. Il-KtR jaħseb li l-obbligu tat-twettiq ta’ EIA għal proġett ta’ demolizzjoni għandu jkun limitat għall-każijiet definiti b’mod ċar fl-Annessi I u II, għad-demolizzjoni jew iż-żarmar tal-proġett fi tmiem il-ħajja tiegħu jew għal xogħlijiet ta’ demolizzjoni meħtieġa biex jitwettaq tali proġett;

10.

jitlob li d-definizzjoni ta' “awtorizzazzjoni” kif ukoll l-użu tagħha fit-test jerġgħu jiġu analizzati peress li t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi (Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern) wasslu biex fl-Istati Membri jitneħħa l-bżonn li jinkisbu awtorizzazzjonijiet minn qabel għall-iżvilupp ta' ċerti servizzi, li nbidel b'kontrolli li jsiru wara;

11.

jilqa' l-fatt li l-“proġetti li l-għan ewlieni tagħhom huwa d-difiża nazzjonali jew ir-reazzjoni għal emerġenzi ċivili” ser ikunu eżentati mill-obbligu tal-EIA; sabiex id-dispożizzjoni ma tintużax b'mod ħażin u ma jkunx hemm wisq proġetti li jiġu eżentati mill-EIA, id-Direttiva tista' tinkludi lista ta' eżempji ta’ proġetti bħal dawn għall-emerġenzi ċivili, fejn jiġu kkunsidrati wkoll il-proġetti fil-qafas tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

12.

jiddeplora li l-proposta ma tinkludix reviżjoni tal-Annessi I u II u b'hekk tonqos milli tieħu l-opportunità biex tirrevedihom u biex, fejn ikun hemm bżonn, tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom abbażi tal-esperjenzi li nsiltu s'issa; itenni l-appell tiegħu għat-twaqqif ta’ livelli limitu minimi tal-UE, sabiex ikun hemm iktar ċarezza legali. Dan għandu jnaqqas id-differenzi f’kif jiġu ttrattati l-kumpaniji fl-UE u l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-diversi Stati Membri. Jinnota li meta jiġu stabbiliti livelli limitu, xi Stati Membri ħafna drabi jaqbżu l-marġni tad-diskrezzjoni, jew billi jqisu biss xi wħud mill-kriterji tal-għażla fl-Anness III jew billi jeżentaw xi proġetti minn qabel. Armonizzazzjoni tal-livelli limitu għandha tikkunsidra wkoll il-livelli limitu u l-kriterji li jintużaw mid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali;

C.    Punt uniku ta’ servizz (proċeduri koordinati jew konġunti) – Artikolu 2(3)

13.

iqis li l-proċedura koordinata u l-proċedura konġunta għandhom ikunu ta’ natura volontarja u mhux obbligatorja kif propost mill-Kummissjoni Ewropea;

14.

jappella li biex ikun hemm iktar ċarezza legali, l-Artikolu 2(3) jindika b’mod ċar liema testi oħra tal-liġi tal-UE jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni;

15.

jirrimarka li t-twaqqif ta’ punt uniku ta’ servizz għall-EIA m'għandux jinvolvi żieda fil-persunal u fl-ispejjeż li hija piż sproporzjonat meta mqabbel mal-vantaġġ li tista’ toffri l-implimentazzjoni tal-istimi tal-impatt fuq l-ambjent; jitlob kjarifika dwar jekk id-dispożizzjoni li “L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità waħda, li tkun responsabbli biex tiffaċilita l-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp għal kull proġett” tapplika biss għall-proġetti koperti mill-proċedura koordinata jew konġunta, jew tapplikax ukoll għal kull proġett. F’ċerti Stati Membri ser ikun ferm diffiċli li jikkonformaw ma’ obbligu ta’ dan it-tip minħabba l-ġerarkija u l-kompetenzi speċifiċi ħafna tal-awtoritajiet differenti involuti f’dan il-proċess. Għall-Istati Membri fejn il-proċedura tal-EIA hija integrata fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp u li titwettaq mill-awtorità inkarigata mill-kunsens għall-iżvilupp, tkun ħaġa tajba li jiġi ċċarat li l-“awtorità waħda” msemmija tista’ tkun ukoll din l-awtorità;

D.    Elementi ġodda li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (Artikolu 3), fil-proċedura ta’ skrinjar (Anness III) u fir-rapport ambjentali (Artikolu 5(1), Anness IV)

16.

