EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE2118

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Politika tal-industrija tas-sigurtà — Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva” COM(2012) 417 final

ĠU C 76, 14.3.2013, p. 37–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Politika tal-industrija tas-sigurtà — Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva”

COM(2012) 417 final

2013/C 76/07

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar is-26 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Politika tal-Industrija tas-Sigurtà – Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva

COM(2012) 417 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-8 ta’ …

Matul il-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li hemm bżonn politika Ewropea integrata għas-settur industrijali tas-sigurtà, abbażi ta’ approċċ koordinat għall-isfidi tas-settur, strateġija komuni u viżjoni kondiviża tal-iżvilupp kompetittiv tiegħu, f’suq unifikat Ewropew.

1.2

Biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għat-għat-tiġdid tal-kompetittività tal-industrija tas-settur (fis-sens tal-industrija tas-sigurtà tradizzjonali, l-industrija tad-difiżi għas-sigurtà, kif ukoll setturi ġodda, jiġifieri prinċipalment kumpaniji li jestendu t-teknoloġiji ċivili eżistenti tagħhom għal applikazzjonijiet ta’ sigurtà u fornituri ta’ servizzi ta’ sigurtà) b’qafas ta’ impjieg u ta’ utenti kbir u promettenti, il-KESE jemmen li hemm bżonn l-iżvilupp ta’:

dimensjoni interna ta’ interoperabbiltà sħiħa tas-suq uniku, b’qafas regolamentari, tekniku u regolatorju u proċedurali, li jsostni livell adegwat ta’ riżorsi ddedikati, strateġija unika ta’ żvilupp, investimenti qawwija fir-riċerka u l-innovazzjoni;

azzjonijiet ta’ prijorità skont it-tip tal-prodott u tas-servizz, minħabba l-kapaċità ta’ risposta għal regolamentazzjoni u proċeduri armonizzati;

dimensjoni ta’ aċċess affidabbli għas-swieq internazzjonali, bi protezzjoni internazzjonali aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (IPR), il-liberalizzazzjoni tas-suq, kemm dak kummerċjali kif ukoll dak ta’ akkwist pubbliku, u strateġija integrata ta’ politka industrijali;

aċċess ugwali għal rotot marittimi għall-produtturi kollha Ewropej biex jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-swieq internazzjonali;

azzjoni integrata u komuni fid-diversi setturi tas-sigurtà u tal-protezzjoni ċivili;

dimensjoni soċjali u etika tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi tas-sigurtà, sa mill-bidu tagħhom, biex tkun garantita l-approvazzjoni soċjali, bi protezzjoni sħiħa tal-privatezza taċ-ċittadini;

dimensjoni ta’ taħriġ u professjonali tar-riżorsi umani, dedikata għall-ħolqien, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat tat-teknoloġiji ta’ sigurtà, li jridu jkunu ffukati fuq ir-rispett tad-dinjità u tal-libertà tal-bniedem u fuq id-dritt tas-salvagwardja tad-dinjità tiegħu.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-inizjattivi tal-pjan ta’ azzjoni iżda b’qafas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni iktar b’saħħtu, iffukat fuq it-tip tal-prodott, fuq il-bażi ta’ statistika adegwata u dettaljata, mill-perspettiva tal-produttività, l-impjieg u d-dimensjoni tal-intrapriżi fis-settur, fost affarijiet oħra.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda l-koordinazzjoni, il-konverġenza tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u l-garanzija tal-interoperabbiltà

1.5

Il-KESE jsostni bis-sħiħ it-tisħiħ tal-possibbiltà li jkunu rregolati u previsti sitwazzjonijiet kompetittivi ġodda u possibilitajiet ta’ aċċess u riżorsi finanzjarji istituzzjonali, ukoll permezz ta’ attivitajiet parteċipattivi ta’ previżjoni fuq livell Ewropew.

