EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AG0004

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 4/2012 fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika dwar l-ispettru tar-radju Adottata mill-Kunsill fit- 13 ta’ Diċembru 2011

ĠU C 46E, 17.2.2012, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 46/1


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 4/2012 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika dwar l-ispettru tar-radju

Adottata mill-Kunsill fit-13 ta’ Diċembru 2011

2012/C 46 E/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (3), il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġislattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex ikunu stabbiliti programmi pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju. Dawn il-programmi għandhom jistabbilixxu l-orjentazzjonijiet u l-objettivi tal-politika għall-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru skont id-direttivi applikabbli għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dawk l-orjentazzjonijiet u l-objettivi tal-politika għandhom jirreferu għad-disponibbiltà u għall-użu effiċjenti tal-ispettru li jkunu meħtieġa għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern. Il-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (minn issa il-quddiem imsejjaħ “il-Programm”) għandu jappoġġa l-għanijiet u l-azzjonijiet ewlenin deskritti fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awissu 2010 dwar “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, u hija inkluża fost il-50 azzjoni ta’ prijorità tal-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2010“Lejn Att dwar is-Suq Uniku”.

(2)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tal-Unjoni eżistenti, b’mod partikolari d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (4), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), id-Direttiva 2002/21/KE, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (7). Din id-Deċiżjoni għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jittieħdu fuq il-livell nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jaħdmu biex jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari relatati mar-regolamentazzjoni tal-kontenut u mal-politika awdjoviżiva, u mad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw u jużaw l-ispettru tagħhom għal finijiet ta’ ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika u għal difiża.

(3)

L-ispettru huwa riżors pubbliku ewlieni għas-setturi u għas-servizzi essenzjali, inklużi l-komunikazzjoni mobbli, il-broadband bla fili u satellitari, ix-xandir bit-televiżjoni u bir-radju, it-trasport, ir-radjolokazzjoni, u l-applikazzjonijiet bħal sistemi ta’ allarmi, kontrolli mill-bogħod, tagħmir li jgħin is-smigħ, mikrofoni u tagħmir mediku. Huwa jappoġġa servizzi pubbliċi, bħas-servizzi tas-sigurtà u tas-sikurezza inkluża l-protezzjoni ċivili, u l-attivitajiet xjentifiċi, bħall-meteoroloġija, l-Osservazzjoni tad-Dinja, ir-radjuastronomija u r-riċerka spazjali. L-aċċess faċli għall-ispettru għandu rwol ukoll fil-provvista ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari għaċ-ċittadini u n-negozji li jinsabu f’żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa, bħal żoni rurali jew gżejjer. Il-miżuri regolatorji dwar l-ispettru b’hekk għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi, għas-sikurezza, għas-saħħa, għall-interess pubbliku, kulturali, xjentifiċi, soċjali, ambjentali u tekniċi.

(4)

Għandu jiġi adottat approċċ ekonomiku u soċjali mġedded fir-rigward tal-ġestjoni, l-allokazzjoni u l-użu tal-ispettru. Dan il-Programm għandu jiffoka b'mod partikolari fuq il-politika tal-ispettru, bil-għan li tiġi żgurata aktar effiċjenza ta’ l-ispettru, ippjanar aħjar tal-frekwenzi u salvagwardji kontra imġiba li tmur kontra l-kompetizzjoni.

(5)

L-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru fuq il-livell tal-Unjoni għandhom ikabbru s-suq intern għas-servizzi u t-tagħmir tal-komunikazzjoni elettronika bla fili kif ukoll politika oħra tal-Unjoni li teżiġi l-użu tal-ispettru, biex b’hekk joħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, u simultanjament jagħtu kontribut għall-irkupru ekonomiku u għall-integrazzjoni soċjali mal-Unjoni kollha, filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti tal-ispettru.

(6)

L-armonizzazzjoni tal-użu adatt tal-ispettru tista' wkoll tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tas-servizzi pprovduti permezz tal-komunikazzjoni elettronika, u hija essenzjali biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala, li jnaqqsu kemm l-ispejjeż tat-tqiegħed ta’ netwerks bla fili u l-ispejjeż tal-apparat bla fili għall-konsumaturi. Għal dan il-għan, l-Unjoni teħtieġ programm ta’ politika li jkopri s-suq intern fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni li jinvolvu l-użu tal-ispettru, bħall-politika tal-komunikazzjoni elettronika, tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, tat-trasport, tal-enerġija u tal-awdjoviżjoni.

(7)

Dan il-Programm għandu jippromwovi l-kompetizzjoni u jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit pedament għal suq diġitali uniku ġenwin.

(8)

Dan il-Programm għandu, jappoġġa b’mod partikolari, l-Istrateġija Ewropa 2020, fid-dawl tal-potenzjal kbir tas-servizzi bla fili sabiex jippromwovu ekonomija bbażata fuq l-għarfien, jiżviluppaw u jassistu lis-setturi li jiddependu mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u jegħlbu l-qasma diġitali. L-użu li qed jikber, b'mod partikolari, tas-servizzi tal-media awdjoviżiva u l-kontenut online li qiegħed iżid id-domanda għall-veloċità u l-kopertura. Huwa wkoll azzjoni ewlenija fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, għandha l-għan li twassal internet bil-broadband veloċi fuq in-netwerk tal-futur u ekonomija bbażata fuq l-għarfien, b’mira ambizzjuża għal koperatura broadband universali. Il-provvista tal-ogħla veloċitajiet u l-aħjar kapaċitajiet possibbli għall-broadband bil-fili u bla fili tikkontribwixxi biex tinkiseb il-mira ta 'aċċess għall-broadband b’ veloċità ta’ mhux inqas minn 30 Mbps għal kulħadd sal-2020 fejn tal-inqas nofs id-djar tal-Unjoni ikollhom aċċess għall-broadband b'veloċità ta’ mill-inqas 100 Mbps, u hija importanti biex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività globali, u meħtieġa biex jinkisbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli ta’ suq diġitali uniku. Għandu wkoll jappoġġa u jippromwovi politika settorjali oħra tal-Unjoni bħal ambjent sostenibbli u inklużjoni ekonomika u soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Minħabba l-importanza tal-applikazzjonijiet bla fili għall-innovazzjoni, dan il-Programm huwa wkoll inizjattiva ewlenija li tappoġġa l-politika tal-Unjoni dwar l-innovazzjoni.

(9)

Dan l-ewwel programm għandu jistabbilixxi l-pedamenti għal żvilupp fejn l-Unjoni tista’ tkun ta’ eżempju fir-rigward tal-veloċitajiet, tal-mobbiltà, tal-kopertura u tal-kapaċità tal-broadband bla fili. Tali tmexxija hija essenzjali biex jiġi stabbilit suq uniku diġitali kompetittiv li jaħdem biex jinfetaħ is-suq intern għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

(10)

Dan il-programm għandu jispeċifika l-prinċipji u l-objettivi ta’ gwida għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni sal-2015, u għandu jistabbilixxi inizjattivi implimentattivi speċifiċi. Filwaqt li l-ġestjoni tal-ispettru għadha fil-parti l-kbira kompetenza nazzjonali, din għandha tkun eżerċitata f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni eżistenti u għandha tagħti lok għal azzjoni sabiex tkun segwita l-politika tal-Unjoni.

(11)

Il-programm għandu jqis ukoll id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u l-kompetenza teknika tal-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (minn issa il-quddiem imsejjħa “CEPT”) sabiex il-politika tal-Unjoni li tiddependi mill-ispettru u ġiet miftehma mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tkunu tista' tiġi implimentata b’miżuri tekniċi implimentattivi, jiġi innotat li tali miżuri jistgħu jittieħdu kull meta jkun meħtieġ sabiex tiġi implimentata l-politika tal-Unjoni diġà eżistenti.