jappella għal iktar konsistenza bejn it-terminoloġija u l-livell ta’ dettall fl-Artikolu 3 u fl-Annessi III u IV. Il-fatturi elenkati fl-Artikolu 3 għandhom jiġu deskritti f’iktar dettall, f’koordinazzjoni mal-Anness IV, pereżempju fir-rigward tal-użu u t-teħid tal-art, l-ekosistemi u l-funzjonijiet tagħhom kif ukoll “ir-riskji ta’ diżastri naturali u dawk kawżati mill-bniedem”; jitlob li ċertu listi (pereżempju l-punt 5 “Deskrizzjoni tal-effetti sinifikanti”) ikunu iktar komprensivi sabiex ma jkomplix jinfirex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istimi;

17.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, mill-iktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva riveduta, tippubblika dokumenti ta’ gwida li jinkludu l-metodoloġiji biex jiġi determinat l-impatt lokali tal-proġetti fuq it-tibdil fil-klima, kif ukoll l-esponiment, il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza ta’ ambjent partikolari għar-riskji ta’ diżastri naturali u dawk kawżati mill-bniedem;

18.

għalhekk jappella biex fl-aħħar paragrafu tal-punt 5 tal-Anness IV jiddaħħlu għanijiet ambjentali stabbiliti fil-livell lokali jew reġjonali;

19.

jappoġġja l-appell tal-Kunsill għal kjarifika dwar it-terminu “alternattivi raġonevoli” li jintuża fid-Direttiva, u dwar il-valutazzjoni tal-istat tal-ambjent f’każ li ma jiġix implimentat il-proġett (xenarju bażi). L-alternattivi raġonevoli għandhom ikunu biss dawk proporzjonati mal-għanijiet, li jikkonformaw ma’ leġislazzjoni oħra tal-UE, jew li jikkorrispondu mal-istadju ta’ ppjanar u t-tip ta’ proġett individwali;

E.    Proċedura ta’ skrinjar – Artikolu 4, Anness II.A, Anness III

20.

bi pjaċir jilqa’ l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea biex tissemplifika l-proċedura ta’ skrinjar u ttejjeb il-konsistenza tal-approċċi tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-EIA ikunu mitluba biss fejn huwa ċar li hemm impatti ambjentali sinifikanti;

21.

jikkritika ċerti dispożizzjonijiet ġodda li jagħtu l-impressjoni li l-proċedura ta’ skrinjar hija xi tip ta’ “EIA żgħira”. L-Annessi IIA u III jfissru li fil-prattika għandu jitressaq rapport li jivvaluta jekk il-proġett għandux effetti sinifikanti jew le. Id-differenza hi li ma ssir l-ebda valutazzjoni ta’ alternattivi hawnhekk. Minflok, l-iskrinjar għandu jinkludi lista ta’ kontroll li tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mekkaniżmi sempliċi biex jeskludu l-iżviluppi bl-ebda impatt sinifikanti. Barra minn hekk, skont l-emenda proposta għall-Artikolu 4(3), għal kull proġett elenkat fl-Anness II, l-applikant huwa mistenni jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-proġett, l-impatt potenzjali tiegħu fuq l-ambjent u l-miżuri previsti biex jiġu evitati u mnaqqsa l-effetti sinifikanti, b’konformità mal-informazzjoni fl-Anness II.A. Dan imur kontra s-soluzzjoni permessa mill-Artikolu 4(2) fejn l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-paragrafi (a) u (b). Barra minn hekk ta’ min wieħed jiċċara l-użu tal-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) u li jiġi deċiż jekk l-Istati Membri jistgħux jiffissaw huma stess dawn il-livelli fuq il-bażi tal-kriterji li hemm fl-Anness III jew jekk humiex iffissati mid-Direttiva;

22.