1.6

Ir-rabta tad-dimensjoni soċjali u etika għandha tkun trasparenti u garantita f’kull fażi, mill-bidu sal-istandardizzazzjoni u sal-applikazzjoni teknoloġika fuq il-post. Leġislazzjoni u teknoloġiji ġodda għandhom jintegraw sa mill-bidu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin, speċjalment dawk marbuta mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data personali.

1.7

Hemm bżonn sforz fil-livell Komunitarju, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali, biex ikunu żgurati taħriġ u qafas għar-riżorsi umani, li jkunu kapaċi jagħtu servizzi professjonali ta’ kwalità, li jirrispettaw lill-individwu, li huma adattati għall-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji avvanzati f’sistema ta’ interoperabblità sħiħa.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-industrija tas-sigurtà hija settur strateġiku b’applikazzjonijiet ċivili u militari qrib ta’ xulxin u marbuta ma’ xulxin, u tirrappreżenta punt ta’ kuntatt ideali bejn ir-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni teknoloġika u l-applikazzjonijiet avvanzati.

2.2

Din l-industrija hija minnha nnifisha mmexxija mit-teknoloġija, bi fluss kostanti ta’ teknoloġiji ġodda. Il-prodotti u s-servizzi tas-settur huma diversifikati, joħorgu mill-użu malajr ħafna u għandhom bżonn rendiment tekniku u xjentifiku għoli.

2.3

Is-suq tal-industrija tas-sigurtà fl-UE għandu valur stmat sa EUR 36,5 biljun b’madwar 180 000 impieg fl-UE waqt li, fuq livell dinji, is-settur f’dawn l-aħħar għaxar snin għadda minn EUR 10 biljun għal EUR 100 biljun fl-2011. Dan is-settur jinkludi s-settur tas-sigurtà tal-avjazzjoni, is-settur tas-sigurtà marittima u dak tat-trasport ġenerali, u s-settur tal-fruntieri, tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, l-intelligence kontra t-terroriżmu (inkluża s-sigurtà informatika u tal-komunikazzjoni u d-dimensjoni ċibernetika), is-sigurtà fiżika, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ilbies ta’ protezzjoni.

2.4

Tiżdied ukoll ma’ dawn is-setturi l-industrija spazjali tas-sigurtà, bid-diversi applikazzjonijiet tagħha.

2.5

Fl-Ewropa, is-suq tal-prodotti spazjali għas-sigurtà huwa msejjes fuq gruppi kbar multinazzjonali, li joperaw fuq livell Ewropew, u Stati Membri individwali, fl-ambitu ċivili u kummerċjali b’talba ta’ 40 % fuq livell kummerċjali u 60 % fuq livell istituzzjonali.

2.6

Għalkemm ix-xejriet fis-suq juru tkabbir kontinwu u m’hemmx effett ta’ tnaqqis ekonomiku minħabba l-kriżi internazzjonali, l-industrija tas-sigurtà fl-UE tħabbat wiċċha ma’ suq intern frammentat għall-aħħar u ma’ bażi industrijali mdgħajfa minn oqfsa legali u standards tekniċi u leġislattivi nazzjonali li jvarjaw bejniethom b’mod konsiderevoli, waqt li l-isforzi ta’ riċerka u tal-akkwist pubbliku – minkejja l-interventi tal-UE f’dan il-qasam, bħall-FP7 – għandhom fil-maġġoranza tagħhom fi ħdan l-Istati Membri individwali.

2.7

L-UE għandha d-dmir li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u tal-intrapriżi tagħha u tas-soċjetà sħiħa f’bosta ambiti, mill-protezzjoni ċivili kontra d-diżastri naturali sal-protezzjoni tal-katina tal-ikel, u mill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu sal-protezzjoni mir-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u splużivi.

2.8

Is-settur industrijali tas-sigurtà huwa kruċjali għall-futur u huwa rappreżentattiv b’mod partikolari tal-isfidi u tal-opportunitajiet li l-Ewropa għandha quddiemha: ħafna intrapriżi Ewropej, permezz tal-livell teknoloġiku tagħhom, huma minn ta’ quddiem fid-dinja f’għadd ta’ oqsma tas-settur, iżda qegħdin f’riskju li jitilfu parti mis-suq meta mqabbla mal-imsieħba kummerċjali prinċipali tagħhom.