(12)

Aċċess faċli għall-ispettru jista' jirrikjedi tipi ta’ kondizzjonijiet innovattivi ta’ awtorizzazzjoni bħall-użu kollettiv tal-ispettru, jew il-kondiviżjoni tal-infrastruttura, l-applikazzjoni bħal dawn fl-Unjoni tista’ tiġi ffaċilitata bl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u bl-inkoraġġiment tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, kif ukoll bid-definizzjoni ta’ ċerti kondizzjonijiet komuni jew konverġenti għall-użu tal-ispettru. L-awtorizzazzjonijiet ġenerali, li huma l-inqas tip ta’ awtorizzazzjoni oneruża, huma ta’ interess partikolari fejn l-interferenza ma tirriskjax li tfixkel l-iżvilupp ta’ servizzi oħrajn.

(13)

Filwaqt li għadhom qed jiġu żviluppati teknoloġikament, l-hekk imsejħa “teknoloġiji konjittivi” għandhom jiġu esplorati aktar minn issa, inkluż billi tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni abbażi tal-ġeolokalizzazzjoni.

(14)

In-negozju fid-drittijiet tal-ispettru ikkombinat ma’ kondizzjonijiet flessibbli ta’ użu jistgħu ikunu ta’ benefiċċju sostanzjali għat-tkabbir ekonomiku. Għalhekk, il-meded fejn il-liġi tal-Unjoni diġà introduċiet użu flessibbli għandhom ikunu jistgħu jiġu nnegozjati immedjatament f’konformità mad-Direttiva 2002/21/KE. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal tali meded u miżuri komuni sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ drittijiet tal-użu ta’ l-ispettru li tista’ toħloq pożizzjonijiet dominanti, kif ukoll nuqqas mhux xieraq ta’ l-użu ta’ dawn id-drittijiet, għandhom jiffaċilitaw l-introduzzjoni koordinata mill-Istati Membri kollha ta’ dawn il-miżuri u jiffaċilitaw l-akkwist ta’ drittijiet bħal dawn, ikun fejn ikun fl-Unjoni. L-użu kollettiv (jew kondiviż) tal-ispettru - bħala għadd indeterminat ta’ utenti indipendenti u/jew apparat biex jiġi aċċessat l-ispettru fl-istess firxa ta’ frekwenzi fl-istess ħin u f'żona ġeografika partikolari taħt sett iddefinit sew ta’ kondizzjonijiet - għandu jitrawwem fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/20/KE f’dak li jirrigwardja n-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

(15)

Kif ġie enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-broadband bla fili huwa mezz importanti sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni, lill-għażla tal-konsumaturi u lill-aċċess f’żoni rurali u żoni oħrajn fejn it-tqiegħed tal-broadband bil-fili huwa diffiċli jew mhux vijabbli ekonomikament. Madankollu, il-ġestjoni tal-ispettru tista’ taffettwa l-kompetizzjoni billi tbiddel ir-rwol u s-setgħa tal-parteċipanti fis-suq, pereżempju jekk l-utenti eżistenti jirċievu vantaġġi kompetittivi mhux dovuti. Aċċess limitat għall-ispettru, b’mod partikolari meta l-ispettru adattat isir iktar skars, jista’ joħloq ostakolu għad-dħul ta’ servizzi jew applikazzjonijiet ġodda u jfixkel l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni. L-akkwist ta’ drittijiet ġodda għall-użu tal-ispettru, inkluż permezz ta’ trasferiment jew twellija tal-ispettru jew ta’ transazzjonijiet oħrajn bejn l-utenti, u l-introduzzjoni ta’ kriterji flessibbli ġodda għall-użu tal-ispettru jista’ jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti. L-Istati Membri għandhom għalhekk jieħdu miżuri regolatorji ex ante jew ex post adatti (bħal azzjoni sabiex jiġu emendati d-drittijiet eżistenti, ikunu pprojbiti ċerti akkwisti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru, ikunu imposti kondizzjonijiet fuq il-ħżin tal-ispettru u fuq l-użu effiċjenti bħal dawk imsemmija fid-Direttiva 2002/21/KE, sabiex ikun limitat l-ammont ta’ spettru disponibbli għal kull impriża, jew sabiex tkun evitata akkumulazzjoni eċċessiva ta’ drittijiet tal-użu tal-ispettru) sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni skont il-prinċipji bażi tad-Direttiva 2002/20/KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta’ frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (8) (id-Direttiva “GSM”).

(16)

L-istabbiliment ta’ inventarju tal-użu tal-ispettru eżistenti flimkien ma’ analiżi ta’ xejriet teknoloġiċi, ħtiġijiet futuri u domanda għall-ispettru, b'mod partikolari bejn l-400 MHz u s-6 GHz, għandu jippermetti l-identifikazzjoni ta’ meded ta’ frekwenzi fejn l-effiċjenza tista' tittejjeb, u opportunitajiet ta’ kondiviżjoni tal-ispettru, għall-benefiċċju kemm tas-settur kummerċjali kif ukoll ta’ dak pubbliku. Il-metodoloġija għall-istabbiliment ta’ inventarju ta’ użi eżistenti ta’ l-ispettru għandha tieħu kont xieraq tal-piż amministrattiv fuq l-amministrazzjonijiet u għandu jkollha l-għan li timminimizza dak il-piż. Għaldaqstant, l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/344/KE tas-16 ta’ Mejju 2007 dwar id-disponibbiltà armonizzata tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispettru fil-Komunità (9) għandha titqies b'mod sħiħ fl-iżvilupp tal-metodoloġija biex jiġi stabbilit inventarju ta’ użi eżistenti tal-ispettru.

(17)

Standards armonizzati skont id-Direttiva 1999/5/KE huma essenzjali sabiex jinkiseb użu effiċjenti tal-ispettru u għandhom iqisu l-kondizzjonijiet tal-kondiviżjoni ddefiniti legalment. L-istandards Ewropej għat-tagħmir u għan-netwerks elettriċi u elettroniċi mhux tar-radju għandhom ukoll jevitaw disturbi għall-użu tal-ispettru. L-impatt kumulattiv taż-żieda fil-volum u fid-densità tal-apparat u tal-applikazzjonijiet bla fili flimkien mad-diversità tal-użu tal-ispettru jippreżenta sfida għall-approċċi attwali għall-ġestjoni tal-interferenzi. Dawn għandhom għalhekk jiġu eżaminati u vvalutati mill-ġdid flimkien mal-karatteristiċi tar-riċevituri u ma’ mekkaniżmi iktar sofistikati biex ikunu evitati l-interferenzi.

(18)

L-Istati Membri għandhom jitħallew, fejn ikun adatt, jintroduċu miżuri ta’ kumpens relatati ma’ spejjeż tal-migrazzjoni.

(19)

Skont l-objettivi tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-broadband bla fili jista’ jagħti kontribut sostanzjali għall-irkupru u għat-tkabbir ekonomiku jekk spettru suffiċjenti ikun magħmul disponibbli, id-drittijiet għall-użu tal-ispettru jingħataw malajr, u n-negozju jitħalla jadatta ruħu għall-evoluzzjoni tas-suq. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tappella biex sal-2020 iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkollhom aċċess għal veloċita' ta’ broadband ta’ mill-inqas 30 Mbps. Għaldaqstant, l-ispettru li diġà ġie kopert minn Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni eżistenti għandu jsir disponibbli taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ dawk id-Deċiżjonijiet. Soġġett għad-domanda fis-suq, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għandu jitwettaq skont id-Direttiva 2002/20/KE sal-31 ta’ Diċembru 2012 għal komunikazzjoni terrestri, biex jiġi żgurat aċċess faċli għal broadband bla fili għal kulħadd, b'mod partikolari f'meded ta’ frekwenzi indikati mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/411/KE (10), 2008/477/KE (11), u 2009/766/KE (12). Sabiex ikunu kkomplementati s-servizzi broadband terrestri u sabiex tkun żgurata il-kopertura taż-żoni l-iktar imbiegħda tal-Unjoni, aċċess broadband satellitari jista’ jkun soluzzjoni rapida u fattibbli.