jirrimarka wkoll li l-Anness III rigward il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(4) ikompli b’diversi modi jsaħħaħ il-liġi attwali. Apparti bosta eżempji dettaljati u konkreti, l-Anness III jinkludi wkoll diversi kriterji addizzjonali li għandhom jitqiesu (riskji ta’ diżastri naturali, impatti fuq it-tibdil fil-klima u żoni agrikoli ta’ valur naturali kbir, eċċ.) u wħud minnhom mhumiex relatati b’mod dirett mal-proġett u jmorru saħansitra lil hinn mill-programm ta’ stima stabbilit fid-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni. It-tibdil fil-klima pereżempju jinvolvi żviluppi mifruxa fuq skala kbira li diffiċli tiddeskrivihom f’termini ta’ post u żmien, u li għalissa jistgħu jiġu simulati biss b'mudelli tal-kompjuter li jqumu ħafna flus. Fil-livell tal-proġett, l-impatti lokali tal-klima s'issa kienu qed jiġu kkunsidrati f'każ ta' bżonn. Jekk il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ser jibdew jiffukaw fuq it-tibdil fil-klima fuq skala ikbar, hemm ir-riskju li l-iżviluppaturi jkollhom jiffaċċjaw spejjeż għoljin u dan b’riżultati tekniċi dubjużi u li jidhru sproprozjonati minħabba l-importanza marġinali tal-proġetti puntwali u lineari għall-iżvilupp fil-qasam tal-klima. Għalhekk jitlob li fil-konklużjoni jiġu implimentati biss il-proġetti li jaqgħu taħt dawn ir-regoli; jirrimarka li t-tibdil pjanat imur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet u kriterji addizzjoni tmur kontra l-premessa 11 tad-Direttiva dwar l-EIA li tgħid li l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jieħdu deċiżjonijiet korretti anke fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali. L-għadd tal-kriterji li jridu jiġu rispettati u l-livell tad-dettall imorru lil hinn minn dak li jista’ jiġi stabbilit b’mod vinkolanti fil-livell tal-UE;

F.    Id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 5(2)

23.

bi pjaċir jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni ta' definizzjoni obbligatorja tal-kamp ta' applikazzjoni tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KtR dwar it-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċess tal-EIA; madankollu, l-introduzzjoni ta’ obbligu għall-każijiet kollha, mingħajr eċċezzjoni, li jiġi implimentat il-proċess ta' definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ġiet rifjutata. Ir-responsabbiltà li jiġu żgurati kamp ta’ applikazzjoni u livell ta’ dettall adatti fir-rapport ambjentali hija f’idejn l-iżviluppatur; għandhom jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali għall-iżviluppaturi u l-awtoritajiet involuti;

24.

jirrakkomanda li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiġi komplementata bl-introduzzjoni ta’ linji gwida mill-Kummissjoni Ewropea jew mil-livell nazzjonali għall-kontenut fis-setturi individwali, fejn dan jgħin biex jiżgura l-kwalità ta’ EIA u l-ġbir tal-aspetti rilevanti kollha għad-deċiżjonijiet;

25.

jikkritika l-proposta fl-Artikolu 5(2)(a) dwar id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li jridu jinkisbu u (c) dwar l-awtorità kompetenti li tiddefinixxi l-istadji individwali tal-proċedura u l-perjodu ta’ żmien tagħhom u (d) dwar alternattivi raġonevoli għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu;

G.    It-tisħiħ tal-kwalità tar-rapport ambjentali – Artikolu 5(3)

26.

iqis li l-obbligu tal-garanzija tal-kwalità tar-rapport ambjentali għandu jibqa’ l-obbligu tal-iżviluppatur. Għandha tinżamm id-distinzjoni bejn il-garanzija tal-kwalità fit-tħejjija tar-rapporti mill-iżviluppaturi u dik tal-kontroll tar-rapporti mill-awtorità kompetenti; madankollu jirrikonoxxi li l-kontroll tal-kwalità tar-rapporti jrid jissaħħaħ biex jiġu żgurati analiżijiet indipendenti mill-iżviluppatur;

27.

iqis li d-Direttiva dwar l-EIA għandha takkomoda diversi sistemi ta’ verifika tar-rapporti ambjentali stabbiliti fl-Istati Membri, kif ukoll fl-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-sistemi li nħolqu ma jaħdmux biss f’kooperazzjoni ma’ esperti esterni u kumitati ta’ esperti, kif tirrifletti l-proposta tal-Kummissjoni, imma anke ma’ sistemi oħra, kif isir ħafna drabi fl-Istati Membri antiki, fejn il-verifika tar-rapporti ssir internament mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-awtoritajiet tal-ambjent;

H.    Konsultazzjoni pubblika – Artikoli 6 u 7

28.