2.8.1

Hemm bżonn statistika adegwata, dettaljata u affidabbli dwar, fost l-oħrajn, il-produttività, l-impjieg u d-dimensjoni tal-intrapriżi fis-settur.

2.9

Il-ġestjoni tal-intrapriżi fis-settur tas-sigurtà hija karatterizzata minn livell għoli ta’ kumplessità, minħabba għadd ta’ fatturi.

l-omoġeneità, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tas-swieq,

strateġiji u viżjonijiet; aċċess għal riżorsi finanzjarji,

oqfsa regolatorji, standards tekniċi, proċeduri armonizzati u protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (IPR),

rendiment teknoloġiku u operattiv,

possibbiltà ta’ ġestjoni u previżjoni ta’ sitwazzjonijiet kompetittivi ġodda.

2.10

Biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għat-tnedija għat-tiġdid tal-kompetittività, il-KESE jemmen li hemm bżonn li s-suq intern Ewropew jiżgura:

dimensjoni interna ta’ interoperabbiltà sħiħa tas-suq uniku, bi tnaqqis fil-frammentazzjoni, kemm tas-swieq nazzjonali kif ukoll tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

dimensjoni esterna ta’ aċċess għas-swieq internazzjonali, li ssib rimedju għan-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà internazzjonali (IPR), għar-ristrizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq kemm kummerċjali kif ukoll ta’ akkwist pubbliku, u billi timplimenta, anke f’dan is-settur, “strateġija integrata dwar id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali li tkun tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija fis-sistema kummerċjali u jkollha approċċ uniku għall-ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali” (1) iktar aggressiva;

drittijiet indaqs għall-produtturi Ewropej fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ tagħmir militari lejn pajjiżi terzi. M'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fis-suq uniku kontra produtturi fi Stati Membri li m'għandhom aċċess dirett għall-baħar, fil-forma tal-ħtieġa li jiksbu “liċenzji ta’ tranżitu” għat-trasport tal-prodotti tagħhom lejn port fi Stat Membru ieħor;

dimensjoni soċjali u etika tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi tas-sigurtà, sa mill-bidu tagħhom, biex tkun garantita l-approvazzjoni soċjali, bi protezzjoni sħiħa tal-privatezza taċ-ċittadini u tad-drittijiet fundamentali tagħhom, flimkien mal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali.

dimensjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi li ma tindaħalx fil-ħajja privata, iżda li tippermetti metodi ta’ suċċess, kemm fuq il-livell ta’ żvilupp tar-riżorsi umani, kif ukoll fil-projezzjonijiet internazzjonali, li tinkoraġġixxi lill-intrapriżi l-kbar, l-intrapriżi li għadhom jibdew u l-SMEs, permezz ukoll ta’ netwerks ta’ konsorzji u l-valorizzazzjoni tad-distretti, sabiex tintlaħaq massa kritika ta’ kompetittiva adegwata.

2.11

Fuq livell globali, l-iktar kompetitur importanti huwa l-Istati Uniti, pajjiż li jibbenefika minn qafas leġislattiv armonizzat, bi standards komuni u minn talba pubblika federali għolja (2), b’suq intern konsolidat li jirrappreżenta iktar mit-42 % tal-fatturat dinji u b’intrapriżi fuq quddiem nett rigward tagħmir tekniku tas-sigurtà. Il-Ġappun u l-Iżrael għandhom intrapriżi li jinsabu fuq quddiem nett mil-lat ta’ ċertu tagħmir avvanzat speċifiku, speċjalment fl-oqsma tal-informatika u tal-komunikazzjoni, waqt li r-Russja u ċ-Ċina juru livell ta’ żvilupp għoli fl-oqsma tradizzjonali marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà fiżika.

