This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AR0089
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Regional-specific approaches to climate change in the EU based on the example of mountainous regions’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċi speċifiċi skont ir-reġjun għat-tibdil fil-klima fl-UE bbażati fuq l-eżempju ta’ reġjuni muntanjużi”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċi speċifiċi skont ir-reġjun għat-tibdil fil-klima fl-UE bbażati fuq l-eżempju ta’ reġjuni muntanjużi”
ĠU C 391, 18.12.2012, p. 27–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 391/27 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċi speċifiċi skont ir-reġjun għat-tibdil fil-klima fl-UE bbażati fuq l-eżempju ta’ reġjuni muntanjużi”
2012/C 391/06
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jinnota li r-reġjuni muntanjużi huma suxxettibbli ħafna għat-tibdil fil-klima u jisħaq li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jagħmel parti minn proġett usa’ sabiex tissaħħaħ ir-reżistenza individwali u kollettiva, waqt li jitqies t-theddid ambjentali, tal-enerġija u soċjali kollu, li b’mod inevitabbli huma marbutin flimkien; |
— |
jinnota li fl-2013 l-Unjoni Ewropea ser tadotta strateġija ta’ adattament u huwa tal-fehma li huwa kruċjali li din l-istrateġija ġenerali tħaddan fiha dimensjoni reġjonali u lokali, kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Din l-istrateġija Ewropea ta’ adattament għandha tinkludi kapitolu dwar ir-reġjuni muntanjużi; |
— |
jenfasizza l-fatt li hekk kif huwa mistenni li ż-żoni muntanjużi jsiru iżjed vulnerabbli fid-deċennji li ġejjin, huma meħtieġa aktar riċerka xjentifika u sistema tajba għall-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 jalloka fondi għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Hemm bżonn li jiġu previsti politiki għat-titjib tal-aċċess u l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni li huma partikolarment vulnerabbli; |
— |
jenfasizza li ħafna reġjuni muntanjużi diġà bdew jiżviluppaw strateġiji ta’ adattament; l-objettivi tagħhom iridu jiġu kkoordinati u r-riżultati analizzati b’sens ta’ urġenza. Jenħtieġ l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi li llum huma mxerrda bejn bosta assoċjazzjonijiet, korpi ta’ riċerka u amministrazzjonijiet tar-reġjuni muntanjużi; |
Relatur |
Is-Sur Luciano CAVERI (IT/ALDE), Membru tal-Kunsill tar-Reġjun Awtonomu ta’ Valle d’Aosta |
Dokument ta’ referenza |
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ħsibijiet ġenerali
1. |
jinnota li f’dawn l-aħħar snin inkitbet ħafna litteratura xjentifika kif ukoll tfasslu ħafna dokumenti politiċi u proġetti xjentifiċi fl-Unjoni Ewropea, li juru kif ir-reġjuni muntanjużi huma suxxettibbli ħafna għat-tibdil fil-klima, billi jagħqqdu flimkien f’żona ristretta ambjenti differenti li huma esposti u jiġu influwenzati miċ-ċirkolazzjonijiet atmosferiċi. L-IPCC jinkludi wkoll ir-reġjuni muntanjużi fost ir-reġjuni b’riskju għoli minħabba t-tibdil fil-klima (climate hot spot). Barra minn hekk, il-Kapitolu 13 tal-Aġenda 21 (Summit Dinji ta’ Rio, 1992), li jiffoka fuq ir-reġjuni muntanjużi, jgħid fil-punt 4 tiegħu li dawn ir-reġjuni huma l-iżjed sensittivi għat-tibdil fil-klima, kwistjoni li għadha attwali sal-lum u li ser tiġi diskussa matul il-konferenza ta’ Rio+20 f’Ġunju 2012. Ir-reġjuni muntanjużi huma l-aktar żoni li fihom foresti fl-Ewropa