iqis li d-Direttiva dwar l-EIA hi strument ewlieni għall-parteċipazzjoni lokali u reġjonali pubblika biex jiġi żgurat li l-għarfien lokali jiġi inkluż, u fl-istess ħin jiġu nnotati l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż u l-ħiliet; għaldaqstant jilqa' l-introduzzjoni ta' skadenza minima għall-konsultazzjoni ta' 30 jum skont l-Artikolu 6(7); madankollu, l-introduzzjoni ta' skadenzi, li jmorru lil hinn minn dan il-perjodu minimu, għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri. Inkella, il-proċess jista' jkun imtawwal eċċessivament għal ħafna kumpaniji u żviluppaturi pubbliċi, għaliex hemm ir-riskju li l-pubbliku kkonċernat jinsisti li jiġi eżawrit il-perjodu mogħti ta' 60 jum sa massimu ta' 90 jum previst fl-Artikolu 6(7). Dawn l-iskadenzi massimi jagħmluha diffiċli biex il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jiġu integrati fil-proċess ta' approvazzjoni u tmur kontra l-objettiv li jitħaffef l-ippjanar. L-istabbiliment tal-qafas ta' żmien li huma ntiżi biex iħaffu l-proċess jista' jinkiseb aħjar mis-sistemi nazzjonali divrenzjati tal-Istati Membri;

29.

fid-dawl tal-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati, u b’konformità mal-prinċipju li kull deċiżjoni għandha tittieħed mingħajr dewmien mhux ġustifikat, il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi limiti ta’ żmien raġonevoli biex tingħadda l-informazzjoni u biex jitħejjew il-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

I.    Il-kunsens għall-iżviupp ta’ proġett – Artikolu 8

30.

jenfasizza li d-dispożizzjonijiet il-ġodda fl-Artikolu 8(1) għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw is-sistemi differenti tal-EIA li jeżistu fl-Istati Membri. F’xi Stati Membri l-EIA hija proċedura separata tal-awtoritajiet tal-ambjent, fejn il-kunsens għall-iżvilupp li jinħareġ minn awtorità differenti jiġi wara l-permess tal-EIA u jrid ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-permess tal-EIA. Fi Stati Membri oħra l-EIA tagħmel parti mill-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp;

31.

jiġbed l-attenzjoni għal kritika oħra li d-dispożizzjonijiet il-ġodda fl-Artikolu 8 ma jqisux biżżejjed is-sistema integrata stabbilita f’xi Stati Membri, peress li dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu prekundizzjonijiet materjali ġodda, ħaġa li twassal għal irduppjar jew kontradizzjonijiet bejn il-liġi tal-UE u dik nazzjonali tas-settur. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jagħmlu parti mid-Direttiva dwar l-EIA li hija meqjusa bħala waħda ta’ natura proċedurali biss;

32.

jiġbed l-attenzjoni li jista’ jkun hemm problemi proċedurali fir-rigward tad-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 8(2) li, jekk jiġi deċiż li proġett ser ikollu impatti ambjentali negattivi konsiderevoli, l-awtorità kompetenti, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ambjent u l-iżviluppatur għandhom iqisu jekk ir-rapport ambjentali għandux jiġi rivedut u l-proġett modifikat, u jekk hemmx bżonn miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni jew kumpens;

33.

jiġbed l-attenzjoni li l-perjodu twil meħtieġ biex jinkiseb il-kunsens għall-iżvilupp jagħti lok għal theddida reali li jiġi applikat b’mod frekwenti l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva emendata, li jistabbilixxi li qabel ma tittieħed deċiżjoni li jingħata jew jiġi rifjutat kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport ambjentali msemmi fl-Artikolu 5(1) hijiex aġġornata, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri previsti biex jipprevjenu, inaqqsu u, fejn possibbli, jikkumpensaw għal kull effett negattiv sinifikanti fuq l-ambjent;

34.

jirrakkomanda li, bħala miżura li tikkontribwixxi għall-kwalità tal-EIA u b’hekk l-effikaċja tagħha, id-Direttiva tispeċifika l-perjodu li matulu tkun valida l-EIA;

35.

jikkritika t-twaqqif ta’ perjodi ta’ żmien vinkolanti għad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għall-proġetti (Artikolu 8(3)). Għal ħafna kumpaniji u żviluppaturi pubbliċi, il-proċess jista' jkun eċċessivament twil; barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) ma jindirizzax il-fatt li fil-każ tal-proġetti l-kbar ta' infrastruttura għandha ssir valutazzjoni estensiva u li tieħu l-ħin u li ma tistax issir bil-livell ta' kwalità mitlub u fiż-żmien mitlub. Minkejja l-Premessa 22, dan jista' joħloq il-biża' li l-istabbiliment ta' qafas taż-żmien speċifiku jikkomprometti l-istandards għoljin f'termini tal-protezzjoni tal-ambjent, u dan jista' jolqot b'mod negattiv ukoll iċ-ċertezza legali. It-tħaffif tal-proċess permezz tal-istabbiliment tal-qafas ta' żmien ippjanat jista' jinkiseb aħjar mis-sistemi nazzjonali divrenzjati tal-Istati Membri;