2.12

F’din is-sitwazzjoni globali, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ politika industrijali Ewropea proattiva għas-settur tas-sigurtà, li tirrifletti aħjar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-settur u qafas tekniku u regolatorju u l-IPR u, fuq kollox, tipi ta’ prodotti, servizzi u sistemi li jistgħu jwieġbu għal standards komuni, għal regolamentazzjoni u għal proċeduri armonizzati, bħal:

sistemi ta’ kontroll ta’ aċċess,

hardware u software tal-iskenjar,

sistemi u strumenti ta’ protezzjoni,

sistemi u strumenti ta’ identifikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tar-realtà,

sistemi u strumenti ta’ sorveljanza u traċċabbiltà,

sistemi ta’ allarm,

waqt li għal prodotti “sensittivi”, il-kundizzjonijiet tar-regolamentazzjoni u ta’ aċċess huma soġġetti għal valutazzjoni u ftehimiet, każ b’każ, biex jinżammu l-livelli ta’ kwalità u ta’ sigurtà.

2.13

Il-KESE enfasizza kemm-il darba l-ħtieġa li jkunu żviluppati politiki marbuta mal-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, elementi li huma essenzjali għall-Aġenda diġitali Ewropea.

2.14

Il-KESE diġà ta l-fehmiet tiegħu dwar l-aspetti kruċjali tas-sigurtà tal-avjazzjoni (3), dik marittima (4) u tat-trasport fuq l-art (5), kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni (6), fejn enfasizza r-rwol tal-Aġenzija Frontex u l-ħtieġa ta’ approċċ globali għas-sigurtà fil-fruntieri u l-ġlieda kontra l-“immigrazjoni klandestina’’.

2.15

Rigward il-monitoraġġ spazjali tal-ambjent u s-sigurtà, il-Kumitat enfasizza l-importanza tas-satelliti Sentinel, il-GMES u s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo (7).

2.16

Diversi riċerki enfasizzaw l-importanza ta’ proġetti li juru teknoloġiji tas-sigurtà fis-settur tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u splużivi (CBRNE).

2.17

Is-Seba’ Pogramm Kwadru (FP7) kien l-ewwel wieħed li ħaseb għal programm ta’ riċerka speċifika fil-qasam tas-sigurtà, b’baġit ta’ EUR 1,4 biljun, li jiffoka biss fuq proġetti ta’ applikazzjoni ċivili u żvilupp ta’ teknoloġiji u għarfien bil-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE (8), filwaqt li jiġu rispettati l-privatezza u d-drittjiet fundamentali tagħhom.

2.18

Skont il-KESE, hemm bżonn li jkun faċilitat l-użu ta’ teknoloġiji ibridi ċivili/militari, billi jiġu żviluppati standards adegwati b’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u hemm bżonn li jiġi appoġġjat, b’iktar saħħa u riżorsi, il-qasam tas-“Sigurtà”, anke fost it-teknoloġiji ablitanti tal-FP l-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni (9), filwaqt li jitħeġġu proġetti dimostrattivi u prototipi pilota.

2.19

Il-Kummissjoni poġġiet lill-industrija tas-sigurtà fost l-elementi essenzjali tal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni”, li fuqha l-Kumitat diġà esprima fehmietu (10).

2.20

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li titnieda strateġija Ewropea waħda ta’ approċċ integrat għas-settur tal-industrija tas-sigurtà, billi s-sigurtà hija waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tas-soċjetà attwali, tirrappreżenta element bażiku għat-tkabbir u l-impieg u titlob sforzi konġunti u viżjonijiet kondiviżi, bejn l-Istati Membri kollha, biex tissaħħaħ il-kompetittività.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni turi l-importanza stateġika tal-industrija tas-sigurtà u tiddenfinixxi l-azzjonijiet prinċipali biex l-industrija Ewropea tas-sigurtà ssir iktar innovattiva u kompetittiva, li permezz tagħhom il-Kummissjoni beħsiebha takkumpanja dan il-proċess.