(20)

Għandhom jiġu introdotti aktar arranġamenti flessibbli li jirregolaw l-użu tal-ispettru, fejn adatt, sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u l-konnessjonijiet veloċi bil-broadband, li jippermettu lill-impriżi jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jżidu l-kompetittività tagħhom u li jagħmlu possibbli l-iżvilupp ta’ servizzi interattivi ġodda online, pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, u tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

(21)

Peress li kważi 500 miljun persuna huma konnessi ma’ broadband veloċi fl-Ewropa għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern, joħloq massa kritika globalment unika ta’ utenti li jesponu lir-reġjuni kollha għal opportunitajiet ġodda u jagħtu lil kull utent valur miżjud u jagħtu lill-Unjoni l-kapaċità li tkun l-aqwa ekonomija bbażata fuq l-għarfien fid-dinja. It-tqiegħed rapidu tal-broadband huwa għalhekk kruċjali għall-iżvilupp tal-produttività Ewropea u għall-emerġenza ta’ intrapriżi ġodda u żgħar li jistgħu jkunu mexxejja f’setturi differenti, pereżempju fil-kura tas-saħħa, fil-manifattura u fl-industrija tas-servizzi.

(22)

Fl-2006, l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (“UIT”) stmat li r-rekwiżiti fil-futur tal-bandwidth tal-ispettru għall-iżvilupp tat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali-2000 (IMT-2000) u s-sistemi avvanzati IMT (jiġifieri komunikazzjoni bit-telefons ċellulari 3G u 4G) ser ikunu bejn 1 280 u 1 720 MHz fl-2020 għall-industrija tal-telefons ċellulari kummerċjali għal kull reġjun tal-UIT inkluża l-Ewropa. Għandu jiġi nnotat li l-figura aktar baxxa (1 280 MHz) hija ogħla mir-rekwiżiti għal xi pajjiżi. Barra minn hekk, hemm xi pajjiżi li għalihom ir-rekwiżit huwa akbar mill-ogħla ċifra (1 720 MHz). Dawn iż-żewġ ċifri jinkludu l-ispettru li diġà qed jintuża, jew li huwa ppjanat li jintuża, għal sistemi Pre-IMT, IMT-2000 u t-titjib tiegħu. Jekk l-ispettru addizzjonali meħtieġ ma jsirx disponibbli, preferibbilment b'mod armonizzat fil-livell globali, is-servizzi ġodda u t-tkabbir ekonomiku ser jiġu mfixkla minn restrizzjonijiet ta’ kapaċità fin-netwerks tat-telefon ċellulari.

(23)

Il-medda tat-800 MHz (790-862 MHz) hija ottimali biex żoni kbar ikunu koperti mis-servizzi broadband bla fili. Abbażi tal-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi skont id-Deċiżjoni 2010/267/UE, u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013 li tiffaċilita l-liberazzjoni tad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea (13) titlob biex ix-xandir analoġiku jintefa sal-1 ta’ Jannar 2012, u fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji nazzjonali rapidi, fil-prinċipju din il-medda għandha tkun disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni sal-2013. Fuq perijodu itwal, jista' jiġi previst ukoll spettru addizzjonali, fid-dawl tar-riżultati ta’ analiżi, ta’ xejriet teknoloġiċi, ħtiġijiet futuri u domanda għall-ispettru. Jekk titqies il-kapaċità tal-medda ta’ 800 MHz li titrasmetti f'żoni kbar, l-obbligi ta’ kopertura jistgħu jintrabtu mad-drittijiet, fejn ikun adatt.

(24)

Żieda fl-opportunitajiet ta’ broadband bla fili hija kruċjali biex is-settur kulturali jingħata pjattaformi ġodda ta’ distribuzzjoni, u b’hekk titwitta t-triq għall-iżvilupp b'suċċess tas-settur fil-futur.

(25)

Sistemi ta’ aċċess bla fili, inklużi n-netwerks lokali tar-radju, jistgħu jissuperaw l-allokazzjonijiet attwali tagħhom fuq bażi mhux liċenzjata. Il-ħtieġa għal u l-fattibbiltà li jiġu estiżi l-allokazzjonijiet tal-ispettru mingħajr liċenzja għal sistemi ta’ aċċess bla fili, inklużi n-netwerks ta’ aċċess lokali tar-radju, għal 2.4 GHz u 5 GHz, għandha tiġi vvalutata f'rabta mal-inventarju tal-użi attwali, u mal-ħtiġijiet emerġenti għall-ispettru, u li jiddependu fuq l-użu tal-ispettru għal għanjiet oħrajn.

(26)

Filwaqt li x-xandir ser jibqa' pjattaforma importanti ta’ distribuzzjoni ta’ kontenut, peress li din hi l-aktar pjattaforma ekonomika għad-distribuzzjoni tal-massa; il-broadband bil-fili u bla fili u servizzi oħrajn ġodda jagħtu opportunitajiet ġodda biex is-settur kulturali jiddiversifika l-firxa ta’ pjattaformi ta’ distribuzzjoni tiegħu, sabiex jipprovdi s-servizzi mitluba u biex isir użu mill-potenzjal ekonomiku taż-żieda kbira fit-traffiku tad-data.

(27)

Sabiex tingħata attenzjoni lill-prijoritajiet ta’ dan il- Programm pluriennali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw u jilħqu l-objettiv li jippermettu lill-Unjoni tieħu it-tmexxija fis-servizzi broadband għall-komunikazzjoni elettronika bla fili billi tagħmel disponibbli spettru biżżejjed f'meded kosteffiċjenti biex dawk is-servizzi jkunu aktar disponibbli.

(28)

Peress li approċċ komuni u l-ekonomiji ta’ skala huma kruċjali sabiex tiġi żviluppata komunikazzjoni broadband mal-Unjoni kollha u sabiex ikunu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq fost l-Istati Membri, xi wħud mill-aħjar prattiki dwar il-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u l- proċeduri għandhom jiġu identifikati f’azzjoni miftiehma fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu l-obbligi ta’ kopertura, id-daqs tal-blokk tal-ispettru, l-għażla taż-żmien meta jingħataw id-drittijiet, l-aċċess għall-operaturi tan-netwerk ċellulari virtwali u kemm idumu d-drittijiet tal-użu tal-ispettru. Filwaqt li jirriflettu l-importanza tan-negozju fl-ispettru għal użu effiċjenti dejjem ikbar tal-ispettru u jiżviluppaw is-suq intern għat-tagħmir u għas-servizzi bla fili, dawn il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għandhom japplikaw għall-meded ta’ frekwenzi li jiġu allokati lill-komunikazzjoni bla fili, u li għalihom id-drittijiet tal-użu jistgħu jiġu ttrasferiti jew imwellija.

(29)

Jista’ jkun meħtieġ spettru addizzjonali minn setturi oħrajn bħat-trasport (għal sistemi ta’ sikurezza, informazzjoni u ġestjoni), ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), is-saħħa elettronika, l-inklużjoni elettronika u, jekk tkun meħtieġa, il-protezzjoni tal-pubbliku u l-għajnuna f’diżastri (PPDR), fid-dawl tal-użu akbar tagħhom tat-trasmissjonijiet ta’ filmati u data għal servizz rapidu u aktar effiċjenti. L-ottimizzazzjoni tas-sinerġji bejn il-politika dwar l-ispettru u l-attivitajiet ta’ R&Ż kif ukoll it-twettiq ta’ studji dwar il-kompatibbiltà tar-radju bejn l-utenti differenti tal-ispettru għandhom jgħinu lill-innovazzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tar-riċerka taħt is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka, għall-Iżvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni (2007 sa 2013) jeżiġu l-eżami tal-ħtiġijiet relatati mal-ispettru tal-proġetti li jista’ jkollhom potenzjal ekonomiku jew ta’ investiment kbir, b’mod partikolari għall-SMEs, bħal per eżempju r-radju konjittiv jew is-saħħa elettronika. Għandha tkun żgurata anki protezzjoni adegwata minn interferenza dannuża sabiex ikunu sostnuti attivitajiet ta’ R&Ż u dawk xjentifiċi.

