EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AP0396

Ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (C7-0195/2012 – 2012/0806(NLE))

ĠU C 72E, 11.3.2014, p. 118–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 72/118


Il-Ħamis 25 ta’ Ottubru 2012
Ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

P7_TA(2012)0396

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (C7-0195/2012 – 2012/0806(NLE))

2014/C 72 E/19

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2012 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0195/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 109 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0348/2012),

A.

billi, bl-ittra tat-13 ta' Lulju 2012, li waslet fit-18 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta' Yves Mersch għall-kariga ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal mandat ta' tmien snin;

B.

billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad evalwa l-kredenzjali tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-BĊE fil-qasam tal-politika monetarja skont l-Artikolu 130 tat-TFUE, u billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mill-kandidat curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju miktub li kien intbagħatlu;

C.

billi l-Kumitat sussegwentement għamel smigħ mal-kandidat nominat fit-22 ta’ Ottubru 2012, li dan tal-aħħar għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;

D.

billi kien hemm kunsens wiesa’ li l-kandidat nominat huwa ta’ statura rikonoxxuta u għandu l-kwalifiki professjonali u l-esperjenza f’materji monetarji u bankarji li huma meħtieġa biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE;

E.

billi, qabel tmiem il-mandat tal-kariga tas-Sinjura Tumpel-Gugerell, il-MPE informalment qajmu l-kwistjoni ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-BĊE;

F.

billi, mindu nħoloq il-BĊE sat-tluq tas-Sinjura Tumpel-Gugerell dejjem kien hemm membru mara tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE;

G.

billi, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati membri u l-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-TFUE, il-kumitat, qabel it-tmiem tal-mandat tal-kariga tas-Sur Gonzalez-Paramo f’Mejju 2012, żgura li l-Kunsill ikun infurmat, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2012 lill-President tal-Grupp tal-euro mill-president tal-Kumitat, f’isem il-gruppi politiċi kollha, dwar in-nuqqas ta’ diversità fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u dwar il-ħtieġa li titressaq kandidat mara;

H.

billi, fl-istess ittra, il-president tal-Kumitat ħeġġeġ lill-Grupp tal-euro biex jimplimenta pjan taż-żmien medju għall-promozzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet influwenti fil-BĊE, bil-banek ċentrali nazzjonali u fil-ministeri tal-finanzi nazzjonali;

I.

billi ma waslet l-ebda risposta formali għall-ittra tat-8 ta’ Mejju 2012;

J.

billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

K.

billi l-Artikolu 19 tat-TFUE jikkonferixxi setgħat fuq l-Unjoni biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni tal-ġeneru;

L.

billi d-diversita tal-ġeneru fil-bordijiet u fil-gvernijiet tiżgura kompetenza usa' u perspettivi aktar miftuħa, u billi r-reklutaġġ ta' rġiel biss jew nisa biss ikun ifisser għażla aktar ristretta bis-sogru li jintilfu kandidati potenzjalment eċċellenti;

M.

billi l-mandat tal-kariga tal-Bord Eżekuttiv kurenti tal-BĊE jestendi sal-2018, b’tali mod li l-Bord Eżekuttiv potenzjalment jibqa’ nieqes mid-diversità tal-ġeneru sa dik id-data;

N.

billi, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2012, il-President tal-Parlament Ewropew, wara laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, talab li l-President tal-Kunsill Ewropew jieħu impenn li jiżgura li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni taħt ir-responsabbiltà tiegħu jimplimentaw miżuri konkreti ħalli jiżguraw bilanċ tal-ġeneru;

O.

billi l-Kummissjoni adottat Strateġija ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491) fil-21 ta’ Settembru 2010 fif ukoll rapport dwar il-Progress fuq l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2011 (SWD(2012)0085) fis-16 ta’ April 2012;

P.

billi l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u s-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD4)), kienet tinkludi rekwiżit li l-istituzzjonijiet jimplimentaw politika li tippromwovi d-diversità tal-ġeneru fil-korp maniġerjali;

Q.

billi l-Kunsill Ewropew adotta l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu mill-2011 sal-2020 fis-7 ta’ Marzu 2011;

R.

billi l-Parlament adotta riżoluzzjonijiet tat-13 ta’ Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi (2), tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010 (3), u tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi (4);

1.

Jagħti opinjoni negattiva dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Yves Mersch bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u jitlob li r-rakkomandazzjoni tiġi rtirata kif ukoll li tiġi ppreżentata lill-Parlament rakkomandazzjoni ġdida;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 215, 21.7.2012, p. 4

(2)  Testi adottati, (P7_TA(2012)0070).

(3)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 65,

(4)  Testi adottati, (P7_TA(2011)0330).


Top