J.    Il-monitoraġġ ta’ impatti ambjentali sinifikanti potenzjali u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni jew kumpens – Artikolu 8(2) u Artikolu 9, Anness IV

36.

jappella għall-armonizzazzjoni tad-diversi terminoloġiji li jintużaw għall-miżuri ta’ kumpens (pereżempju, “miżuri ta’ kumpens” fl-Artikolu 8(2) u “miżuri sabiex jiġu […] kontrobilanċjati” fl-Artikolu 9 u l-Anness IV);

37.

iwissi li l-monitoraġġ m’għandux ifixkel il-ħtieġa ta’ analiżi dettaljata tal-impatti sinifikanti u l-mitigazzjoni tagħhom u l-kumpens għalihom mill-iżviluppatur, jew il-prinċipji ta’ prevenzjoni u prekawzjoni. Dan ifisser li n-nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tal-impatti sinifikanti ta’ proġett pjanat m’għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn minflok jinsabu miżuri ta’ mitigazzjoni jew kumpens, il-proġett jiġi awtorizzat filwaqt li jiġi obbligat iwettaq monitoraġġ biss, bid-diffikultajiet sussegwenti biex jiġi adattat mill-ġdid minħabba l-impatt li jkollu. L-Artikolu 8(2)(2) huwa problematiku. Huwa jipprevedi l-kontroll tal-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-miżuri tal-mitigazzjoni tal-ħsara u l-kumpens għaliha li effettivament ifisser monitoraġġ. Mhuwiex ċar hawnhekk għalfejn il-korp ta’ awtorizzazzjoni għandu jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ ta’ effetti ambjentali negattivi sinifikanti jekk huwa konvint dwar l-effikaċja tal-miżuri ppjanati għall-mitigazzjoni u l-kumpens, peress li hemm diġà biżżejjed esperjenza fil-prattika. Din il-ħtieġa għal monitoraġġ ġenerali tidher sproporzjonata u tkun ta’ piż mhux raġonevoli għall-iżviluppatur. Id-deċiżjoni dwar jekk il-monitoraġġ tal-effetti ambjentali negattivi huwiex neċessarju normalment tittieħed għal kull każ mill-korp ta’ awtorizzazzjoni biss;

K.    Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri – Artikolu 12(2)

38.

jinnota l-kritika tal-piż amministrattiv addizzjonali għall-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mil-lat tal-ġbir u l-provvista tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni Ewropea fl-Artikolu 12(2) propost sabiex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

L.    L-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati li jikkonċernaw l-Annessi II.A, III u IV – Artikolu 12(a)

39.

joġġezzjona għall-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati bil-għan li tadatta b’mod aktar faċli l-Annessi II.A, III u IV għall-progress tekniku u xjentifiku. Iqis li l-annessi kollha għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura leġislattiva normali peress li dawn huma marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti tal-EIA stabbiliti fid-Direttiva;

M.    Regoli tranżizzjonali

40.

jitlob li r-regoli tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 3 jiġu stabbiliti b'tali mod li, għal proġetti fi stadju avvanzat, l-EIA ssir skont ir-regoli tad-Direttiva attwali dwar l-EIA. Dan jista' jkun il-każ pereżempju meta rapport ambjentali jkun tfassal diġà skont l-Artikolu 5 jew ikun diġà tħabbar pubblikament.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.   Proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu stimi tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għal proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti talleġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

3.   Proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu stimi tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. li ġejja: id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità waħda, li tkun responsabbli biex tiffaċilita l-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp għal kull proġett.

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità waħda jew aktar, li tkun responsabbli biex tiffaċilita l-proċedura għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali; din tista’ tkun l-awtorità responsabbli għall-kunsens, tal-kunsens għall-iżvilupp għal kull proġett.