kollha. Għalhekk huma għandhom effett ta’ bir li fih jinġabar ammont konsiderevoli ta’ CO2. Barra minn hekk, huma jtejbu l-kwalità tal-arja billi jtaffu l-fenomeni dannużi tat-tniġġis u jipprovdu riżorsi importanti tal-ilma u tal-pajsaġġi, iżda fl-istess waqt huma żoni suxxettibbli għat-tibdil fil-klima. Ir-reġjuni muntanjużi, flimkien mal-kosti marittimi, huma l-aktar żoni importanti għat-turiżmu minħabba l-klima, il-bijodiversità, ir-rikkezza tal-pajsaġġi, ir-riżorsi tal-ilma, l-aspetti kulturali, il-bini, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħhom; |
2. |
jenfasizza li t-tibdil fil-klima jaffettwa l-partijiet kollha tal-Unjoni Ewropea, u anke d-dinja kollha, iżda li l-effetti konkreti fuq territorju speċifiku, u konsegwentement il-preparazzjonijiet neċessarji għal dawn l-effetti u r-reazzjonijiet għalihom, jiddependu fuq firxa wiesgħa ta’ fatturi. Kwalunkwe miżura li hija reazzjoni għat-tibdil fil-klima għalhekk trid tkun sensittiva għas-sitwazzjoni speċifika tat-territorji differenti. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali rrappreżentati fil-KtR huma msieħba kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet adatti; |
3. |
ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu huma fost l-isfidi ewlenin li ser ikollhom quddiemhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità trid tkun li jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir sforz ħalli ż-żjieda tat-temperatura medja globali tiġi limitata kemm jista’ jkun (mitigazzjoni), iżda wkoll biex ikun hemm tħejjija fil-livelli differenti għat-tibdil li huwa inevitabbli (adattament); |
4. |
jenfasizza li ż-żoni muntanjużi jservu biex jaħżnu l-bijodiversità iżda qed jiġu mhedda minn tibdil fil-klima mgħaġġel ħafna: 43 % tas-siti ta’ Natura 2000 huma żoni muntanjużi u 118 mill-1 148 speċi mniżżla fl-Annessi II u IV tad-Direttiva tal-Ħabitats għandhom rabta ma’ ambjent muntanjuż (1); |
5. |
jirrimarka li varjazzjonijiet klimatiċi li ftit li xejn jinħassu fiż-żoni ta’ pjanura jiġu amplifikati fiż-żoni muntanjużi u jsiru valur li jgħin biex issir dijanjosi bikrija tal-evoluzzjoni klimatika fuq skala makro, u għaldaqstant huma sors eċċezzjonali ta’ osservazzjonijiet għar-riċerka xjentifika u opportunità ta’ testjar għall-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-politiki ta’ adattament; |
6. |
jisħaq li t-tibdil fil-klima diġà qed iseħħ u qed jikkawża: żieda fir-riskju idroġeoloġiku (għargħar, ċediment tal-art) u sitwazzjoni fejn persuni u infrastrutturi huma iżjed vulnerabbli, tonqos id-disponibbilità tal-ilma, speċjalment fis-sajf (anke fir-territorji mhux muntanjużi li huma biswit dawk muntanjużi), tibdil fl-“imġieba” tax-xmajjar (fir-reġjuni Alpini il-frekwenza tal-għargħar fix-xitwa u n-nixfiet fis-sajf hija mistennija tiżdied), il-glaċieri ser jiċkienu (mill-1850 ’l hawn il-glaċieri tal-Alpi ċkienu b’madwar żewġ terzi tal-volum tagħhom, u l-pass żdied b’mod sinifikanti wara l-1985), id-dewbien tal-permafrost, il-borra qed tinħall iżjed malajr (b’mod partikolari taħt l-1 500 metru), il-frekwenza tal-valangi qed tinbidel, qed jiġu mhedda l-bijodiversità u l-migrazzjoni tal-pjanti u l-annimali, qed ikun hemm tibdil fl-ekonomija tat-turiżmu tax-xitwa u tas-sajf u fil-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika, qed jiġu kkawżati inċertezzi fil-produzzjoni agrikola, u qed issir ħsara lill-forestrija. L-ambjent tal-Alpi huwa suxxettibbli għal dan it-tibdil fil-klima mgħaġġel ħafna u dan ifisser li issa jitqies bħala żona bi żvantaġġi permanenti. Iż-żieda fit-temperatura fl-aħħar 150 sena fl-Alpi (+ 1,5 °C) hija d-doppju meta mqabbla mal-medja dinjija ta’ + 0,7 °C (2). Fl-2009 l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent studjat il-vulnerabilità tar-riżorsi tal-ilma taż-żona tal-Alpi (3); |