(30)

L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi l-objettivi ambjentali għal ekonomija sostenibbli, effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u kompetittiva, pereżempju billi ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’20 % sal-2020. Is-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandu rwol prinċipali x’jiżvolġi, kif ġie enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-azzjonijiet proposti jinkludu l-aċċellerazzjoni tat-tqiegħed mal-Unjoni kollha ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija intelliġenti (grids u miters intelliġenti) billi jintużaw kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni ħalli jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, u l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport u l-ġestjoni intelliġenti tat-traffiku sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mis-settur tat-trasport. L-użu effiċjenti tat-teknoloġiji tal-ispettru jista’ anki jgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija mit-tagħmir tar-radju u biex jiġi limitat l-impatt ambjentali f’żoni rurali u mbiegħda.

(31)

Approċċ koerenti għall-awtorizzazjoni tal-ispettru fl-Unjoni għandu jieħu kont sħiħ tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi li hija essenzjali għall-benesseri taċ-ċittadini. Filwaqt li osservat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta’ espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0Hz sa 300Hz) (14), huwa essenzjali li jiġi żgurat monitoraġġ kostanti tal-effetti jonizzanti u mhux jonizzanti tal-użu tal-ispettru fuq is-saħħa, inklużi l-effetti kumulattivi fuq il-ħajja reali tal-użu tal-ispettru f’diversi frekwenzi minn numru dejjem ikbar ta’ tipi ta’ tagħmir.

(32)

L-objettivi essenzjali ta’ interess ġenerali bħas-sikurezza tal-ħajja jappella għal soluzzjonijiet tekniċi koordinati għall-ħidma kkombinata tas-servizzi ta’ sikurezza u ta’ emerġenza bejn l-Istati Membri. Għandu jkun disponibbli fuq bażi koerenti spettru suffiċjenti għall-iżvilupp u għaċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u tal-apparat tas-sikurezza u għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet pan-Ewropej jew interoperabbli innovattivi ta’ sikurezza u ta’ emerġenza. Studji indikaw il-ħtieġa għal spettru armonizzat addizzjonali taħt il-1 GHz sabiex jiġu pprovduti servizzi broadband mobbli għall-PPDR, mal-Unjoni kollha bejn 5 u 10 snin li ġejjin.

(33)

Ir-regolamentazzjoni tal-ispettru għandha dimensjonijiet transkonfinali jew internazzjonali b'saħħithom, minħabba karatteristiċi ta’ propagazzjoni, in-natura internazzjonali tas-swieq li jiddependu minn servizzi bbażati fuq ir-radju, u l-ħtieġa li tkun evitata interferenza dannuża bejn il-pajjiżi.

(34)

Skont il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali jaqa' parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dak l-obbligu ta’ kooperazzjoni, kif kjarifikat f'każistika stabbilita sew, jirriżulta mill-prinċipju tal-għaqda fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(35)

L-Istati Membri jistgħu wkoll ikunu jeħtieġu appoġġ dwar il-koordinazzjoni tal-frekwenzi f’negozjati bilaterali flimkien ma’ pajjiżi ġirien tal-Unjoni, inklużi l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li ser jissieħbu, sabiex jissodisfaw l-obbligi fil-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni tal-frekwenzi. Dan għandu jgħin ukoll sabiex tkun evitata interferenza dannuża u tittejjeb l-effiċjenza tal-ispettru u l-konverġenza tal-użu tal-ispettru anki lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni.

(36)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huwa importanti li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali attwali għall-koordinazzjoni tal-politika u tal-ġestjoni tal-ispettru fil-livell tal-Unjoni, inkluż fi kwistjonijiet li jaffettwaw direttament żewġ Stati Membri jew aktar, filwaqt li jitqiesu b’mod sħiħ il-kompetenza u l-għarfien espert tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni huma wkoll essenzjali bejn il-korpi ta’ standardizzazzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u s-CEPT.

(37)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (15).

(38)

Peress li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, huwa bażikament, li jiġi stabbilit programm pluriennali ta’ politika tal-ispettru tar-radju, ma jistax jiġi milħuq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni proposta, ikun milħuq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artiklu, din id-Deċiżjoni ma tmurx iktar minn dak li hu neċċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(39)

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati miksuba taħt din id-Deċiżjoni, kif ukoll dwar l-azzjonijiet futuri ppjanati.

(40)

Fit-tfassil tal-proposta tagħha il-Kummissjoni ħadet bl-ikbar kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Grupp tal-Politika għall-Ispettru tar-Radju stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 (16),

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għan u Ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika ta’ l-ispettru tar-radju (minn issa il-quddiem imsejjaħ “il-Programm”) għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-suq intern fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni li jinvolvu l-użu ta’ spettru, bħall-politika tal-komunikazzjoni elettronika, tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, tat-trasport, tal-enerġija u tal-awdjoviżjoni.

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-disponibbiltà suffiċjenti tal-ispettru għal oqsma oħrajn ta’ politika tal-Unjoni bħall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna fid-diżastri, u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

2.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal-liġi eżistenti tal-Unjoni, b'mod partikolari tad-Direttivi 1999/5/KE, 2002/20/KE u 2002/21/KE, u soġġett għall-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, għad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, u għal miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni hi mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda fil-livell nazzjonali f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, li tfittex li tikseb objettivi ta’ interess ġenerali, b'mod partikolari dawk relatati mar-regolamentazzjoni tal-kontenut u tal-politika awdjoviżiva.

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw u jużaw l-ispettru tagħhom għal finijiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika u għad-difiża. Meta din id-Deċiżjoni jew miżuri adottati f’konformità magħha f'meded ta’ frekwenza speċifikati fl-Artikolu 6 li jaffettwaw l-użu tal-ispettru użat minn Stat Membru esklużivament u direttament għall-finijiet tiegħu ta’ sigurtà pubblika jew difiża, l-Istat Membru, safejn ikun meħtieġ, jista' jkompli juża din il-medda ta’ frekwenza għall-finijiet ta’ sigurtà pubblika u difiża sakemm is-sistemi li hemm fil-medda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni jew ta’ miżura adottata f’konformità magħha, rispettivament, jitneħħew gradwalment. Dak l-Istat Membru għandu jinnotifika debitament lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 2

Prinċipji regolatorji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji regolatorji ġenerali li ġejjin fl-Unjoni kollha:

(a)

tiġi applikata l-iktar sistema ta’ awtorizzazzjoni adatta u dik l-anqas oneruża possibbli b’tali mod li jiġu massimizzati l-flessibbiltà u l-effiċjenza fl-użu ta’ l-ispettru. Tali sistema ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati;

(b)

jitrawwem l-iżvilupp tas-suq intern billi tiġi promossa l-emerġenza ta’ servizzi diġitali futuri fl-Unjoni kollha u billi titrawwem kompetizzjoni effettiva;

(c)

jiġu promossi l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi evitata interferenza dannuża u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kwalità teknika tas-servizz sabiex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà tas-servizzi broadband u jkun hemm rispons effettiv għal aktar traffiku ta’ data bla fili;

(d)

tiddefenixxi l-kondizzjonijiet tekniċi ta’ l-użu ta’ l-ispettru, jittieħed kont sħiħ tal-liġi tal-Unjoni rilevanti, inkluż il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għal kampi elettromanjetiċi;

(e)

tiġi promossa n-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizzi fid-drittijiet tal-użu tal-ispettru, meta possibbli.

2.   Għall-komunikazzjoni elettronika, minbarra l-prinċipji regolatorji ġenerali ddefiniti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-prinċipji speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw, f'konformità mal-Artikoli 8a, 9, 9a u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE u mad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE:

(a)

tiġi applikata n-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizzi fid-drittijiet ta’ l-użu ta’ l-ispettru għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u t-trasferiment jew it-twellija ta’ drittijiet individwali tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju;

(b)

tiġi promossa l-armonizzazzjoni tal-użu tal-frekwenzi tar-radju fl-Unjoni kollha, konsistenti mal-ħtieġa li jiġi żgurat użu effettiv u effiċjenti tagħhom;

(c)

jiġi ffaċilitat aktar traffiku ta’ data bla fili u servizzi broadband, b’mod partikolari billi titrawwem il-flessibbiltà, u tkun promossa l-innovazzjoni, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi evitata l-interferenza dannuża u tiġi żgurata l-kwalità teknika tas-servizz.