Raġuni

Il-proċedura koordinata jew l-proċedura konġunta għandhom ikunu ta’ natura volontarja u mhux obbligatorja. Biex ikun hemm iktar ċarezza legali, jappella għal indikazzjoni ċara ta’ liema leġislazzjoni oħra tal-Unjoni taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. L-emenda proposta hi marbuta mal-fatt li f’xi Stati Membri ser ikun ferm diffiċli li jikkonformaw ma’ tali obbligu minħabba l-ġerarkija u l-kompetenzi speċifiċi ħafna tal-awtoritajiet differenti involuti f’dan il-proċess.

Emenda 2

Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-istima tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

L-istima tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-popolazzjoni, is-saħħa tal-bniedem, u l-bijodiversità, b'attenzjoni partikolari għal speċijiet u ħabitats protetti skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (*) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

(a)

il-popolazzjoni, is-saħħa tal-bniedem, u l-bijodiversità, b'attenzjoni partikolari għal speċijiet u ħabitats protetti skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (*) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

(b)

l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u t-tibdil fil-klima;

(b)

l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u t-tibdil fil-klima;

(c)

l-assi materjali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

(c)

l-assi materjali, skont kemm jiġu esposti għal fatturi ambjentali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).

(e)

l-esponiment, il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tal-fatturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c), fir-rigward ta' riskji ta' diżastri naturali u dawk kawżati mill-bniedem.

(e)

l-esponiment, il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tal-fatturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c), fir-rigward ta’ riskji ta’ diżastri naturali u dawk kawżati mill-bniedem.

Emenda 3

Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Meta għandha titwettaq stima tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10, l-iżviluppatur għandu jħejji rapport ambjentali. Ir-rapport ambjentali għandu jkun ibbażat fuq determinazzjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u jinkludi informazzjoni li tista' tkun raġonevolment meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-impatti ambjentali tal-proġett propost, filwaqt li jitqiesu l-għarfien u l-metodi attwali tal-istima, il-karatteristiċi, il-kapaċità teknika u l-lok tal-proġett, il-karatteristiċi tal-impatt potenzjali, alternattivi għall-proġett propost u sa fejn huma vvalutati b'mod aktar xieraq ċerti kwistjonijiet (inkluża l-evalwazzjoni ta' alternattivi) f’livelli differenti inkluż il-livell ta' ppjanar, jew abbażi ta' rekwiżiti oħra ta' stima. Il-lista dettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ambjentali hija speċifikata fl-Anness IV.

1.   Meta għandha titwettaq stima tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10, l-iżviluppatur għandu jħejji rapport ambjentali. Ir-rapport ambjentali għandu jkun ibbażat fuq il-lista inkluża fl-Anness IV, u jekk meħtieġ, fuq id-determinazzjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u jinkludi informazzjoni li tista' tkun raġonevolment meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-impatti ambjentali tal-proġett propost, filwaqt li jitqiesu l-għarfien u l-metodi attwali tal-istima, il-karatteristiċi, il-kapaċità teknika u l-lok tal-proġett, il-karatteristiċi tal-impatt potenzjali, alternattivi għall-proġett propost u sa fejn huma vvalutati b'mod aktar xieraq ċerti kwistjonijiet (inkluża l-evalwazzjoni ta' alternattivi) f’livelli differenti inkluż il-livell ta' ppjanar, jew abbażi ta' rekwiżiti oħra ta' stima. Il-lista dettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ambjentali hija speċifikata fl-Anness IV.

2.   L-awtorità kompetenti, wara li tkun kkonsultat l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-iżviluppatur, għandha tiddetermina l-ambitu u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża mill-iżviluppatur fir-rapport ambjentali, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari għandha tiddetermina:

2.   L-awtorità kompetenti, wara li tkun kkonsultat l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-iżviluppatur, għandha tiddetermina Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-awtorità kompetenti tista' tiddetermina l-ambitu u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża mill-iżviluppatur fir-rapport ambjentali, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wara li tkun ikkonsultat l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u, jekk meħtieġ, l-iżviluppatur. B’mod partikolari għandha tiddetermina:

(a)

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(a)

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(b)

l-awtoritajiet u l-pubbliku li x’aktarx ikunu kkonċernati;

(a) (b)

l-awtoritajiet u l-pubbliku li x’aktarx ikunu kkonċernati;

(c)

l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul taż-żmien tagħha;

(c)

l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul taż-żmien tagħha;

(d)

alternattivi raġonevoli għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu;

(b)(d)

alternattivi raġonevoli għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu;

(e)

il-karatteristiċi ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 li x’aktarx ikunu affettwati b’mod sinifkanti;

(c b)(e)

il-karatteristiċi ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 li x’aktarx ikunu affettwati b’mod sinifkanti;

(f)

l-informazzjoni li għanda tiġi sottomessa skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew tip ta’ proġett;

(c d) (f)

l-informazzjoni li għanda tiġi sottomessa skont il-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett partikolari jew tip ta’ proġett;

(g)

l-informazzjoni u l-għarfien disponibbli u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, u l-metodi ta’ stima li għandhom jintużaw.