3.2

Il-pjan ta’ azzjoni propost jidentifika l-linji gwida li ġejjin:

it-tneħħija tal-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE permezz ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni u standards tekniċi armonizzati għat-teknoloġiji tas-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni;

riċerka u innovazzjoni iktar effiċjenti u qrib tal-intrapriżi, permezz ta’ mandati tekniċi u regolatorji bi ftehim mal-EDA għal “standards ibridi” validi għar-riċerka u l-iżvilupp kemm tas-sigurtà kif ukoll tad-difiża u l-użu tar-regoli l-ġodda dwar il-proprjetà intellettwali u tal-akkwist pubbliku prekummerċjali, previsti minn Orizzont 2020 kif ukoll il-finanzjamenti tal-Fond futur għas-Sigurtà Interna għall-ittestjar tal-validazzjoni rapida tat-teknoloġija tas-sigurtà;

l-integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali u tal-privatezza;

l-aċċess għas-swieq: regoli ta’ esportazzjoni għall-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi u t-tneħħija tal-ostakli tekniċi, u tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ tikketta Ewropea tas-sigurtà għall-prodotti; studju ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili, kif prevista fil-US Safety Act (implimentazzjoni: 2012/2013)

3.3

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni toħloq grupp ta’ monitoraġġ bil-għan li jivverifika fiex waslu l-miżuri proposti skont skadenzi preċiżi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jemmen li, għaċ-ċittadini Ewropej, għall-intrapriżi u għall-ħaddiema tal-Unjoni, għas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi u għall-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva u sostenibbli, hemm bżonn, fuq livell tal-UE, ta’ definizzjoni ta’ approċċ integrali u koordinat għall-isfidi tas-sigurtà u tal-iżvilupp tas-settur industrijali Ewropew tas-sigurtà, billi tiġi żviluppata strateġija kumplessiva tal-UE fil-qasam tas-sistemi tas-sigurtà, li tiffoka fuq l-individwu u d-dinjità tiegħu, biex tissodisfa l-bżonnijiet primarji tal-libertà u s-sigurtà.

4.2

Skont il-KESE hemm bżonn li jiġu kkunsidrati iżjed il-valur miżjud tal-intrapriżi li diġà jeżistu, bħall-EDA (difiża), il-Frontex (fruntieri esterni), il-EUROPOL (sigurtà pubblika) l-ENISA (sigurtà informatika), l-AESA (sigurtà tal-avjazzjoni), l-EMSA (sigurtà marittima), l-EFSA (sigurtà fl-ikel), u s-sistemi ta’ twissija bħar-RAPEX (sistema Ewropea ta’ twissija rapida dwar is-sikurezza tal-prodotti), l-ECHA ta’ Ħelsinki (sistema dwar il-prodotti kimiċi/REACH).

4.3

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu sfruttati sew il-pożizzjoni dominanti ta’ għadd ta’ intrapriżi Ewropej fis-settur, billi jiżguraw b’mod proattiv, suq intern Ewropew verament unifikat u fattibbli, mingħajr ostakli ta’ frammentazzjoni u billi jippromovu settur li jirrappreżenta firxa kbira ta’ prodotti u servizzi promettenti mil-lat ta’ impjieg.

4.4

Madanakollu, il-KESE jemmen li jkun utli li nimxu lil hinn mid-definizzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew, biex niffaċċjaw it-tnedija ta’ strateġija komuni Ewropea ġenwina għas-settur tal-industrija tas-sigurtà, b’viżjoni komuni, pjattaforma Ewropea li tlaqqa’ flimkien l-aspetti differenti tas-sigurtà u ta’ governanza li kapaċi tassigura koordinazzjoni unika u effettiva.

4.5

Strateġija ta’ approċċ integrat bħal din tista’ sseħħ fuq pjattaforma virtwali, li tħaddan it-temi etiċi u ta’ governanza, l-aspetti intersettorjali u l-interoperabbiltà.