Artikolu 3

Objettivi tal-politika

Sabiex jiffokaw fuq il-prijoritajiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jappoggjaw u jilħqu l-objettivi tal-politika li gejjin:

(a)

ikun inkoraġġit il-ġestjoni u l-użu effiċjenti tal-ispettru sabiex tiġi sodisfatta bl-aħjar mod id-domanda li dejjem tiżdied għall-użu tal-frekwenzi li jirriflettu l-valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti tal-ispettru;

(b)

ikun hemm sforz biex jiġi allokat fil-ħin spettru suffiċjenti u adatt sabiex ikunu appoġġati l-objettivi tal-politika tal-Unjoni u biex tiġi sodisfatta bl-aħjar mod id-domanda dejjem ikbar għat-traffiku tad-data bla fili, biex b’hekk jippermettu l-iżvilupp ta’ servizzi kummerċjali u pubbliċi, filwaqt li jitqiesu objettivi importanti ta’ interess ġenerali bħalma huma d-diversità kulturali u pluraliżmu tal-media; għal dak il-għan, għandu jsir kull sforz biex jiġu identifikati, abbażi tal-inventarju stabbilit skond l-Artikolu 9, mill-inqas 1 200 MHz tal-ispettru adattat sa 2015. Din il-figura tinkludi l-ispettru li diġà qed jintuża;

(c)

titnaqqas il-qasma diġitali u tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, billi jitrawwem l-aċċess għall-broadband b'veloċita' ta’ mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020 għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jsir possibbli li l-Unjoni jkollha l-ogħla veloċità u kapaċità ta’ broadband possibbli;

(d)

tingħata l-possibbiltà lill-Unjoni li tkun ta’ eżempju fis-servizzi broadband ta’ komunikazzjoni elettronika bla fili billi tiftaħ spettru suffiċjenti f'meded kosteffiċjenti biex dawk is-servizzi jkunu disponibbli f'medded kbar;

(e)

jiġu żgurati opportunitajiet kemm għas-settur kummerċjali kif ukoll għal dawk pubbliċi permezz ta’ żieda fil-kapaċitajiet tal-broadband mobbli;

(f)

jiġu promossi l-innovazzjoni u l-investiment permezz ta’ flessibbiltà msaħħa fl-użu tal-ispettru, permezz ta’ applikazzjoni konsistenti fl-Unjoni kollha tal-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz bejn soluzzjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jiġu adottati u permezz ta’ prevedibbiltà regolatorja adegwata kif provdut, fost l-oħrajn, fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika permezz tal-ftuħ ta’ spettru armonizzat għal teknoloġiji avvanzati ġodda u permezz tal-possibbiltà li jiġu nnegozjati d-drittijiet tal-użu tal-ispettru, b'hekk jinħolqu opportunitajiet li jiġu żviluppati servizzi diġitali futuri għal-Unjoni kollha;

(g)

jiġi ffaċilitat l-aċċess faċli għall-ispettru billi jsir użu mill-benefiċċji tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali għal komunikazzjoni elettronika f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/20/KE;

(h)

tiġi inkoraġġita l-kondiviżjoni tal-infrastruttura passiva fejn din tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja, kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/21/KE;

(i)

tinżamm u tiġi żviluppata kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari fis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, billi jkun hemm sforz biex jiġu evitati permezz ta’ miżuri ex-ante, jew rimedji ex-post, l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ drittijiet tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju minn ċertu impriżi li tirriżulta fi ħsara sinifikanti lill-kompetizzjoni;

(j)

titnaqqas il-frammentazzjoni u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern sabiex jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-ekonomiji ta’ skala fil-livell tal-Unjoni billi jissaħħu l-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi għall-użu u d-disponibbiltà tal-ispettru, kif adatt;

(k)

tkun evitata interferenza jew disturbi dannużi minn apparat ieħor tar-radju jew mhux tar-radju, fost l-oħrajn, billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ standards li jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti tal-ispettru, u billi titkabbar l-immunità tar-riċevituri għall-interferenza, fejn jitqies partikolarment l-impatt kumulattiv tal-volumi u tad-densità dejjem ikbar tal-apparati u tal-applikazzjonijiet tar-radju;

(l)

titrawwem l-aċċessibbiltà tal-prodotti u t-teknoloġiji l-ġodda għall-konsumatur sabiex tiġi żgurata l-approvazzjoni tal-konsumatur għat-transizzjoni għat-teknoloġija diġitali u biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tad-dividend diġitali;

(m)

titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-Unjoni billi tittejjeb l-effiċjenza teknika u dik tal-enerġija tan-netwerks u t-tagħmir tal-komunikazzjoni bla fili.

Artikolu 4

Iktar effiċjenza u flessibbiltà

1.   L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom fejn adatt, irawmu l-użu kollettiv tal-ispettru kif ukoll l-użu kondiviż tal-ispettru.

L-Istati Membri għandhom irawmu wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji attwali u ġodda, pereżempju, fir-radju konjittiv, inklużi dawk li jużaw “spazji bojod”.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex itejbu l-flessibbiltà fl-użu tal-ispettru, sabiex jippromwovu l-innovazzjoni u l-investiment, permezz tal-possibbiltà li jintużaw teknoloġiji ġodda u permezz ta’ trasferiment jew twellija tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw sabiex irawmu l-iżvilupp u l-armonizzazzjoni tal-istandards għat-tagħmir tar-radju u għat-terminali tat-telekomunikazzjoni kif ukoll għat-tagħmir u għan-netwerks elettriċi u elettroniċi bbażati, fejn ikun meħtieġ, fuq mandati ta’ standardizzazzjoni mill-Kummissjoni lill-korpi ta’ standardizzazzjoni rilevanti. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-istandards għat-tagħmir li jintuża minn persuni b'diżabbiltà.

4.   L-Istati Membri għandhom irawmu attivitajiet tar-R&Ż fit-teknoloġiji ġodda bħat-teknoloġiji konjittivi u l-bażijiet tad-data tal-ġeolokazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fejn adatt, kriterji għas-selezzjoni u proċeduri għall-għotja ta’ drittijiet tal-użu tal-ispettru li jippromwovu l-kompetizzjoni, l-investiment u l-użu effiċjenti tal-ispettru bħala ġid pubbliku, kif ukoll li jippromwovu l-koeżistenza bejn servizzi u tagħmir ġodda u eżistenti. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu effiċjenti kontinwu tal-ispettru għal netwerks, apparat u applikazzjonijiet.

6.   Fejn meħtieġ sabiex ikun żgurat l-użu effettiv tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru u jkun evitat il-ħżin tal-ispettru, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jieħdu miżuri adatti, bħal penali finanzjarji, l-użu ta’ għodod ta’ tariffi ta’ inċentiv jew l-irtirar tad-drittijiet. Tali mizuri ghandhom jigu stabbiliti u applikati b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u proporzjonat.

7.   Sal-1 ta’ Jannar 2013 l-Istati Membri għandhom jadottaw għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, miżuri ta’ allokazzjoni u awtorizzazzjoni adatti għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ broadband, f'konformità mad-Direttiva 2002/20/KE, bil-għan li jinkisbu l-ogħla kapaċità possibbli u veloċitajiet ta’ broadband.

8.   Sabiex tkun evitata il-frammentazzjoni possibbli tas-suq intern minħabba kriterji diverġenti għas-selezzjoni u proċeduri għall-armonizzazzjoni tal-ispettru allokati lis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li setgħu jiġu nnegozjati fl-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE, il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, tiffaċilita l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar tali spettru biex tiżdied il-konsistenza fl-Unjoni kollha, li tinkiseb permezz tal-prinċipji ta’ newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz.

Artikolu 5

Kompetizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu kompetizzjoni effettiva u għandhom jevitaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika skont id-Direttivi 2002/20/KE u 2002/21/KE.