(d e) (g)

l-informazzjoni u l-għarfien disponibbli u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, u l-metodi ta’ stima li għandhom jintużaw.

 

L-awtorità kompetenti tista' tiddetermina dawn l-elementi jew meta l-iżviluppatur jitlob dan jew meta dan ikun neċessarju, matul il-proċess ta' valutazzjoni, meta din l-awtorità tinduna b'nuqqas fl-informazzjoni mniżżla fil-punti (a), (b), (c) jew (d).

……

Raġuni

Il-kwistjonijiet relatati mad-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li jridu jinkisbu, kif ukoll l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul tagħhom għandhom ikunu definiti mil-leġislazzjoni proċedurali nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex kompitu tal-awtoritajiet li jiżviluppaw alternattivi għall-proġetti. Aħna nopponu tali trasferiment tar-responsabbiltajiet għall-ippjanar u l-iżvilupp ta' proġetti mill-iżviluppaturi għall-awtoritajiet.

Emenda 4

Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.   Biex jiġu garantiti l-kompletezza u kwalità suffiċjenti tar-rapporti ambjentali msemmija fl-Artikolu 5(1):

3.   Biex jiġu garantiti l-kompletezza u kwalità suffiċjenti tar-rapporti ambjentali msemmija fl-Artikolu 5(1):

(a)

l-iżviluppatur għandu jiżgura li r-rapport ambjentali huwa mħejji minn esperti akkreditati jew teknikament kompetenti jew

(a)

l-iżviluppatur għandu jiżgura li r-rapport ambjentali huwa mħejji minn esperti akkreditati jew teknikament kompetenti esterni jew interni jew l-awtoritajiet tal-ambjent; jew

(b)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-rapport ambjentali huwa verifikat minn esperti akkreditati u teknikament kompetenti u/jew kumitati ta’ esperti nazzjonali.

(b)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-rapport ambjentali huwa verifikat minn esperti akkreditati u teknikament kompetenti esterni jew interni jew l-awtoritajiet tal-ambjent u/jew kumitati ta’ esperti nazzjonali.

Raġuni

Id-Direttiva dwar l-EIA għandha takkomoda s-sistemi differenti ta’ verifika tar-rapporti ambjentali stabbiliti fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet. Is-sistemi li nħolqu ma jaħdmux biss f’kooperazzjoni ma’ esperti esterni u kumitati ta’ esperti, kif tirrifletti l-proposta tal-Kummissjoni, imma anke ma’ sistemi oħra, kif isir ħafna drabi fl-Istati Membri antiki, fejn il-verifika tar-rapporti ssir internament mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-awtoritajiet tal-ambjent. Il-formulazzjoni proposta turi li kemm l-iżviluppatur kif ukoll l-awtorità kompetenti jridu jiżguraw li r-rapport ambjentali jkun verifikat minn korp kompetenti.

Emenda 5

Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Għandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp. Għal dan il-għan, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens għall-iżvilupp għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

1.   Għandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp. Għal dan il-għan, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens għall-iżvilupp għandu jkun fiha l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

d)

d)

Il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jitqiesu li jkunu ntlaħqu jekk b’konformità mal-Artikolu 2(2), l-Istati Membri, għall-finijiet tad-Direttiva, jistabbilixxxu proċedura separata biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħha, u d-deċiżjoni li tinħareġ wara l-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tkun tinkludi l-informazzjoni mitluba fis-sottoparagrafi (a) sa (d), u jiġu stabbiliti regoli adegwati b’konformità mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4).

Raġuni

L-Artikolu 8(1) ma jakkomodax biżżejjed is-sistemi differenti tal-EIA li jeżistu fl-Istati Membri. F’xi Stati Membri l-EIA hija proċedura separata tal-awtoritajiet tal-ambjent, fejn il-kunsens għall-iżvilupp li jinħareġ minn awtorità differenti jiġi wara l-permess tal-EIA u jrid ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-permess tal-EIA. Fi Stati Membri oħra l-EIA tagħmel parti mill-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp.

