Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AG0003

    Pożizzjoni (UE) Nru 3/2012 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Adottata mill-Kunsill fit- 23 ta' Jannar 2012

    ĠU C 38E, 11.2.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 38/1


    POŻIZZJONI (UE) Nru 3/2012 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

    Adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Jannar 2012

    (3/2012/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87 tal-10 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-provvista tal-ikel minn ħażniet ta’ intervent lil organizzazzjonijiet magħżula għad-distribuzzjoni lil persuni li huma l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (4), li sussegwentement ġie imħassar u integrat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċertu prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (5), ipprovda skema affidabbli għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn tal-Unjoni (skema ta' distribuzzjoni tal-ikel) għal aktar minn għoxrin sena u kkontribwixxa b’mod pożittiv għall-koeżjoni soċjali tal-Unjoni billi naqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali.

    (2)

    Fost l-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif definiti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat hemm li jkunu stabbiliti swieq u li jkun żgurat li l-provvisti jilħqu lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. Matul is-snin, l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel serviet bħala sies sabiex jinkisbu ż-żewġ għanijiet u, permezz tat-tnaqqis tal-inċertezza tal-ikel għal persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni, uriet li hija għodda essenzjali li tiggarantixxi disponibbiltà ampja tal-ikel fl-Unjoni filwaqt li tnaqqas il-ħażniet ta’ intervent.

    (3)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011, il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw soluzzjoni tranżizzjonali għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali sabiex jiġi evitat tnaqqis qawwi fl-għajnuna alimentari bħala riżultat tat-tnaqqis fil-finanzjament minn EUR 500 miljun għal EUR 113 miljun u sabiex jiġi żgurat li n-nies li huma dipendenti mill-għajnuna alimentari ma jbatux mill-faqar tal-ikel.

    (4)

    L-iskema preżenti ta’ distribuzzjoni tal-ikel tiddipendi fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti mill-ħażniet ta’ intervent tal-Unjoni, supplimentati, fuq bażi temporanja, bix-xiri mis-swieq. Madankollu, ir-riformi suċċessivi tal-PAK u l-iżviluppi favorevoli tal-prezzijiet tal-produtturi rriżultaw fi tnaqqis progressiv tal-istokkijiet ta’ intervent, u fil-firxa ta’ prodotti disponibbli. Il-verżjoni attwali tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tippermetti biss xiri fis-swieq fil-każ ta' nuqqas temporanju ta' disponibbiltà tal-prodotti. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-576/08 (6), ix-xiri ta' ikel fis-suq tal-Unjoni ma jistgħux jissostitwixxu fuq bażi regolari l-ħażniet imnaqqsa ta’ intervent. F'dawn iċ-ċirkostanzi, jidher li huwa xieraq li tintemm l-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel. Sabiex l-organizzazzjonijiet tal-karità fl-Istati Membri li qed jużaw l-iskema attwali ta' distribuzzjoni tal-ikel jintgħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, l-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel għandha tiġi emendata biex tipprevedi eliminazzjoni gradwali li matulha x-xirjiet mis-swieq għandhom isiru sors regolari ta' provvista għall-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel sabiex jikkomplementaw il-ħażniet ta' intervent, fejn ma jkunux disponibbli ħażniet ta' intervent adatti. L-eliminazzjoni gradwali għandha tintemm bit-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

    (5)

    L-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel tal-Unjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali ta' distribuzzjoni tal-ikel.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni baġitarja korretta, huwa meħtieġ li jiġi stipulat limitu massimu fiss għall-għajnuna mill-Unjoni. L-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel għandha tiżdied mal-lista ta' infiq fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (7) biex tiġi ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG).

    (7)

    L-esperjenza wriet li huwa meħtieġ ċertu titjib fil-ġestjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjanijiet annwali għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel fl-2012 u l-2013, ibbażati fuq it-talbiet mill-Istati Membri li ġew komunikati lill-Kummissjoni u fuq informazzjoni oħra kkunsidrata rilevanti. L-Istati Membri għandhom jibbażaw ir-rikjesti tagħhom għal prodotti tal-ikel fuq programmi nazzjonali għad-distribuzzjoni tal-ikel, li jiddeterminaw l-għanijiet u l-prijoritajiet tagħhom għad-distribuzzjoni tal-ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn, li għandhom jinkludu konsiderazzjonijiet ta’ nutrizzjoni. F’dan il-kuntest, ikun xieraq li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jagħtu preferenza lill-prodotti li ġejjin mill-Unjoni. Fl-aħħarnett, sabiex tkun żgurata kopertura xierqa tal-ispejjeż konnessi mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jirrifondu, fil-limiti tar-riżorsi li jsiru disponibbli permezz tal-pjanijiet annwali, ċerti spejjeż magħmulin mill-organizzazzjonijiet magħżula relatati mal-amministrazzjoni, trasport u ħżin.