Huma għandhom ukoll jieħdu kont tal-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni meta jagħtu d-drittijiet tal-użu tal-ispettru lil utenti ta’ netwerks privati ta’ komunikazzjoni elettronika.

2.   Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-miżuri adottati mill-Istati Membri sabiex jinkisbu objettivi ta’ interess ġenerali skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21/KE l-Istati Membri jistgħu jadottaw, inter alia, miżuri:

(a)

li jillimitaw l-ammont ta’ spettru li għalih jingħataw drittijiet tal-użu lil kwalunkwe impriża, jew li jorbtu kondizzjonijiet ma’ tali drittijiet tal-użu, bħall-provvista ta’ aċċess bl-ingrossa, roaming nazzjonali jew reġjonali, f’ċerti meded jew f’ċerti gruppi ta’ meded b’karatteristiċi simili, pereżempju l-meded taħt il-1 GHz allokati lis-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.Tali kondizzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu imposti biss mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(b)

li jirriservaw, jekk ikun adatt fir-rigward tal-qagħda fis-suq nazzjonali, ċerta parti minn medda jew grupp ta’ meded ta’ frekwenza biex tiġi assenjata lil utenti ġodda;

(c)

li jirrifjutaw li jagħtu drittijiet ġodda tal-użu tal-ispettru jew jippermettu użi ġodda tal-ispettru f’ċerti medded, jew jorbtu kondizzjonijiet mal-għoti ta’ drittijiet tal-użi ġodda tal-ispettru jew mal-awtorizzazzjoni tal-użi tal-ispettru ġodda, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni minn kwalunkwe assenjazzjoni, trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet tal-użu;

(d)

li jipprojbixxu jew jimponu kondizzjonijiet fuq trasferimenti ta’ drittijiet tal-użu tal-ispettru, li ma jkunux soġġetti għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni, meta dawn it-tipi tat-trasferimenti x'aktarx jirriżultaw fi ħsara sinifikanti lill-kompetizzjoni;

(e)

li jemendaw id-drittijiet eżistenti f'konformità mad-Direttiva 2002/20/KE meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi rrimedjata ex-post id-distorsjoni tal-kompetizzjoni minn kwalunkwe trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju.

3.   Meta l-Istati Membri jkunu jixtiequ jadottaw kwalunkwe miżura imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artiklu, huma għandhom jaġixxu f’konformità mal-proċeduri għall-impożizzjoni jew il-varjazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-użu tal-ispettru stipulati fid-Direttiva 2002/20/KE.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ selezzjoni għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jippromwovu kompetizzjoni effettiva għall-benefiċċju taċ-ċittadini, konsumaturi u n-negozji fl-Unjoni.

Artikolu 6

Ħtiġijiet tal-ispettru għall-komunikazzjoni broadband bla fili

1.   L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li fl-Unjoni jkun disponibbli spettru suffiċjenti għal finijiet ta’ kopertura u ta’ kapaċità, sabiex l-Unjoni jkun jista' jkollha l-ogħla veloċitajiet ta’ broadband fid-dinja, sabiex l-applikazzjonijiet bla fili u t-tmexxija Ewropea fir-rigward tas-servizzi l-ġodda jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tkabbir ekonomiku, u għal kisba tal-mira liċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal broadband b’veloċitajiet ta’ mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020.

2.   Sabiex jippromwovu d-disponibbiltà akbar ta’ servizzi broadband bla fili għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-konsumaturi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-meded koperti mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/411/KE (3,4–3,8 GHz), 2008/477/KE (2,5-2,69 GHz), u 2009/766/KE (900/1 800 MHz) skont it-termini u l-kondizzjonijiet deskritti f'dawk id-deċiżjonijiet. Soġġett għad-domanda tas-suq, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-31 ta’ Diċembru 2012 mingħajr preġudizzju għat-tqiegħed eżistenti tas-servizzi, u skont kondizzjonijiet li jippermettu aċċess faċli għal servizzi ta’ broadband bla fili lill-konsumaturi.

3.   L-Istati Membri għandhom irawmu l-aġġornament kontinwu min-naħa tal-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tagħhom għat-teknoloġija l-aktar riċenti u l-aktar effiċjenti, bil-għan li joħolqu d-dividendi tal-ispettru tagħhom stess f'konformità mal-prinċipji tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġija.

4.   L-Istati Membri għandhom, sal-1 ta’ Jannar 2013 iwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jippermettu l-użu tal-medda tat-800 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-Kummissjoni għandha tagħti derogi speċifiċi sal-31 ta’ Diċembru tal-2015 lil Stati Membri li fihom ċirkostanzi nazzjonali jew lokali eċċezzjonali jew problemi ta’ koordinazzjoni tal-frekwenza transkonfinali li jipprevjenu d-disponibbiltà tal-medda, u taħdem fuq applikazzjoni debitament motivata mill-Istat Membru kkonċernat.

Jekk wara l-31 ta’ Diċembru 2015, jippersistu problemi sostanzjati ta’ koordinazzjoni tal-frekwenza transkonfinali ta’ Stat Membru ma’ pajjiż wieħed jew aktar, inklużi pajjiżi kandidati jew pajjiżi li se jissieħbu, u jipprevjenu d-disponibbiltà ta’ medda ta’ 800 MHz, il-Kummissjoni għandha tagħti derogi eċċezzjonali fuq bażi annwali sakemm dawn il-problemi jiġu risolti.

Stat Membru li lilu ngħatat deroga skont l-ewwel jew t-tieni subparagrafu għandu jiżgura li l-użu ta’ medda ta’ 800 MHz ma tipprevjeniex d-disponibbiltà ta’ dik il-medda għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika apparti minn dawk tax-xandir fl-Istati Membri ġirien.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-problemi ta’ koordinazzjoni tal-ispettru fir-Repubblika ta’ Ċipru li jirrizultaw mill-fatt li l-Gvern ta’ Ċipru ma jistax jeżerċita kontroll effettiv f'parti mit-territorju tiegħu.

5.   L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jissorveljaw kontinwament ir-rekwiżiti ta’ kapaċità għal servizzi ta’ broadband bla fili. Abbażi tar-riżultati tal-analiżi msemmija fl-Artikoli 9(4), il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lil Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 2015 dwar jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni biex jiġu armonizzati meded oħrajn ta’ frekwenza.

L-Istati Membri jistgħu jiżguraw li, fejn huwa adatt u f'konformita' mal-liġi tal-Unjoni l-ispiża diretta għall-migrazzjoni jew l-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru tkun adegwatament ikkumpensata skont il-liġi nazzjonali.

6.   L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jippromwovu l-aċċess għal servizzi broadband li jużaw il-medda 800MHz f'żoni remoti u b'popolazzjoni baxxa, fejn ikun adatt. Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw modi u fejn ikun adatt, jieħdu miżuri tekniċi u regolatorji biex jiżguraw li l-ftuħ tal-medda ta’ 800 MHz ma taffettwax ħażin lill-utenti tal-ħolqien ta’ programmi u ta’ avvenimenti speċjali (PMSE).

7.   Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tivvaluta l-ġustifikazzjoni u l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-allokazzjonijiet ta’ spettru mhux liċenzjat għal sistemi ta’ aċċess bla fili, inklużi netwerks tar-radju għal żoni lokali.

8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasferiment jew it-twellija ta’ drittijiet tal-użu tal-ispettru fil-meded armonizzati 790-862 MHz, 880–915 MHz, 925–960 MHz, 1 710–1 785 MHz, 1 805–1 880 MHz, 1 900–1 980 MHz, 2 010–2 025 MHz, 2 110–2 170 MHz, 2,5–2,69 GHz, u 3,4–3,8 GHz.

9.   Sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal servizzi diġitali avvanzati inkluż il-broadband, b’mod partikolari f'żoni mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jesploraw id-disponibbiltà ta’ spettru suffiċjenti għall-provvista ta’ servizzi satellitari broadband li jipprovdu l-possibbiltà ta’ aċċess għall-Internet.