Emenda 6

Artikolu 8(4) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Qabel ma tittieħed deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport ambjentali msemmi fl-Artikolu 5(1) hijiex aġġornata, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri previsti biex jipprevjenu, inaqqsu u, jekk possibbli, jikkontrobilanċjaw kull effett negattiv sinifikanti.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport ambjentali msemmi fl-Artikolu 5(1) hijiex aġġornata, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri previsti biex jipprevjenu, inaqqsu u, jekk possibbli, jikkontrobilanċjaw kull effett negattiv sinifikanti.

L-EIA għandhom ikunu validi għal erba’ snin. F’każ li jiġi stabbilit li l-informazzjoni fir-rapport ambjentali tkun għadha valida, l-awtorità kompetenti għandha testendi dan il-perjodu b’sentejn oħra. F’każ li jiġi stabbilit li l-informazzjoni fir-rapport ambjentali ma tkunx għadha valida, l-awtorità kompetenti għandha titlob lill-iżviluppatur jaġġorna r-rapport.

Raġuni

F'diversi stadji tal-proċeduri, l-awtoritajiet jistgħu jitolbu lill-iżviluppaturi jipprovdu informazzjoni rilevanti addizzjonali, b'mod partikolari jekk jinnotaw li l-informazzjoni fir-rapport ambjentali ma tkunx aġġornata. L-ispeċifikazzjoni tat-tul tal-validità ta' EIA hija mezz aħjar biex tittejjeb il-kwalità u b'hekk l-effikaċja tal-EIA.

Emenda 7

Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Ibdel Artikolu 11(3) kif ġej:   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Ibdel Artikolu 11.3 kif ġej:   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull O organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) fil-prinċipju għandu jitqies għandha titqies li hija awtorizzata tressaq każ suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Raġuni

Sabiex l-NGOs kollha rikonoxxuti mill-Istat jkunu jistgħu jressqu każ.

Emenda 8

Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   B’mod partikolari, kull sitt snin mid-data speċifikata fl-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva XXX [OPOCE jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ din id-Direttiva] l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar:

2.   B’mod partikolari, kull sitt snin mid-data speċifikata fl-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva XXX [OPOCE jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ din id-Direttiva] l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar:

(f)

l-ispiża medja tal-istimi tal-impatt fuq l-ambjent

(f)

l-ispiża medja tal-istimi tal-impatt fuq l-ambjent, fejn dan ikun possibbli.

Raġuni

Peress li l-informazzjoni dwar l-ispiża tar-rapporti ambjentali hija informazzjoni protetta, mhux dejjem ser ikun possibbli li tingħata l-ispiża medja tal-valutazzjonijiet ta’ impatt ambjentali.

Emenda 9

Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-EIA

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Proġetti li għalihom it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp ġiet introdotta qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u li għalihom l-istima tal-impatt fuq l-ambjent ma ġietx konkluża qabel dik id-data għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 tad-Direttiva 2011/92/UE kif emendata b'din id-Direttiva.

Proġetti li għalihom it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp ġiet introdotta qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u li għalihom l-istima tal-impatt fuq l-ambjent ma ġietx konkluża qabel dik id-data u li għalihom la tfassal ir-rapport ambjentali skont Artikolu 5 u lanqas ma tħabbru pubblikament għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 tad-Direttiva 2011/92/UE kif emendata b'din id-Direttiva.

Raġuni

Skont l-Artikolu 3, il-proġetti li għalihom ma tkunx ġiet konkluża l-EIA qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva emendata, irrispettivament mill-istadju li jkun intlaħaq mill-proċeduri. F'ħafna każijiet, tali regoli ta' tranżizzjoni jfissru li jkollhom jiġu ripetuti passi proċedurali, u b'hekk jirriżultaw fi spejjeż sinifikanti għall-iżviluppaturi u l-awtoritajiet. Dan ikun eċċessiv peress li EIA hija diġà meħtieġa għall-proġetti inkwistjoni, u peress li l-ebda rekwiżit ġdid għal EIA mhu se jiddaħħal għalihom. Ir-regoli tranżizzjonali fl-Artikolu 3 għalhekk għandhom jitfasslu b'tali mod li EIA jkunu meħtieġa għall-proġetti fi stadju avvanzat ta' proċedura li għandhom jitwettqu b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali dwar l-EIA.

Brussell, 30 ta’ Mejju 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top