4.6

Skont il-KESE hemm bżonn innaqqsu d-distakk mil-lat ta’ ftehim li jeżisti bejn min jieħu d-deċiżjonijiet politiċi u l-industrija, ukoll permezz tat-tisħiħ ta’ inizjattivi bħall-“European Security Congress” u permezz ta’ pjattaforma ta’ djalogu permanenti bħas-“Security Policy Forum”.

4.7

Biex negħlbu l-frammentazzjoni tas-suq intern Ewropew, hemm bżonn:

kooperazzjoni u koordinazzjoni orizzontali fil-qasam tas-sigurtà, bejn u fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, biex niżguraw interoperabblità sħiħa tal-prodotti u tal-proċeduri, flimkien ma’ koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli ta’ intervent;

ezerċizzju ta’ previżjoni parteċipattiva, għal definizzjoni ta’ viżjoni komuni kondiviża;

sistema ta’ governanza li tassoċja l-pubbliku mal-privat.

4.8

Skont il-Kumitat, minbarra l-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali sa mill-bidu tal-prodotti, tas-servizzi u tas-sistemi, hemm bżonn li jiġu implimentatimekkaniżmi li jħallu lill-partijiet soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw fil-monitoraġġ tar-rispett tad-dimensjoni soċjali u etika tal-iżvilupp tas-sigurtà u l-applikazzjonijiet tagħha teknoloġiċi u produttivi.

4.8.1

L-attribuzzjoni tal-mandati tekniċi u regolatorji, skont l-EDA, għandha ssir skont il-prinċipji tal-politika l-ġdida ta’ standardizzazzjoni, b’reklamar u trasparenza tal-programm annwali ta’ ħidma, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, permezz tat-tfassil ta’ speċifikazzjonijiet li jintużaw għall-akkwist pubbliku li jirrispettaw il-prinċipji ta’ ftuħ, kunsens, trasparenza, rilevanza, newtralità u kwalità (11).

4.8.2

IL-KESE jaqbel mal-approċċ propost rigward ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifkazzjoni, sakemm isiru livelli komuni ta’ kompetenza tal-entitatijet ta’ ċertifikazzjoni akkreditati, kriterji ta’ għażla iktar stretti u proċeduri ta’ għażla armonizzati, għall-valutazzjoni tal-konformità (12).

4.9

Il-Kumitat jemmen li huma importanti ir-rikonoxximent regolatorju tat-teknoloġiji b’użu doppju biex it-teknoloġiji ibridi jkunu stimolati għal użu konġunt ċivili/militari, iżda jisħaq iktar fuq it-tisħiħ, kemm finanzjarju kif ukoll fil-kontenut, fl-ambitu tal-prijorità “teknoloġijii abilitanti”, previsti f’Orizzont 2020, flimkien ma’ interventi fil-Fond futur għas-Sigurtà Interna.

4.9.1

Fir-rigward tal-proprjetà industrijali u intellettwali, għalkemm l-impostazzjonijiet innovattivi previsti f’Orizzont 2020 huma importanti, hemm bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-IPR fl-ambitu tad-WTO u tal-ftehimiet Ewropej bilaterali u multilaterali ta’ assoċjazzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-klawżoli ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà u ta’ aċċess għas-swieq pubbliċi barranin.

4.9.2

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jintużaw bis-sħiħ il-possibilitajiet ġodda offruti mill-istrument tal-akkwist pubbliku prekompetittiv, previst f’Orizzont 2020.

4.10

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali u etika fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-settur industrijali tat-teknoloġija tas-sigurtà.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq skont it-tip tal-prodott. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti prijoritajiet ta’ azzjoni skont is-settur mhux skont it-tip tal-prodott, li jistgħu jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tas-suq uniku, permezz ta’ regolamentazzjoni u proċeduri armonizzati, minħabba l-potenzjal qawwi tagħhom fuq is-suq u l-impatt tagħhom fuq firxa kbira ta’ ċittadini u ħaddiema, b’attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-SMEs, kemm mil-lat tar-riżorsi finanzjarji u tar-riċerka, kif ukoll mil-lat organizzattiv.