10.   L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jeżaminaw il-possibbiltà li jinxterdu d-disponibbiltà u l-użu taċ-ċelloli pico u femto. Huma għandhom iqisu b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ dawk l-istazzjonijiet ta’ bażi ċellulari u tal-użu kondiviż u mingħajr liċenzja tal-ispettru biex tiġi pprovduta l-bażi għal netwerks bla fili tat-tip mesh, li jista’ jkollhom rwol ewlieni biex titnaqqas il-qasma diġitali.

Artikolu 7

Ħtiġijiet relatati tal-ispettru għal politika oħra ta’ komunikazzjoni bla fili

Sabiex jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-media awdjoviżiva innovattiva u ta’ servizzi oħrajn għaċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta’ suq diġitali uniku, l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li hemm disponibbiltà suffiċjenti tal-ispettru għall-provvista satellitari u terrestri ta’ servizzi bħal dawn, jekk il-ħtieġa tkun sostanzjata b'mod ċar.

Artikolu 8

Ħtigijiet relatati tal-ispettru għal politika speċifika oħra tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-ispettru u jipproteġu l-frekwenzi tar-radju meħtieġa għall-monitoraġġ tal-atmosfera u tas-superfiċje tad-Dinja, jippermettu l-iżvilupp u l-isfruttament tal-applikazzjonijiet spazjali u jtejbu s-sistemi ta’ trasport, b’mod partikolari għas- sistema ċivili globali ta’ navigazzjoni bis-satellita stabbiliti taħt il-Programm GALILEO (17), il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) (18), u sistemi intelliġenti ta’ sikurezza tat-trasport u ġestjoni tat-trasport.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, twettaq studji dwar l-iffrankar tal-enerġija fl-użu tal-ispettru sabiex jikkontribwixxu għal politika ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u għandhom jikkondisdraw jagħmlu l-ispettru għad-dispożizzjoni tat-teknoloġiji bla fili b’potenzjal biex jittejbu l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija ta’ netwerks oħrajn ta’ distribuzzjoni bħall-provvista tal-ilma, inklużi l-grids intelliġenti tal-enerġija u s-sistemi ta’ miters intelliġenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipprova tiżgura li jkun disponibbli spettru suffiċjenti f’kondizzjonijiet armonizzati sabiex ikun appoġġat l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ sikurezza u ċ-ċirkolazzjoni libera tal-apparat relatat kif ukoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet interoperabbli innovattivi għas-sikurezza u l-protezzjoni tal-pubbliku, għall-protezzjoni ċivili u għall-għajnuna f’każ ta’ diżastru.

4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkollaboraw mal-komunità xjentifika u akkademika biex jidentifikaw għadd ta’ inizjattivi ta’ riċerka u ta’ żvilupp kif ukoll applikazzjonijiet innovattivi li jista’ jkolhom impatt soċjoekonomiku kbir u/jew potenzjal għal investiment u jikkunsidraw il-ħtiġijiet relatati mal-ispettru ta’ applikazzjonijiet bħal dawn u, fejn meħtieġ, jikkunsidraw l-allokazzjoni ta’ spettru suffiċjenti għal applikazzjonijiet bħal dawn f’kondizzjonijiet tekniċi armonizzati u bl-inqas piż amministrattiv oneruż.

5.   L-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovaw jiżguraw il-meded ta’ frekwenza meħtieġa għall-PMSE, skont l-objettivi tal-Unjoni biex jittejbu l-integrazzjoni tas-suq intern u l-aċċess għall-kultura.

6.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipprovaw jiżguraw id-disponibbiltà tal-ispettru għall-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID) u teknoloġiji oħrajn tal-komunikazzjoni bla fili tal-“Internet tal-Affarijiet” (Internet of Things - IoT) u għandhom jikkooperaw biex irawmu l-iżvilupp tal-istandards u l-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-komunikazzjoni tal-IoT fl-Istati Membri.

Artikolu 9

Inventarju

1.   Inventarju ta’ użi eżistenti tal-ispettru, kemm għal finijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk pubbliċi huwa b'dan stabbilit.

L-inventarju għandu jservi għall-objettivi li ġejjin:

(a)

jippermetti l-identifikazzjoni ta’ meded ta’ frekwenza fejn l-effiċjenza tal-użi eżistenti tal-ispettru tista' tittejjeb;

(b)

jgħin fl-identifikazzjoni ta’ meded tal-ispettru li jistgħu ikunu adattati għal opportunitajiet ta’ allokazzjoni mill-ġdid u kondiviżjoni tal-ispettru sabiex tiġi appoġġata l-politika tal-Unjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqiesu ħtiġijiet futuri għal spettru bbażat, fost l-oħrajn, fuq it-talbiet tal-konsumaturi u l-operaturi, u l-possibbiltà li jiġu sodisfatti tali ħtiġijiet;

(c)

jgħin fl-analiżi tad-diversi tipi ta’ użu tal-ispettru kemm minn utenti privati kif ukoll minn dawk pubbliċi;

(d)

jgħin fl-identifikazzjoni ta’ meded ta’ frekwenza li jistgħu jiġu allokati jew allokati mill-ġdid sabiex jittejjeb l-użu effiċjenti tagħhom, tiġi promossa l-innovazzjoni u tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq intern, fl-esplorazzjoni ta’ mezzi ġodda għall-kondiviżjoni tal-ispettru, għall-benefiċċju kemm ta’ utenti privati kif ukoll ta’ dawk pubbliċi, filwaqt li jitqies l-impatt potenzjali pożittiv u negattiv tal-allokazzjoni u ta’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ tali meded u tal-meded li jmissu magħhom fuq l-utenti eżistenti.

2.   Għall-iskop li tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħti l-akbar konsiderazzjoni lill-fehmiet tal-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), għandha tadotta l-atti implimentattivi sal-1 ta’ Lulju 2013:

(a)

l-iżvilupp ta’ arranġamenti prattiċi u formati uniformi għall-ġbir u l-provvista ta’ data dwar l-użi eżistenti tal-ispettru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, dment li jiġu rispettati r-regoli ta’ kunfidenzjalità fin-negozju skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u d-dritt tal-Istati Membri li ma jagħtux informazzjoni kunfidenzjali huma osservati, b'kont meħud tal-għan li jitnaqqas l-piż amministrattiv u l-obbligi eżistenti fuq l-Istati Membri skont liġi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari obbligazzjonijiet li tiġi pprovduta informazzjoni speċifika;

(b)

l-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-analiżi ta’ xejriet teknoloġiċi, ħtiġijiet futuri u d-domanda għall-ispettru f'oqsma ta’ politika tal-Unjoni koperti minn din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari għal dawk is-servizzi li jistgħu joperaw fil-medda ta’ frekwenza minn 400 MHz għal 6 GHz, sabiex jiġu identifikati l-użi sinifikanti li qed jiżviluppaw u dawk potenzjali tal-ispettru;

Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 f'konformità mal-atti implimentattivi imniżżla fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq l-analiżi ta’ xejriet teknoloġiċi, ħtiġijiet futuri u d-domanda għall-ispettru f'konformità mal-atti implimentattivi msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq ir-riżultati ta’ din l-analiżi.

Artikolu 10

Negozjati internazzjonali

1.   F'negozjati internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet tal-ispettru, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa' fil-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(b)

jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa' parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovaw jistabbilixxu pożizzjoni komuni f'konformità mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera;

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw f'konformità mal-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

2.   L-Unjoni għandha, meta tintalab tagħmel dan, tassisti lill-Istati Membri b'appoġġ legali, politiku u tekniku sabiex ikunu solvuti kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni tal-ispettru ma’ pajjiżi ġirien tal-Unjoni inklużi pajjiżi kandidati u pajjiżi li ser jissieħbu, b'tali mod li l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu josserva l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Fl-għoti ta’ assistenza bħal din, l-Unjoni għandha tuża s-setgħat kollha politiċi u legali tagħha biex tippromwovi l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni.