7. |
jenfasizza li t-tradizzjonijiet u l-kulturi taż-żoni muntanjużi huma msejsa fuq il-kunċett importanti tal-għarfien tal-limiti u l-opportunitajiet ambjentali. Ir-relazzjoni mal-limiti fiżiċi stretti tat-territorju ppermettiet li mal-mogħdija taż-żmien jiġu stabbiliti kriterji ta’ sostenibilità delikati u l-użu razzjonali tar-riżorsi. Dawn il-valuri ta’ bażi jistgħu jiġu integrati f’ moderna permezz tal-għajnuna ta’ teknoloġiji ġodda, biex b’hekk tinħoloq sensibilizzazzjoni u jiġu żviluppati mudelli ta’ żvilupp li huma utli mhux biss għall-istess żoni muntanjużi iżda wkoll għaż-żoni periferiċi, u f’ħafna każi jistgħu jassumu valur universali. (bħall-mudell ta’ sħubija Rurali/Urban, RURBAN – TCUM/Eu DG REGIO); |
8. |
jenfasizza li t-tibdil fil-klima ser joħloq l-ikbar sfida għall-kapaċitajiet ta’ adattament li qatt kellha quddiemha l-ispeċi tagħna, iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa biss indikatur parzjali ta’ kriżi ambjentali iktar kumplessa kif ukoll kriżi tal-umanità, li tinvolvi wkoll:
|
9. |
jenfasizza li dawn il-problemi ser iħallu impatti varji ekonomiċi u soċjali fuq kull reġjun u għalhekk jiddispjaċih li wieħed mill-ftit proġetti li qed jistudja l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija Ewropea, il-proġett PESETA (2009) immexxi miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-UE (JRC), mhux qed jinkludi r-reġjuni muntanjużi; |
10. |
jinnota li fil-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2009) 147 final), il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-varjazzjonijiet reġjonali tal-impatt tal-klima u l-fatt li kull strateġija ta’ adattament tista’ taħdem biss jekk tinkludi l-kooperazzjoni tal-livelli kollha ta’ governanza. L-adattament huwa proċess dinamiku fit-tul li jitlob relazzjoni mill-qrib bejn dawk li jfasslu l-politika, ir-riċerkaturi, it-tekniki, l-imprendituri u l-amministraturi lokali; |
11. |
jilqa’ l-fatt li fir-Rebbiegħa tal-2012 infetħet konsultazzjoni pubblika bħala preparazzjoni tal-istrateġija Ewropea ta’ adattament skedata għall-2013, u twaqqfet il-pjattaforma CLIMATE-ADAPT; din l-għodda sservi għall-ġbir tal-prattika tajba u għall-ippjanar reġjonali u urban u tinkludi taqsima dwar iż-żoni muntanjużi; |
Objettivi
12. |
jisħaq li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jagħmel parti minn proġett usa’ sabiex tissaħħaħ ir-reżistenza individwali u kollettiva, waqt li jitqies t-theddid ambjentali, tal-enerġija u soċjali kollu, li b’mod inevitabbli huma marbutin flimkien; |
13. |
jinnota li fl-2013 l-Unjoni Ewropea ser tadotta strateġija ta’ adattament u huwa tal-fehma li huwa kruċjali li din l-istrateġija ġenerali tħaddan fiha dimensjoni reġjonali u lokali, kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Din l-istrateġija Ewropea ta’ adattament għandha tinkludi kapitolu dwar ir-reġjuni muntanjużi; |
14. |
huwa daqstant ieħor importanti li l-istrateġiji Ewropej ta’ adattament ikollhom kapitolu li jiffoka fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-limitazzjonijiet u l-karatteristiċi partikolari tagħhom huma rikonoxxuti mill-Artikolu 349 tat-TFUE; |