5.2

Riċerka u innovazzjoni, IPR u akkwist pubbliku. Il-KESE jitlob tisħiħ tal-fondi Komunitarji dedikati għat-teknoloġiji tas-sigurtà fil-programm Orizzont 2020, flimkien ma’ preżenza soda fl-oqsma tat-“teknoloġiji abilitanti”, it-tisħiħ tal-proġetti komuni ta’ interoperabbiltà dedikati għas-sigurtà fil-Programm ISA (13); l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għas-settur, fil-qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-innovazzjoni, il-verifika tal-applikazzjoni effettiva tad-Direttivi KE/2004/18-KE/2009/81, u tal-istrumenti tal-akkwist pubbliku prekompettittiv għall-industrija tas-sigurtà, iktar kooperazzjoni pubblika/privata u ċivili/militari u l-aġevolazzjoni tal-istrateġiji ta’ fużjoni u raggruppament transnazzjonali tal-intrapriżi; l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-hekk imsejħa “Third party limited liability protection – TPLL”; u regoli interni aħjar fil-qasam tal-IPR.

5.3

Aċċess għas-swieq barranin. Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jissaħħu l-azzjonijiet integrati u komuni tal-politika barranija, fis-setturi industrijali u tas-sigurtà, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-IPR fid-WTO u fi ftehimiet Ewropej ta’ assoċjazzjoni bilaterali u multilaterali, biex tiġi żgurata ugwaljanza fl-aċċess għas-swieq barranin u għall-akkwist pubbliku fuq bażi ta’ reċiproċità, biex jiżdied il-piż tal-azzjoni Ewropea fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u biex titnieda ta’ tikketta ta’ kwalità Euro Security Label.

5.4

Dimensjoni soċjali u etika. Is-sistemi/prodotti/servizzi ta’ sigurtà kollha għandhom jirrispettaw il-libertà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, speċjalment id-dritt tal-kunfidenzjalità, u jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali, għall-kummerċ sigur u għall-benesseri u s-sigurtà tal-persuni. L-iżviluppi teknoloġiċi għandhom jippermettu żieda – sa mill-bidu – tal-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità, billi jipprovdu, bl-appoġġ tad-djalogu pubbliku/privat, strumenti għall-applikazzjoni trasparenti u reponsabbli tal-liġi li għandha tkun iffukata fuq il-protezzjoni tal-bniedem..

5.5

Dimensjoni ta’ taħriġ, ta’ appoġġ u ta’ integrazzjoni tar-riżorsi umani kwalifikati u b’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ sigurtà avvanzati, li kapaċi jagħtu servizzi ta’ kwalità, fi ħdan sistema ta’ interoperabbiltà totali, b’rispett lejn l-individwu u l-protezzjoni tad-dinjità tiegħu.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25.

(2)  Ara Homeland Security Act of 2002 e US Safety Act of 2002.

(3)  Ara ĠU C 100, 30.4.2009, p. 39; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 142.

(4)  Ara ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

(5)  Ara ĠU C 65, 17.3.2006, p. 30.

(6)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162 u ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134.

(7)  Ara ĠU C 256, 27.10.2007, p. 47, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73 u ĠU C 181, 12.6.2012, p. 175.

(8)  F’nofsu, l-FP7 kien diġà ffinanzja iktar minn 130 proġett ta’ riċerka fil-qasam tas-sigurtà. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat katalgu ta’ proġetti ta’ suċċess iffinanzjati mill-FP7.

(9)  Ara INT/651 Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

(10)  Ara ĠU C 218, 23.7.2011, p. 38.

(11)  Ara ĠU C 68, 6.3.2012, p. 35.

(12)  Ara ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1.

(13)  ISA – Interoperability Solutions for European Public Administrations 2010-1015.


Top