L-Unjoni għandha tappoġġa wkoll l-isforzi ta’ pajjiżi terzi biex jimplimentaw ġestjoni tal-ispettru li jkunu kompatibbli ma’ dawk tal-Unjoni, sabiex jiġu salvagwardjati l-objettivi tal-politika dwar l-ispettru tal-Unjoni.

3.   Meta jkunu qed jinnegozjaw b’mod bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta bl-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni. Meta jiffirmaw jew jaċċettaw b’xi mod ieħor kwalunkwe obbligu internazzjonali li jikkonċerna l-ispettru, l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw il-firma tagħhom jew kwalunkwe att ieħor ta’ aċċettazzjoni b’dikjarazzjoni konġunta li tiddikjara li għandhom jimplimentaw tali ftehimiet jew impenji internazzjonali skont l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Kooperazzjoni fost il-korpi differenti

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex itejbu l-isfond istituzzjonali attwali, sabiex irawmu koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-ispettru fil-livell tal-Unjoni, inkluż fi kwistjonijiet li jaffetwaw direttament żewġ Stati Membri jew iktar, bil-għan li jigi żviluppat is-suq intern u jkun żgurat li l-objettivi tal-politika dwar l-ispettru tal-Unjoni jintlaħqu b’mod sħiħ.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi ta’ standardizzazzjoni, is-CEPT, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u l-partijiet rilevanti kollha biex jikkooperaw mill-qrib fi kwistjonijiet tekniċi sabiex ikun promoss l-użu effiċjenti tal-ispettru. Għal dan il-għan, huma għandhom iżommu rabta koerenti bejn il-ġestjoni u l-istandardizzazzjoni tal-ispettru b’tali mod li jsaħħu s-suq intern.

Artikolu 12

Konsultazzjoni pubblika

Meta adatt, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi sabiex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha kif ukoll il-fehmiet tal-pubbliku inġenerali dwar l-użu tal-ispettru fl-Unjoni.

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att implimentattiv u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14

Konformità mal-orjentazzjonijiet u l-objettivi tal-politika

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk l-orjentazzjoniji u objettivi tal-poltika imniżla f'din id-Deċiżjoni sal-1 ta’ Lulju 2015 sakemm mhux speċifikat mod ieħor f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Rappurtar u Evalwazzjoni

Sa … (19) il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet żviluppati u l-miżuri adottati skont din id-Deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iskop ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-…, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-13 ta’ Diċembru 2011. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(4)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 196, 17.7.1987, p. 85.

(9)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 67.

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/411/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn it-3 400 u t-3 800 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (ĠU L 144, 4.6.2008,p.77.).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/477/KE tat-13 ta’ Ġunju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500 - 2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 37.).

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta’ komunikazzjoni fil-Komunità (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 32.).

(13)  ĠU L 308, 24.11.2009,p.24.

(14)  ĠU L 199, 30.7.1999,p.59.

(15)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(16)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(17)  Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).

(18)  Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1).

(19)  Sentejn wara id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-20 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel Programm tal-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (minn hawn ’il quddiem: RSPP) (1)

2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fis-16 ta’ Frar 2011.

3.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-11 ta’ Mejju 2011.

4.

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tieħgu fl-ewwel qari fit-13 ta’ Diċembru 2011.

II.   OBJETTIV

Il-RSPP jistabbilixxi programm ta’ politika għal ħames snin bil-għan li tiġi promossa l-ġestjoni effiċjenti tal-ispettru tar-radju u, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li sal-2013 isir disponibbli spettru suffiċjenti għal broadband bla fili, li ser jikkontribwixxi biex jipprovdi konnessjonijiet rapidi lil persuni f’żoni remoti u biex servizzi innovattivi jsiru disponibbli fl-UE.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

Ġenerali

1.

Il-Parlament Ewropew esprima appoġġ ġenerali għall-proposta tal-Kummissjoni u adotta 87 emenda għaliha.

2.

Il-Kunsill jista’ jaqbel b’mod ġenerali mal-ispirtu ta’ dawn l-emendi u ħa kont estensiv tagħhom meta fassal il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

3.

Il-proposta kienet soġġetta għal ħames trijalogi informali mal-Parlament Ewropew fit-12 u l-20 ta’ Settembru u fl-4, il-11 u l-24 ta’ Ottubru 2011.

4.

Fir-rigward tal-emendi tal-Parlament għall-Premessi, il-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari aċċetta b’mod sħiħ, parzjalment jew inprinċipju l-emendi 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 9, 10, 17, 18, 19, 21, 22, 23, 27, 40.

Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari: 8, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 20, 24, 25, 26, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34.

5.

Fir-rigward tal-emendi tal-Parlament għall-Artikoli, il-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari aċċetta b’mod sħiħ, parzjalment jew inprinċipju l-emendi 35, 36, 37, 38, 39, 40, 41, 42, 43, 45, 47, 48, 90, 51, 52, 53, 54, 59, 60, 61, 62, 63, 65, 66, 67, 70, 71, 73, 92, 75, 76, 77, 79, 80, 81.

Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari: 44, 46, 49, 55, 56, 57, 58, 64, 68, 69, 72, 78, 82, 83, 84, 85, 86, 87, 88

Kummenti speċifiċi

1.

Matul it-trijalogi, il-koleġislaturi ffukaw id-diskussjonijiet tagħhom fuq id-dispożizzjonijiet leġislattivi li jittrattaw: id-disponibbiltà tal-ispettru għat-traffiku ta’ data bla fili (l-emenda 38), il-kwistjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu dwar il-kompetizzjoni (l-Artikolu 5) għandux imur lil hinn mis-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jkopri wkoll oqsma oħra ta’ poltika tal-UE li jiddependu mill-ispettru tar-radju (l-emendi 57, 58); dwar kif l-aħjar jiġi stabbilit inventarju dawr l-użu tal-ispettru (l-emendi 82, 83, 84); u l-kwistjoni tal-ispettru fin-negozjati internazzjonali u bilaterali (l-emendi 85, 86, 87).

2.

Fir-rigward tal-ispettru għat-traffiku ta’ data bla fili, il-Kunsill laqa’ t-talba tal-Parlament għal mira kwantitattiva li għandha tiġi identifikata sal-2015. Inġenerali, madankollu, ġie maqbul li l-programm ta’ politika tal-ispettru tar-radju m’għandux jirreferi għal faxex ta’ frekwenza speċifiċi jew għal ammonti speċifiċi ta’ frekwenzi possibilment meħtieġa għall-applikazzjoni jew l-oħra, peress li dan jipprevjeni l-eżitu tal-investigazzjonijiet li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-inventarju tal-ispettru.

3.

Peress li ma kien hemm l-ebda eżempju konkret, li seta’ jiċċara fejn problemi potenzjali ta’ kompetizzjoni jistgħu jirriżultaw bejn is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u linji ta’ politika oħra tal-UE dwar l-ispettru tar-radju, bħar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, it-trasport, l-enerġija u l-awdjo-viżwali, il-Kunsill illimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu dwar il-kompetizzjoni għas-servizzi ta’ kommunikazzjoni elettronika.

4.

Peress li la l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni dwar l-inventarju tal-ispettru u lanqas l-emendi tal-Parlament għaliha ma kienu kkunsidrati mill-Kunsill bħala proposti adatti, il-Kunsill abozza mill-ġdid id-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti.

5.

Dwar il-kwistjoni tal-ispettru fin-negozjati internazzjonali, aktar milli jappoġġa l-elementi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni u l-Parlament f’dan ir-rigward, il-Kunsill ipprefera li fil-programm tal-politika tal-ispettru tar-radju jfakkar fil-prinċipji diġà stabbiliti, li japplikaw għan-negozjati tal-ispettru internazzjonali.

IV.   KONKLUŻJONI

Billi jadotta l-pożizzjoni tiegħu kif imniżżla fid-dokument 16226/1/11, il-Kunsill jittama li l-Parlament Ewropew jista’ jikkonferma l-qbil milħuq fost l-istituzzjonijiet u b’hekk ikun jista’ jkun hemm adozzjoni bikrija tad-Deċiżjoni.


(1)  Dok. 13872/10.


Top