    (8)

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli amministrattivi u fiżiċi adegwati u għandhom jipprovdu penali fil-każ ta’ irregolaritajiet sabiex jiżguraw li l-pjanijiet annwali jiġu implimentati skont ir-regoli applikabbli.

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni kontinwa tal-iskema attwali ta' distribuzzjoni tal-ikel sabiex tkun tista' tiġi eliminata gradwalment b'mod effiċjenti, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2012 u sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

    (10)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 għalhekk għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 27 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

    “Artikolu 27

    Skema għad-distribuzzjoni tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

    1.   Hija b’dan stabbilita skema, għall-2012 u l-2013, li permezz tagħha jistgħu jitqassmu prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni permezz ta’ organizzazzjonijiet magħżula, li ma għandhomx ikunu impriżi kummerċjali, mill-Istati Membri. Għall-fini ta' din l-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel, il-prodotti fil-ħażniet ta’ intervent għandhom ikunu disponibbli jew, fejn m'hemm l-ebda ħażniet ta’ invervent adegwati għall-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel, il-prodotti tal-ikel għandhom jinxtraw fis-suq.

    Għall-finijiet tal-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel prevista fl-ewwel subparagrafu, ‘persuni l-aktar fil-bżonn’ tfisser persuni fiżiċi, inklużi familji jew gruppi magħmulin minn dawn il-persuni, li huma registati jew rikonoxxuti abbażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà adottati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li huma soċjalment u finanzjarment dipendenti, jew li huma determinati bħala tali abbażi tal-kriterji użati mill-organizzazzjonijiet magħżula li huma approvati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw, lill-Kummissjoni, programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel li jinkludu li ġej:

    (a)

    dettalji tal-karatteristiċi ewlenin u tal-għanijiet ta' tali programmi,

    (b)

    l-organizzazzjonijiet magħżula,

    (c)

    it-talbiet għal kwantitajiet ta’ prodotti tal-ikel li għandhom jitqassmu kul sena u informazzjoni rilevanti oħra.

    L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-prodotti tal-ikel abbażi ta' kriterji oġġettivi, inklużi l-valuri nutrittivi u l-adegwatezza għad-distribuzzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lill-prodotti tal-ikel li joriġinaw fl-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta pjanijiet annwali abbażi tat-talbiet u informazzjoni rilevanti oħra msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u ppreżentati minn Stati Membri bħala parti fil-programmi ta' distribuzzjoni tal-ikel tagħhom.

    Kull pjan annwali għandu jiffissa allokazzjonijiet finanzjarji annwali mill-Unnjoni għal kull Stat Membru.

    Meta prodotti tal-ikel inklużi fil-pjan annwali ma jkunux disponibbli fil-ħażniet ta’ intervent fl-Istat Membru fejn dawn il-prodotti ikunu meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tipprovdi fil-pjan annwali għat-trasferiment ta' dawk il-prodotti lil dak l-Istat Membru fejn ikunu disponibbli fil-ħażniet ta’ intervent.

    Il-Kummissjoni tista' tirrevedi pjan annwali fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp rilevanti li jaffettwa l-eżekuzzjoni tiegħu.

    4.   Il-prodotti tal-ikel għandhom jingħataw lill-organizzazzjonijiet magħżula mingħajr ħlas.

    Id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn għandha tkun:

    (a)

    mingħajr ħlas, jew

    (b)

    bi prezz li fl-ebda każ ma għandux jkun akbar minn dak iġġustifikat mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet magħżula fid-distribuzzjoni tagħhom u li mhumiex spejjeż eliġibbli taħt il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7.

    5.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandhom:

    (a)

    jibagħtu lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel;

    (b)

    iżommu lill-Kummissjoni infurmata, b’mod f’waqtu, dwar l-iżviluppi li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel.

    6.   L-Unjoni għandha tikkofinanzja l-ispejjeż eliġibbli taħt l-iskema. Dan il-finanzjament m'għandux jaqbeż EUR 500 miljun għal kull sena baġitarja.

    7.   L-ispejjeż eliġibbli taħt l-iskema għandhom ikunu:

    (a)

    l-ispejjeż tal-prodotti rrilaxxati mill-ħażniet ta’ intervent,

    (b)

    l-ispejjeż tal-prodotti tal-ikel mixtrija fis-suq, u

    (c)

    l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel fil-ħażniet ta’ intervent bejn l-Istati Membri.

    Fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali f’kull Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jqisu eliġibbli l-ispejjeż li ġejjin:

    (a)

    l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula;

    (b)

    l-ispejjeż, li ġejjin, imġarrba mill-organizzazzjonijiet magħżula, safejn dawn ikunu marbutin direttament mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali:

    (i)

    spejjeż amministrattivi;

    (ii)

    l-ispejjeż tat-trasport bejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula u l-punti tad-distribuzzjoni finali, u

    (iii)

    l-ispejjeż tal-ħżin.

    8.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi u fiżiċi biex jiżguraw li l-pjanijiet annwali jiġu implimentati f’konformità mar-regoli applikabbli u għandhom jistabbilixxu l-penali applikabbli f’każijiet ta’ irregolaritajiet.

    9.   Il-kliem ″Għajnuna mill-Unjoni Ewropea″ flimkien mal-emblema tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar fuq l-ippakkjar tal-ikel distribwit permezz tal-pjanijiet annwali kif ukoll fil-punti ta’ distribuzzjoni.

    10.   L-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali, li permezz tagħha jitqassmu prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn, li jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 204, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “6.   L-Artikolu 27 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul […]

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 49.

    (2)  ĠU C 104, 2.4.2011, p. 44.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2009 (ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 258) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta' Jannar 2012.

    (4)  ĠU L 352, 15.12.1987, p. 1.

    (5)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (6)  Kawża T-576/08 Ġermanja v Kummissjoni, sentenza tat-13 ta’ April 2011 (għadha mhijiex ippubblikata).

    (7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.


    DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

    I.   INTRODUZZJONI

    Fil-25 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta lill-Kunsill (1) dwar il-kwistjoni ta' hawn fuq.

    Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2009.

    Fis-17 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata (2). Fit-3 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata ġdida (3) li tissostitwixxi lil dik preċedenti

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fis-7 ta' Diċembru 2011.

    Fil-15 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar it-test tal-proposta.

    II.   L-OBJETTIVI

    Le régime, établi en 1987, permettait aux États membres de puiser dans les stocks publics de denrées excédentaires pour la fourniture d'une aide alimentaire. Depuis lors, la situation a évolué (les stocks d'intervention sont pratiquement inexistants); Minn dakinhar, is-sitwazzjoni nbidlet (ħażniet tal-intervent huma kważi non-eżistenti) u wasslet biex fl-2008 l-Kummissjoni adottat proposta li tippermetti xiri ta' ikel fuq is-suq ħieles fuq bażi permanenti. L-elementi ewlenin ta' dik il-proposta kienu l-introduzzjoni ta' kofinanzjament nazzjonali u ta' pjanijiet ta' distribuzzjoni għal tliet snin, u l-eliġibbiltà ta' dawk il-prodotti li għalihom ma applika l-ebda intervent.

    L-aktar proposta emendata reċenti ta' Ottubru 2011 tipprevedi l-allinjament tal-leġislazzjoni agrikola tal-UE mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni, u barra minn hekk, tipprovdi 100% finanzjament tal-UE ma' limitu annwali ta' EUR 500 miljun, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ħżin lill-organizzazzjonijiet tal-karità u ż-żamma ta' pjanijiet annwali attwali. Barra minn dan, ix-xiri mis-suq sar sors regolari ta' forniment għall-programm biex jiġu kkumplimentati l-ħażniet tal-intervent.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tikkonferma l-parti l-kbira tal-emendi introdotti mill-Kumissjoni fil-proposta emendata u, għalhekk, tqis l-emendi sostanzjali kollha tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew.

    B'mod partikolari, il-Kunsill jaċċetta l-ħsieb tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta' finanzjament sħiħ tal-Unjoni għall-programm, il-possibilità li tingħata preferenza għall-prodotti tal-ikel b'oriġini mill-Unjoni, u l-kunċett li t-trasport, il-ħżin u l-ispejjeż amministrattivi marbutin direttament mal-implimentazzjoni tal-iskema jistgħu jkunu eliġibbli.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tintroduċi wkoll xi bidliet fil-proposta emendata li mhumiex koperti mill-opinjoni tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, li rreferiet għall-ewwel proposta mill-2008:

    tneħħi l-bażi legali addizzjonali proposta mill-Kummissjoni dwar koeżjoni soċjali (Artikolu 175(3) tat-TFUE);

    tneħħi gradwalment il-programm fil-PAK sal-31 ta' Diċembru 2013;

    tneħħi eċċezzjonalment id-dispożizzjonijiet ta' allinjament; u

    tipprevedi retroattività mill-1 ta' Jannar 2012.


    (1)  Dok. 13195/08.

    (2)  Dok. 13435/10.

    (3)  Dok. 15054/11.


    Top