15. |
jenfasizza l-fatt li hekk kif huwa mistenni li ż-żoni muntanjużi jsiru iżjed vulnerabbli fid-deċennji li ġejjin, huma meħtieġa aktar riċerka xjentifika u sistema tajba għall-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 jalloka fondi għall-adattament għat-tibdil fil-klima; |
16. |
jitlob li fid-dawl tal-kritikalitajiet ġodda maħluqa mit-tibdil fil-klima jiġu previsti politiki għat-titjib tal-aċċess u l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni li huma partikolarment vulnerabbli; |
17. |
jenfasizza li l-mitigazzjoni u r-riżorsi allokati għal dan il-għan għandhom jingħataw prijorità ikbar minn dik li tingħata lill-adattament. Jekk ma niksbux tnaqqis globali sostanzjali – kif identifikat mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tibdil fil-Klima – fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, ser ikun impossibbli nwaqqfu ż-żieda fit-temperaturi, it-tibdil fil-klima u l-avvenimenti estremi marbuta mat-temp li fil-ġejjieni ser jolqtu l-komunitajiet lokali fil-livell dinji; |
18. |
jinnota li hemm bżonn li jiġu definiti azzjonijiet interkonnessi ħafna biex jiġu solvuti l-problemi attwali u biex jiġu ġestiti dawk futuri fis-setturi li diġà huma parti mill-programmazzjoni tal-UE, kif ukoll li jiġi definit kemm minn dawn l-għażliet iridu jkunu soġġetti għas-sistema ta’ demokrazija lokali Ewropea skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bħal:
|
19. |
jenfasizza li ħafna reġjuni muntanjużi diġà bdew jiżviluppaw strateġiji ta’ adattament u l-objettivi jridu jiġu kkoordinati u r-riżultati analiżżati b’sens ta’ urġenza. Jenħtieġ l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi ambjentali li llum huma mxerrda bejn bosta assoċjazzjonijiet, korpi ta’ riċerka u amministrazzjonijiet tar-reġjuni muntanjużi; |
20. |
jitlob li jsir monitoraġġ tar-riżultati miksuba, permezz tat-tfassil ta’ indiċi ta’ effikaċja tal-interventi, il-prestazzjonijiet milħuqa, bażi tad-data globali li tista’ tiġi kkonsultata dwar proġetti u reġistru tal-enerġija; |
21. |
jenfasizza fl-aħħar nett, li jeħtieġ li l-kawżi u l-effetti tat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati fil-livelli kollha, f’bosta komunitajiet ġeografiċi diversi u fuq skala dinjija. B’mod partikolari, huma ta’ spiss l-ifqar komunitajiet tal-pjaneta l-ewwel li jintlaqtu ħażin mit-tibdil fil-klima u jkollhom bżonn għajnuna speċjali. Għandhom jiġu allokati r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għall-mitigazzjoni u l-adattament skont il-prijoritajiet identifikati fl-istrateġiji u t-trattati internazzjonali li ntlaħaq ftehim dwarhom, u għandhom jintuzaw fil-livell li fih ikollhom l-ikbar effett. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fit-tfassil ta’ azzjonijiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, sabiex isir l-aqwa użu possibbli mill-għarfien speċjalizzat u l-esperjenza tagħhom u mill-qrubija tagħhom għaċ-ċittadini. |
Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), “Europe's ecological backbone: Recognising the true value of our mountains”, Rapport 6/2010.
(2) JRC/WHO, “Impacts of Europe’s changing climate”, rapport 4/2008: http://www.eea.europa.eu/publications/eea_report_2008_4.
(3) EEA, “Regional climate change and adaptation. The Alps facing the challenge of changing water resources”, rapport 8/2009.